Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fil-11 ta’ April 2018 – Staatssecretaris van Financiën, parti oħra: CEVA Freight Holland BV

(Kawża C-249/18)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hoge Raad der Nederlanden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Staatssecretaris van Financiën

Parti oħra: CEVA Freight Holland BV

Domandi preliminari

L-Artikolu 78 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 1 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ teħid inkunsiderazzjoni a posteriori u abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 147(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 2 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju, dikjarant jista’ jagħżel prezz ieħor ta’ tranżazzjoni, inqas għoli, għal merkanzija importata, sabiex jikseb tnaqqis fid-dejn doganali?

a. Id-determinazzjoni tal-mument li fih seħħet il-komunikazzjoni lid-debitur, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 221(3) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92, hija kwistjoni li taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni?

b. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-punt (a) tat-tieni domanda, l-Artikolu 221(3) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-komunikazzjoni lid-debitur li tirreferi għaliha din id-dispożizzjoni għandha tkun ġiet irċevuta minn dan tal-aħħar fit-terminu ta’ tliet snin li jibda jiddekorri mit-tnissil tad-dejn doganali, jew huwa biżżejjed li din il-komunikazzjoni tkun intbagħtet lid-debitur qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu?

____________

1     Regolament tat-12 ta’ Ottubru 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307).

2     Regolament tat-2 ta’ Lulju 1993 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3).