Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Tübingen (il-Ġermanja) fil-11 ta’ Awwissu 2017 – Südwestrundfunk vs Tilo Rittinger, Patric Wolter, Harald Zastera, Dagmar Fahner, Layla Sofan, Marc Schulte

(Kawża C-492/17)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Tübingen

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Südwestrundfunk

Konvenuti: Tilo Rittinger, Patric Wolter, Harald Zastera, Dagmar Fahner, Layla Sofan, Marc Schulte

Domandi preliminari

Il-Baden-württembergisches Gesetz vom 18.10.2011 zur Geltung des Rundfunkbeitragsstaatsvertrags (liġi ta’ Baden-Württemberg tat-18 ta’ Ottubru 2011, dwar l-applikazzjoni tat-Trattat inter-Statali dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva tas-17 ta’ Diċembru 2010, iktar ’il quddiem il-“RdFunkBeitrStVBW”), kif emendata l-aħħar permezz tal-Artikolu 4 tan-Neunzehnter Rundfunkänderungsstaatsvertrag (id-dsatax-il trattat inter-Statali dwar tibdil fix-xandir) tat-3 ta’ Diċembru 2015 (liġi tat-23 ta’ Frar 2016 – GBl. p. 126, 129) hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, peress li l-kontribuzzjoni stabbilita minn dan it-test u li għandha fil-prinċipju titħallas mingħajr eċċezzjoni minn kull adult li jirrisjedi fil-Land Ġermaniż ta’ Baden-Württemberg favur l-organi tax-xandir SWR u ZDF tikkostitwixxi għajnuna preferenzjali li tikser id-dritt tal-Unjoni Ewropea, sa fejn din tagħti esklużivament vantaġġ lil dawn l-organi pubbliċi tax-xandir meta mqabbla ma’ organi tax-xandir privati? L-Artikoli 107 u 108 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li din il-liġi li tikkonċerna l-kontribuzzjoni awdjoviżiva kellha tiġi approvata mill-Kummissjoni u li, fin-nuqqas ta’ tali approvazzjoni, hija ineffettiva?

L-Artikoli 107 u 108 TFUE għandhom jiġu interpetati fis-sens li japplikaw għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali “RdFunkBeitrStVtrBW” li jipprevedu li kull adult residenti f’Baden-Württemberg għandu fil-prinċipju jħallas mingħajr eċċezzjoni kontribuzzjoni esklużivament favur xandara uffiċjali/tas-servizz pubbliku, peress li din il-kontribuzzjoni tinkludi għajnuna preferenzjali li tikser id-dritt tal-Unjoni Ewropea bl-effett li xandara minn Stati Membri tal-Unjoni Ewropea huma esklużi minħabba raġunijiet tekniċi, għaliex il-kontribuzzjonijiet jintużaw sabiex jiġi stabbilit metodu ta’ trażmissjoni kompetittiv (DVB-T2 – monopolju), li l-użu tiegħu minn xandara barranin ma huwiex previst? L-Artikoli 107 u 108 TFUE għandhom jiġu interpetati fis-sens li dawn ma japplikawx biss għal għajnuna finanzjarja diretta, iżda wkoll għal privileġġi b’rilevanza ekonomika (awtorizzazzjoni sabiex jinħareġ titolu eżekuttiv, setgħa li tittieħed azzjoni kemm inkwantu impriża ekonomika kif ukoll bħala awtorità pubblika, pożizzjoni aħjar sabiex jiġi kkalkolat id-dejn?)

Huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-projbizzjoni ta’ għajnuna preferenzjali jekk, permezz ta’ liġi nazzjonali tal-Baden-Württemberg, xandar Ġermaniż, li huwa rregolat mid-dritt pubbliku u li huwa stabbilit bħala awtorità, li jikkompeti fl-istess ħin fis-suq tar-reklamar ma’ xandara privati, ikun f’pożizzjoni privileġġata fil-konfront tagħhom, peress li huwa, b’mod differenti minnhom, ma għandux jadixxi qorti ordinarja rigward kreditu fil-konfront ta’ spettaturi sabiex ikun jista’ jimplementa eżekuzzjoni forzata, iżda jkun jista’ huwa stess joħroġ titolu eżekuttiv, mingħajr il-bżonn li jadixxi qorti, li jawtorizzah bl-istess mod li jipproċedi fir-rigward ta’ eżekuzzjoni forzata?

Huwa kompatibbli mal-Artikolu 10 tal-KEDB/l-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (libertà tal-informazzjoni) li Stat Membru jipprevedi f’liġi nazzjonali ta’ Baden-Württemberg, li xandar, li huwa stabbilit bħala awtorità pubblika, jista’ jeħtieġ taħt piena ta’ multa l-ħlas ta’ kontribuzzjoni intiża għall-finanzjament ta’ dan ix-xandar minn kull adult residenti fit-territorju tax-xandir, indipendentement minn jekk dan għandux kwalunkwe tagħmir ta’ riċezzjoni jew jużax biss xandara oħra, jiġifieri dawk barranin jew privati?

Il-liġi nazzjonali “RdFunkBeitrStVtrBW”, b’mod partikolari l-Artikoli 2 u 3 tagħha, hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jekk il-kontribuzzjoni li għandha titħallas mingħajr eċċezzjoni minn kull resident għall-finanzjament ta’ xandar li huwa rregolat mid-dritt pubbliku ser tkun, fil-każ ta’ ġenitur li jrabbi wliedu waħdu, ta’ ammont per capita ħafna iktar mill-ammont dovut minn membru ta’ grupp li jaqsam residenza? Id-Direttiva 2004/113/KE 1 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tirreferi wkoll għall-kontribuzzjoni kkontestata u li diskriminazzjoni indiretta hija suffiċjenti meta, fil-verità, il-persuni hekk żvantaġġati huma 90 % nisa?

Il-liġi nazzjonali “RdFunkBeitrStVtrBW”, b’mod partikolari l-Artikoli 2 u 3 tagħha, hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jekk il-kontribuzzjoni li għandha titħallas mingħajr eċċezzjoni minn kull resident għall-finanzjament ta’ xandar irregolat mid-dritt pubbliku hija, fil-każ ta’ persuni li jeħtieġu t-tieni residenza għal raġunijiet professjonali, ta’ ammont li huwa darbtejn ogħla minn dak għal persuni li jeżerċitaw attività professjonali oħra?

Il-liġi nazzjonali “RdFunkBeitrStVtrBW”, b’mod partikolari l-Artikoli 2 u 3 tagħha, hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u mal-libertà ta’ stabbiliment stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, jekk il-kontribuzzjoni li għandha titħallas mingħajr eċċezzjoni minn kull resident għall-finanzjament ta’ xandar li huwa rregolat mid-dritt pubbliku hija mfassla, fir-rigward tal-individwi, b’tali mod li, bl-istess possibbiltajiet ta’ riċezzjoni, persuna Ġermaniża li tirrisjedi immedjatament qabel il-fruntiera ma’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li jmiss mal-Ġermanja għandha tħallas il-kontribuzzjoni kontenzjuża esklużivament skont fejn tinsab ir-residenza tagħha, filwaqt li persuna Ġermaniża li tirrisjedi immedjatament wara tali fruntiera ma għandhiex tħallas din il-kontribuzzjoni, bl-istess mod bħal ċittadin tal-Unjoni Ewropea li huwa barrani u li, minħabba raġunijiet professjonali, jirrisjedi immedjatament wara tali fruntiera interna tal-Unjoni għandu jħallas il-kontribuzzjoni, li ma huwiex il-każ, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ ċittadin tal-Unjoni li jgħix immedjatament qabel il-fruntiera, anki meta t-tnejn li huma ma għandhomx interess li jkollhom riċezzjoni mix-xandar Ġermaniż?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE, tat-13 ta’ Diċembru 2004, li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi (ĠU L 153M, p. 294).