Language of document : ECLI:EU:C:2018:528

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fl-4 ta’ Lulju 2018 (1)

Kawża C308/17

Hellenische Republik

vs

Leo Kuhn

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1(1) – Kunċett ta’ ‘materji ċivili u kummerċjali’ – Bonds maħruġa minn Stat Membru – Parteċipazzjoni fir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku – Modifika unilaterali u retroattiva tal-kundizzjonijiet ta’ self – Klawżoli ta’ azzjoni kollettiva – Rikors ippreżentat kontra l-Istat minn kredituri privati detenturi ta’ dawn il-bonds bħala persuni fiżiċi – Responsabbiltà tal-Istat għall-acta jure imperii – Ġurisdizzjoni speċjali – Il-punt 1(a) tal-Artikolu 7 – Ġurisdizzjoni f’materja kuntrattwali – Kunċett ta’ ‘materja kuntrattwali’ – Kunċett ta’ ‘obbligu assunt liberament minn parti waħda lejn oħra’ – Kunċett ta’ ‘post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu li jservi bħala bażi tat-talba’ – Kundizzjonijiet ta’ sottskrizzjoni tas-self obbligatorju ta’ Stat – Trasferimenti suċċessivi tad-dejn – Post effettiv ta’ eżekuzzjoni tal-‘obbligu prinċipali’ – Ħlas ta’ interessi”






I.      Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (2).

2.        Din it-talba saret fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Hellenische Republik (ir-Repubblika Ellenika) u Leo Kuhn dwar talba għall-eżekuzzjoni tal-kundizzjonijiet tas-self relatati ma’ bonds maħruġa minn dan l-Istat Membru li tagħhom kien detentur jew kumpens minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tagħhom.

3.        Sabiex jitqiesu bis-sħiħ is-sens u l-portata ta’ din it-talba, din għandha titqiegħed f’kuntest usa’.

4.        Min-naħa, din il-proċedura, li tikkonċerna r-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg, imwettqa f’Marzu 2012, bil-parteċipazzjoni tas-settur privat (3), ma hijiex iżolata.

5.        Min-naħa l-oħra, l-importanza tad-domandi mqajma mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju, dwar il-ġurisdizzjoni, tmur ferm lil hinn mill-aspetti tekniċi tagħha, li tradizzjonalment tqiesu diffiċli fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni. Hija fundamentalment marbuta mal-evoluzzjoni ta’ tekniki ta’ self tal-Istati kif ukoll dwar il-kwstjonijiet ekonomiċi u politiċi li jwasslu għall-kunsiderazzjoni tat-trattament kontenzjuż tad-dejn sovran bħala suġġett sensittiv ħafna.

6.        Fil-fatt, l-għażla ta’ finanzjament fis-swieq permezz ta’ ħruġ ta’ bonds (4) kellha l-konsegwenza li kkumplikat il-ġestjoni tad-dejn sovran minħabba l-insuffiċjenza tal-mekkaniżmi kuntrattwali għad-diversità tal-kredituri, li jistgħu jkunu pubbliċi, privati, istituzzjonali, jew persuni fiżiċi, u fuq kollox in-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejniethom.

7.        Barra minn hekk, meta sseħħ kriżi tad-dejn sovran, in-nuqqas ta’ proċedura ta’ trattament ġenerali u organizzat tal-insolvenza tal-Istati jwassal sabiex id-destin tal-proċedura ta’ ristrutturazzjoni jkun f’idejn il-qorti (5).

8.        Għalhekk, il-problemi legali kumplessi maħluqa mill-multiplikazzjoni u l-internazzjonalizzazzjoni tal-proċeduri ma jistgħux jinħarġu mill-kuntest ekonomiku li fih għandhom jiġu solvuti (6).

9.        Fil-każ tar-ristrutturazzjoni tad-dejn Grieg fl-2012, ta’ ammont storiku (7), id-diffikultajiet tradizzjonalment identifikati dehru f’diskussjoni ġdida minħabba l-ħruġ tat-titoli f’euro u r-riskju ta’ kriżi sistemika li rriżultat minnha (8). Huma ġġustifikaw l-użu ta’ soluzzjonijiet finanzjarji u legali li n-natura eċċezzjonali tagħhom tispjega l-gravità tal-problemi li kellhom jiġu solvuti.

10.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea diġà kellha l-opportunità li tittratta l-kwistjoni delikata tal-effetti ta’ din ir-ristrutturazzjoni fuq id-drittijiet ta’ detenturi ta’ bonds Griegi, permezz tan-notifika ta’ atti ġudizzjarji, jiġifieri fis-sitwazzjoni avvanzata ta’ litigazzjoni, qabel kull eżami fil-mertu, fis-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Fahnenbrock et (C‑226/13, C‑245/13 u C‑247/13, iktar ’il quddiem “is-sentenza Fahnenbrock et”, EU:C:2015:383).

11.      Minn dik id-data, deċiżjonijiet oħra ngħataw mill-qrati Ewropej, aditi minn numru kbir ta’ detenturi ta’ bonds Griegi oħra li kellhom l-istess għan, dak li jiġu rrispettati d-drittijiet kuntrattwali tagħhom jew jiksbu kumpens għad-danni allegati tagħhom.

12.      Għalhekk, fis-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs Il‑BĊE (9), il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ċaħdet ir-rikors ippreżentat fil-11 ta’ Frar 2013 minn aktar minn 200 detentur, il-parti l-kbira minnhom Taljani, ta’ titoli privati Griegi, sabiex jiksbu kumpens għad-dannu li sofrew, b’mod partikolari, bl-adozzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tad-Deċiżjoni, tal-5 ta’ Marzu 2012 dwar l-eliġibilità ta’ titoli ta’ dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti totalment mir-Repubblika Ellenika fil-qafas tal-offerta tal-iskambju ta’ obbligazzjonijiet mir-Repubblika Ellenika (10), kif ukoll miżuri oħra tal-BĊE marbuta mar-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg. Imbagħad, permezz tas-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2017, Nausicaa Anadyomène u Banque d’escompte vs Il-BĊE (11), il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba għal kumpens imressqa fil-21 ta’ Diċembru 2015 minn banek kummerċjali fejn eskludiet kull responsabbiltà tal-BĊE, u kkonfermat dak li ddeċidiet fir-rigward tal-persuni fiżiċi detenturi tat-titoli ta’ dejn Griegi.

13.      Barra minn hekk, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem eżaminat ir-rikorsi ppreżentati matul ix-xhur ta’ Settembru u Ottubru 2014 minn 6 320 ċittadin Grieg li kienu detenturi ta’ bonds tal-Istat Grieg, bħala persuni fiżiċi, ta’ ammonti li jvarjaw bejn EUR 10 000 u EUR 1 510 000, fir-rigward tal-parteċipazzjoni furzata tagħhom fit-tnaqqis tad-dejn pubbliku Grieg billi l-bonds tagħhom ġew skambjati ma’ oħrajn ta’ valur inferjuri. Permezz ta’ sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016 (12), dik il-Qorti ddeċidiet, b’mod unanimu, li ma kienx hemm ksur tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (13) u lanqas tal-Artikolu 14 tal-KEDB flimkien mal-Artikolu 1 ta’ dak il-Protokoll (14).

14.      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tikkompleta l-analiżi tagħha billi tiddeċiedi dwar ir-regoli applikabbli għad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita, b’estensjoni tas-sentenza Fahnenbrock et kif ukoll tas-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kolassa”, EU:C:2015:37), rigward in-natura tar-relazzjonijiet legali bejn l-emittent ta’ titolu sovran u l-akkwirent tiegħu.

15.      Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju u l-osservazzjonijiet tal-partijiet għandhom iwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tivverifika, qabelxejn, jekk il-kawża prinċipali taqax taħt ir-Regolament Nru 1215/2012 li, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, japplika għal “kwistjonijiet ċivili”, ħlief b’mod partikolari għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti mwettqa fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika (acta jure imperii). Jekk it-tilwima taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, imbagħad ikun meħtieġ li jiġi żgurat li tista’ tiġi kkwalifikata bħala marbuta ma’ “kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt”, skont it-tifsira tal-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, li jipprovdi regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali, li tidderoga mir-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut. Fl-aħħar nett, jekk dan ikun il-każ, ikun meħtieġ li jiġi ddeterminat x’inhu l-“post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni” fis-sens tal-Artikolu 7.

16.      Fl-aħħar tal-analiżi tiegħi, se nipproponi, b’mod sussidjarju biss, elementi ta’ risposti għal dawn iż-żewġ domandi tal-aħħar dwar il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista fil-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012.

17.      Fil-fatt, se nsostni, b’mod prinċipali, li t-tilwima ma tirrigwardax il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

18.      Il-premessi 4, 15 u 16 tar-Regolament Nru 1215/2012 (15) jistabbilixxu:

“(4)      Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Huma essenzjali dispożizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, u sabiex jiżguraw għarfien u eżekuzzjoni malajr u sempliċi ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru.

[…]

(15)      Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Il-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tat-tilwima jew ta’ awtonomija tal-partijiet ikunu jeħtieġu fattur ta’ konnessjoni differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(16)      Barra d-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm raġunijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni bbażati fuq konnessjoni mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. L-eżistenza ta’ konnessjoni mill-qrib għandha tiżgura ċ-ċertezza legali u tevita l-possibbiltà li l-konvenut jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru li dan il-konvenut ma setax raġonevolment jipprevedi. Dan hu importanti b’mod partikolari fir-rigward ta’ tilwim li jirriżulta minn obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn ksur tal-privatezza u tad-drittijiet relatati mal-personalità, inkluża l-malafama.”

19.      L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. Huwa m’għandux jestendi, b’mod partikolari, għal kwistjonijiet ta’ dħul, dawk doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċitar tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii).”

20.      Skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, li jinsab fit-Taqsima 1, li tiġbor fiha d-“Dispożizzjonijiet ġenerali”, tal-Kapitolu II, bl-isem “Ġurisdizzjoni”:

“Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

21.      Fit-Taqsima 2, bl-isem “Ġurisdizzjoni speċjali”, tal-Kapitolu II, il-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 jistabbilixxi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

(1)      (a)      fi kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni;” (16).

B.      Id-dritt Grieg

22.      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju (17), ir-Repubblika Ellenika ħarġet bonds sovrani fil-Greċja, bħala titoli (djun irreġistrati fir-reġistru tad-dejn pubbliku) suġġetti għad-dritt Grieg u nnegozjati fil-Borża ta’ Ateni. Dawn it-titoli ġew irreġistrati (18) fis-sistema tal-kont kurrenti tal-Bank Ċentrali Grieg, li tinkludi kontijiet miftuħa f’isem kull parteċipant ammess mill-gvernatur tal-Bank Ċentrali sabiex jipparteċipa fiha(19).

23.      Skont l-Artikolu 6(2) ta’ dik il-liġi, il-parteċipanti fis-sistema tal-kontijiet kurrenti tal-Bank Ċentrali Grieg jistgħu jagħtu drittijiet fir-rigward ta’ bond (20) lil investituri terzi, imma tali att ġuridiku jipproduċi effett biss fil-konfront tal-partijiet ikkonċernati, bl-esklużjoni espressa ta’ kwalunkwe effett favur jew kontra r-Repubblika Ellenika.

24.      L-Artikolu 6(4) tal-Liġi Nru 2198/1994 jipprovdi li bond jiġi ttrasferit bir-reġistrazzjoni fil-kreditu tal-kont tal-parteċipant.

25.      L-Artikolu 6(5) sa (7) ta’ din il-liġi jiffaċilita li tinftiehem is-“sistema” deskritta mill-qorti tar-rinviju. Dan jistabbilixxi:

“5.      Il-kontijiet tal-parteċipanti jinżammu fis-sistema. Il-kontijiet tal-investituri jinżammu għand il-parteċipanti.

6.      Kemm fis-sistema kif ukoll għand il-parteċipanti, il-kontijiet jinżammu separatament skont il-kategorija ta’ titoli li jippreżentaw karatteristiċi komuni.

7.      Fis-sistema, jinżammu kontijiet separati għal kull parteċipant, minn naħa, għat-titoli tal-portafoll tiegħu stess u, min-naħa l-oħra, għal dawk tal-portafoll tal-klijenti investituri tiegħu. Il-kont tal-portafoll tal-investituri miżmum għand kull parteċipant jakkumula l-investituri kollha tal-parteċipant.”

26.      L-Artikolu 8 ta’ dik il-liġi, bl-isem “Krediti tal-investituri”, jistabbilixxi:

[…]

“2.      L-investitur għandu kreditu bbażat fuq it-titolu tiegħu biss kontra l-parteċipant li għandu jinżamm il-kont tiegħu. Jekk l-Istat ma jkunx issodisfa l-obbligi tiegħu skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu, l-investitur għandu kreditu bbażat fuq it-titolu tiegħu biss kontra l-Istat.

[…]

6.      Il-ħlas tal-kapital u tal-interessi dovuti mill-Istat lill-Bank Ċentrali Grieg jimplika l-estinzjoni tal-obbligi tal-Istat. Il-Bank Ċentrali Grieg jalloka lil kull parteċipant il-kapital u l-interessi fuq it-titoli dovuti fil-maturità tas-self. Il-ħlas imsemmi hawn fuq jimplika l-estinzjoni tal-obbligi tal-Bank Ċentrali Grieg.

[…]”

27.      Barra minn hekk, in-Nómos 4050/2012 – Kanónes tropopoiíseos títlon ekdóseos í engyíseos tou Ellinikoú Dimosíou me symfonía ton Omologioúchon (il-Liġi Nru 4050/2012, bl-isem “Regoli li jemendaw, bil-kunsens tad-detenturi, it-titoli maħruġa jew iggarantiti mill-Istat Grieg”) (21), tat-23 ta’ Frar 2012, tipprovdi li d-detenturi ta’ ċerti bonds sovrani Griegi jirċievu proposta għal “ristrutturazzjoni”.

28.      Dan it-terminu, użat mill-qorti tar-rinviju, jinsab ukoll fis-sentenza Fahnenbrock et (punt 8). Fil-fehma tiegħi, huwa xieraq li ssir distinzjoni bejn “ir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku” u l-proposta għall-parteċipazzjoni fiha, li tikkonsisti fil-“modifika tat-titoli eliġibbli”, skont l-Artikolu 1(2) tal-Liġi Nru 4050/2012, li jipprovdi:

“Il-Kunsill tal-Ministri, fuq proposta tal-Ypourgoú Oikonomikón (il-Ministru tal-Finanzi, il-Greċja), jiddeċiedi li jniedi l-proċedura għall-modifika tat-titoli eliġibbli mid-detenturi ta’ bonds, jiddefinixxi t-titoli eliġibbli u, fil-każ ta’ sostituzzjoni, jiddefinixxi l-kapital jew l-ammont nominali, ir-rati tal-interessi jew ir-rendiment, il-maturità, id-dritt (Ingliż jew ieħor) li għalihom ikunu suġġetti t-titoli ġodda maħruġa mill-Istat Grieg u jawtorizza lill-Organismos Diacheírisis Dimósiou Chréous [l-Aġenzija għall-Ġestjoni tad-Dejn Pubbliku, il-Greċja] sabiex toħroġ stedina jew diversi stediniet mill-Istat Grieg.

Permezz ta’ din l-istedina, id-detenturi tat-titoli eliġibbli msemmija fiha huma mistiedna jiddeċiedu, fit-terminu stabbilit, jekk jaċċettawx il-modifika tat-titoli eliġibbli, kif proposta mill-Istat Grieg, skont il-proċedura prevista f’dan artikolu”.

29.      Il-Liġi Nru 4050/2012 tipprovdi għall-introduzzjoni ta’ klawżola ta’ “ristrutturazzjoni” (22) jew “klawżola ta’ azzjoni kollettiva” (iktar ’il quddiem il-“KAK”) li tippermetti l-modifika tal-kundizzjonijiet inizjali ta’ self permezz ta’ deċiżjonijiet adottati b’maġġoranza kkwalifikata tal-kapital li jibqa’ dovut u applikabbli wkoll għall-minoranza.

30.      Fil-punt 9 tas-sentenza Fahnenbrock et ġie ppreċiżat li, “[s]kont l-Artikolu 1(4) ta’ din il-liġi, il-modifika tat-titoli previsti tirrikjedi li jintlaħaq kworum li jirrappreżenta 50 % tat-total tal-ammont tal-investiment tal-bonds ikkonċernati, kif ukoll maġġoranza kkwalifikata li tikkorrispondi għal żewġ terzi tal-kapital parteċipanti”.

31.      Sabiex ikun komplut ir-riassunt fil-punt 10 ta’ dik is-sentenza, għandha tiġi mtennija l-kwotazzjoni mill-Gvern Grieg tal-Artikolu 1(9) ta’ dik il-liġi, li tgħid:

“Mill-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Ellenika tad-digriet ta’ approvazzjoni tal-Kunsill tal-Ministri, id-deċiżjoni tad-detenturi tal-bonds, kif iċċertifikata mill-amministratur tal-proċedura, għandha effett erga omnes, torbot lid-detenturi tal-bonds kollha u lill-investituri kollha tat-titoli eliġibbli u tipprevali fuq kwalunkwe dispożizzjoni eventwali ġenerali jew speċifika kuntrarja fi kwalunkwe liġi, att regolatorju jew ftehim. Fil-każ ta’ sostituzzjoni tat-titoli eliġibbli, permezz tar-reġistrazzjoni ta’ titoli ġodda fis-sistema, it-titoli eliġibbli ssostitwiti b’titoli ġodda huma awtomatikament ikkanċellati, li jirriżulta fl-estinzjoni ta’ kwalunkwe dritt jew obbligu li joħorġu minnhom, inkluża t-totalità tad-drittijiet u l-obbligi li kienu parti minnhom fi kwalunkwe mument.”

32.      L-Artikolu 1(11) tal-Liġi Nru 4050/2012, imsemmi wkoll fis-sentenza Mamatas (punt 48), jipprovdi:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu huma maħsuba sabiex jipproteġu interess pubbliku perentorju, huma dispożizzjonijiet imperattivi u applikabbli direttament, jipprevalu fuq dispożizzjonijiet eventwali ġenerali jew speċifiċi kuntrarji fi kwalunkwe liġi, att regolatorju jew ftehim […], u l-applikazzjoni tagħhom ma toħloq jew ma tattiva l-ebda dritt kuntrattwali jew legali favur id-detentur tal-bonds jew tal-investitur u l-ebda obbligu kuntrattwali jew legali għad-detriment tal-emittent jew tal-garanti tat-titoli […] ħlief kif espressament previst f’dan l-artikolu”.

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domandi preliminari

33.      L. Kuhn, iddomiċiljat fi Vjenna (l-Awstrija), permezz ta’ bank depożitarju, stabbilit fl-Awstrija, li jaġixxi bħala aġent (23), akkwista bonds b’valur nominali ta’ EUR 35 000 (24) maħruġa mir-Repubblika Ellenika, suġġetti għad-dritt Grieg. Dawn il-bonds sovrani ġew ikkreditati fil-kont tat-titoli, ġestit mill-bank depożitarju, li tiegħu L. Kuhn huwa d-detentur (25). Dawn huma titoli bearer li jagħtu dritt, skont il-kundizzjonijiet ta’ self, għar-rimbors tal-kapital fil-maturità u “ħlas puntwali” (26).

34.      Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li l-Istat Grieg ħareġ fil-Greċja dawk il-bonds suġġetti għad-dritt Grieg u nnegozjati fil-Borża ta’ Ateni bħala “titoli”, jiġifieri krediti rreġistrati fir-reġistru tat-titoli tad-dejn pubbliku. Dawn kienu ġew irreġistrati fis-sistema tal-kont kurrenti tal-Bank Ċentrali Grieg, fejn il-parteċipanti f’din is-sistema, ammessi mill-Gvernatur ta’ dan il-bank ċentrali, għandhom kont f’isimhom.

35.      Skont dik il-qorti, kemm mid-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 2198/1994 kif ukoll mill-kundizzjonijiet tas-self relatati mal-bonds sovrani inkwistjoni jirriżulta li kienu, l-ewwel nett, il-parteċipanti f’dik is-sistema li saru detenturi u kredituri ta’ dawk il-bonds, trażmessi bir-reġistrazzjoni tagħhom fil-kreditu tal-kont tagħhom, qabel ma jagħtu d-drittijiet marbuta ma’ dawk il-bonds lil investituri terzi, b’tali att ġuridiku jkollu effett biss fir-rigward tal-persuni kkonċernati, bl-esklużjoni tar-Repubblika Ellenika.

36.      Wara l-adozzjoni tal-Liġi Nru 4050/2012, ir-Repubblika Ellenika biddlet il-bonds akkwistati minn L. Kuhn u ssostitwiethom b’bonds sovrani ġodda b’valur nominali iktar baxx.

37.      Il-qorti tar-rinviju tindika li, skont l-allegazzjonijiet ta’ L. Kuhn, ir-Repubblika Ellenika, sal-jum ta’ dik il-konverżjoni, ħallset interessi fil-kont miftuħ f’ismu f’bank stabbilit fl-Awstrija. Hija tippreċiża li L. Kuhn kien biegħ (27) il-bonds ikkonvertiti għal EUR 7 831.58, li kkawżawlu telf ta’ EUR 28 673.42, b’din is-somma tikkorrispondi għall-valur nominali tal-bonds fid-data tal-maturità fl-20 ta’ Frar 2012 (28), flimkien mal-interessi u l-ispejjeż.

38.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, L. Kuhn ippreżenta rikors quddiem il-Landesgericht für Zivilrechtssachen Wien (il-Qorti Reġjonali ta’ Vjenna għal Kwistjonijiet Ċivili, l-Awstrija) (29) bil-għan li jikseb l-eżekuzzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ self relatati mal-bonds inkwistjoni jew kumpens għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tagħhom.

39.      B’digriet tat-8 ta’ Jannar 2016, dik il-qorti ddikjarat li, fuq livell internazzjonali, ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tisma’ dak ir-rikors.

40.      Adita b’appell minn dak id-digriet, l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), b’ordni tal-25 ta’ Frar 2016, ċaħdet l-eċċezzjoni li l-qrati Awstrijaċi ma kellhomx ġurisdizzjoni għar-raġuni li t-talba ta’ L. Kuhn kienet ibbażata mhux fuq att leġiżlattiv Grieg, imma fuq il-kundizzjonijiet ta’ self inizjali għall-bonds sovrani inkwistjoni u li l-qorti kompetenti hija indikata mid-dritt Grieg, applikabbli skont il-partijiet, f’dan il-każ, dik tad-domiċilju tal-kreditur, il-post fejn id-dejn tal-flus kellu jiġi eżegwit.

41.      Ir-Repubblika Ellenika ppreżentat “appell straordinarju” minn dak id-digriet quddiem il-qorti tar-rinviju.

42.      Skont din tal-aħħar, sa fejn L. Kuhn isostni li r-Repubblika Ellenika tapplika l-kundizzjonijiet ta’ self tal-bonds sovrani inkwistjoni, huwa ġustament jirreferi għar-relazzjoni ġuridika allegata bejnu, bħala akkwirent tal-bonds sovrani, u r-Repubblika Ellenika, bħala l-emittenti ta’ dawn il-bonds, b’mod li jeżisti dritt kuntrattwali “(sekondarju)” (30), skont il-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012.

43.      Hija ssostni wkoll, minn naħa, li L. Kuhn isostni dritt għall-eżekuzzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ self ibbażati fuq l-impenn ta’ ħlas mogħti mir-Repubblika Ellenika, bħala debitriċi tal-bonds u, min-naħa l-oħra, il-ħruġ ta’ bonds (“self bearer”) (31) ma jistax jiġi ekwiparat ma’ acta juri imperii. Minn dan tikkonkludi li l-kwistjoni hija dwar materji ċivili u kummerċjali.

44.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“L-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li,

–        il-post ta’ eżekuzzjoni fis-sens ta’ tali dispożizzjoni għandu jiġi identifikat fuq il-bażi tal-ftehim kuntrattwali inizjali, anki fil-każ – bħal dak ineżami – ta’ trasferiment ripetut ta’ kreditu fuq bażi kuntrattwali;

–        fil-każ li tintalab l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ bond tal-gvern bħal dak maħruġ, f’dan il-każ, mir-Repubblika Ellenika, jew jintalab kumpens għal dannu għall-ineżekuzzjoni ta’ din l-osservanza, il-post ta’ eżekuzzjoni effettiv għandu jiġi stabbilit immedjatament mal-ħlas ta’ interessi li jirriżultaw minn dan il-bond tal-gvern f’kont bankarju ta’ persuna li għandha portafoll ta’ titoli nazzjonali [(32)]?

–        il-fatt li l-ftehim kuntrattwali inizjali stabbilixxa post ta’ eżekuzzjoni legali fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) tal-imsemmi regolament jipprekludi li jiġi rrikonoxxut post ta’ eżekuzzjoni ieħor fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni fuq il-bażi tat-twettiq effettiv sussegwenti ta’ kuntratt?”

IV.    L-analiżi tiegħi

45.      Permezz tat-tliet domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta persuna tkun kisbet, permezz ta’ bank depożitarju, bonds maħruġa minn Stat Membru u tressaq talba kontrih fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet ta’ self għal ħruġ ta’ bonds, il-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li “l-post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni” huwa ddeterminat mill-kundizzjonijiet ta’ self meta jinħarġu dawn il-bonds, minkejja t-trasferimenti sussegwenti tagħhom, jew jekk dan il-post huwiex il-post tal-eżekuzzjoni effettiva tal-kundizzjonijiet tas-self, bħall-ħlas tal-interessi.

46.      Għandu jiġi ppreċiżat li r-Repubblika Ellenika kif ukoll il-Gvern Grieg u dak Taljan isostnu li l-kawża prinċipali la taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 1215/2012 peress li, sostanzjalment, hija bbażata fuq id-dritt sovran ta’ Stat Membru li jilleġiżla bil-għan li jirristruttura d-dejn pubbliku tiegħu, u lanqas ma tikkonċerna “kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt” skont it-tifsira tal-punt 1(a) tal-Artikolu 7 għar-raġuni li ma hemm l-ebda relazzjoni kuntrattwali bejn l-Istat Membru u d-detentur ta’ titoli sovrani. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha preliminarjament tiddetermina jekk l-azzjoni tistax tiġi kkwalifikata bħala “kwistjoni ċivili u kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament (33). Risposta pożittiva biss għal din il-domanda għandha twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar it-tieni domanda preliminari msemmija iktar ’il fuq.

A.      It-tilwima taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012?

47.      Sabiex tikkunsidra jekk il-kwistjoni hijiex materja ċivili u kummerċjali, il-qorti tar-rinviju rreferiet għas-sentenza Fahnenbrock et, wara li ddeċidiet li r-rikorrent qiegħed jitlob l-eżekuzzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ self jew tal-kumpens għan-nuqqas tal-eżekuzzjoni tagħhom mill-Istat konvenut, l-emittent tal-bonds sovrani, fuq il-bażi tal-obbligu li jħallas meħud minn dan tal-aħħar bħala debitur tal-bonds (34). Filwaqt li din l-approssimazzjoni tista’ tidher rilevanti sa ċertu punt, l-opinjoni tiegħi hija differenti fundamentalment mill-konsegwenzi li għandhom jinstiltu minnha, għar-raġuni li l-analiżi tal-ġurisdizzjoni għandha tkun ibbażata fuq bażijiet differenti li ser neżamina.

1.      Fuq il-portata tas-sentenza Fahnenbrock et

48.      Fir-rigward tal-ewwel punt ta’ konverġenza, jista’ jiġi rrilevat li s-suġġett tal-kawża, li jinsab f’ċirkustanzi fattwali kważi analogi (35), huwa simili, peress li f’waħda mill-kawżi (Kickler et, C‑578/13) li abbażi tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza Fahnenbrock et, detenturi ta’ bonds Griegi talbu lir-Repubblika Ellenika, minbarra l-ħlas tad-danni, l-eżekuzzjoni kuntrattwali tal-bonds oriġinali li mmaturaw. Il-kawża tat-talba hija, fi kwalunkwe każ, ksur tad-drittijiet u tal-obbligi tal-kuntratt (36).

49.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni punt ta’ konverġenza huwa partikolarment importanti, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 (37), liema termini huma identiċi għal dawk tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1215/2012. Il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom huwa limitat għal “kwistjonijiet ċivili u kummerċjali” u ma jinkludix b’mod partikolari r-“responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċiżżju tal-awtorità tal-Istat (acta jure imperii)” (38).

50.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Fahnenbrock et li “[l]-Artikolu 1(1) tar-[Regolament Nru 1393/2007] għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjonijiet ġudizzjarji għal kumpens għal molestja fil-pussess jew fil-proprjetà, għal eżekuzzjoni kuntrattwali u għad-danni, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, ippreżentati minn persuni privati, detenturi ta’ bonds tal-Istat, kontra l-Istat li ħariġhom, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament sa fejn ma jidhirx li ma jaqgħux manifestament taħt materji ċivili jew kummerċjali” (39).

51.      Madankollu, il-portata tas-sentenza Fahnenbrock et ma hijiex, fil-fehma tiegħi, dik li l-qorti nazzjonali qed tgħid li hi. Fil-fatt, għandha tingħata attenzjoni partikolari għal-limiti tal-interpretazzjoni li stabbilixxiet il-Qorti tal-Ġustizzja.

52.      F’dan ir-rigward, huwa essenzjali li nibda billi nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet sabet soluzzjonijiet preċedenti mmirati lejn l-armonizzazzjoni tal-interpretazzjoni tal-istess kunċett, minħabba l-għanijiet partikolari li għandhom jintlaħqu (40). Għalhekk, mir-raġunijiet metodoloġiċi ta’ din id-deċiżjoni (41) jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja b’mod ċar iffavorixxiet il-mekkaniżmu stabbilit mir-Regolament Nru 1393/2007 sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tiegħu bil-għan li jiġi ggarantit aċċess rapidu għall-qorti li tiddeċiedi l-mertu kif ukoll id-dritt għal smigħ xieraq (42).

53.      Imbagħad il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet in-natura partikolari tal-verifika magħmula mill-qorti fl-istadju tat-talba għan-notifika, u kkunsidrat li hija l-qorti adita, fil-kuntest tal-proċedura kontradittorja ulterjuri, li għandha tiddeċiedi l-kwisjtoni dwar il-ġurisdizzjoni (43).

54.      F’dan ir-rigward, hija kkunsidrat li l-każ tar-ritorn tat-talba għan-notifika mill-entità mitluba kellu jkun irriżervat għat-tilwim li, b’mod ċar, ma jirrigwardax materji ċivili u kummerċjali (44).

55.      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tat żewġ risposti utli għall-ħtieġa ta’ eżami prima facie jew, fi kliem ieħor, ta’ stħarriġ ta’ intensità adattata għall-għan ta’ għaġla segwit, fil-każ speċifiku li jkun hemm dubju a priori dwar in-natura ċivili tal-azzjoni, peress li hija diretta kontra Stat u tirrigwarda l-ħruġ minnu ta’ bonds sovrani.

56.      L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-“ħruġ ta’ bonds ma jippreżupponix neċessarjament l-eżerċizzju ta’ setgħat li jaqgħu ’l barra mill-portata tar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi” (45). It-tieni nett, hija identifikat ċerti elementi li ġġustifikaw eżami bir-reqqa tan-natura tar-relazzjoni tal-Istat mad-detentur. Dawn huma l-kundizzjonijiet finanzjarji tat-titoli inkwistjoni li setgħu ġew stabbiliti “abbażi tal-kundizzjonijiet tas-suq li jirregolaw l-iskambju u l-profittabbiltà ta’ dawn l-istrumenti finanzjarji” (46) u l-bidliet f’dawk il-kundizzjonijiet finanzjarji li “kellhom iseħħu wara deċiżjoni ta’ maġġoranza tad-detenturi” fuq il-bażi ta’ klawżola kuntrattwali inkluża fil-kuntratti tal-ħruġ (47).

57.      Il-Qorti tal-Ġustizzja, li kienet osservat qabel dwar il-kumplessità tal-kwistjonijiet li kellhom effett fuq l-immunità tal-Istat (48), iddeduċiet minn dan li “ma jistax jiġi konkluż li l-kawżi prinċipali ma jaqgħux manifestament taħt materji ċivili jew kummerċjali fis-sens tar-Regolament Nru 1393/2007, b’mod li dan ir-regolament huwa applikabbli għal dawn il-kawżi” (49).

58.      Għaldaqstant, peress li hija l-qorti adita li għandha tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja (50), huwa xieraq li tiġi rripetuta l-analiżi tal-klassifikazzjoni tat-tilwima billi d-diskussjoni tiġi ffokata fuq l-elementi enfasizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Fahnenbrock et sabiex tiġġustifika r-riżervi tagħha fir-rigward tan-natura ċara tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

2.      Il-klassifikazzjoni tat-tilwima

59.      Bħala punt preliminari, nikkunsidra xieraq li jitfakkar li l-metodi ta’ interpretazzjoni tal-istrumenti preċedenti li jirregolaw il-ġurisdizzjoni, li nżammu sa issa (51), huma intiżi sabiex japplikaw għar-Regolament Nru 1215/2012 (52).

60.      Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni tal-kunċett awtonomu ta’ “kwistjonijiet ċivili u kummerċjali” twassal għad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-istrumenti li jirregolaw il-ġurisdizzjoni “minħabba f’elementi li jikkaratterizzaw in-natura tar-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-partijiet fil-kawża jew l-għan ta’ din” (53). Huwa għalhekk meħtieġ li tiġi identifikata r-relazzjoni legali li teżisti bejn il-partijiet fit-tilwima u li tiġi eżaminata l-bażi u l-mod li bih issir l-azzjoni (54).

61.      F’dan il-każ, huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk azzjoni għal kumpens minn individwu kontra Stat li jagħmel is-self ikollhiex is-sors materjali tagħha f’att ta’ awtorità pubblika jew, b’mod iktar speċifiku, jekk ir-relazzjoni legali bejn l-Istat Grieg u L. Kuhn, kif tirriżulta mill-kundizzjonijiet ta’ self, hijiex ikkaratterizzata minn manifestazzjoni ta’ awtorità pubblika min-naħa tal-Istat debitur, billi tikkorrispondi għall-eżerċizzju ta’ setgħat eżorbitanti meta mqabbla mar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi (55).

62.      Fil-fehma tiegħi, din il-manifestazzjoni tirriżulta, f’din il-kawża bħal f’dawk preċedenti, fir-rigward tar-ristrutturazzjoni tad-dejn Grieg kemm min-natura kif ukoll mill-modalitajiet tal-modifiki tar-relazzjoni kuntrattwali bejn l-Istat Grieg u s-sidien tat-titoli kif ukoll mill-kuntest li fih saru dawn tal-aħħar.

63.      Fil-fatt, it-termini ġenerali ta’ “modifika” jew ta’ “konverżjoni” tat-titoli, li ġeneralment jintużaw, jimmitigaw ħafna r-realtà tal-iskambju ta’ titoli li kienu twettqu (56): it-titoli inizjali kienu ġew ikkanċellati u ssostitwiti b’titoli ġodda b’valur nominali inferjuri, li jirriżulta f’telf kapitali ta’ 53.5 %, jew saħansitra ogħla jekk titqies il-bidla fid-data li fiha t-titoli l-qodma kellhom jimmaturaw (57), parti minnhom kellhom jimmaturaw bejn is-sena 2023 u s-sena 2042. Ir-rati annwali għall-ħlas tal-kupuni kienu ġew irriveduti. Fl-aħħar nett, it-titoli ma għadhomx suġġetti għal-liġi Griega, imma għal-liġi Ingliża (58).

64.      Minħabba n-natura sostanzjali tagħha, din is-sostituzzjoni ta’ titoli ma tistax tiġi mqabbla ma’ modifiki ġeneralment meqjusa bħala li jikkostitwixxu riskji inerenti f’dan it-tip ta’ investimenti, li huma kompletament taħt il-kontroll tal-Istat Membru li qed jissellef (59), ħaġa li jista’ jobsor akkwirent normalment infurmat (60).

65.      Il-modalitajiet ta’ din is-sostituzzjoni għandhom jiġu enfasizzati wkoll meta ma jkunux ġew previsti la taħt il-kundizzjonijiet ta’ self u lanqas fid-dritt Grieg meta nħarġu t-titoli li kienu jirregolawhom. Dawn kienu ġew imposti mil-leġiżlatur Grieg permezz tal-Liġi Nru 4050/2012 meta introduċa l-KAK retroattivament.

66.      B’dawn il-klawżoli, il-ftehim konkluż bejn l-Istat u d-detenturi tal-bonds li ddeċidew, b’maġġoranza kkwalifikata, li jaċċettaw il-modifiki kuntrattwali proposti mill-Istat Grieg, għamilha possibbli li dawn jiġu imposti fuq il-minoranza tad-detenturi, inklużi dawk li xtaqu jirrifjutawhom.

67.      L-użu ta’ dan il-mekkaniżmu ma jistax joħloq dubju dwar in-natura immedjata u diretta (61) tal-modifiki fil-kundizzjonijiet ta’ self fuq il-minoranza ta’ detenturi, speċjalment peress li l-Liġi Nru 4050/2012 kienet immirata speċifikament sabiex tikseb dan ir-riżultat bil-għan li tevita li l-Greċja tkun inadempjenti (62). Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeduċiet mill-mekkaniżmu tal-KAK li “l-modalitajiet li bihom l-iskambju [kien seħħ] juru b’mod ċar in-natura involontarja tal-parteċipazzjoni [tar-rikorrenti] fil-proċess tal-haircut” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (63).

68.      Sabiex tiġi solvuta l-kwistjoni dwar l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1215/2012 li tirrigwardana, lanqas ma huwa possibbli li jitressaq l-argument li, bis-saħħa tal-KAK, intlaqa’ l-ftehim tad-detenturi fil-qafas kuntrattwali (64). Fil-fatt, dan ma jistax jiġi sseparat miċ-ċirkustanzi li fihom kienet ġiet aċċettata l-inklużjoni retroattiva ta’ dawn il-klawżoli taħt il-kundizzjonijiet ta’ self.

69.      Għalkemm il-Liġi Nru 4050/2012 timplimenta l-ftehim li joħroġ min-negozjati bejn ir-Repubblika Ellenika u l-investituri privati (PSI) li l-parteċipazzjoni tagħhom tqieset li “għandha rwol vitali biex twassal id-dejn tar-[Repubblika Ellenika] għal livell sopportabbli” (65), huwa stabbilit li l-persuni fiżiċi, li huma biss minoranza ta’ detenturi tal-bonds tal-Istat Grieg u li jirrappreżentaw madwar 1 % tad-dejn pubbliku totali tal-Greċja ma pparteċipawx f’dawn in-negozjati ma’ investituri istituzzjonali li huma, b’mod partikolari, il-banek u l-entitajiet ta’ kreditu (66).

70.      Barra minn hekk, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll aspetti oħra tal-kuntest eċċezzjonali li fih ġiet ippromulgata l-Liġi Nru 4050/2012.

71.      L-ewwel nett, il-proċedura obbligatorja, imposta minn din il-liġi, hija r-riżultat tat-tiftix ta’ “soluzzjoni eċċezzjonali u unika” (67) għas-sitwazzjoni tar-Repubblika Ellenika. Hija marbuta inseparabbilment mal-politika monetarja tal-Unjoni peress li timmira li tissalvagwardja l-istituzzjoni finanzjarja ta’ Stat Membru u, b’mod aktar ġenerali, li żżomm l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro inġenerali (68).

72.      It-tieni nett, ir-rikors mhux tas-soltu (69) għall-inklużjoni retroattiva tal-KAK kellu l-għan li jipprevjeni n-nuqqas tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni tad-dejn (70), li jista’ jkun ir-riżultat tan-nuqqas ta’ KAK (71) fil-ħruġ tat-titoli li għamlet ir-Repubblika Ellenika fis-suq nazzjonali. L-għan li jrid jintlaħaq huwa li, filwaqt li jiġi żgurat li l-kredituri individwali kollha jipparteċipaw, l-awtoritajiet Griegi ħadu vantaġġ li d-dejn tal-bonds kien iktar minn 90 % suġġett għal-liġi Griega sabiex jiġi mmodifikat bl-impożizzjoni ta’ dawn klawżoli (72).

73.      It-tielet nett, l-implimentazzjoni ta’ tali proċedura mill-Istat, li jaġixxi kemm bħala parti kontraenti kif ukoll bħala leġiżlatur, hija limitata fiż-żmien (73). Fil-fatt, minn naħa, it-titoli l-ġodda li jirriżultaw mill-konverżjoni huma suġġetti għal-liġi Ingliża u din tipprovdi għall-KAK (74). Min-naħa l-oħra, wara d-deċiżjoni tal-Ministri tal-Finanzi taż-żona tal-euro, meħuda f’Novembru 2010 u approvata mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta’ Marzu 2011 (75), li tagħmel obbligatorju l-użu tal-mekkaniżmu KAK, huwa skont l-Artikolu 12(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) konkluż fi Brussell fit-2 ta’ Frar 2012 (76), li hemm il-KAK, mill-1 ta’ Jannar 2013, fit-titoli kollha b’terminu ta’ iktar minn sena fuq id-djun pubbliċi tal-Istati Membri taż-żona tal-euro (77). Dawn issa jikkostitwixxu wieħed mill-mezzi sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro u b’hekk jipparteċipaw fl-għan “li tiġi żgurata l-ġestjoni tal-kriżijiet tas-solvibbiltà milħuqa mill-Istati” (78) u li jserrħu moħħ l-investituri.

74.      Dawn l-elementi kollha jenfasizzaw it-twettiq ta’ għan ta’ interess ġenerali, li mhux limitat għal dak tal-Greċja, imma jikkonċerna ż-żona kollha tal-euro. L-ammissjoni, taħt dawk il-kundizzjonijiet, li t-tilwima ma tinżammx fl-isfera kuntrattwali (79) stretta ma jidhirlix li hi ta’ natura li tiffaċilita r-rikors mill-Istati li jissellfu għal-liġi sabiex “jimmunizzaw” (80) il-kuntratti tad-dejn sovran billi jiġu mmodifikati l-kundizzjonijiet ta’ self, b’mod partikolari retroattivament.

75.      Jien nikkonkludi li t-tilwima fil-kawża prinċipali għandha s-sors materjali tagħha f’att ta’ awtorità pubblika li permezz tiegħu kienu ġew imposti retroattivament, f’kundizzjonijiet u f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-konverżjoni tat-titoli u l-modifika tal-kundizzjonijiet ta’ self inizjali sabiex jiġi evitat li l-istat Grieg ikun inadempjenti u sabiex tiġi ggarantita l-istabbiltà taż-żona tal-euro.

76.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari li azzjoni magħmula minn persuna fiżika li tkun akkwistat bonds maħruġa minn Stat Membru, kontra dan tal-aħħar, bil-għan li tinkiseb l-eżekuzzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ self inizjali jew sabiex tinkiseb l-eżekuzzjoni tal-kundizzjonijiet tas-self inizjali jew il-kumpens għan-nuqqas tal-eżekuzzjoni tagħhom, minħabba l-iskambju ta’ dawn il-bonds ma’ bonds ta’ valur inqas, impost fuq dik il-persuna fiżika b’operazzjoni ta’ liġi, adottata f’ċirkustanzi eċċezzjonali mil-leġiżlatur nazzjonali, li mmodifikat unilateralment u retroattivament il-kundizzjonijiet applikabbli għall-bonds billi ddaħħlet KAK li tippermetti li maġġoranza tad-detenturi tagħhom jimponu tali skambju fuq il-minoranza, ma tirrigwardax “materji ċivili jew kummerċjali” fit-tifsira tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012.

77.      Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-azzjoni inkwistjoni sempliċement “tissuġġetta għall-kontroll tal-qorti relazzjoni tad-dritt privat” (81) bejn l-akkwirent ta’ bond sovran u l-Istat li jkun wettaq att jure gestionis, ikun xieraq għalhekk li jiġi ddeterminat jekk it-tilwima tirrigwardax il-kunċett ta’ “kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt” fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament.

B.      Il-kwistjoni tirrigwarda “kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt” fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012?

78.      Wara li twaqqfet il-bażi tar-raġunament u ġie ppreċiżat kif is-sentenza Kolassa ma tistax isservi bħala riferiment, ser nippreżenta l-fehma tiegħi dwar il-klassifikazzjoni tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali.

1.      Tfakkir tal-prinċipji ta’ interpretazzjoni

79.      Preliminarjament, infakkar il-bażi li fuqha tistrieħ kull interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt”.

80.      Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1215/2012 (82), issir referenza għal dik ipprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001, peress li tapplika wkoll għall-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, li jissostitwih (83).

81.      L-ewwel nett, minn dan jirriżulta li l-interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu 7 għandha tkun restrittiva peress li tagħti lil min jagħmel it-talba għażla ta’ ġurisdizzjoni u, konsegwentement, il-fakultà li jagħmel eċċezzjoni għall-ġurisdizzjoni bħala prinċipju tal-qorti tal-Istat tad-domiċilju tal-konvenut. Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli speċjali tal-ġurisdizzjoni ma jippermettux interpretazzjoni li tmur lil hinn mill-ipoteżijiet espliċitament previsti minn dan ir-regolament (84).

82.      Fit-tieni lok, huwa importanti li jiġu ddefiniti soluzzjonijiet konsistenti mal-għan ġenerali mfittex, stabbilit fil-premessa 16 tar-Regolament Nru 1215/2012. Dan sabiex tiġi ffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja meta “hemm rabta mill-qrib bejn il-kwistjoni u l-qorti adita sabiex tittrattaha” (85). Il-qorti tal-post fejn l-obbligu stipulat fil-kuntratt għandu jiġi eżegwit u li jservi bħala bażi għal azzjoni legali normalment hija dik li hija l-iktar adattata sabiex tiddeċiedi, partikolarment minħabba l-prossimità tat-tilwima u l-faċilità tal-amministrazzjoni tal-provi (86). L-iżgurar tal-eżekuzzjoni mgħaġġla tad-deċiżjoni tista’ wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni (87).

83.      It-tielet nett, dejjem skont ġurisprudenza stabbilita sew dwar il-kunċett awtonomu ta’ “materji kuntrattwali” (88) u, għalhekk, bl-esklużjoni ta’ “referenza għal-liġi domestika ta’ wieħed jew l-ieħor tal-Istati kkonċernati” (89), l-applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista f’din il-materja fil-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 tippreżupponi l-identifikazzjoni ta’ obbligu legali liberament mogħti minn persuna fir-rigward ta’ oħra u fuq liema hija bbażata l-azzjoni tar-rikorrent, u ftit huwa importanti n-nuqqas ta’ konklużjoni ta’ kuntratt (90), jew li l-kuntratt ikun irregolat minn dispożizzjonijiet imperattivi (91).

84.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li azzjoni għad-danni tista’ taqa’ taħt “materja kuntrattwali” “jekk l-aġir ikkritikat ikun jista’ jitqies li jikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi kuntrattwali, liema obbligi jkunu jistgħu jiġu ddeterminati fid-dawl tas-suġġett tal-kuntratt” u li dan “ikun a priori l-każ jekk l-interpretazzjoni tal-kuntratt li jorbot lill-konvenut mar-rikorrent tidher indispensabbli sabiex tiġi stabbilita n-natura legali jew, bil-kontra, illegali tal-aġir ikkritikat fil-konfront tal-konvenut mir-rikorrent” (92). Il-kunċett ta’ “materja delittwali” jintuża biss meta l-azzjoni ma tkunx marbuta mill-qrib ma’ kuntratt (93).

85.      Fil-każ ta’ azzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa suffiċjenti, skont ir-Repubblika Ellenika, li tiġi trasposta l-ġurisprudenza fis-sentenza Kolassa. Jien ma naqbilx ma’ din l-opinjoni għar-raġunijiet li se nispjega.

2.      Il-portata tas-sentenza Kolassa

86.      F’dik is-sentenza, li tirrigwarda l-akkwist ta’ titoli fis-suq sekondarju u involviet diversi intermedjarji, bħal fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari li l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li rikorrent li jkun akkwista bonds bearer minn terza persuna mingħajr ma l-emittent ta’ dan il-bond ikun assuma b’mod liberu obbligu fir-rigward ta’ dan ir-rikorrent, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifikah, ma jistax jistrieħ fuq il-ġurisdizzjoni prevista f’dik id-dispożizzjoni għall-finijiet tal-azzjoni mressaq kontra dak l-emittent u bbażat fuq il-kundizzjonijiet ta’ self, il-ksur tal-obbligi ta’ informazzjoni u l-kontroll kif ukoll ir-responsabbiltà għall-prospett (94).

87.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li mill-preżentazzjoni fil-qosor tal-fatti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li ma kienx hemm obbligu legali liberament konsentit mill-bank li joħroġ is-self fir-rigward tar-rikorrent li kien akkwista bond bearer mingħand terz (95).

88.      Jidhirli li l-kawża prinċipali hija differenti mis-sitwazzjoni li tat lok għal dik is-sentenza għal diversi raġunijiet. L-ewwel nett, l-obbligi li qagħad fuqhom l-investitur kienu ta’ natura prekuntrattwali. Huwa invoka r-responsabbiltà tal-emittent tat-titoli li kien akkwista bħala riżultat tal-prospett u l-ksur ta’ obbligi ta’ informazzjoni legali oħra li jaqgħu fuq dak l-emittent, sabiex juri li ma kienx jagħmel investiment bħal dan kieku huwa kien infurmat aħjar.

89.      It-tieni nett, il-ħruġ ta’ bonds sovrani, kif deskritt mill-qorti tar-rinviju, li jikkorrispondi mal-intermedjazzjonijiet tas-soltu tad-djun tal-Istat, huwa suġġett għal kundizzjonijiet fundamentalment differenti minn dawk ta’ ċertifikati bħal dawk li investa fihom Harald Kolassa. Dawk iċ-ċertifikati kkontestati kienu nħarġu minn bank privat fil-forma ta’ bonds bearer li l-valur tagħhom kellu jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta’ indiċi ffurmat minn portafoll li l-ġestjoni tiegħu ġiet fdata lil kumpannija (96).

90.      It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rikorrent ma kienx id-detentur ta’ dawn il-bonds (97), wara li kkonstatat li kienu ġew ordnati u akkwistati mill-bank li miegħu r-rikorrent kellu relazzjoni diretta mal-kumpannija omm tagħha, b’dawn il-kumpanniji jwettqu l-ordni f’isimhom, u li dawn il-bonds kienu nżammu bħala fondi ta’ kopertura mill-bank intermedjarju f’ismu stess u f’isem ir-rikorrent (98).

91.      Dan ma huwiex il-każ fil-kawża prinċipali. Fil-fatt skont il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrent huwa proprjetarju ta’ titoli li kienu ġew akkwistati f’ismu mill-bank tad-depożitu u l-bank aġixxa bħala aġent.

92.      Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni tal-klassifikazzjoni partikolari ta’ dawn ir-rabtiet. Fir-rigward tal-għażla tan-natura awtonoma tal-kunċett ta’ “materji kuntrattwali” (99), hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar dan il-punt.

3.      Il-klassifikazzjoni partikolari fir-rigward tal-ħruġ ta’ titoli sovrani

93.      Fir-rigward tal-ħruġ ta’ titoli sovrani, din il-kwistjoni ta’ klassifikazzjoni hija ġdida u kumplessa minħabba l-iskop doppju tagħha, jiġifieri n-natura partikolari tal-bond sovran u t-trasferiment tad-drittijiet jew it-trasferiment ta’ dejn marbut miegħu.

94.      Għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni li d-“drittijiet fuq it-titoli issa huma fil-parti l-kbira miżmuma, ittrasferiti jew iggarantiti permezz tar-reġistrazzjoni fil-kontijiet tat-titoli” (100).

95.      Għalkemm diversi awturi jsostnu li ma hemm l-ebda relazzjoni kuntrattwali bejn l-emittent u l-investitur fis-suq sekondarju, oħrajn jemmnu li dan l-approċċ jista’ jkun relativizzat (101). Bħal dawn tal-aħħar, jiena nikkunsidra li, f’dan il-każ, jekk jista’ jiġi aċċettat li ma għadx hemm rabta kuntrattwali diretta, fin-nuqqas ta’ titolu ffirmat mill-emittent u mid-detentur (102), “ma jistax bħala regola ġenerali jingħad li r-relazzjonijiet legali bejn l-emittent ta’ titolu finanzjarju u l-investitur li jakkwista dawn l-istrumenti (anki jekk fis-suq sekondarju) ma jkunux ta’ natura kuntrattwali. Din il-kwistjoni ma tistax tiġi analizzata biss minn każ għal każ, skont in-natura eżatta tal-istrumenti finanzjarji, id-dokumenti li jirregolawhom u d-drittijiet u l-obbligi li joħorġu minnhom fir-rigward tal-emittent u l-investitur” [traduzzjoni libera] (103).

96.      Jidhirli li għandna naraw inkoraġġiment sabiex nimxu f’din id-direzzjoni fil-qari tal-punt 41 tas-sentenza Kolassa, li ma jeskludix li l-kwistjoni tista’ tkun materja kuntrattwali.

97.      Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet li taħthom il-bonds huma offruti għas-sottoskrizzjoni minn Stat, kif deskritti mill-qorti tar-rinviju, ma jistgħux, fil-fehma tiegħi, jiġu deskritti bħala “katina ta’ kuntratti”, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (104).

98.      Fil-fatt. kif jirriżulta mid-dokumenti tal-proċess, b’mod partikolari mis-subscription agreement (il-ftehim ta’ sottoskrizzjoni), l-Istat Grieg ikkuntratta ma’ managers jew parteċipanti fis-sistema tas-suq primarju li, bħala l-ewwel detenturi tat-titoli jistgħu jillikwidawhom fis-suq sekondarju. Fi kliem ieħor, ir-rwol tagħhom jista’ jiġi deskritt bħala dak ta’ distributur għand l-investituri fis-suq sekondarju fejn iseħħu tranżazzjonijiet f’dawn il-bonds.

99.      L-Istat Grieg ifformola wkoll, bħal kull Stat emittent ta’ titoli, dokument (offering circular jew prospett ta’ offerta) li jinkorpora l-kundizzjonijiet prinċipali ta’ self u legalment jikkostitwixxi l-kuntratt mal-kredituri tiegħu (105). Għalhekk, f’din ir-relazzjoni legali, l-Istat jintrabat li jħallas il-kupuni u jirrimborża s-self mal-maturità lil kwalunkwe detentur ta’ titoli, ċertament, mhux direttament, imma permezz ta’ intermedjarji li akkwistaw it-titoli għan-nom ta’ dan tal-aħħar. F’din ir-relazzjoni, jista’ jitqies ukoll li “it-trasferiment tat-titolu bearer iwettaq trasferiment tad-drittijiet inkorporati fit-titolu, is-sottoskrivent ikun ab initio obbligat lejn kull detentur tat-titolu, id-detentur ikun proprjetarju ta’ dritt tiegħu stess fir-rigward tal-emittent” [traduzzjoni libera] (106). Fil-punt 91 tas-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs Il-BĊE (107), l-analiżi magħmula hija konsistenti ma’ dan. Hemm ippreċiżat li, “skont id-dritt privat applikabbli, l-imsemmija banek ċentrali akkwistaw, matul ix-xiri ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat, l-istess bħall-investituri privati, l-istatus ta’ kreditur tal-Istat li joħroġ it-titoli jew debitur” (108).

100. Jistgħu jinstiltu żewġ argumenti supplimentari mill-intervent tal-Istat leġiżlatur sabiex jimmodifika l-kundizzjonijiet tas-self tal-Istat kontraenti. Minn naħa, il-liġi inkwistjoni kienet intenzjonata li jkollha effett dirett u immedjat fuq titoli li jappartjenu għal investituri istituzzjonali privati jew persuni fiżiċi, irrispettivament mill-intermedjazzjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji.

101. Min-naħa l-oħra, din l-inizjattiva leġiżlattiva tiżvela l-għarfien perfett mill-Istat tal-portata tal-obbligi tiegħu bħala Stat Kontraenti (109) fl-konfront tas-sidien tat-titoli (110), billi mmodifika l-portata qabel ma kien inadempjenti u, għaldaqstant, li jkollu jiffaċċja talbiet għal rimbors antiċipat tal-kreditu li kienu jittressqulu direttament.

102. Jiena niddeduċi minn dawn l-elementi kollha li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt” fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, l-azzjoni li permezz tagħha l-akkwirent ta’ bonds maħruġa fi Stat Membru jrid jasserixxi kontra dak l-Istat, drittijiet li joħorġu minn dawk it-titoli, b’mod partikolari wara l-modifika unilaterali u retroattiva tal-kundizzjonijiet ta’ self minn dan tal-aħħar.

103. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li jiġu speċifikati l-elementi ta’ risposta li jistgħu jingħataw lill-qorti tar-rinviju sabiex jiġi ddeterminat il-post tat-twettiq ta’ dak l-obbligu li jservi bħala l-bażi għat-talba.

C.      Fuq id-determinazzjoni tal-post tal-eżekuzzjoni tal-obbligu kontenzjuż

104. Jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-“post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni”, fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 huwiex dak li jirriżulta mill-kundizzjonijiet ta’ self relatati mal-bonds inkwistjoni jew jekk dak il-post jistax jinbidel bl-għażla tat-trasferimenti ta’ dejn marbutin ma’ dawk il-bonds, jew jekk jistax ikun il-każ tal-post ta’ fejn jinġabru l-interessi mill-kreditur.

105. Skont ġurisprudenza stabbilita sew (111), fin-nuqqas ta’ indikazzjoni mill-partijiet tal-post tat-twettiq tal-obbligu inkwistjoni, dan għandu jiġi ddeterminat skont il-liġi li tirregola dak l-obbligu skont ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet tal-qorti adita.

106. Kif iddeskrivejt qabel, il-ħruġ ta’ bonds, suġġett għal-liġi Griega, huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet tal-offering circular (prospett ta’ offerta). F’dan id-dokument, il-Bank Ċentrali Grieg huwa indikat, skont l-Artikolu 8(6) tal-Liġi Nru 2198/1994 applikabbli għad-djun tal-Istat, bħala “paying agent”, il-liġi applikabbli magħżula hija l-liġi Griega u l-“bond holders” huma r-“relevant participants of the Bank of Greece Book entry system”. Minn dan niddeduċi li l-post tal-eżekuzzjoni tal-obbligu, dak tal-ħlas ta’ kupuni u tar-rimbors tal-kapital, li jservi bħala l-bażi tat-talba jinsab fil-Greċja, skont din il-Liġi Nru 2198/1994. L-operazzjoni tal-konverżjoni ta’ titoli rregolati mil-liġi Griega, li tirriżulta mil-Liġi Nru 4050/2012, turi wkoll li dan huwa l-post tad-deċiżjonijiet meħuda dwar il-modalitajiet tal-investimenti u l-eżekuzzjoni tagħhom.

107. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u meta titqies l-analiżi tiegħi rigward il-klassifikazzjoni tat-trażmissjoni tat-titolu bearer billi tagħmel trasferiment ta’ drittijiet inkorporati fit-titolu, jiġifieri trasferiment ta’ dejn, jiena nikkunsidra li trasferimenti ta’ qabel ma humiex tali li jimmodifikaw id-determinazzjoni tal-post ta’ eżekuzzjoni fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 (112).

108. Din l-interpretazzjoni hija konformi mar-rekwiżit tal-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali, li jirriżulta mill-premessa 15 tar-Regolament Nru 1215/2012 (113), peress li twassal għall-esklużjoni tal-possibbiltà li l-konvenut jiġi mfittex quddiem qorti ta’ Stat Membru li ma setax b’mod raġonevoli jipprevedi jekk id-determinazzjoni tagħha għandhiex tiddependi fuq l-għażla tal-post tad-depożitu tat-titolu, u tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja msemmija fil-premessa 16 ta’ dak ir-regolament.

109. Dawk l-għanijiet ma setgħux jintlaħqu kieku l-post ta’ eżekuzzjoni kellu jiġi ddeterminat skont il-post tal-ġbir tal-interessi dovuti lid-detentur ta’ bond sovran (114).

110. Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-post ta’ eżekuzzjoni ta’ bond sovran huwa ddeterminat mill-kundizzjonijiet tas-self fil-ħruġ ta’ dak it-titolu, minkejja t-trasferimenti ulterjuri tiegħu jew l-eżekuzzjoni effettiva f’post ieħor tal-kundizzjonijiet ta’ self relatati mal-ħlas ta’ interessi jew ir-rimbors tal-kapital.

V.      Konklużjoni

111. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) bil-mod li ġej:

Prinċipalment:

–        azzjoni magħmula minn persuna fiżika li tkun akkwistat bonds maħruġa minn Stat Membru, kontra dan tal-aħħar, bil-għan li tinkiseb l-eżekuzzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ self inizjali jew il-kumpens għan-nuqqas tal-eżekuzzjoni tagħhom, minħabba l-iskambju ta’ dawn il-bonds ma’ bonds ta’ valur inqas, impost fuq dik il-persuna fiżika b’operazzjoni ta’ liġi, adottata f’ċirkustanzi eċċezzjonali mil-leġiżlatur nazzjonali, li mmodifikat unilateralment u retroattivament il-kundizzjonijiet applikabbli għall-bonds billi ddaħħlet klawżola ta’ azzjoni kollettiva li tippermetti li maġġoranza tad-detenturi ta’ dawn il-bonds jimponu tali skambju fuq il-minoranza, ma tirrigwardax “materji ċivili jew kummerċjali” fit-tifsira tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.

Sussidjarjament, fl-eventwalità li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li t-tilwima tirrigwarda “materji ċivili jew kummerċjali” fit-tifsira tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012:

–        tirrigwarda l-kunċett ta’ “kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt” fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, l-azzjoni li permezz tagħha l-akkwirent ta’ bonds maħruġa fi Stat Membru jrid jasserixxi kontra dak l-Istat, drittijiet li joħorġu minn dawk it-titoli, b’mod partikolari wara l-modifika unilaterali u retroattiva tal-kundizzjonijiet ta’ self minn dan tal-aħħar.

–        il-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-post ta’ eżekuzzjoni ta’ bond sovran huwa ddeterminat mill-kundizzjonijiet tas-self fil-ħruġ ta’ dak it-titolu, minkejja t-trasferimenti ulterjuri tiegħu jew l-eżekuzzjoni effettiva f’post ieħor tal-kundizzjonijiet ta’ self relatati mal-ħlas ta’ interessi jew ir-rimbors tal-kapital.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2012, L 351, p. 1.


3      Private sector involvement (PSI). Ara, sabiex wieħed jiftakar f’ċerti proċeduri Ġermaniżi posterjuri, Grund, S., “The legal consequences of sovereign insolvency – a review of creditor litigation in Germany following the Greek debt restructuring”, Maastricht Journal of European and Comparative Law, Sage Publishing, New York, 2017, Vol. 24, Nru 3, p. 399 sa 423, b’mod partikolari p. 408 sa 413.


4      Din l-evoluzzjoni seħħet matul is-snin tmenin. Qabel, id-dejn kien essenzjalment ta’ natura bankarja.


5      Il-litigazzjoni tiżviluppa minn angoli differenti. Ċerti detenturi jiżguraw li huma trattati mhux inqas minn dawk li, wara li ma aċċettawx il-haircut [tnaqqis tal-kreditu tagħhom], jippruvaw jiksbu quddiem il-qorti l-eżekuzzjoni tal-kreditu li l-Istat ma jistax jonora iktar. Oħrajn jippruvaw jieħdu vantaġġ minn din is-sitwazzjoni sabiex jagħmlu investimenti spekulattivi.


6      L-eżempju mogħti mid-dejn Arġentin wera l-konsegwenzi ekonomiċi tan-nuqqas ta’ kopertura tal-Istat li jissellef għall-istrateġija ġudizzjarja tal-investituri. Ma nistgħux ninjoraw li dan għandu prezz finanzjarju, li dan hu evalwat, li għandu piż fuq l-għażla tal-liġi applikabbli u li jikkundizzjona għall-futur il-kapaċità tal-Istat li jissellef mill-ġdid fil-ġejjieni.


7      Jiġifieri EUR 205 biljun ta’ djun miżmuma minn kredituri privati, meta mqabbla mad-dejn Arġentin fl-ammont ta’ 90 biljun dollaru Amerikan (USD) (madwar EUR 76.22 biljun).


8      Dan ir-riskju ġie msaħħaħ miż-żamma mill-banek ta’ parti sinjifikattiva ta’ bonds sovrani.


9      T‑79/13, EU:T:2015:756.


10      ĠU 2012, L 77, p. 19.


11      T‑749/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:21.


12      Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-21 ta’ Lulju 2016, Mamatas et vs Il‑Greċja, iktar ’il quddiem is-“sentenza Mamatas” (CE:ECHR:2016:0721JUD006306614).


13      Iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, iktar ’il quddiem il-“KEDB”. Fil-komunikazzjoni tiegħu lill-istampa, ir-Reġistratur tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem spjega li l-“Qorti konsegwentment tiddeċiedi li r-rikorrenti ma sofrewx oneru speċjalment eċċessiv, b’mod partikolari minħabba l-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni tal-Istati fil-kwistjoni u fid-dawl tat-tnaqqis fil-valur fis-suq tat-titoli diġà affetwati mill-waqgħa fis-solvenza tal-Istat, li probabbilment ma kienx kapaċi jonora l-obbligi tiegħu skont il-klawżoli derivanti mit-titoli qodma qabel ma daħlet fis-seħħ il-liġi l-ġdida. Il-Qorti tikkunsidra wkoll li l-klawżoli ta’ azzjoni kollettivi u r-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku jikkostitwixxu miżura xierqa u neċessarja għat-tnaqqis tad-dejn pubbliku u l-prevenzjoni tal-waqfien tal-ħlasijiet tal-gvern; li l-investimenti f’bonds ma kinux mingħajr riskju u li r-rikorrenti għandhom ikunu konxji tal-perikoli u r-riskju ta’ telf eventwali ta’ valur tat-titoli tagħhom, fid-dawl tal-iżbilanċ u d-dejn għoli tal-Greċja, anki qabel il-kriżi tal-2009”.


14      Fl-istqarrija għall-istampa tiegħu, ir-Reġistratur tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem żied li l-“Qorti tikkunsidra wkoll li l-proċedura ta’ skambju ma kinitx diskriminatorja, b’mod partikolari minħabba d-diffikultà li jiġu lokalizzati d-detenturi ta’ bonds ta’ dan is-suq volatili, id-diffikultà li jiġu stabbiliti kriterji preċiżi għal differenzazzjoni bejn id-detenturi, ir-riskju li tiġi pperikolata l-operazzjoni kollha b’konsegwenzi diżastrużi għall-ekonomija, u l-ħtieġa ta’ azzjoni mgħaġġla għar-ristrutturazzjoni tad-dejn”.


15      Applikabbli, skont l-Artikolu 66 ta’ dan ir-regolament, għall-kawżi ġudizzjarji magħmulin mill-10 ta’ Jannar 2015.


16      Il-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża ta’ dan ir-regolament tiddistingwi żewġ alternattivi, litteralment il-“post fejn l-obbligu kien ġie eżegwit” u “[il-post fejn l-obbligu] għandu jiġi eżegwit”. Il-verżjoni bil-lingwa Griega tgħid hekk: “os pros diaforés ek symváseos, enópion tou dikastiríou tou tópou ópou ekpliróthike í ofeílei na ekplirotheí i parochí”, li jfisser: “f’materja kuntrattwali, fil-qorti tal-post fejn it-twettiq kien imwettaq jew għandu jitwettaq”.


17      Billi l-qorti tar-rinviju għamlet sunt tad-dispożizzjonijiet applikabbli, il-kwotazzjonijiet mid-dispożizzjonijiet tal-liġi Griega li ġejjin huma meħuda mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Grieg.


18      Skont l-Artikolu 5(2) tan-Nómos 2198/1994 – Áfxisi apodochón dimosíon ypallílon en génei, sýnapsi daneíon ypó tou Ellinikoú Dimosíou kai dimiourgía stin Trápeza tis Elládos Systímatos Parakoloúthisis Synallagón epí Títlon me Logistikí Morfí (‘Ávloi Títloi) kai álles diatáxeis (il-Liġi Nru 2198/1994 dwar żieda fis-salarji tal-impjegati kollha, kontrazzjoni ta’ self mill-Istat Grieg, ħolqien fi ħdan il-Bank tal-Greċja ta’ sistema ta’ sorveljanza tal-operazzjonijiet fuq titoli rreġistrati f’kont (titoli dematerjalizzati), u dispożizzjonijiet oħra, tat-22 ta’ Marzu 1994 (FEK Α’ 43/22.03.1994, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 2198/1994”)), is-“self u s-sottodiviżjonijiet tagħhom (titoli) jiġu ssorveljati permezz ta’ dħul tal-kontabbiltà fis-sistema tal-kontijiet kurrenti […] ġestita mill-Bank Ċentrali Grieg. L-interessi tat-titoli huma rreġistrati wkoll permezz ta’ entrati tal-kontabbiltà, sakemm huma s-suġġett ta’ tranżazzjoni awtonoma, billi japplikaw mutatis mutandis id-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan il-kapitolu. Il-Bank Ċentrali Grieg jagħmel ir-reġistrazzjonijiet dwar il-maturità, is-servizz u r-rimbors tas-self f’isem ir-Repubblika Ellenika”.


19      Skont l-Artikolu 6(1) ta’ dik il-liġi, “[fis-]sistema jipparteċipaw, minbarra l-Istat Grieg u l-Bank Ċentrali Grieg, bħala amministratur, persuni ġuridiċi jew fiżiċi (iktar ’il quddiem il-‘parteċipanti’) indikati kemm skont il-kategorija kif ukoll bl-isem b’deċiżjoni tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Grieg. […]”.


20      Mill-kliem ta’ dan l-artikolu ċċitat fl-osservazzjonijiet tal-Gvern Grieg jew tar-Repubblika Ellenika, il-konvenuta, jirriżulta li dan kien ċessjoni jew trasferiment tad-dritt ta’ proprjetà marbut mat-titolu.


21      FEK A’ 36/23.2.2012, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 4050/2012”.


22      Terminu użat mill-qorti tar-rinviju li jidher ukoll fil-punt 8 tas-sentenza Fahnenbrock et.


23      Kif iddikjarat mill-Gvern Portugiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, dan it-terminu jfisser li “bħala intermedjarju finanzjarju, il-bank irċieva, bagħat u eżegwixxa l-ordni ta’ sottoskrizzjoni mogħtija mir-rikorrent, filwaqt li wettaq operazzjoni f’isem ħaddieħor”.


24      Dan huwa l-ammont tas-sottoskrizzjoni skont id-dokument prodott fl-anness 1 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tar-Repubblika Ellenika. Hemm speċifikat ukoll l-International Securities Identification Number (ISIN) (Numru Internazzjonali ta’ Identifikazzjoni tat-Titoli) tal-bonds li jikkorrispondi ma’ dak li jinsab mal-offering circular (prospett ta’ offerta) tas-16 ta’ Frar 2009. Skont dan id-dokument, id-data ta’ maturità jew meta jagħlqu, jiġifieri, id-data li fiha l-bonds għandhom jiġu rrimborżati lid-detentur, fil-valur nominali tagħhom, kienet ġiet stabbilita għall-20 ta’ Marzu 2012. Qabel id-data tal-maturità, id-detentur għandu jirċievi bi skambju mal-kapital misluf tiegħu interessi jew kupun. F’dan il-każ, ir-rata ta’ interess ġiet stabbilita għal 4.3 % fis-sena u L. Kuhn jallega li kien irċieva dawn l-interessi.


25      Skont il-qorti tar-rinviju, “ir-rikorrent jikkwalifika lilu nnifsu bħala detentur ta’ depożitu ta’ titoli nazzjonali miżmum mill-bank depożitarju u s-sid tal-bonds sovrani [irreġistrati] bil-kreditu ta’ dan id-depożitu ta’ titoli”.


26      Jiġifieri mal-ħlas tal-interessi.


27      Waqt is-seduta, ir-rappreżentant ta’ L. Kuhn ikkonferma li t-titoli kienu nbiegħu.


28      Dik id-data, li tidher fid-deċiżjoni tar-rinviju, la tikkorrispondi ma’ dik li tidher fid-dokumenti fil-kawża, u minn dawn jirriżulta li d-data tal-maturità tal-bonds akkwistati minn L. Kuhn kienet stabbilita fl-20 ta’ Marzu 2012, la mad-data tal-Liġi Nru 4050/2012, u lanqas mal-preċiżazzjoni li L. Kuhn biegħ il-bonds ikkonvertiti.


29      Huwa stabbilit li l-kawża kienet saret wara d-9 ta’ Jannar 2015.


30      Dan il-kliem huwa identiku għat-talba għal deċiżjoni preliminari.


31      Dan il-kliem huwa identiku għat-talba għal deċiżjoni preliminari.


32      Jew, fi kliem ieħor, fil-kont tad-detentur tat-titoli.


33      Ara, bħala eżempju ta’ każijiet fejn id-domanda ma kinitx saret mill-qorti tar-rinviju, is-sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 2002, Henkel (C‑167/00, EU:C:2002:555 punt 25), tat-28 ta’ April 2009, Apostolides (C‑420/07, EU:C:2009:271 punt 40), u tat-28 ta’ Lulju 2016, Siemens Aktiengesellschaft Österreich (C‑102/15, EU:C:2016:607, punt 27).


34      Ara Grund, S., “The legal consequences of sovereign insolvency – a review of creditor litigation in Germany following the Greek debt restructuring”, op. cit., b’mod partikolari p. 413, li jispjega l-għażla mir-rikorrenti ta’ din il-bażi wara s-sentenza Fahnenbrock et (punt 57).


35      B’differenza mir-rikorrenti fil-każijiet preċedenti, L. Kuhn biegħ il-bonds ikkonvertiti li fuqhom invoka t-tnaqqis fil-valur meta mqabbel ma’ dak stabbilit mill-kundizzjonijiet inizjali tas-self, wara l-applikazzjoni tal-Liġi Nru 4050/2012.


36      Għaldaqstant, ma hijiex kawża intiża għall-istħarriġ tal-legalità. F’dan ir-rigward, il-Liġi Nru 4050/2012 kienet ġiet suġġetta għal stħarriġ ta’ kostituzzjonalità (ara s-sentenza tas-Simvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja) f’seduta plenarja, tal-21 ta’ Marzu 2014, Nru 1116/2014 u 1117/2014) u stħarriġ ta’ konvenzjonalità (ara s-sentenza Mamatas).


37      Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU 2007, L 324, p. 79).


38      Din il-preċiżazzjoni ma kinitx inkluża fid-dispożizzjonijiet preċedenti ekwivalenti, jiġifieri fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1998, C 27, p. 1), kif emendata b’konvenzjonijiet suċċessivi fuq l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda f’dik il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42). Il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk ikkodifika l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li bdiet fis-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 1976 LTU (29/76, EU:C:1976:137) u tas-16 ta’ Diċembru 1980, Rüffer (814/79, EU:C:1980:291), li ddeċidew bħala kriterju ta’ distinzjoni bejn il-każijiet ta’ dritt privat u dawk ta’ dritt pubbliku, bl-intervent ta’ awtorità pubblika li taġixxi fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika. Għal tfakkira ddettaljata tal-ġurisprudenza rigward is-suġġett tal-kawża prinċipali, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Fahnenbrock et (C‑226/13, C‑245/13, C‑247/13 u C‑578/13, EU:C:2014:2424, punti 52 sa 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet reċentement ħafna dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, fis-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Parking Pula (C‑551/15, EU:C:2017:193, punt 39), fejn hija ddeċidiet li “proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata mibdija minn kumpannija li hija l-proprjetà ta’ kollettività territorjali kontra persuna fiżika ddomiċiljata fi Stat Membru ieħor, għall-finijiet tal-irkupru ta’ debitu mhux imħallas għal ipparkjar f’parkeġġ pubbliku, li t-tmexxija tiegħu ġiet iddelegata lil din il-kumpannija minn din il-kollettività, li bl-ebda mod ma huwa ta’ natura punittiva iżda sempliċement jikkostitwixxi korrispettiv tas-servizz ipprovdut, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament”.


39      Ara d-dispożittiv ta’ dik is-sentenza.


40      Ara l-punti 39 u 40 tas-sentenza Fahnenbrock et. Din is-soluzzjoni ntlaqgħet tajjeb mid-duttrina Ġermaniża, b’mod partikolari Mankowski, P., “Zustellung der von Privatpersonen erhobenen Klagen wegen des Zwangsumtauschs von griechischen Staatsanleihen an Griechenland nach EuZustVO (‘Fahnenbrock’)”, Entscheidungen zum Wirtschaftsrecht, RWS Verlag, Köln, 2015, p. 495 u 496, u Knöfel, O., L., “Griechischer Schuldenschnitt – Zustellung deutscher Klagen gegen den griechischen Staat”, Recht der internationalen Wirtschaft, Deutscher Fachverlag, Frankfurt am Main, nru 8, 2015, p. 499 sa 504, b’mod partikolari p. 503 u 504, kif ukoll mid-duttrina Franċiża, b’mod partikolari, Laazouzi, M., “Cour de justice, 1ère ch., 11 juin 2015, Stefan Fahnenbrock, affaires jointes C‑226/13, C‑245/13, C‑247/13 et C‑578/13, ECLI:EU:C:2015:383”, Jurisprudence de la CJUE, Bruxelles, Bruylant, 2016, p. 858 sa 869, b’mod partikolari p. 869, u d’Avout, L., Kinsch, P., Quéguiner, J.-S., Sánchez Lorenzo, S., Weller, M.-P., Wilderspin, M., “Le droit international privé de l’Union européenne en 2015”, Journal du droit international (Clunet), LexisNexis, Paris, Ottubru 2016, chronique nru 4, p. 1441 sa 1517, b’mod partikolari p. 1449 u 1450.


41      Ara l-punti 39 sa 48 tas-sentenza Fahnenbrock et.


42      Kif fakkar il-Gvern Grieg waqt is-seduta, fil-proċeduri pendenti quddiem il-qrati Ġermaniżi dwar in-notifika internazzjonali, il-konvenut la huwa preżenti u lanqas ma huwa irrappreżentat. Dwar il-partikolaritajiet ta’ din il-proċedura u d-differenzi ta’ klassifikazzjoni, ara d’Avout, L., Kinsch, P., Quéguiner, J.-S., Sánchez Lorenzo, S., Weller, M.-P., Wilderspin, M., op. cit., b’mod partikolari p. 1446 u 1447.


43      Ara l-punt 46 tas-sentenza Fahnenbrock et, sabiex jitqabbel mal-punt 43 tagħha.


44      Ara l-punti 48 u 49 tas-sentenza Fahnenbrock et.


45      Punt 53 tas-sentenza Fahnenbrock et. Hemm kunsens fid-duttrina dwar dan il-punt, ara, b’mod partikolari, d’Avout, L., Kinsch, P., Quéguiner, J.-S., Sánchez Lorenzo, S., Weller, M.-P., Wilderspin, M., op. cit., b’mod partikolari p. 1449, u Laazouzi, M., op. cit., b’mod partikolari p. 869; dawn l-awturi jirriferu għax-xogħlijiet tal-Professur Pierre Mayer, kif ukoll Knöfel O., L., op. cit., u Grund, S., “The legal consequences of sovereign insolvency – a review of creditor litigation in Germany following the Greek debt restructuring”, op. cit., b’mod partikolari p. 419 u l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 148. Għal diskussjoni iktar ġenerali dwar l-evoluzzjoni tal-kunċett ta’ sovranità statali f’dan il-qasam u rabtiet mar-realtà tas-sistemi finanzjarji, ara Audit, M., “La dette souveraine: la dette souveraine appelle-t-elle un statut juridique particulier?”, Insolvabilité des États et dettes souveraines, Librairie générale de droit et de jurisprudence, collection “Droit des affaires”, Pariġi, 2011, p. 67 sa 88, b’mod partikolari p. 82 sa 84; fir-rigward tad-diffikultajiet tat-trattament tad-dejn li jirriżulta minnu, ara Forteau, M., “Le défaut souverain en droit international public: les instruments de droit international public pour remédier à l’insolvabilité des états”, Insolvabilité des États et dettes souveraines, Librairie générale de droit et de jurisprudence, collection “Droit des affaires”, Pariġi, 2011, p. 209 sa 232, b’mod partikolari p. 215.


46      Punt 54 tas-sentenza Fahnenbrock et


47      Punt 57 tas-sentenza Fahnenbrock et


48      Ara l-punt 42 tas-sentenza Fahnenbrock et


49      Punt 58 tas-sentenza Fahnenbrock et


50      Ara l-punt 46 tas-sentenza Fahnenbrock et. Ara, f’dan l-istess sens, kuntrarjament għall-fehma espressa matul is-seduta mill-Kummissjoni, b’mod partikolari, Beraudo, J.‑P., u Beraudo, M.‑J., “Convention de Bruxelles, conventions de Lugano, règlement (CE) n° 44/2001, règlement (UE) n° 2015/2012, Généralités et champ d’application”, JurisClasseur Europe, LexisNexis, Pariġi, 2016, fascicule 3000, Laazouzi, M., op. cit., b’mod partikolari p. 869, u d’Avout, L., Kinsch, P., Quéguiner, J.-S., Sánchez Lorenzo, S., Weller, M.-P., Wilderspin, M., op. cit., b’mod partikolari p. 1451.


51      Ara s-sentenza Fahnenbrock et (punti 34 u 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


52      Ara s-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2017:193, punti 31 sa 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


53      Ara s-sentenza tal-15 ta’ Frar 2007, Lechouritou et (C‑292/05, EU:C:2007:102, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


54      Ara s-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2007, Lechouritou et (C‑292/05, EU:C:2007:102, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u tad-9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2017:193, punt 34).


55      Qabbel mas-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2003, Préservatrice foncière TIARD (C‑266/01, EU:C:2003:282, punt 30).


56      F’dan ir-rigward, ara Bismuth, R., “L’émergence d’un ‘ordre public de la dette souveraine’ pour et par le contrat d’emprunt souverain? Quelques réflexions inspirées par une actualité très mouvementée”, Annuaire français de droit international, Vol. 58, Persée, Pariġi, 2012, p. 489 sa 513, b’mod partikolari p. 510, li juża l-kliem “il-kuntratti inizjali jinkitbu mill-ġdid”.


57      Sentenza Mamatas (punt 110). Din iċ-ċifra togħla għal 59 % skont Grund, S., “Restructuring Government Debt Under Local Law: the Greek Case and Implications for Investor Protection”, Capital Markets Law journal, Oxford University Press, Oxford, 2017, Vol. 12, Nru 2, p. 253 sa 273, b’mod partikolari p. 254.


58      Il-preċiżazzjonijiet dwar dawn il-modifiki jidhru fis-sentenza Mamatas fil-punti 16 u 17 kif ukoll fil-punti li ġejjin:


      “49. L-att tal-Kunsill tal-Ministri tal-24 ta’ Frar 2012 stabbilixxa l-bidu tal-proċedura fl-24 ta’ Frar 2012. Indika fl-anness it-titoli magħżula mill-att. Huwa speċifika li l-modifika ta’ dawn it-titoli ssir permezz tal-iskambju tagħhom ma’ titoli ġodda ppubblikati mill-Istat, imma wkoll mill-Fond Ewropew għall-Istabbiltà Finanzjarja. It-titoli ġodda maħruġa mill-Istat ikunu kkostitwiti b’mod kumulattiv minn bonds tal-Istat u titoli ġodda li r-rendiment tagħhom ikun marbut mal-[prodott gross domestiku (iktar ’il quddiem il-‘PGD’)].


      50. Il-bonds il-ġodda tal-Istat ikollhom rata annwali ta’ 2 % għall-ħlasijiet tal-kupuni mill-2013 sal-2015; ta’ 3 % għal kupuni mill-2016 sal-2020; ta’ 3.65 % għall-kupuni 2021; ta’ 4.3 % għal kupuni mill-2022 sal-2042. Huma jkunu rregolati mid-dritt Brittaniku.


      51. It-titoli li r-rendiment tagħhom ikun marbut mal-PGD jimmaturaw fl-2042, ikunu rregolati mid-dritt Brittaniku u għandhom rendiment ikkalkolat skont il-kapital nominali tal-bonds li jkun qed jonqos mill-2024 sa l-2042.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]


59      Ara Audit, M., op. cit., b’mod partikolari p. 73.


60      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs Il-BĊE (T‑79/13, EU:T:2015:756, punt 76 kif ukoll, dwar il-volatilità tas-suq, punt 121). Ara, ukoll, Carreau, D., “Dettes d’État”, Répertoire de droit international, Encyclopédie juridique Dalloz, Dalloz, Pariġi, 1998, kif aġġornat f’Settembru 2014, Vol. 1, fuq dak li jsejjaħ “ir-riskju ta’ sovranità” (punt 17), kif ukoll Lemaire, S., “La rétroactivité en droit des investissements internationaux”, La Semaine juridique – Entreprise et affaires, 2013, Nru 38, p. 47 sa 50.


61      Qabbel mal-punt 57 tas-sentenza Fahnenbrock et, fejn hemm stedina għal kunsiderazzjoni iktar profonda.


62      Ara De Vauplane, H., “Le rôle du juge pendant la crise: entre ombre et lumière”, Revue des affaires européennesLaw & European Affairs, Larcier, Bruxelles, 2012, nru 4, p. 773 sa 778, b’mod partikolari p. 775, u Grund, S., “Restructuring Government Debt Under Local Law: the Greek Case and Implications for Investor Protection”, op. cit., b’mod partikolari p. 255.


63      Sentenza Mamatas (punt 93). Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li “l-parteċipazzjoni obbligatorja tar-rikorrenti f’dan il-proċess hija kkunsidrata bħala interferenza fid-dritt tagħhom ta’ rispett għall-proprjetà tagħhom[, fit-tifsira tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru. 1 tal-KEDB]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


64      Fejn, fis-sentenza Fahnenbrock et, intqal dan il-kliem: “dawn il-modifiki kellhom iseħħu wara deċiżjoni ta’ maġġoranza tad-detenturi tal-bonds abbażi tal-klawżola ta’ skambju mdaħħla minn din il-liġi fil-kuntratti ta’ ħruġ, ħaġa li, barra minn hekk, tikkonferma l-intenzjoni tal-Hellenische Republik li żżomm il-ġestjoni tal-bonds f’qafas leġiżlattiv ta’ natura ċivili” (punt 57).


65      Dikjarazzjoni tal-kapijiet ta’ Stat jew tal-Gvern taż-żona tal-euro, tas-26 ta’ Ottubru 2011 (punt 12, mqabbel mal-punt 15), disponibbli fl-indirizz tal-Internet li ġej:http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/fr/ec/125663.pdf. Dan huwa element essenzjali tat-tieni pjan ta’ appoġġ għall-Greċja, ara s-sentenzi tas-7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs Il-BĊE (T‑79/13, EU:T:2015:756, punt 19), kif ukoll Mamatas (punti 10 u 11).


66      Ara s-sentenza Mamatas (punt 12).


67      Dikjarazzjoni tal-kapijiet ta’ Stat jew tal-Gvern taż-żona tal-euro, tas-26 ta’ Ottubru 2011 (punt 15).


68      Ara s-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs Il-BĊE (T‑79/13, EU:T:2015:756, punt 5). Fis-sentenza Mamatas, il-Qorti Ewropea tad-Dirttijiet tal-Bniedem iddeċidiet li “[l]-indħil inkriminat kien qed isegwi […] objettiv ta’ utilità pubblika” (punt 105) [traduzzjoni mhux uffiċjali].


69      Ara Bismuth, R., op. cit., b’mod partikolari n-nota ta’ qiegħ il-paġna 126 (p. 510), li tiċċita lil ċerti atturi li ddeskrivew din il-liġi bħala l-“liġi tat-tindifa” (“mopping up law”), kif ukoll Grund, S., “The legal consequences of sovereign insolvency – a review of creditor litigation in Germany following the Greek debt restructuring”, op. cit., b’mod partikolari p. 420, li jiġbor fil-qosor il-fehma ta’ A. Witte (nota ta’ qiegħ tal-paġna 153): “He put forward that the Greek haircut – in contrast to other (domestic) mechanisms for debt restructuring – was imposed retroactively, tailor-made for one particular case and which lacked the sufficient safeguards for creditors”, kif ukoll Grund, S., “Restructuring Government Debt Under Local Law: the Greek Case and Implications for Investor Protection”, op. cit., b’mod partikolari p. 254: “To implement a haircut, the Greek government modified the bulk of its local law debt by resorting to an unconventional, yet pratical and politically expedient technique”, u p. 256.


70      Ara, fuq dan il-punt, il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza Mamatas (punt 115 in fine) u l-ispjegazzjonijiet ta’ Bismuth, R., op. cit., b’mod partikolari p. 510.


71      Dwar ir-raġunijiet għaliex il-prattika kienet differenti fis-swieq internazzjonali tal-kapital, ara Bismuth, R., op. cit., b’mod partikolari p. 509, u, fuq il-kontribuzzjoni tal-KAK sabiex jiġu rregolati l-kriżijiet ta’ solvibbiltà, p. 506. Ara wkoll Carreau, D., op. cit., punti 101 et seq.


72      Bismuth, R., op. cit., b’mod partikolari p. 510.


73      Ara Bismuth, R., op. cit., b’mod partikolari p. 511 u 512, kif ukoll Grund, S., “The legal consequences of sovereign insolvency – a review of creditor litigation in Germany following the Greek debt restructuring”, op. cit., b’mod partikolari p. 422.


74      Grund, S., “The legal consequences of sovereign insolvency – a review of creditor litigation in Germany following the Greek debt restructuring”, op. cit., b’mod partikolari p. 422 kif ukoll in-noti ta’ qiegħ il-paġna 173 u 175.


75      EUCO 10/11.


76      Skont il-punt 96 tas-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756), “l-għan ta’ dan il-mekkaniżmu ma huwiex li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet iżda li jiġu sodisfatti l-bżonnijiet ta’ finanzjament ta’ dawn il-membri, jiġifieri tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, li jkunu għaddejjin jew ikollhom riskju li jgħaddu minn problemi serji ta’ finanzjament, jekk dan ikun indispensabbli sabiex tinżamm l-istabbiltà finanzjarja taż-żona euro kollha u tal-Istati Membri tagħha”.


77      Ara Bismuth, R.,op. cit., b’mod partikolari p. 512.


78      Skont l-espressjoni ta’ Bismuth, R., op. cit., b’mod partikolari p. 508.


79      Qabbel is-sentenza nru 11260/05 tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni, l-Italja), awli ċivili magħquda, tas-27 ta’ Mejju 2005, iċċitata minn O’Keefe, R., Tams, C., J., u Tzanakopoulos, A., The United Nations Convention on Jurisdictional Immunities of States and Their Property: A Commentary, Oxford University Press, Oxford, 2013, nota ta’ qiegħ il-paġna 87 (p. 65), kif ukoll minn Grund, S., “The legal consequences of sovereign insolvency – a review of creditor litigation in Germany following the Greek debt restructuring”, op. cit., b’mod partikolari n-noti ta’ qiegħ il-paġna 142 (p. 418) u 149 (p. 419).


80      Skont il-kliem ta’ Grund S., “The legal consequences of sovereign insolvency – a review of creditor litigation in Germany following the Greek debt restructuring”, op. cit., b’mod partikolari p. 411 u 418.


81      Sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2002, Henkel (C‑167/00, EU:C:2002:555, punt 30).


82      Ara s-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2017:193, punt 31).


83      Ara s-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2017, Kareda (C‑249/16, EU:C:2017:472, punt 8), li tista’ tiġi supplimentata bl-osservazzjoni li d-differenza fil-kliem fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża, fl-opinjoni tiegħi, ma taffettwax il-konstatazzjoni tal-ekwivalenza tad-dispożizzjonijiet. Filwaqt li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ta ġurisdizzjoni lill-“qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ”, huwa stabbilit fil-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 li r-rikorrent jista’ jaġixxi “fil-qrati tal-post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni” Għalhekk ma għandha tiġi dedotta l-ebda konsegwenza fil-mertu.


84      Ara s-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2016, Granarolo (C‑196/15, EU:C:2016:559, punt 18).


85      Kliem meħud mir-rapport ta’ P. Jenard dwar il-konvenzjoni [ta’ Brussell] (ĠU 1979, C 59, p. 1, p. 22), iċċitata fis-sentenza tad-19 ta’ Frar 2002, Besix (C‑256/00, EU:C:2002:99, punt 30).


86      Ara s-sentenza tad-19 ta’ Frar 2002, Besix (C‑256/00, EU:C:2002:99, punt 31 u l-ġurispridenza ċċitata).


87      Ara, fuq dan il-punt, Ancel, M.-E., Deumier, P., Laazouzi, M., Droit des contrats internationaux, Sirey, Pariġi, 2016, p. 105.


88      Ara s-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2017, Kareda (C‑249/16, EU:C:2017:472, punt 27 sa 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).


89      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 1983, Peters Bauunternehmung (34/82, EU:C:1983:87, punt 9). Ara, ukoll f’dan is-sens, is-sentenza Kolassa (punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), qabbel mas-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2017, Kareda (C‑249/16, EU:C:2017:472, punt 28).


90      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Kolassa (punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


91      Ara s-sentenza Kolassa (punt 40), imqabbla mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fl-istess kawża (Kolassa C‑375/13, EU:C:2014:2135, nota ta’ qiegħ il-paġna 10).


92      Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, Brogsitter (C‑548/12, EU:C:2014:148, punti 24 u 25).


93      Ara s-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Kalfelis (189/87, EU:C:1988:459, punt 18), tas-17 ta’ Ottubru 2013, OTP Bank (C‑519/12, ma hijiex ippubblikata, EU:C:2013:674, punt 26), u Kolassa (punt 44).


94      Ara l-punt 41 tas-sentenza Kolassa.


95      Ara l-punt 40 tas-sentenza Kolassa.


96      Ara l-ispjegazzjonijiet iddettaljati dwar ir-reġim legali partikolari ta’ dan il-prodott, ibbażat fuq il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ Cotiga, A., “I.A. Régulation européenne. C.J.U.E., 28 Janvier 2015, Harald Kolassa c. Barclays Bank PLC, Aff. C-375/13”, Revue internationale des services financiers, Larcier, Bruxelles, 2015, nru 2, p. 40 sa 49, b’mod partikolari p. 41, li jispeċifikaw li kien “derivattiv ta’ kreditu titolizzat”, jew “forma ta’ prodott derivattiv relatat ma’ avveniment ta’ kreditu inkorporat f’titolu negozjabbli”.


97      Ara l-punt 26 tas-sentenza Kolassa.


98      Ara l-punt 15 tas-sentenza Kolassa.


99      Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twarrab is-soluzzjoni li ġiet adottata reċentement fis-sentenza tal-20 ta’ April 2016, Profit Investment SIM (C‑366/13, EU:C:2016:282, punt 56), fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża, minħabba l-prinċipju mfakkar fil-punt 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet (kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u d-distinzjoni possibbli bejn, minn naħa, il-klassifikazzjoni li tiddetermina l-ġurisdizzjoni u, min-naħa l-oħra, in-natura ta’ aġir ibbażat fuq id-dritt nazzjonali.


100      Cotiga, A., op. cit., b’mod partikolari p. 42, it-tieni paragrafu u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, li tagħmel riferiment għar-rapport spjegattiv tal-konvenzjoni ta’ Den Haag, tal-5 ta’ Lulju 2006, fuq il-liġi applikabbli għal ċerti drittijiet fuq titoli miżmuma għand intermedjarju.


101      Cotiga, A., op. cit., b’mod partikolari n-nota ta’ qiegħ il-paġna 27 (p. 44), kif ukoll Fyon, M., “Regards croisés sur l’arrêt Kolassa et sur diverses questions liées aux actions en responsabilité à l’encontre des émetteurs d’instruments financiers”, Revue pratique des sociétés – Tijdschrift voor Rechtspersoon en Vennootschap, De Gruyter, Berlin, 2016, nru 4, p. 405 sa 429, b’mod partikolari l-punt 15, li josserva li “Madankollu, M. Lehman ġustament jirrileva li din il-konklużjoni [dwar l-ineżistenza ta’ rabtiet kuntrattwali] hija marbuta kemm mal-klassifikazzjoni legali ta’ [dawn] ir-rabtiet […] kif ukoll man-natura tal-ilmenti (ta’ spiss ta’ natura delittwali) invokati mill-[individwu]”.


102      Ara, fuq id-diversifikazzjoni tal-modi taż-żamma tat-titoli, Cotiga, A., op. cit., b’mod partikolari p. 42.


103      Nirreferi għall-opinjoni ta’ Fyon, M., op. cit., b’mod partikolari l-punt 34, li nikkondividi. Ara, f’dan l-istess sens, Azi, A., “La solidarité financière dans la zone euro”, Revue Droit administratif, LexisNexis, Pariġis, Nru 8 u 9, 2012, p. 9 sa 18, b’mod partikolari, punti 5 u 6.


104      Ara s-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1992, Handte (C‑26/91, EU:C:1992:268).


105      Ara f’dan is-sens De Vauplane, H., op. cit., b’mod partikolari p. 775.


106      Haftel, B., “Circulation internationale des titres financiers, action en responsabilité et compétence juridictionnelle: questions de qualification”, Revue des contrats, Lextenso Éditions, Issy-les-Moulineaux, 2015, Nru 3, p. 547 sa 551, b’mod partikolari p. 548, kif ukoll, fl-istess sens, Fyon, M., op. cit., b’mod partikolari p. 36.


107      T‑79/13, EU:T:2015:756. Ta’ min jinnota li din is-sentenza hija ċċitata wkoll fis-sentenza Mamatas (punt 54).


108      Jista’ jiġi nnutat ukoll li l-Artikoli 6 u 8 tal-liġi 2198/1994 jidhru li jikkorroboraw din l-analiżi ġenerali.


109      Li jippermetti li jiġi distint il-każ fil-kawża prinċipali mill-kawża li tat lok għas-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1992, Handte (C‑26/91, EU:C:1992:268).


110      Li jippermetti li tiġi distinta l-kawża prinċipali mill-kawża li tat lok għas-sentenza Kolassa.


111      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1976, Industrie Tessili Italiana Como (12/76, EU:C:1976:133).


112      Ara, b’analoġija, fir-rigward ta’ tilwim relatat ma’ djun dwar kwistonijiet ta’ “tort jew kważi-delitt”, is-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).


113      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2018, Hofsoe (C‑106/17, EU:C:2018:50, punt 45).


114      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, ÖFAB (C‑147/12, EU:C:2013:490, punt 41).