Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) fis-7 ta’ Lulju 2020 – UE, HC vs Vorarlberger Landes- und Hypothekenbank AG

(Kawża C-301/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberster Gerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: UE, HC

Konvenuta: Vorarlberger Landes- und Hypothekenbank AG

Parti oħra fil-proċedura: Verlassenschaft des VJ

Domandi preliminari

L-Artikolu 70(3) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-4 ta’ Lulju 2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li kopja taċ-ċertifikat maħruġa, bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni, mingħajr indikazzjoni ta’ data ta’ skadenza, għal żmien indefinit,

hija valida u tipproduċi effetti għal żmien indeterminat, jew

hija valida biss għal perijodu ta’ sitt xhur mid-data ta’ ħruġ tal-kopja ċċertifikata, jew

hija valida biss għal perijodu ta’ sitt xhur minn data oħra, jew

ma hijiex valida u ma hijiex xierqa sabiex tintuża fis-sens tal-Artikolu 63 ta’ dan ir-regolament?

L-Artikolu 65(1) moqri flimkien mal-Artikolu 69(3) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċertifikat jipproduċi l-effetti tiegħu għall-persuni kollha msemmija fiċ-ċertifikat b’isimhom bħala werrieta, legatarji, eżekuturi testamentarji jew amministraturi tas-suċċessjoni, b’tali mod li dawn jistgħu jużaw iċ-ċertifikat skont l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 650/2012 anki jekk ma jkunux talbu huma nfushom il-ħruġ tiegħu?

L-Artikolu 69 moqri flimkien mal-Artikolu 70(3) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtentifikazzjoni tal-kopja ċċertifikata ta’ ċertifikat ta’ suċċessjoni għandha tkun irrikonoxxuta jekk l-imsemmija kopja kienet għadha valida meta ġiet ippreżentata għall-ewwel darba, iżda t-tul ta’ żmien ta’ validità tagħha skada qabel ma l-awtorità amministrattiva tat id-deċiżjoni mitluba, jew li, bil-kontra, l-imsemmija dispożizzjoni ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li dan iċ-ċertifikat għandu jkun validu wkoll fid-data tad-deċiżjoni?

____________

1 ĠU 2012 L 201, p. 107, rettifiki fil-ĠU 2012, L 344, p. 3, u fil-ĠU 2013, L 60, p. 140.