Language of document :

Appell ippreżentat fit-23 ta’ Lulju 2019 minn Armando Carvalho et mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fit-8 ta’ Mejju 2019 fil-Kawża T-330/18, Carvalho et vs Il-Parlament u Il-Kunsill

(Kawża C-565/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Armando Carvalho et (rappreżentanti: G. Winter, Professur, R. Verheyen, avukata, H. Leith, Barrister)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat;

tiddikjara r-rikorsi ammissibbli;

tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq il-mertu dwar ir-rikors għal annullament;

tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq il-mertu dwar ir-rikors għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni; u

tikkundanna lill-appellati jbatu l-ispejjeż tal-appell kif ukoll l-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti jinvokaw l-aggravji segwenti insostenn tal-appell kontra d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tiċħad ir-rikorsi tagħhom bħala inammissibbli.

L-ewwel aggravju: il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li r-rikorrenti ma jissodisfawx il-prinċipji stabbiliti mill-kawża Plaumann vs Il-Kummissjoni biex jiġi ddeterminat l-interess individwali. It-tliet atti relattivi għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra 1 jawtorizzaw emissjonijiet li jaffettwaw lil kull appellant b’mod distint b’mod konkret. Barra minn hekk, il-kriterju tal-kawża Plaumann vs Il-Kummissjoni huwa sodisfatt sa fejn it-tliet atti relattivi għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jiksru d-drittijiet fundamentali personali tal-appellanti.

It-tieni aggravju: sussidjarjament, b’mod żbaljat, il-Qorti Ġenerali ma aġġustatx il-kriterju tal-kawża Plaumann vs Il-Kummissjoni fid-dawl tal-isfida imperattiva li ġġib magħha l-bidla fil-klima u fid-dawl tal-fatt li r-rikorsi tal-appellanti huma bbażati fuq id-drittijiet fundamentali individwali, inkluża l-garanzija ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ dawn id-drittijiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li, biex dritt ikun effettiv, dan għandu jkollu rimedju, u l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li l-qrati nazzjonali (u l-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE) jew rikors li jikkontesta atti ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni joffru sistema xierqa ta’ rimedji f’din il-kawża.

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi li, meta (bħal f’dan il-każ) rikorrent ma jkollu ebda rimedju ġudizzjarju effettiv ieħor biex jipproteġi d-drittijiet fundamentali tiegħu, il-kundizzjoni meħtieġa tal-“interess individwali” tkun sodisfatta meta jkun allegat u pprovat li att leġiżlattiv jinterferixxi serjament ma’ dritt fundamentali personali tar-rikorrent, jew, sussidjarjament, imur kontra l-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt. Din il-kundizzjoni hija sodisfatta f’dan il-każ.

It-tielet aggravju: minbarra l-ewwel u t-tieni aggravji, il-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat lill-assoċjazzjoni Saminuorra (assoċjazzjoni ta’ Sami żgħażagħ) il-locus standi, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni (u dan mingħajr raġuni) il-provi li juru li l-maġġoranza tal-membri tal-assoċjazzjoni huma individwalment ikkonċernati u għandhom locus standi tagħhom stess. Sussidjarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tnaqqas il-kriterji li kellhom jissodisfaw l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lil komunità indiġena biex ikollhom locus standi.

Ir-raba’ aggravju: meta ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali, il-Qorti Ġenerali applikat kriterju legali żbaljat biex tistabbilixxi l-locus standi tar-rikorrenti għall-finijiet tal-Artikolu 263 TFUE, billi żiedet kundizzjoni ġdida. Din il-kundizzjoni ma hija bbażata la fuq id-dispożizzjonijiet tat-Trattat u lanqas fuq il-ġurisprudenza.

____________

1 Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2018 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jiżdiedu t-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u l-investimenti għal emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 (ĠU 2018, L 76, p. 3).

2 Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 u d-Deċiżjoni Nru 529/2013 (ĠU 2018, L 156, p. 1)

3 Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU 2018, L 156, p. 26).