Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda) fis-7 ta’ Ottubru 2019 – VK vs An Bord Pleanála

(Kawża C-739/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Supreme Court

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: VK

Konvenut: An Bord Pleanála

Domandi preliminari

Stat Membru huwa prekluż milli jeżerċita l-possibbiltà mogħtija mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 77/249/KEE 1 tat-22 ta’ Marzu 1977, kif emendata, li jippermetti li Stat Membru jimponi, fuq avukat li huwa impenjat fl-attività ta’ rappreżentazzjoni ta’ klijent fi proċeduri legali, ir-rekwiżit li dan “jaħd[em] flimkien ma’ avukat li jipprattika quddiem l-awtorità ġudizzjarja inkwistjoni”, fiċ-ċirkustanzi kollha fejn il-parti li lilha l-avukat minn Stat Membru ieħor jixtieq jirrappreżenta f’tali proċeduri tkun intitolata li tirrappreżenta lilha nnifisha?

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija le, b’riferiment għal liema fatturi għandhom jiġu evalwati mill-qorti nazzjonali sabiex tiddetermina jekk huwiex permissibbli li jiġi impost ir-rekwiżit li “jaħd[em] flimkien ma’”?

B’mod partikolari, l-impożizzjoni ta’ obbligu limitat li jaħdem “flimkien ma’”, bil-mod deskritt preċedentement f’din id-deċiżjoni tar-rinviju, tammonta għal interferenza proporzjonali għal-libertà tal-avukat li jipprovdi servizzi b’tali mod li tkun iġġustifikata, fid-dawl tal-fatt li l-interessi pubbliċi inkwistjoni huma kemm il-bżonn li l-konsumaturi ta’ servizzi legali jiġu protetti kif ukoll il-bżonn li tiġi żgurata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja?

Jekk ir-risposta għat-tielet domanda hija iva, din il-pożizzjoni tapplika fiċ-ċirkustanzi kollha?, u, jekk dan ma huwiex il-każ, liema fatturi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni minn qorti nazzjonali sabiex tiddetermina jekk tali rekwiżit jistax jiġi impost f’każ partikolari?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 77/249/KEE tat-22 ta’ Marzu 1977 biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 52)