Language of document : ECLI:EU:C:2018:875

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis-6 ta’ Novembru 2018 (1)

Kawża C-492/18 (PPU)

Openbaar Ministerie

vs

TC

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura għal deċiżjoni preliminari b’urġenza – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni ta’ konsenja – Artikolu 17 – Drittijiet tal-persuna mfittxija – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 6 – Dritt għal-libertà”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (iktar ’il quddiem il-“MAE”) maħruġ minn awtorità ġudizzjarja tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq kontra TC għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali.

2.        Wara l-arrest ta’ TC fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ġiet adita, fil-kawża RO (2), b’rinviju għal deċiżjoni preliminari fuq l-implikazzjonijiet tan-notifika mir-Renju Unit tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 50(2) TUE, fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ MAE maħruġ mill-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru. Il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża ddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni tagħha sakemm tingħata s-sentenza fil-kawża RO, li wasslet sabiex TC jinżamm taħt detenzjoni għal perijodu ta’ iktar minn 90 jum.

3.        Issa, skont dispożizzjoni li tittrasponi d-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/JAI (3) fid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, id-detenzjoni ta’ persuna mfittxija fuq il-bażi ta’ MAE għandha tiġi sospiża wara l-iskadenza ta’ 90 jum mill-arrest tagħha. Madankollu, il-qrati tal-Pajjiżi l-Baxxi jqisu li hemm lok li jiġi sospiż dan it-terminu sabiex din il-persuna tinżamm taħt detenzjoni.

4.        Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konformità taż-żamma ta’ TC taħt detenzjoni mal-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

5.        Skont l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas din “m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea”.

6.        Skont l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Iż-żamma tal-persuna f’detenzjoni”, jistabbilixxi:

“Meta persuna tiġi arrestata abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk il-persuna rikjesta għandhiex tibqa’ f’detenzjoni, skond il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni. Il-persuna tista’ tiġi meħlusa proviżorjament fi kwalunkwe ħin f’konformità mal-liġi domestika ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni, bil-kondizzjoni li l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru tieħu l-miżuri kollha li tikkunsidra meħtieġa biex tippreveni li l-persuna taħrab.”

7.        Skont l-Artikolu 17(1), (3) sa (5) u (7) tad-Deċiżjoni Qafas:

“1.      Mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi ttrattat u esegwit b’urġenza.

[…]

3.      F’kazijiet oħra, id-deċiżjoni finali dwar l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha tittieħed f’perjodu ta’ 60 jum wara l-arrest tal-persuna rikjesta.

4.      Fejn f’każijiet speċifiċi l-mandat ta’ arrest Ewropew ma jistax jiġi esegwit fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-paragrafi 2 jew 3, l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tinforma immedjatament lill-awtorità ġudizzjarja emittenti b’dan, u tagħti r-raġunijiet għad-dewmien. F’dan il-każ, il-limiti ta’ żmien jistgħu jiġu estiżi b’30 jum ieħor.

5.      Sakemm l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni finali dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew, hija għandha tiżgura li l-kondizzjonijiet materjali meħtieġa għall-konsenja effettiva tal-persuna jibqgħu sodisfatti.

[…]

7.      Fejn f’ċirkostanzi eċċezzjonali Stat Membru ma jistax iħares il-limiti ta’ żmien previsti f’dan l-Artikolu, huwa għandu jinforma lill-Eurojust, waqt li jagħti r-raġunijiet għad-dewmien. Barra dan, Stat Membru li esperjenza dewmien ripetut min-naħa ta’ Stat Membru ieħor fl-esekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest Ewropej għandu jinforma lill-Kunsill bil-għan li tiġi evalwata l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru fil-livell ta’ l-Istati Membri.”

B.      Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

8.        Id-Deċiżjoni Qafas ġiet trasposta fid-dritt Olandiż permezz tal-Overleverinsgswet (Stb. 2004, 195) (il-Liġi dwar il-konsenja, iktar ’il quddiem l-“OLW”). L-Artikolu 22(1), (3) u (4) tal-OLW jiddisponi:

“1.      Id-deċiżjoni dwar il-konsenja għandha ssir mir-rechtbank (il-qorti distrettwali) mhux iktar tard minn sittin jum wara l-arrest tal-persuna rikjesta, imsemmija fl-Artikolu 21.

[…]

3.      F’każijiet eċċezzjonali u wara li tindika r-raġunijiet lill-awtorità ġudizzjarja emittenti, ir-rechtbank (il-qorti distrettwali) tista’ testendi sa massimu ta’ tletin jum it-terminu ta’ sittin jum.

4.      Jekk, fit-terminu indikat fil-paragrafu 3, ir-rechtbank (il-qorti distrettwali) ma tkunx ħadet deċiżjoni, hija tista’ testendi għal darba oħra t-terminu għal perijodu indefinit, permezz ta’ sospensjoni temporanja, taħt kundizzjonijiet, taċ-ċaħda tal-libertà tal-persuna rikjesta u li l-awtorità ġudizzjarja emittenti tiġi informata b’dan.”

9.        Skont l-Artikolu 64 tal-OLW:

“1.      Fil-każijiet fejn deċiżjoni dwar iċ-ċaħda tal-libertà tista’ jew għandha tiġi adottata skont din il-liġi, jista’ jiġi ordnat li din iċ-ċaħda tal-libertà tiġi posposta jew sospiża taħt kundizzjonijiet sakemm tingħata d-deċiżjoni tar-rechtbank (il-qorti distrettwali) li tawtorizza l-konsenja. Il-kundizzjonijiet stabbiliti huma maħsuba biss sabiex jipprevjenu l-ħarba.

2.      L-Artikolu 80, bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 2 tiegħu, u l-Artikoli 81 sa 88 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali għandhom japplikaw mutatis mutandis għal digrieti mogħtija mir-rechtbank (il-qorti distrettwali) jew il-qorti istruttorja bis-saħħa tal-paragrafu 1.”

10.      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 84(1) tal-Wetboek van Strafvordering (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Olandiż), applikabbli fuq il-bażi tal-Artikolu 64(2) tal-OLW, il-prosekutur jista’ jordna l-arrest tal-persuna rikjesta f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ waħda mill-kundizzjonijiet imposti għas-sospensjoni tad-detenzjoni fid-dawl tal-konsenja, jew jekk riskju ta’ ħarba jirriżulta minn ċirkustanzi speċifiċi.

III. Il-fatti u l-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju

11.      Fit-12 ta’ Ġunju 2017, awtorità ġudizzjarja tar-Renju Unit ħarġet MAE għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali kontra TC, ċittadin Brittaniku residenti fi Spanja li kien issuspettat li pparteċipa fl-importazzjoni, fid-distribuzzjoni u l-bejgħ ta’ drogi qawwija.

12.      Fl-4 ta’ April 2018, TC kien ġie arrestat fil-Pajjiżi l-Baxxi. It-terminu ta’ 60 jum, previst fl-Artikolu 22(1) tal-OLW u tal-Artikolu 17(3) tad-Deċiżjoni Qafas għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni ta’ MAE beda jiddekorri minn dik id-data.

13.      Fil-31 ta’ Mejju 2018, il-qorti tar-rinviju estendiet bi 30 jum it-terminu tal-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni ta’ MAE.

14.      Permezz tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 2018, il-qorti tar-rinviju ssospendiet il-proċeduri sakemm tingħata s-sentenza fil-kawża RO (4). Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju awtorizzat is-sospensjoni tat-terminu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-MAE, b’tali mod li TC inżamm taħt detenzjoni.

15.      Fis-27 ta’ Ġunju 2018, l-avukat ta’ TC, fuq il-bażi tal-Artikolu 22(4) tal-OLW, ippreżenta quddiem il-qorti tar-rinviju talba għal-libertà provviżorja tiegħu b’effett mill-4 ta’ Lulju 2018, jiġifieri wara 90 jum ta’ detenzjoni. Fil-fatt, skont l-Artikolu 22(4) tal-OLW, il-qorti tar-rinviju għandha, bħala regola ġenerali, ittemm id-detenzjoni għall-konsenja tal-persuna rikjesta meta jiskadi t-terminu ta’ 90 jum mogħti sabiex tiġi adottata deċiżjoni definittiva dwar l-eżekuzzjoni tal-MAE.

16.      Minkejja dan, il-qorti tar-rinviju tqis, fl-ewwel lok, li fit-traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, il-leġiżlatur Olandiż qagħad fuq il-premessa li, skont dik id-Deċiżjoni Qafas, meta jiskadi t-terminu ta’ 90 jum, il-persuna rikjesta ma tibqax taħt detenzjoni bil-għan li tiġi kkonsenjata. Issa jirriżulta mis-sentenza Lanigan (5) li d-Deċiżjoni Qafas ma tipprevedix obbligu ġenerali u inkundizzjonat ta’ libertà (provviżorja) fil-każ li jinqabeż it-terminu ta’ 90 jum, sakemm il-proċedura ta’ konsenja tkun tmexxiet b’mod suffiċjentement diliġenti u, b’hekk, iż-żmien tad-detenzjoni ma jkunx ta’ natura eċċessiva (6).

17.      Fit-tieni lok, ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) iżżid li l-Artikolu 22(4) tal-OLW ma jiħux biżżejjed inkunsiderazzjoni l-obbligi imposti fuq il-qorti tar-rinviju skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni.

18.      B’mod iktar speċifiku, il-qorti tar-rinviju tindika li hija obbligata, l-ewwel nett, li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda preliminari meta risposta għal din id-domanda hija meħtieġa sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni ta’ MAE, it-tieni nett, li tistenna r-risposta għad-domandi magħmula mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stati Membri oħra meta r-risposta għal domanda magħmula minn qorti oħra hija meħtieġa sabiex tieħu d-deċiżjoni tagħha u, fl-aħħar, it-tielet nett, skont is-sentenza Aranyosi u Căldăraru (7), li tipposponi d-deċiżjoni tagħha fuq il-konsenja jekk hemm riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti fil-konfront tal-persuna rikjesta fl-Istat Membru emittenti.

19.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża wkoll li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ċirkustanzi li joħolqu wieħed mill-obbligi msemmija iktar ’il fuq jikkostitwixxu “ċirkustanzi eċċezzjonali” fis-sens tal-Artikolu 17(7) tad-deċiżjoni qafas li jipprekludu l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni milli josserva t-terminu ta’ deċiżjoni ta’ 90 jum (8).

20.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li identifikat numru ta’ raġunijiet li, fil-fehma tagħha, juru r-riskju li TC jaħrab wara li jingħata l-libertà. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tqis li ma hijiex f’pożizzjoni li ttemm iċ-ċaħda tal-libertà ta’ TC filwaqt li tiżgura li jibqgħu ssodisfatti l-kundizzjonijiet materjali meħtieġa għal konsenja effettiva ta’ TC fis-sens tal-Artikolu 17(5) tad-Deċiżjoni Qafas.

21.      Sabiex tissolva l-kontradizzjoni bejn l-obbligi li għandha l-qorti tar-rinviju u l-kliem tal-Artikolu 22(4) tal-OLW, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li waslet, f’deċiżjonijiet preċedenti, għal interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li hija tqis li hija f’konformità mad-Deċiżjoni Qafas. B’hekk, skont din l-interpretazzjoni, fil-preżenza ta’ ċirkustanzi li joħolqu wieħed mill-obbligi msemmija fil-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet, hija għandha tissospendi t-terminu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni ta’ MAE. Matul dan il-perijodu ta’ sospensjoni, ma hijiex obbligata tagħti lill-persuna mfittxija libertà provviżorja, peress li t-terminu ta’ 90 jum ma jiddekorrix u ma jistax għalhekk jiskadi. Din l-interpretazzjoni ma tipprekludix l-għoti ta’ libertà provviżorja jekk, b’mod partikolari, it-tul tad-detenzjoni jsir eċċessiv. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li, f’dan il-każ, id-detenzjoni bil-ħsieb tal-konsenja ta’ TC ma kinitx saret eċċessiva.

22.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), il-qorti tal-appell fil-qasam, kienet qieset anzi, fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha, li l-Artikolu 22(4) tal-OLW ma jistax ikun suġġett għal interpretazzjoni bħal dik proposta fil-punt preċedenti. Skont il-qorti tar-rinviju, il-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam) tibbilanċja l-interess ta’ protezzjoni tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u dak li jiġi ppreżervat id-dritt nazzjonali fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx lok li jiġu sospiżi t-termini għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni ta’ MAE.

23.      Issa, jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari li l-bilanċ bejn dawn l-interessi dejjem wassal, sa issa, għal riżultat konkret identiku għal dak miksub meta jiġi segwit l-approċċ tal-qorti tar-rinviju. Fi kwalunkwe każ, fil-prattika deċiżjonali tagħha, il-qorti tar-rinviju kompliet tapplika l-interpretazzjoni tagħha tal-ġurisprudenza.

IV.    Id-domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja

24.      Huwa f’dan il-kuntest li, permezz ta’ deċiżjoni tal-27 ta’ Lulju 2018, li waslet fl-istess jum fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Fil-każ fejn:

–        l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ttraspona l-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI fis-sens li d-detenzjoni intiża għall-konsenja tal-persuna rikjesta għandha dejjem tiġi sospiża malli jgħaddi l-perijodu ta’ 90 jum mogħti sabiex tingħata deċiżjoni definittiva dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, u

–        l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ dan l-Istat Membru interpretaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-sens li l-perijodu għal deċiżjoni huwa sospiż malli l-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tiddeċiedi li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari jew li tistenna r-risposta għal talba għal deċiżjoni preliminari ppreżentata minn awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni oħra, jew ukoll li tipposponi d-deċiżjoni dwar il-konsenja minħabba riskju reali ta’ kundizzjonijiet ta’ detenzjoni inumani jew degradanti fl-Istat Membru emittenti,

iż-żamma tad-detenzjoni intiża għall-konsenja ta’ persuna rikjesta li hemm riskju li taħrab, għal perijodu li jaqbeż id-90 jum mill-arrest ta’ din il-persuna, tmur kontra l-Artikolu 6 tal-[Karta]?”

V.      Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

25.      Billi TC kien detenut u t-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem kwistjonijiet f’qasam kopert mit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem it-“TFUE”), il-qorti tar-rinviju talbet ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tal-istess deċiżjoni, li dan ir-rinviju jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

26.      Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Awwissu 2018, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tilqa’ din it-talba.

27.      Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom. Dawk il-partijiet, flimkien mal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Gvern Ċek, il-Gvern Irlandiż, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni ppreżentaw ukoll osservazzjonijiet orali waqt is-seduta li saret fl-4 ta’ Ottubru 2018.

28.      Sadanittant, fid-19 ta’ Settembru 2018, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha fil-kawża RO (C‑327/18 PPU), li fl-istennija tagħha, fl-14 ta’ Ġunju 2018, il-proċedura fil-kawża prinċipali kienet ġiet sospiża. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, essenzjalment, li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma jistax jirrifjuta li jeżegwixxi MAE sakemm l-Istat Membru emittenti jkun parti mill-Unjoni Ewropea.

29.      B’risposta għat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju indikat, fis-26 ta’ Settembru 2018, li l-MAE inkwistjoni kien għadu ma ġiex eżegwit u TC kien għadu detenut. TC kien għalhekk ilu f’detenzjoni għal iktar minn 6 xhur fid-data ta’ meta saret is-seduta.

VI.    Analiżi

30.      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk iż-żamma taħt detenzjoni ta’ persuna mfittxija fuq il-bażi ta’ MAE fi tmiem it-terminu ta’ 90 jum mid-data tal-arrest tagħha tikkostitwixxix limitazzjoni għad-dritt għal-libertà li tosserva r-rekwiżit dwar l-eżistenza ta’ bażi legali, meħtieġa mill-Artikoli 6 u 52(1) tal-Karta, meta din il-limitazzjoni tkun ibbażata fuq diversi interpretazzjonijiet tal-ġurisprudenza ta’ dispożizzjoni nazzjonali li hija kuntrarja għal żamma bħal din.

31.      Id-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi wkoll ċerti mistoqsijiet li ma humiex riflessi fid-domanda preliminari. Dawn jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda preliminari fis-sens li ż-żamma taħt detenzjoni tmur kontra l-Karta, il-qorti tar-rinviju għandha tħalli mingħajr applikazzjoni l-Artikolu 22(4) tal-OLW. Dawn il-mistoqsijiet jikkonċernaw, fil-fehma tiegħi, l-obbligu ta’ qorti nazzjonali li twarrab id-dispożizzjonijiet tad-dritt intern tagħha li jkunu inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni meta dik il-qorti ma tkunx f’pożizzjoni li tiżgura l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni meta tirrikorri għall-interpretazzjoni ġurisprudenzjali tagħhom.

32.      F’dawn il-konklużjonijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda preliminari fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża, il-Karta tipprekludi ż-żamma tad-detenzjoni wara l-iskadenza tat-terminu ta’ 90 jum mill-arrest. B’mod iktar speċifiku, nikkunsidra li l-interpretazzjonijiet tal-ġurisprudenza tal-qorti tar-rinviju u tal-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam) ma jissodisfawx ir-rekwiżit dwar l-eżistenza ta’ bażi legali fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

33.      Fid-dawl tar-risposta li nipproponi li tingħata għad-domanda preliminari kif ifformulata, huwa wkoll xieraq, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, li tinstab soluzzjoni għall-problema legali marbuta mal-obbligu impost fuq qorti nazzjonali li twarrab id-dispożizzjonijiet tad-dritt intern tagħha li huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Issa, il-mistoqsijiet imqajma mill-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward huma bbażati fuq il-premessa li dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 22(4) tal-OLW, hija inkompatibbli mas-sistema stabbilita mid-deċiżjoni qafas.

34.      Għaldaqstant, fl-ewwel lok, ser neżamina jekk ir-rekwiżit tal-eżistenza ta’ bażi legali jkunx issodisfatt meta l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-eżekuzzjoni jfittxu li jimponu, permezz tal-ġurisprudenza, limitazzjoni fuq id-dritt għal-libertà. Fit-tieni lok, ser nistħarreġ il-konformità mad-Deċiżjoni Qafas ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi għal obbligu inkundizzjonat li persuna mfittxija fuq il-bażi ta’ MAE tingħata l-libertà meta jiskadi t-terminu ta’ 90 jum mill-arrest tagħha. Fil-każ ta’ risposta negattiva għal din il-kwistjoni, ser nittratta, fit-tielet lok, il-problema tal-obbligu li titwarrab dispożizzjoni bħal dik li tittrasponi d-Deċiżjoni Qafas fid-dritt nazzjonali.

A.      Fuq ir-rekwiżit dwar l-eżistenza ta’ bażi legali

35.      L-Artikolu 52(1) tal-Karta ċertament ma huwiex imsemmi espliċitament fit-talba għal deċiżjoni preliminari. Il-qorti tar-rinviju fil-fatt tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konformità tal-interpretazzjonijiet tal-ġurisprudenza deskritti fit-talba tagħha mal-Artikolu 6 tal-Karta u tinvoka f’dan il-kuntest, f’diversi okkażjonijiet, il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

36.      Madankollu, minn naħa, inqis li ċ-ċaħda tal-libertà ta’ persuna tikkostitwixxi limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta. Limitazzjoni bħal din tmur kontra din id-dispożizzjoni meta ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 52(1) tal-Karta (9). Min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jirrikjedi, inter alia, li r-regoli tad-dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta jista’ jkollhom effetti negattivi fuq l-individwi (10). Kif ser nuri fil-punti 39 sa 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-istess kundizzjonijiet huma meħtieġa fir-rigward tar-rekwiżit tal-eżistenza ta’ bażi legali skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta. Għal dawn ir-raġunijiet, jista’ jitqies li din il-ħtieġa tirrifletti l-prinċipju ta’ ċertezza legali fil-kuntest ta’ limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet u l-libertajiet iggarantiti mill-Karta.

37.      Is-sostenituri ta’ risposta fis-sens li l-Karta tipprekludi l-interpretazzjonijiet adottati mill-qrati Olandiżi, jiġifieri TC, il-Gvern Olandiż u dak Taljan, kif ukoll il-Kummissjoni, jesprimu dubji dwar l-eżistenza, fid-dritt Olandiż, ta’ bażi legali li tippermetti ż-żamma taħt detenzjoni wara l-iskadenza tat-terminu ta’ 90 jum mill-arrest. Il-Gvern Irlandiż iqis, mill-banda l-oħra, li l-interpretazzjoni ġurisprudenzjali ta’ dispożizzjoni nazzjonali tista’ tikkostitwixxi bażi legali bħal din, sakemm din tissodisfa ċerti kundizzjonijiet (11).

38.      Għalhekk inqis li, fil-kuntest ta’ din il-kawża, għandha tingħata risposta għad-domanda dwar jekk ir-rekwiżit dwar l-eżistenza ta’ bażi legali, previst fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, huwiex issodisfatt fil-preżenza ta’ interpretazzjonijiet ġurisprudenzjali bħal dawk deskritti fit-talba għal deċiżjoni preliminari.

1.      Identifikazzjoni tal-karatteristiċi ta’ “liġi” fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta

39.      Fl-Opinjoni 1/15 (12), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument tal-Parlament Ewropew li t-terminu “liġi”, użat b’mod partikolari fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, jikkoinċidi mal-kunċett ta’ “att leġiżlattiv” previst mit-TFUE (13). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li “bl-ebda mod ma ġie sostnut f’din il-proċedura li l-ftehim maħsub jista’ ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà u ta’ prevedibbiltà meħtieġa sabiex l-indħil li jinvolvi jista’ jitqies li huwa stabbilit mil-liġi fis-sens tal-Artikolu 8(2) u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.” (14) Jista’ għalhekk jiġi dedott mill-Opinjoni 1/15 (15) li l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ bażi legali ma kinux marbuta mal-karatteristiċi formali tas-sors tal-limitazzjoni, imma pjuttost mal-karatteristiċi materjali tiegħu fir-rigward tal-aċċessibbiltà u l-prevedibbiltà tiegħu. Wieħed jista’ għalhekk jistaqsi jekk, f’ċerti każijiet, ġurisprudenza b’dawn il-karatteristiċi materjali tistax tikkostitwixxix bażi legali li tiġġustifika limitazzjoni ta’ dritt iggarantit mill-Karta.

40.      Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li, fis-sentenza Knauf Gips vs Il-Kummissjoni (16), li annullat parzjalment sentenza tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-assenza ta’ bażi legali li tistabbilixxi espressament dan, il-limitazzjoni tad-dritt għal rimedju effettiv u għal aċċess għal qorti imparzjali, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, tikser b’mod partikolari l-prinċipju fundamentali ta’ legalità. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, skont l-Artikolu 52(1) ta’ din il-karta, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha għandha tkun prevista mil-liġi.

41.      Nirrileva li, fis-sentenza Knauf Gips vs Il-Kummissjoni (17), il-Qorti Ġenerali kienet ibbażat il-limitazzjoni ċċensurata mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq is-sentenza Akzo Nobel vs Il-Kummissjoni (18). Għalhekk, din kienet soluzzjoni ġurisprudenzjali. Konsegwentement inqis li r-riferiment tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-“assenza ta’ bażi legali” jenfasizza li, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża, ġurisprudenza ma tikkostitwixxix bażi xierqa sabiex tiġġustifika limitazzjoni ta’ dritt iggarantit mill-Karta.

42.      Ċertament, is-soluzzjoni adottata fis-sentenza Knauf Gips vs Il-Kummissjoni (19) ma tistax tinftiehem bħala li tfisser ġeneralment li ġurisprudenza ma tistax, fl-ebda każ, tifforma l-bażi għal limitazzjoni fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Madankollu, din is-sentenza turi ċerti partikolaritajiet fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ limitazzjoni tad-drittijiet fundamentali permezz tal-ġurisprudenza.

43.      F’dan il-każ, din kienet ġurisprudenza inċidentali. Barra minn hekk, is-sentenza Akzo Nobel vs Il-Kummissjoni (20), invokata mill-Qorti Ġenerali insostenn tat-talbiet invalidati mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma kinitx is-suġġett ta’ stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li r-rikorrent irtira l-appell minn din is-sentenza (21). Għaldaqstant, ma jistax jiġi dedott mis-sentenza Knauf Gips vs Il-Kummissjoni (22) li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet eskludiet li ġurisprudenza, meta din tkun aċċessibbli, prevedibbli u ma tkunx ġurisprudenza inċidentali mhux approvata minn qrati superjuri, tista’ tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ limitazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

44.      Jidhirli li din l-interpretazzjoni hija kondiviża minn ċerti avukati ġenerali li diġà tkellmu fuq din il-kwistjoni fis-sens li limitazzjoni tad-drittijiet iggarantiti mill-Karta tista’, f’ċerti każijiet, toriġina minn ġurisprudenza stabbilita u segwita mill-qrati inferjuri (23). L-enfasi fuq ir-rikonoxximent ta’ ġurisprudenza minn qrati inferjuri madankollu tidher li tindika li din il-ġurisprudenza għandha tiġi minn qrati superjuri jew, tal-inqas, tkun ikkonfermata minnhom.

45.      Bl-istess mod, jidher li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) ma teskludix li l-limitazzjoni ta’ libertà ggarantita mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il- “KEDB”), tista’ tirriżulta minn ġurisprudenza aċċessibbli u prevedibbli meta din tkun ġurisprudenza kkaratterizzata minn ċerta stabbiltà u segwita mill-qrati inferjuri (24).

46.      Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, inqis li ġurisprudenza tista’ tissodisfa r-rekwiżit tal-eżistenza ta’ bażi legali, sakemm, minn naħa, din tkun aċċessibbli u prevedibbli (rekwiżiti ġenerali) u, min-naħa l-oħra, din tkun stabbilita u ma tkunx ġiet sistematikament imqiegħda f’dubju (rekwiżiti speċifiċi).

2.      Limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà, li jikkonsisti fid-detenzjoni ta’ individwu, tissodisfa r-rekwiżit dwar l-eżistenza ta’ bażi legali meta din tirriżulta mill-ġurisprudenza?

47.      Il-partikolarità ta’ din il-kawża tinsab fil-fatt li l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni Olandiżi żviluppaw interpretazzjonijiet ġurisprudenzjali li fuq il-bażi tagħhom huma jfittxu li jimponu limitazzjonijiet fuq id-dritt għal-libertà, ħaġa li tmur kontra l-kliem ċar tal-liġi fis-sens parlamentari tal-kelma.

48.      Fil-fatt, peress li hija limitazzjoni tad-dritt għal-libertà li tikkonsisti fid-detenzjoni ta’ individwu, il-Qorti EDB tikkunsidra li r-rekwiżit stipulat fl-Artikolu 5 tal-KEDB, li jipprovdi li ċ-ċaħda tal-libertà għandha ssir “skont il-proċedura preskritta bil-liġi”, għandu jinftiehem fis-sens li l-bażi legali ta’ limitazzjoni għandha tkun suffiċjentement aċċessibbli, preċiża u prevedibbli sabiex tagħti lill-individwu protezzjoni adegwata kontra l-arbitrarjetà (25).

49.      Fuq il-bażi tal-istess kriterji, fil-sentenza Al Chodor (26), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li d-detenzjoni għandha tiġi ddikjarata illegali meta l-kriterji oġġettivi li jindikaw riskju ta’ ħarba tal-persuna kkonċernata, li jikkostitwixxi l-motiv għad-detenzjoni, jirriżultaw minn ġurisprudenza stabbilita, li tissanzjona prattika stabbilita tal-pulizija, u ma humiex stabbiliti f’dispożizzjoni ġenerali ta’ portata vinkolanti (27). Mill-banda l-oħra, l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ portata ġenerali toffri l-garanziji neċessarji, sa fejn tali test jirregola b’mod vinkolanti u magħruf minn qabel il-marġni ta’ manuvrar mogħti lill-awtoritajiet imsemmija fl-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ konkret. Barra minn hekk, kriterji stabbiliti f’dispożizzjoni vinkolanti jipprestaw ruħhom aħjar għall-kontroll estern tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet imsemmija, sabiex jipproteġu lir-rikorrenti kontra ċaħdiet arbitrarji tal-libertà (28).

50.      Huwa minnu li, dejjem fis-sentenza Al Chodor (29), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà hija bbażata, f’dan il-każ, fuq dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li, min-naħa tiegħu, jirreferi għad-dritt nazzjonali għad-definizzjoni tal-kriterji oġġettivi li jindikaw il-preżenza ta’ riskju ta’ ħarba. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jeżiġu li l-Istati Membri jistabbilixxu, f’dispożizzjoni vinkolanti ta’ portata ġenerali, dawn il-kriterji oġġettivi (30).

51.      Madankollu, mill-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ispirata fil-biċċa l-kbira mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB niddeduċi li, irrispettivament mill-kuntest regolatorju u l-atti tad-dritt tal-Unjoni applikabbli f’dan il-każ, ir-rekwiżiti kollha rigward il-preżenza ta’ bażi legali, iċ-ċarezza, il-prevedibbiltà, l-aċċessibbiltà u l-protezzjoni kontra l-arbitrarjetà għandhom (dejjem) ikunu ssodisfatti meta individwu jiġi mċaħħad mil-libertà tiegħu. Fil-fatt, kwalunkwe forma ta’ ċaħda tal-libertà tikkostitwixxi ksur serju tad-dritt għal-libertà u, għalhekk, għandha tissodisfa rekwiżiti stretti.

52.      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, fil-preżenza ta’ limitazzjoni tad-dritt għal-libertà ggarantit mill-Artikolu 6 tal-Karta, li jikkonsisti fid-detenzjoni ta’ individwu, għandhom jiġu applikati rekwiżiti partikolarment stretti. Huwa importanti b’mod partikolari li jiġi evitat kull riskju ta’ arbitrarjetà li jista’ jfeġġ fl-assenza ta’ bażi legali ċara, preċiża u prevedibbli.

53.      Huwa għalhekk xieraq li l-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli għad-domanda dwar jekk l-interpretazzjonijiet ġurisprudenzjali, bħal dawk fil-kawża prinċipali, jissodisfawx ir-rekwiżiti msemmija iktar ’il fuq.

3.      Applikazzjoni għal din il-kawża

54.      Sabiex niftakru, il-qorti tar-rinviju tindika li l-ġurisprudenza tagħha, kif ukoll dik tal-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam), jiġu ppubblikati, b’tali mod li TC seta’ jipprevedi – jekk meħtieġ wara li jkun ikkonsulta l-avukat tiegħu – li d-detenzjoni għall-fini tal-konsenja tiegħu tista’ testendi lil hinn mit-terminu ta’ 90 jum mill-arrest tiegħu. Hija tenfasizza li dawn l-interpretazzjonijiet ġurisprudenzjali huma ċari u limitati għal sitwazzjonijiet speċifiċi ħafna. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ssostni li minkejja li l-interpretazzjoni ġurisprudenzjali tagħha ssegwi raġunament differenti minn dak użat mill-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam), l-applikazzjoni ta’ dan ir-raġunament ma twassalx madankollu b’mod konkret jew, fi kwalunkwe każ, sa issa ma wasslitx b’mod konkret, għal riżultati differenti minn dawk miksuba skont ir-raġunament tagħha stess.

55.      Għandu jiġi osservat li dawn iż-żewġ interpretazzjonijiet ġurisprudenzjali jiddevjaw mill-ittra ta’ dispożizzjoni nazzjonali adottata fl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma titlobx lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiżalha jekk qabżitx jew le l-limiti tal-interpretazzjoni konformi. Fi kwalunkwe każ, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta d-dritt intern ta’ Stat Membru jew li tiddetermina jekk interpretazzjoni magħmula mill-awtoritajiet nazzjonali twassalx għal interpretazzjoni contra legem (31).

56.      Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza tal-qorti tar-rinviju hija sistematikament irrevokata mill-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam). Issa, il-qorti tar-rinviju tibqa’ tirrikorri, fil-prattika deċiżjonali tagħha, għall-interpretazzjoni tagħha stess tal-ġurisprudenza. Għalhekk, dawn iż-żewġ interpretazzjonijiet ġurisprudenzjali huma sistematikament mistħarrġa.

57.      Ma naħsibx li l-fatt li l-applikazzjoni ta’ dawn l-interpretazzjonijiet ġurisprudenzjali ma wasslitx, sa issa, għal riżultati differenti jista’ jirrimedja tali assenza ta’ konsistenza bejniethom.

58.      Ċertament, ma neskludix li, minħabba paralleliżmu bħal dan bejn bosta interpretazzjonijiet ġurisprudenzjali, individwu jkun jista’ jiddetermina, inġenerali, il-mod li bih dawn l-interpretazzjonijiet jistgħu jinfluwenzaw il-pożizzjoni legali tiegħu, tkun xi tkun l-interpretazzjoni applikata finalment.

59.      Madankollu, fl-ewwel lok, l-inkonsistenza ta’ ġurisprudenza li timponi limitazzjonijiet fuq id-drittijiet fundamentali tal-individwi tnaqqas b’mod sinjifikattiv iċ-ċarezza, il-preċiżjoni u l-prevedibbiltà tagħha. Din l-inkonsistenza tista’, barra minn hekk, tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ differenzi ikbar bejn l-interpretazzjonijiet ġurisprudenzjali inkwistjoni.

60.      F’dan ir-rigward, nirrileva li, skont TC, iż-żewġ interpretazzjonijiet ġurisprudenzjali tal-qrati Olandiżi juru inkonsistenza fir-rigward tal-mument li minnu t-termini ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni ta’ MAE huma sospiżi.

61.      Barra minn hekk, il-Gvern Olandiż isostni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu li l-qorti tar-rinviju tapplika regolarment is-sospensjoni tat-termini stabbiliti fl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas f’każijiet barra minn dawk imsemmija fit-talba għal deċiżjoni preliminari. Indipendentement mill-fatt li l-Gvern Olandiż, b’risposta għad-domanda li saritlu waqt is-seduta, ma pprovda l-ebda eżempju li jispjega din l-affermazzjoni, dan enfasizza li, minħabba n-natura ġurisprudenzjali tal-interpretazzjonijiet adottati mill-qrati Olandiżi, ma tistax tiġi eskluża l-applikazzjoni inkonsistenti tagħhom, f’każijiet oħra minbarra dawk imsemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju.

62.      Fit-tieni lok, l-inkonsistenza tal-ġurisprudenza li fuq il-bażi tagħha d-drittijiet ta’ individwu jistgħu jkunu suġġetti għal limitazzjonijiet twassal għal sitwazzjoni fejn dan l-individwu ma jkunx jista’ jaf u jifhem, mingħajr ambigwità, il-mekkaniżmu operattiv tal-limitazzjoni li kienet ġiet imposta fuqu. Issa, għal individwu, dan il-mekkaniżmu għandu rwol vitali biex jiżgura l-leġittimità tal-limitazzjoni tad-drittijiet fundamentali tiegħu, u jippermettilu li jikkontesta din il-limitazzjoni quddiem l-awtoritajiet kompetenti. Għalhekk, f’ċirkustanzi bħal dawn ta’ dan il-każ, l-individwu li jikkritika l-interpretazzjoni ġurisprudenzjali rrikonoxxuta mill-qorti tal-ewwel istanza jaf minn qabel li l-qorti tat-tieni istanza, li tikkondividi l-kritika tiegħu, se tivvalida xorta waħda d-deċiżjoni inizjali bl-użu tal-interpretazzjoni ġurisprudenzjali tagħha stess.

63.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, inqis li l-limitazzjoni ta’ dritt iggarantit mill-Karta, introdotta fuq il-bażi ta’ żewġ interpretazzjonijiet ġurisprudenzjali bbażati fuq raġunamenti differenti u li huma sistematikament mistħarrġa, ma tissodisfax ir-rekwiżit dwar l-eżistenza ta’ bażi legali fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Peress li mill-inqas wieħed mir-rekwiżiti msemmija fil-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet ma huwiex issodisfatt, ma huwiex neċessarju li jiġi vverifikat jekk, sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà ta’ dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, limitazzjoni ta’ dritt iggarantit mill-Karta tistax tiddaħħal permezz tal-ġurisprudenza, b’kuntrast mal-formulazzjoni ċara tad-dispożizzjonijiet tal-liġi fis-sens parlamentari tal-kelma.

64.      Tali interpretazzjonijiet ġurisprudenzjali ma jissodisfawx a fortiori r-rekwiżiti għal-limitazzjoni tad-dritt iggarantit mill-Artikolu 6 tal-Karta, li tikkonsisti fiż-żamma ta’ individwu taħt detenzjoni, peress li dawn huma, kif għadni kif spjegajt fil-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet, partikolarment stretti.

65.      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża, limitazzjoni tad-dritt għal-libertà, li tikkonsisti fiż-żamma ta’ individwu taħt detenzjoni wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ 90 jum mill-arrest tiegħu, hija nieqsa minn bażi legali fil-livell nazzjonali. F’dan il-każ, l-Artikolu 22(4) tal-OLW jobbliga lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ttemm id-detenzjoni ta’ persuna mfittxija fuq il-bażi ta’ MAE. Huwa għalhekk meħtieġ li tiġi eżaminata l-konformità ta’ dan l-obbligu mad-Deċiżjoni Qafas.

B.      Fuq l-obbligu inkundizzjonat li persuna mfittxija fuq il-bażi ta’ MAE tingħata l-libertà

66.      TC u l-Gvern Olandiż isostnu li l-Artikolu 22(4) tal-OLW jirriżulta minn għażla magħmula konxjament mil-leġiżlatur nazzjonali. Nifhem dan l-argument fis-sens li, skont dawn l-persuni kkonċernati, fit-traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, Stat Membru jista’ jintroduċi dispożizzjoni li tobbliga lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni li jagħtu l-libertà lil persuna mfittxija fuq il-bażi ta’ MAE mal-iskadenza tat-termini stabbiliti fl-Artikolu 17 tal-imsemmija deċiżjoni qafas.

67.      Jiena ma naqbilx ma’ din l-opinjoni.

68.      Fl-ewwel lok, id-Deċiżjoni Qafas ma tirregolax b’mod eżawrjenti l-aspetti kollha tal-proċedura li fil-kuntest tagħha jittieħdu deċiżjonijiet dwar l-eżekuzzjoni ta’ MAE. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu s-soluzzjonijiet tagħhom stess sabiex jikkompletaw is-sistema stabbilita b’din id-deċiżjoni qafas. Madankollu, sabiex jiġi żgurat l-għan tad-Deċiżjoni Qafas, ċerti limiti għandhom jiġu imposti fuq il-marġni ta’ manuvrar li l-Istati Membri għandhom għal dan il-għan (32).

69.      Fil-fatt, kif jirriżulta mis-sentenza Lanigan (33), obbligu ġenerali u inkundizzjonat tal-għoti ta’ libertà lil persuna mfittxija fuq il-bażi ta’ MAE meta t-tul totali tal-perijodu ta’ detenzjoni tal-persuna mfittxija jeċċedi t-termini stabbiliti fl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas jista’ jillimita l-effettività tas-sistema ta’ konsenja stabbilita mid-Deċiżjoni Qafas u, b’hekk, ifixkel il-kisba tal-għanijiet segwiti minnha.

70.      Ċertament, it-tieni sentenza tal-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas tirreferi għad-dritt tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni sabiex jiġi speċifikat li l-libertà provviżorja hija possibbli f’kull ħin, skont id-dritt intern. Madankollu, dan l-għoti ta’ libertà skont id-dritt intern huwa suġġett għall-kundizzjoni, kif jirriżulta mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, li l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru tieħu kull miżura li hija tqis neċessarja sabiex tevita l-ħarba tal-persuna mfittxija. Mill-banda l-oħra, fejn miżuri li ma jiċħdux il-libertà ma jiggarantixxux li tkun possibbli konsenja, l-obbligu li tintemm id-detenzjoni jkun ifisser li l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi ma tkunx tista’ tirrispetta l-obbligu msemmi fl-Artikolu 17(5) tad-Deċiżjoni Qafas. Skont din id-dispożizzjoni, awtorità ġudizzjarja hija meħtieġa tiżgura li jibqgħu ssodisfatti l-kundizzjonijiet materjali meħtieġa għal konsenja effettiva tal-persuna.

71.      Fit-tieni lok, wieħed jista’ jistaqsi jekk l-Artikolu 22(4) tal-OLW huwiex l-espressjoni tar-rieda tal-leġiżlatur Olandiż li japplika standard ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ogħla minn dawk li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas.

72.      Madankollu, nikkunsidra li dispożizzjoni nazzjonali li tobbliga lil awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ttemm id-detenzjoni ta’ persuna mfittxija wara li jiskadi t-terminu ta’ 90 jum, minkejja l-eżistenza ta’ ċirkustanza eċċezzjonali fis-sens tal-Artikolu 17(7) tad-Deċiżjoni Qafas, tpoġġi fid-dubju l-uniformità tal-istandard ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali stabbilit minn dik id-deċiżjoni qafas u tikkomprometti l-effettività tagħha għar-raġunijiet speċifikati fil-punti preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet. Jidhirli li dan ir-raġunament huwa dak segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Melloni (34).

73.      Fit-tielet lok, u kif isostni l-Gvern Ċek, obbligu ġenerali u inkundizzjonat ta’ għoti ta’ libertà lil persuni mfittxija fuq il-bażi ta’ MAE minn meta jkun għadda t-terminu ta’ 90 jum mill-arrest tagħhom huwa ta’ natura li jiffavorixxi l-prattiki dilatorji ta’ dawn il-persuni, intiżi sabiex jostakolaw l-eżekuzzjoni ta’ MAE.

74.      Fir-raba’ lok, għandu jiġi osservat li l-applikazzjoni stretta ta’ dispożizzjoni li tittrasponi d-Deċiżjoni Qafas, bħal dik tal-Artikolu 22(4) tal-OLW, tista’ tiskoraġġixxi lill-qrati nazzjonali milli jressqu domandi preliminari fejn il-libertà ta’ persuna mfittxija fuq il-bażi ta’ MAE wara l-iskadenza tat-terminu ta’ 90 jum tista’ twassal li dik il-persuna taħrab. Għandu jiġi rrilevat, f’dan il-kuntest, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li regola nazzjonali li jista’ jkollha bħala konsegwenza li qorti nazzjonali tippreferi tastjeni milli tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreġudika l-prerogattivi mogħtija lill-qrati nazzjonali mill-Artikolu 267 TFUE u, għaldaqstant, l-effikaċja tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita mill-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari (35).

75.      Għal dawn ir-raġunijiet, inqis li, tal-inqas f’każijiet fejn miżuri li ma jiċħdux il-libertà ma jistgħux jiżguraw li konsenja tibqa’ possibbli, id-Deċiżjoni Qafas tipprekludi obbligu inkundizzjonat ta’ għoti ta’ libertà lil persuna mfittxija fuq il-bażi ta’ MAE meta t-tul totali tal-perijodu ta’ detenzjoni tal-persuna mfittxija jeċċedi t-termini stabbiliti fl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas. Issa għandhom jiġu eżaminati l-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju dwar l-eżistenza ta’ obbligu li jitwarrbu d-dispożizzjonijiet tad-dritt intern li huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

C.      Fuq l-obbligu ta’ qorti nazzjonali li twarrab id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha li huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni

76.      Preliminarjament, nosserva li, bl-eċċezzjoni ta’ mistoqsijiet ta’ natura sussidjarja u ġenerali, il-qorti tar-rinviju ma ressqitx il-kwistjoni dwar l-obbligu li jitwarrbu d-dispożizzjonijiet tad-dritt intern li huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Din il-kwistjoni lanqas ma ġiet żviluppata iktar fil-fond mill-partijiet ikkonċernati fl-osservazzjonijiet tagħhom.

77.      Għal dawn ir-raġunijiet, jiena ser nillimita l-analiżi tiegħi għall-kunsiderazzjonijiet essenzjali sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju.

78.      Fis-sentenza Popławski (36) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas ma għandhomx effett dirett. Barra minn hekk, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-obbligu tal-awtoritajiet dwar l-interpretazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali (37).

79.      Mill-banda l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma weġbitx, fis-sentenza Popławski (38), għall-kwistjoni dwar jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hijiex obbligata twarrab dispożizzjoni nazzjonali adottata fl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, meta, minn naħa, din id-dispożizzjoni ma tkunx kompatibbli ma’ din id-deċiżjoni qafas u fejn, min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni konformi tagħha twassal għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali. Il-qorti tar-rinviju li oriġinat id-domanda preliminari li tat lok għal din is-sentenza ressqet it-tieni talba għal deċiżjoni preliminari u reġgħet staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-eżistenza ta’ tali obbligu (39).

80.      Inqis li, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża ineżami, hemm lok li tingħata risposta fin-negattiv għad-domanda dwar jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hijiex obbligata li twarrab dispożizzjoni nazzjonali inkompatibbli mad-Deċiżjoni Qafas.

81.      Fl-ewwel lok, huwa minnu li, fir-rigward tal-obbligu li titwarrab dispożizzjoni nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, id-duttrina tagħmel distinzjoni bejn l-effett ta’ sostituzzjoni u l-effett ta’ esklużjoni ta’ atti tad-dritt tal-Unjoni. Il-kunċett ta’ effett ta’ esklużjoni huwa bbażat fuq l-idea li, minkejja n-nuqqas ta’ effett dirett ta’ att tal-Unjoni, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jwarrbu dispożizzjoni nazzjonali li ma tkunx kompatibbli ma’ dak l-att (40).

82.      Madankollu, u indipendentement mill-ambigwità ta’ din id-distinzjoni bejn dawn iż-żewġ effetti, għandu jiġi osservat li l-kawża prinċipali ma hijiex bejn żewġ individwi, imma bejn prosekutur u individwu, b’mod li din tikkonċerna biss il-kwistjoni tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’relazzjonijiet vertikali. Għaldaqstant, sabiex titwarrab dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik tal-Artikolu 22(4) tal-OLW, li tipprekludi ż-żamma taħt detenzjoni ta’ persuna mfittxija fuq il-bażi ta’ MAE wara l-iskadenza tat-terminu ta’ 90 jum mill-arrest tagħha, l-Istat Membru kkonċernat għandu juża, kontra din il-persuna, id-Deċiżjoni Qafas li t-traspożizzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali kienet saret, minn dan l-Istat Membru, b’mod żbaljat. Issa, użu bħal dan tad-Deċiżjoni Qafas jagħti lok għal sitwazzjoni ta’ effett dirett bil-maqlub, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkundannat f’diversi okkażjonijiet (41).

83.      Fit-tieni lok, il-fatt li jitwarrab l-Artikolu 22(4) tal-OLW ma għandux bħala konsegwenza sempliċi riperkussjoni negattiva fuq id-drittijiet ta’ terz, li tirriżulta mill-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas f’tilwima bejn żewġ entitajiet statali, iżda indħil gravi fid-dritt għal-libertà ta’ TC, fil-kuntest ta’ proċedura kontra emanazzjoni tal-Istat (42).

84.      Barra minn hekk, b’differenza mid-domanda preliminari mressqa fil-kawża Popławski (C-579/17, attwalment pendenti quddiem il-Qorti), il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, tqis li se tkun tista’ tinterpreta dispożizzjoni nazzjonali adottata fl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas filwaqt li tiġi osservata l-projbizzjoni ta’ interpretazzjoni contra legem u b’tali mod li l-applikazzjoni tagħha twassal għal riżultat konformi ma’ din id-deċiżjoni qafas. Madankollu, permezz tal-interpretazzjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju trid, essenzjalment, tillimita d-dritt tal-libertà ta’ persuna mfittxija bis-saħħa ta’ MAE. B’hekk, din il-qorti tmur kontra r-rifless tal-prinċipju ta’ ċertezza legali stabbilit fl-Artikolu 52(1) tal-Karta fil-forma tar-rekwiżit dwar l-eżistenza ta’ bażi legali. Bl-istess mod, irrispettivament mill-bażi ġuridika magħżula għal dan il-għan, il-qorti nazzjonali ma tistax twarrab l-Artikolu 22(4) tal-OLW mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

85.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tinvoka d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas sabiex titwarrab dispożizzjoni nazzjonali adottata fl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, bħal dik tal-Artikolu 22(4) tal-OLW, u dan għad-detriment ta’ persuna mfittxija fuq il-bażi ta’ MAE.

VII. Konklużjoni

86.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi bil-mod li ġej għad-domanda preliminari magħmula mir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi):

L-Artikolu 6 u l-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprekludu l-introduzzjoni, permezz tal-ġurisprudenza, ta’ limitazzjoni tad-dritt għal-libertà, li tikkonsisti fiż-żamma taħt detenzjoni, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ 90 jum mill-arrest tagħha, persuna mfittxija fuq il-bażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (MAE), meta din il-limitazzjoni tkun ibbażata fuq interpretazzjonijiet ġurisprudenzjali differenti ta’ dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 22(4) tal-Overleverinsgswet (il-Liġi dwar il-Konsenja), li jobbliga lil awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tillibera tali persuna wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, RO, (C‑327/18 PPU, EU:C:2018:733).


3      Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34) kif emendata mid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 li temenda d-Deċiżjonijiet Kwadru 2002/584/ĠAI, 2005/214/ĠAI, 2006/783/ĠAI, 2008/909/ĠAI u 2008/947/ĠAI, u b’hekk issaħħaħ id-drittijiet proċedurali ta’ persuni, li trawwem l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna konċernata fil-kawża (ĠU 2009, L 81, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”).


4      Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, RO (C‑327/18 PPU, EU:C:2018:733).


5      Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan (C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 50).


6      Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan (C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punti 52 u 58).


7      Sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C-659/15 PPU, EU:C:2016:198).


8      Il-qorti tar-rinviju ssemmi f’dan ir-rigward s-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 2013, F (C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358, punti 64 u 65), u tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 99).


9      Bl-istess mod, jidhirli li l-formulazzjoni f’dawn it-termini tal-isfidi maħluqa mid-domanda preliminari tikkonforma mar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan (C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punti 54 u 55). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tħaddan il-prinċipju li ż-żamma tad-detenzjoni tal-persuna mfittxija tikkostitwixxi limitazzjoni fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Il-Qorti tal-Ġustizzja adottat l-istess approċċ fis-sentenza Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 101), billi qieset li fejn l-awtorità ġudizzjarja ma tkunx ħadet deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest mal-iskadenza ta’ 90 jum u, f’dan l-istadju, hija tkun qiegħda tikkunsidra li żżomm il-persuna taħt detenzjoni, hija għandha tosserva r-rekwiżit ta’ proporzjonalità previst fl-Artikolu 52(1) tal-Karta. Rigward il-limitazzjoni tad-dritt għal-libertà, li tikkonsisti fiż-żamma tal-persuna kkonċernata, ara s-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 51).


10      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2008, Förster (C‑158/07, EU:C:2008:630, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Huwa veru li l-Artikolu 52(1) tal-Karta jimponi rekwiżiti oħra sabiex tkun permessa limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet u l-libertajiet irrikonoxxuti mill-Karta. Madankollu, meta r-rekwiżit tal-eżistenza ta’ bażi legali ma jiġix issodisfatt, ma jkunx meħtieġ li jiġi vverifikat jekk dawn ir-rekwiżiti l-oħra humiex issodisfatti.


12      Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE-Canada), tas-26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592).


13      Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE-Canada), tas-26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592, punt 37).


14      Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE-Canada), tas-26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592, punt 146).


15      Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE-Canada), tas-26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592).


16      Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni (C‑407/08 P, EU:C:2010:389, punti 91 u 92).


17      Sentenza tat-8 ta’ Lulju 2008, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni (T‑52/03, mhux ippubblikata, EU:T:2008:253, punt 360).


18      Sentenza tas-27 ta’ Settembru 2006, Akzo Nobel vs Il-Kummissjoni (T‑330/01, EU:T:2006:269).


19      Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni (C‑407/08 P, EU:C:2010:389, punt 91 u 92).


20      Sentenza tas-27 ta’ Settembru 2006, Akzo Nobel vs Il-Kummissjoni (T‑330/01, EU:T:2006:269).


21      Ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Mejju 2007, Akzo Nobel vs Il-Kummissjoni (C‑509/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:269).


22      Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010 (C‑407/08 P, EU:C:2010:389, punti 91 u 92).


23      Fil-konklużjonijiet tagħha li ppreżentat fil-kawżi magħquda NS (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:610, nota ta’ qiegħ il-paġna 75), l-Avukat Ġenerali Trstenjak ikkunsidrat li limitazzjoni għad-drittijiet fundamentali, sanċita fid-dritt nazzjonali, tista’ tirriżulta wkoll mid-dritt konswetudinarju jew mill-ġurisprudenza. F’dan ir-rigward, jidhirli li d-dritt konswetudinarju jew il-ġurisprudenza huma, min-natura tagħhom, ikkaratterizzati minn livell għoli ta’ stabbiltà u ċertu effett vinkolanti. Ċertament, fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fil-kawża Scarlet Extended (C‑70/10, EU:C:2011:255, punt 113), l-Avukat Ġenerali Cruz Villalón qal li “hija biss liġi fis-sens parlamentari tal-kelma li setgħet tippermetti li fl-eżami jitressqu kundizzjonijiet oħra msemmija fl-Artikolu 52(1) tal-Karta”. Madankollu, dan l-istess Avukat Ġenerali iktar tard ikkunsidra, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Cotty Germany (C‑580/13, EU:C:2015:243, punt 37) li, f’ċerti ċirkustanzi, “ġurisprudenza stabbilita” ppubblikata, għalhekk aċċessibbli, u segwita mill-qrati inferjuri tista’ tikkompleta dispożizzjoni leġiżlattiva u tiċċaraha sal-punt li tagħmilha prevedibbli.


24      Ara l-Qorti EDB, is-26 ta’ April 1979, Sunday Times vs Ir-Renju Unit, (CE:ECHR:1979:0426JUD000653874, § 47 sa 52). Ara, ukoll, il-Qorti EDB, il-25 ta’ Mejju 1998, Müller et vs L-Isvizzera, (CE:ECHR:1988:0524JUD001073784, punt 29). Skont il-Qorti EDB, il-ġurisprudenza “ppubblikata, għalhekk aċċessibbli u segwita mill-qrati inferjuri” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li tippreċiża l-portata ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tistabbilixxi limitazzjoni fuq id-dritt għal-libertà tal-espressjoni, tista’ tissodisfa r-rekwiżit tal-eżistenza ta’ bażi legali.


25      Ara l-Qorti EDB, tal-24 ta’ April 2008, Ismoilov et vs Ir-Russja, (CE:ECHR:2008:0424JUD000294706, punt 137), u l-Qorti EDB, tad-19 ta’ Mejju 2016, J.N. vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2016:0519JUD003728912, punt 77).


26      Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor (C‑528/15, EU:C:2017:213, punt 40).


27      Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor (C‑528/15, EU:C:2017:213, punt 45).


28      Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor (C‑528/15, EU:C:2017:213, punt 44).


29      Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor (C‑528/15, EU:C:2017:213, punt 41).


30      Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor (C‑528/15, EU:C:2017:213, punt 45).


31      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 70).


32      Ara s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, F (C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358, punti 52, 56 u 58). Fir-rigward tal-marġni ta’ manuvra li għandhom l-Istati Membri fit-traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, ara Peers, S., EU Justice and Home Affairs Law (Volume II: EU Criminal Law, Policing, and Civil Law), ir-Raba’ Edizzjoni, OUP, Oxford, 2016, p. 91, 92 u 95.


33      Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015 (C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 50).


34      Sentenza tas-26 ta’ Frar 2013 (C‑399/11, EU:C:2013:107, punti 56 sa 63). Għandna niftakru li f’dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li jekk Stat Membru jitħalla juża l-Artikolu 53 tal-Karta biex jissuġġetta l-konsenja ta’ persuna kkundannata fil-kontumaċja għal kundizzjoni mhux prevista mir-regoli tal-Unjoni, dan iwassal sabiex, filwaqt li titqiegħed f’dubju l-uniformità tal-istandard ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ddefinit minn dawn ir-regoli, jiġu ppreġudikati l-prinċipji ta’ fiduċja u rikonoxximent reċiproċi li dawn iridu jsaħħu u, konsegwentement, tiġi ppreġudikata l-effettività tad-Deċiżjoni Qafas.


35      Sentenza tal-5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov (C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 25).


36      Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017 (C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 26).


37      Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 31).


38      Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017 (C‑579/15, EU:C:2017:503).


39      L-ewwel domanda preliminari fil-kawża Popławski (C‑573/17, attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja) hija fformulata kif ġej: “Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ implementazzjoni ma tistax tinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati għall-implementazzjoni ta’ deċiżjoni qafas b’tali mod li l-applikazzjoni tagħhom twassal għal riżultat konformi mad-deċiżjoni qafas, hija obbligata, skont il-prinċipju ta’ supremazija, li ma tapplikax id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija deċiżjoni qafas?”


40      Dwar id-distinzjoni bejn l-effett ta’ sostituzzjoni u l-effett ta’ esklużjoni, ara Dougan, M., “When worlds collide! Competing visions of the relationship between direct effect and supremacy”, Common Market Law Review, 2007, Vol. 44, Nru 4, p. 931 sa 963; Figueroa Regueiro, P. V., “Invocability of Substitution and Invocability of Exclusion: Bringing Legal Realism to the Current Developments of the Case-Law of “Horizontal” Direct Effect of Directives”, Jean Monnet Working Paper, 2002, Nru 7, p. 28 sa 34.


41      Ara, għar-rigward tad-direttivi, is-sentenzi tal-5 ta’ April 1979, Ratti (148/78, EU:C:1979:110, punt 22) u tat-8 ta’ Ottubru 1987, Kolpinghuis Nijmegen (80/86, EU:C:1987:431, punt 10).


42      Ara, a contrario, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, Salzburger Flughafen (C‑244/12, EU:C:2013:203, punti 46 u 47). Dwar l-interpretazzjonijiet mogħtija mid-duttrina għar-riferiment magħmul mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 57), ara Squintani, L., Vedder, H.H.B., “Towards Inverse Direct Effect? A Silent Development of a Core European Law Doctrine”, European Law Doctrine, Review of European Comparative & International Environmental Law, Vol. 23(1), 2014, p. 147 sa 149.