Language of document : ECLI:EU:C:2018:999

Kawża C621/18

Andy Wightman et

vs

Secretary of State for Exiting the European Union

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Court of Session, Inner House, First Division (Scotland))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 50 TUE – Notifika minn Stat Membru tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea – Konsegwenzi tan-notifika – Dritt ta’ revoka unilaterali tan-notifika – Kundizzjonijiet”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Qorti Plenarja) tal-10 ta’ Diċembru 2018

1.        Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali – Evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża prinċipali u tal-konformità tad-deċiżjoni tar-rinviju mad-dritt nazzjonali – Verifika mill-Qorti tal-Ġustizzja – Esklużjoni – Natura dikjaratorja tal-azzjoni fil-kawża prinċipali – Ċirkustanza insuffiċjenti sabiex tiġi eskluża l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

(Artikolu 267 TFUE)

2.        Stati Membri – Ħruġ mill-Unjoni Ewropea – Deċiżjoni ta’ Stat Membru li tiftaħ il-proċedura ta’ ħruġ – Notifika lill-Kunsill Ewropew – Possibbiltà ta’ revoka unilaterali – Kundizzjonijiet – Konsegwenzi

(Artikoli 49 TUE u 50 TUE)

1.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali fil-każ biss li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 25, kif ukoll tas-7 ta’ Frar 2018, American Express, C‑304/16, EU:C:2018:66, punt 32). Issa, ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja la huwa li ddaħħal inkwistjoni l-evalwazzjoni mill-qorti tar-rinviju tal-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża prinċipali, evalwazzjoni li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, taqa’ fil-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali, u lanqas li tivverifika jekk id-deċiżjoni tar-rinviju tteħditx konformement mar-regoli nazzjonali dwar l-organizzazzjoni u l-proċedura ġudizzjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 26, kif ukoll tas-7 ta’ Frar 2018, American Express, C‑304/16, EU:C:2018:66, punt 34). F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ċaħdet l-oġġezzjonijiet dwar l-ammissibbiltà mqajma quddiemha mill-Gvern tar-Renju Unit fuq il-bażi tan-natura ipotetika jew akkademika tar-rikors fil-kawża prinċipali. Minn dan isegwi li, sa fejn l-argumenti tal-Gvern tar-Renju Unit u tal-Kummissjoni huma intiżi li jdaħħlu inkwistjoni l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, dawn l-argumenti ma għandhom ebda rilevanza fil-konfront tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 33).

Barra minn hekk, il-fatt li l-azzjoni fil-kawża prinċipali għandha natura dikjaratorja ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari f’sitwazzjoni fejn din l-azzjoni tkun awtorizzata mid-dritt nazzjonali u din id-domanda tissodisfa ħtieġa oġġettiva għas-soluzzjoni tat-tilwima li biha l-qorti tar-rinviju tkun debitament adita (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 65, kif ukoll tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 28). Għaldaqstant, hemm fil-fatt tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, u dan minkejja li l-konvenut fil-kawża prinċipali għażel li ma jiħux pożizzjoni fuq il-mertu tal-kwistjoni mqajma mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, billi sostna biss li r-rikors tagħhom huwa inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical, C‑343/09, EU:C:2010:419, punti 11 u 15).

(ara l-punti 27, 30 sa 32)

2.      L-Artikolu 50 TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta Stat Membru jkun innotifika lill-Kunsill Ewropew, konformement ma’ dan l-artikolu, l-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea, l-imsemmi artikolu jippermetti lil dan l-Istat Membru, sakemm ma jkunx daħal fis-seħħ ftehim dwar il-ħruġ konkluż bejn l-imsemmi Stat Membru u l-Unjoni Ewropea jew, fl-assenza ta’ tali ftehim, sakemm it-terminu ta’ sentejn previst fil-paragrafu 3 ta’ dan l-istess artikolu, kif eventwalment estiż konformement ma’ dan il-paragrafu, ma jkunx skada, jirrevoka unilateralment, b’mod inekwivoku u inkundizzjonat, din in-notifika billi jikkomunika din ir-revoka bil-miktub lill-Kunsill Ewropew, wara li l-Istat Membru kkonċernat ikun ħa d-deċiżjoni ta’ revoka konformement mal-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu. L-għan ta’ tali revoka jkun il-konferma tas-sħubija ta’ dan l-Istat Membru mal-Unjoni Ewropea mingħajr ebda bidla fir-rigward tal-istatus tiegħu bħala Stat Membru, u din ir-revoka ttemm il-proċedura ta’ ħruġ.

Fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 50 TUE, għandu jsir riferiment għat-tlettax-il premessa tal-preambolu tat-Trattat UE, għall-ewwel premessa tal-preambolu tat-Trattat FUE kif ukoll għall-Artikolu 1 TUE, li minnhom jirriżulta li l-għan tat-Trattati huwa li joħolqu għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli tal-Ewropa, kif ukoll għat-tieni premessa tal-preambolu tat-Trattat FUE, li minnha jirriżulta li l-Unjoni hija intiża li tneħħi l-barrieri li jaqsmu l-Ewropa. Għandha tiġi enfasizzata wkoll l-importanza tal-valuri ta’ libertà u ta’ demokrazija, irrikonoxxuti fit-tieni u fir-raba’ premessi tal-preambolu tat-Trattat UE, li huma fost il-valuri komuni msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan it-trattat kif ukoll fil-preambolu tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u li f’dan is-sens jikkostitwixxu l-bażi stess tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punti 303 u 304). Kif jirriżulta mill-Artikolu 49 TUE, li jipprevedi l-possibbiltà għal kull Stat Ewropew li jitlob li jsir Membru tal-Unjoni u li tiegħu l-Artikolu 50 TUE, dwar id-dritt ta’ ħruġ, huwa l-kontroparti, l-Unjoni tiġbor fi ħdanha Stati li b’mod liberu u volontarju aderixxew ma’ dawn il-valuri, u d-dritt tal-Unjoni huwa għalhekk ibbażat fuq il-premessa fundamentali li kull Stat Membru jikkondividi l-imsemmija valuri mal-Istati Membri l-oħra kollha, u jirrikonoxxi li dawn jikkondividuhom miegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet fis-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 35).

F’dawn iċ-ċirkustanzi, la Stat ma jistax jiġi mġiegħel jaderixxi mal-Unjoni kontra r-rieda tiegħu, huwa lanqas ma jista’ jiġi mġiegħel joħroġ mill-Unjoni kontra r-rieda tiegħu. Issa, jekk in-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ ikollha twassal inevitabbilment għall-ħruġ tal-Istat Membru kkonċernat fi tmiem il-perijodu previst fl-Artikolu 50(3) TUE, dan l-Istat Membru jista’ jiġi mġiegħel joħroġ mill-Unjoni kontra r-rieda tiegħu, kif espressa wara proċess demokratiku konformi mal-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu, li jreġġa’ lura d-deċiżjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni u, għalhekk, li jibqa’ Membru tagħha. Għandu jiġi kkonstatat li tali riżultat ikun kuntrarju għall-għanijiet u għall-valuri mfakkra fil-punti 61 u 62 ta’ din is-sentenza. B’mod partikolari, ikun kuntrarju għall-għan tat-Trattati li tinħoloq għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli tal-Ewropa jekk ikun imġiegħel joħroġ Stat Membru li, wara li jkun innotifika l-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni konformement mal-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu u wara proċess demokratiku, jiddeċiedi li jirrevoka n-notifika ta’ din l-intenzjoni fil-kuntest ta’ tali proċess.

Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-istipulazzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, li kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni fix-xogħlijiet preparatorji tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa. Fil-fatt, fil-każ li trattat jawtorizza ħruġ skont id-dispożizzjonijiet tiegħu, l-Artikolu 68 ta’ din il-konvenzjoni jispeċifika, b’mod partikolari, fi kliem ċar u inkundizzjonat, li notifika ta’ ħruġ, bħal dik prevista fl-Artikoli 65 u 67 tal-imsemmija konvenzjoni, tista’ tiġi rrevokata f’kull mument qabel tidħol fis-seħħ.

(ara l-punti 61 sa 63, 65 sa 67, 70, 71, 75, u d-dispożittiv)