Language of document : ECLI:EU:C:2018:911

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

15 ta’ Novembru 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1(1) – Kunċett ta’ ‘materji ċivili u kummerċjali’ – Bonds maħruġa minn Stat Membru – Parteċipazzjoni tas-settur privat fir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku ta’ dan l-Istat – Modifika unilaterali u retroattiva tal-kundizzjonijiet tas-self – Klawżoli ta’ azzjoni kollettiva – Rikors eżerċitat kontra l-imsemmi Stat minn kredituri privati detenturi ta’ dawn il-bonds bħala persuni fiżiċi – Responsabbilità tal-Istat għal atti jew ommissjonijiet imwettqa fl-eżerċizzju tal-awtorità tal-Istat”

Fil-Kawża C‑308/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ April 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Mejju 2017, fil-proċedura

Hellenische Republik

vs

Leo Kuhn

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President, li qed taġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, J.‑C. Bonichot, E. Regan, C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ April 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Hellenische Republik, minn K. Kitzberger, Rechtsanwältin,

–        għal L. Kuhn, minn M. Brand, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Elleniku, minn K. Boskovits, S. Charitaki, M. Vlassi u S. Papaioannou, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Pucciariello, avoccato dello Stato,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo u P. Lacerda, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u M. Heller, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Hellenische Republik (ir-Repubblika Ellenika) u Leo Kuhn dwar talba għall-eżekuzzjoni tal-kundizzjonijiet tas-self relatati ma’ bonds maħruġa minn dan l-Istat Membru jew għal kumpens minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tagħhom.

 Il-kuntest ġuridiku

 It-Trattat MES

3        Fit-2 ta’ Frar 2012 ġie konkluż, fi Brussell (il-Belġju), it-Trattat li jistabbilixxi l-mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka u r-Repubblika tal-Finlandja (iktar ’il quddiem it-“Trattat MES”). L-Artikolu 12(3) ta’ dan it-trattat jipprovdi li għandhom jiġu inklużi, mill-1 ta’ Jannar 2013, klawżoli dwar azzjoni kollettiva fit-titoli tal-gvern ġodda kollha taż-żona tal-euro, li jkollhom maturità itwal minn sena, b’mod li jiżgura li l-impatt legali tagħhom ikun identiku.

 Id-dritt tal-Unjoni

4        Il-premessi 4, 15 u 16 tar-Regolament Nru 1215/2012 jistabbilixxu:

“(4)      Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Huma essenzjali dispożizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, u sabiex jiżguraw għarfien u eżekuzzjoni malajr u sempliċi ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru.

[…]

(15) Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Il-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tat-tilwima jew [l-]awtonomija tal-partijiet ikunu jeħtieġu fattur ta’ konnessjoni differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(16)      Barra d-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm raġunijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni bbażati fuq konnessjoni mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. L-eżistenza ta’ konnessjoni mill-qrib għandha tiżgura ċ-ċertezza legali u tevita l-possibbiltà li l-konvenut jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru li dan il-konvenut ma setax raġonevolment jipprevedi. Dan hu importanti b’mod partikolari fir-rigward ta’ tilwim li jirriżulta minn obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn ksur tal-privatezza u tad-drittijiet relatati mal-personalità, inkluża l-malafama.”

5        L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, tkun xi tkun in-natura tal-qorti jew tat-tribunal. Huwa m’għandux jestendi, b’mod partikolari, għal kwistjonijiet ta’ dħul, dawk doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċitar tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii).”

6        L-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

7        L-Artikolu 7(1)(a) tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

(a)      fi kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettiqtal-obbligazzjoni in kwistjoni”.

 Id-dritt Grieg

8        Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, is-sistema tal-kontijiet kurrenti tal-Bank Ċentrali Grieg tinkludi kontijiet miftuħa f’isem kull parteċipant ammess mill-gvernatur ta’ dan il-bank ċentrali sabiex jipparteċipa f’din is-sistema.

9        Skont l-Artikolu 6(2) tal-Liġi 2198/1994, il-parteċipanti fis-sistema tal-kontijiet kurrenti tal-Bank Ċentrali Grieg jistgħu jagħtu drittijiet fir-rigward ta’ bond lil investituri terzi, imma l-att ġuridiku li permezz tiegħu jingħataw dawn id-drittijiet jipproduċi effett biss fil-konfront tal-partijiet ikkonċernati, bl-esklużjoni espliċita ta’ kwalunkwe effett favur jew kontra r-Repubblika Ellenika.

10      L-Artikolu 6(4) ta’ din il-liġi jipprovdi li bond jiġi ttrasferit bir-reġistrazzjoni tiegħu fil-kreditu tal-kont ta’ parteċipant fl-imsemmija sistema.

11      Barra minn hekk, il-Liġi Nru 4050/2012, tat-23 ta’ Frar 2012, li tippreskrivi regoli li jemendaw, bil-kunsens tad-detenturi, it-titoli maħruġa jew iggarantiti mill-Istat Grieg (FEK A’ 36/23.2.2012), tipprovdi, essenzjalment, li d-detenturi ta’ ċerti bonds sovrani Griegi jirċievu proposta ta’ “ristrutturazzjoni”, li permezz tagħha jintalbu mill-Istat Grieg jiddeċiedu jekk jaċċettawx l-emenda tat-titoli eliġibbli koperti minn din il-proposta.

12      Skont l-Artikolu 1(4) ta’ din il-liġi, l-emenda tat-titoli koperti tirrikjedi li jintlaħaq kworum li jirrappreżenta 50 % tat-total tal-ammont tal-investiment tal-bonds ikkonċernati, kif ukoll maġġoranza kkwalifikata li tikkorrispondi għal żewġ terzi tal-kapital parteċipanti.

13      L-Artikolu 1(9) tal-imsemmija liġi jipprevedi wkoll l-introduzzjoni ta’ klawżola ta’ ristrutturazzjoni jew “klawżola ta’ azzjoni kollettiva” (iktar ’il quddiem il-“KAK”) li tippermetti l-emenda tal-kundizzjonijiet tas-self inizjali permezz ta’ deċiżjonijiet adottati bil-maġġoranza kkwalifikata tal-kapital li jkun hemm pendenti u li japplikaw ukoll għall-minoranza.

14      Skont din id-dispożizzjoni, id-deċiżjoni adottata mid-detenturi ta’ bonds, li japprovaw jew li jirrifjutaw l-offerta ta’ ristrutturazzjoni sottomessa mill-Istat Grieg, tapplika erga omnes, hija vinkolanti għall-kredituri tal-bonds kollha kkonċernati u tħassar kull liġi ġenerali jew speċifika, kull deċiżjoni amministrattiva u kull kuntratt li jopponu tali deċiżjoni.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15      F’data mhux speċifikata, qabel l-2011, L. Kuhn, iddomiċiljat fi Vjenna (l‑Awstrija), akkwista, permezz ta’ bank depożitarju stabbilit fl-Awstrija, bonds b’valur nominali ta’ EUR 35 000, maħruġa mir-Repubblika Ellenika, suġġetti għal-liġi Griega u nnegozjati fil-Borża ta’ Ateni (il-Greċja) bħala “titoli”, jiġifieri krediti rreġistrati fir-reġistru tat-titoli tad-dejn pubbliku. Dawn it-titoli ġew irreġistrati fis-sistema tal-kontijiet kurrenti tal-Bank Ċentrali Grieg.

16      Dawn il-bonds sovrani, b’data ta’ skadenza tal-20 ta’ Frar 2012, ġew ikkreditati fil-kont tat-titoli fi ħdan il-bank depożitarju li tiegħu L. Kuhn huwa d-detentur. Dawn huma titoli bearer li jagħtu dritt, skont il-kundizzjonijiet ta’ self, għar-rimbors tal-kapital fil-maturità u għall-ħlas tal-interessi.

17      Il-qorti tar-rinviju tqis li ma teżisti ebda relazzjoni kuntrattwali bejn L. Kuhn u r-Repubblika Ellenika

18      Skont dik il-qorti, kemm mid-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 2198/1994 kif ukoll mill-kundizzjonijiet tas-self relatati mal-bonds sovrani kkonċernati jirriżulta li kienu, l-ewwel nett, il-parteċipanti fl-imsemmija sistema ta’ kontijiet kurrenti tal-Bank Ċentrali Griega li saru detenturi u kredituri ta’ dawn il-bonds, trażmessi bir-reġistrazzjoni tagħhom fil-kreditu tal-kont ta’ dawn il-parteċipanti, u dan filwaqt li, għalkemm dawn tal-aħħar jistgħu jagħtu drittijiet marbuta mal-imsemmija bonds lil investituri terzi, l-att ġuridiku li permezz tiegħu jingħataw dawn id-drittijiet ikollu effett biss, madankollu, fir-rigward tal-persuni kkonċernati, bl-esklużjoni espliċita ta’ kull effett favur jew għad-detriment tar-Repubblika Ellenika.

19      Wara l-adozzjoni tal-Liġi Nru 4050/2012, ir-Repubblika Ellenika biddlet il-bonds akkwistati minn L. Kuhn u ssostitwiethom b’bonds sovrani ġodda b’valur nominali iktar baxx.

20      Il-qorti tar-rinviju tindika li, skont l-allegazzjonijiet ta’ L. Kuhn, ir-Repubblika Ellenika, sal-jum ta’ din il-konverżjoni, ħallset interessi fil-kont miftuħ f’ismu f’bank stabbilit fl-Awstrija. Hija tippreċiża li L. Kuhn kien biegħ il-bonds ikkonvertiti għal EUR 7 831.58, li kkawżawlu telf ta’ EUR 28 673.42, somma din li tikkorrispondi għall-valur nominali tal-bonds fid-data tal-maturità, jiġifieri l-20 ta’ Frar 2012, flimkien mal-interessi u l-ispejjeż.

21      L. Kuhn ippreżenta rikors quddiem il-Landesgericht für Zivilrechtssachen Wien (il-Qorti Reġjonali ta’ Vjenna għal Kwistjonijiet Ċivili, l-Awstrija) kontra r-Repubblika Ellenika bil-għan li jikseb l-eżekuzzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ self relatati mal-bonds inkwistjoni jew kumpens għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tagħhom.

22      B’digriet tat-8 ta’ Jannar 2016, dik il-qorti ddikjarat li, fuq livell internazzjonali, ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tisma’ dak ir-rikors.

23      Adita b’appell minn dak id-digriet, l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), b’digriet tal-25 ta’ Frar 2016, ċaħdet l-eċċezzjoni li l-qrati Awstrijaċi ma kellhomx ġurisdizzjoni għar-raġuni li t-talba ta’ L. Kuhn ma kinitx ibbażata fuq att leġiżlattiv Grieg, imma fuq il-kundizzjonijiet ta’ self inizjali għall-bonds sovrani inkwistjoni u li l-qorti kompetenti hija indikata mid-dritt Grieg, f’dan il-każ dik tad-domiċilju tal-kreditur, il-post fejn id-dejn tal-flus kellu jiġi eżegwit.

24      Ir-Repubblika Ellenika ppreżentat “appell straordinarju” minn dak id-digriet quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija)..

25      Skont din tal-aħħar, sa fejn L. Kuhn isostni li r-Repubblika Ellenika għandha tapplika l-kundizzjonijiet ta’ self tal-bonds sovrani kkonċernati, huwa ġustament jirreferi għal relazzjoni ġuridika allegata bejnu, bħala akkwirent ta’ dawn il-bonds, u r-Repubblika Ellenika, bħala l-emittenti tal-imsemmija bonds, b’tali mod li jeżisti dritt kuntrattwali “sekondarju”, skont il-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li,

–        il-post ta’ eżekuzzjoni fis-sens ta’ tali dispożizzjoni għandu jiġi identifikat fuq il-bażi tal-ftehim kuntrattwali inizjali, anki fil-każ – bħal dak ineżami – ta’ trasferiment ripetut ta’ kreditu fuq bażi kuntrattwali;

–        fil-każ li tintalab l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ bond tal-gvern bħal dak maħruġ, f’dan il-każ, mir-Repubblika Ellenika, jew jintalab kumpens għal dannu għall-ineżekuzzjoni ta’ din l-osservanza, il-post ta’ eżekuzzjoni effettiv għandu jiġi stabbilit immedjatament mal-ħlas ta’ interessi li jirriżultaw minn dan il-bond tal-gvern f’kont bankarju ta’ persuna li għandha portafoll ta’ titoli nazzjonali;

–        il-fatt li l-ftehim kuntrattwali inizjali stabbilixxa post ta’ eżekuzzjoni legali fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) tal-imsemmi regolament jipprekludi li jiġi rrikonoxxut post ta’ eżekuzzjoni ieħor fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni fuq il-bażi tat-twettiq effettiv sussegwenti ta’ kuntratt?”

 Fuq id-domanda preliminari

27      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta persuna tkun kisbet, permezz ta’ bank depożitarju, bonds sovrani maħruġa minn Stat Membru, il-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li “l-post tat-twettiq tal-obbligu inkwistjoni” huwa ddeterminat mill-kundizzjonijiet ta’ self kif stabbiliti meta jinħarġu dawn il-bonds, jew jekk dan il-post huwiex il-post tal-eżekuzzjoni effettiva tal-imsemmija kundizzjonijiet, bħall-ħlas tal-interessi.

28      Ir-Repubblika Ellenika kif ukoll il-Gvern Grieg u dak Taljan isostnu li t-tilwima fil-kawża prinċipali ma taqax taħt “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, peress li dan l-artikolu jirrigwarda d-dritt sovran ta’ Stat Membru li jilleġiżla sabiex jirristruttura d-dejn pubbliku tiegħu.

29      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha preliminarjament tiddetermina jekk tilwima bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tiġi kkwalifikata bħala li tikkonċerna “materji ċivili u kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament.

30      Skont din id-dispożizzjoni, ir-Regolament Nru 1215/2012 ma japplikax, b’mod partikolari, “għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċitar tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii)”.

31      Sa fejn ir-Regolament Nru 1215/2012 iħassar u jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament tal-aħħar tgħodd ukoll għar-Regolament Nru 1215/2012 meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ strumenti tad-dritt tal-Unjoni jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti (sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2016, Schmidt, C‑417/15, EU:C:2016:881, punt 26, u tad-9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking, C‑551/15, EU:C:2017:193, punt 31).

32      Dan huwa l-każ tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001 u tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, li jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti għal “materji ċivili u kummerċjali”, mingħajr madankollu ma jiddefinixxu l-kontenut u l-portata ta’ dan il-kunċett, liema kunċett il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet għandu jiġi kkunsidrat bħala wieħed awtonomu li għandu jiġi interpretat b’riferiment, minn naħa, għall-għanijiet u għas-sistema ta’ dawn ir-regolamenti u, min-naħa l-oħra, għall-prinċipji ġenerali li joħorġu mill-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali (sentenzi tat-11 ta’ Ġunju 2015, Fahnenbrock et, C-226/13, C-245/13 u C-247/13, EU:C:2015:383, punt 35, kif ukoll tad-9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking, C-551/15, EU:C:2017:193, punt 33).

33      Din l-interpretazzjoni twassal sabiex jiġu esklużi ċerti azzjonijiet jew deċiżjonijiet ġudizzjarji mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 minħabba elementi li jikkaratterizzaw in-natura tar-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-partijiet fit-tilwima jew is-suġġett tagħha (sentenza tal-15 ta’ Frar 2007, Lechouritou et, C‑292/05, EU:C:2007:102, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, għalkemm ċertu tilwim bejn awtorità pubblika u persuna rregolata mid-dritt privat jista’ jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, tkun ħaġa oħra meta l-awtorità pubblika taġixxi fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika (sentenza tal-15 ta’ Frar 2007, Lechouritou et, C-292/05, EU:C:2007:102, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, meta jkun hemm kontestazzjonijiet li jirriżultaw minn manifestazzjoni ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika minn waħda mill-partijiet fit-tilwima, minħabba l-eżerċizzju minnha ta’ setgħat li jeċċedu dawk tar-regoli tad-dritt komuni applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi (sentenza tal-15 ta’ Frar 2007, Lechouritou et, C-292/05, EU:C:2007:102, punt 34).

36      Fir-rigward tat-tilwima fil-kawża prinċipali, huwa xieraq, għalhekk, li jiġi ddeterminat jekk din toriġinax minn atti tar-Repubblika Ellenika li jirriżultaw mill-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika.

37      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 62 et seq. tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-manifestazzjoni ta’ dan l-eżerċizzju tirriżulta, f’dan il-każ, kemm min-natura u l-modalitajiet tal-emendi tar-relazzjoni eżistenti bejn ir-Repubblika Ellenika u s-sidien tat-titoli ta’ bonds sovrani inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll miċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li fih saru dawn l-emendi.

38      Fil-fatt, wara l-adozzjoni tal-Liġi Nru 4050/2012 mil-leġiżlatur Grieg u l-introduzzjoni retroattiva ta’ KAK permezz ta’ din il-liġi, dawn it-titoli ġew issostitwiti b’titoli ġodda ta’ valur nominali sinjifikattivament iktar baxx. Tali sostituzzjoni ta’ titoli la kienet prevista fil-kundizzjonijiet ta’ self inizjali u lanqas fid-dritt Grieg fis-seħħ mal-ħruġ tat-titoli rregolati b’dawn il-kundizzjonijiet.

39      Għalhekk, din l-introduzzjoni retroattiva ta’ KAK ippermettiet lir-Repubblika Ellenika timponi fuq id-detenturi kollha tat-titoli emenda sostanzjali fil-kundizzjonijiet finanzjarji ta’ dawn it-titoli, inkluż fuq dawk li kienu xtaqu joġġezzjonaw għal tali emenda.

40      Barra minn hekk, dan l-użu ta’ introduzzjoni retroattiva ta’ KAK, użu li qatt ma kien sar qabel, u l-emenda konsegwenti tal-imsemmija kundizzjonijiet finanzjarji, seħħew f’kuntest u f’ċirkustanzi eċċezzjonali ta’ kriżi finanzjarja serja. B’mod partikolari, huma kienu ddettati mill-ħtieġa, fil-kuntest ta’ mekkaniżmu intergovernattiv ta’ assistenza, li jiġi rristrutturat id-dejn pubbliku tal-Istat Grieg u li jiġi evitat ir-riskju ta’ falliment tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni tiegħu, sabiex tiġi evitata l-inadempjenza ta’ dan l-Istat kif ukoll sabiex tiġi ggarantita l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro. Permezz ta’ dikjarazzjonijiet tal-21 ta’ Lulju u tas-26 ta’ Ottubru 2011, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern taż-żona tal-euro kkonfermaw ukoll li, rigward l-involviment tas-settur privat, is-sitwazzjoni fir-Repubblika Ellenika kienet teħtieġ soluzzjoni eċċezzjonali.

41      In-natura eċċezzjonali ta’ din is-sitwazzjoni tirriżulta wkoll mill-fatt li, skont l-Artikolu 12(3) tat-Trattat MES, mill-1 ta’ Jannar 2013, għandhom jiġu inklużi KAK fit-titoli tal-gvern ġodda kollha taż-żona tal-euro, li jkollhom maturità itwal minn sena, b’mod li jiżgura li l-impatt legali tagħhom ikun identiku.

42      Minn dan jirriżulta li, fid-dawl tan-natura eċċezzjonali tal-kundizzjonijiet u taċ-ċirkustanzi li fihom ġiet adottata l-Liġi Nru 4050/2012, li bis-saħħa tagħha l-kundizzjonijiet ta’ self inizjali tal-bonds sovrani inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew unilateralment u retroattivament emendati bl-introduzzjoni ta’ KAK, kif ukoll tal-għan ta’ interess ġenerali mfittex minnha, it-tilwima fil-kawża prinċipali toriġina minn manifestazzjoni ta’ setgħa pubblika u hija r-riżultat ta’ atti tal-Istat Grieg fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa pubblika, b’tali mod li din it-tilwima ma taqax taħt “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012.

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li tilwima, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar azzjoni mressqa minn persuna fiżika li xtrat bonds maħruġa minn Stat Membru, kontra l-istess Stat Membru u intiża li tikkontesta skambju tal-imsemmija bonds b’bonds ta’ valur inqas, liema skambju kien impost fuq din il-persuna fiżika permezz ta’ liġi, adottata f’ċirkustanzi eċċezzjonali mil-leġiżlatur nazzjonali, li bis-saħħa tagħha dawn il-kundizzjonijiet ġew unilateralment u retroattivament emendati bl-introduzzjoni ta’ KAK li tippermetti lill-maġġoranza ta’ detenturi ta’ bonds ikkonċernati jimponu dan l-iskambju fuq il-minoranza, ma taqax taħt “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

44      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li tilwima, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar azzjoni mressqa minn persuna fiżika li xtrat bonds maħruġa minn Stat Membru, kontra l-istess Stat Membru u intiża li tikkontesta skambju tal-imsemmija bonds b’bonds ta’ valur inqas, liema skambju kien impost fuq din il-persuna fiżika permezz ta’ liġi, adottata f’ċirkustanzi eċċezzjonali mil-leġiżlatur nazzjonali, li bis-saħħa tagħha dawn il-kundizzjonijiet ġew unilateralment u retroattivament emendati bl-introduzzjoni ta’ klawżola ta’ azzjoni kollettiva li tippermetti lill-maġġoranza ta’ detenturi ta’ bonds ikkonċernati jimponu dan l-iskambju fuq il-minoranza, ma taqax taħt “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.