Language of document : ECLI:EU:F:2014:257

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

2 ta’ Diċembru 2014

Kawża F‑110/13

Nunzio Migliore

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Proċedura ta’ ċertifikazzjoni – Sena finanzjarja 2012 – Nuqqas ta’ inklużjoni tar-rikorrent mil-lista definittiva tal-uffiċjali li jkunu ġew awtorizzati sabiex jieħdu sehem fil-programm tat-taħriġ 2013 – Artikolu 45a tar-Regolamenti tal-Persunal – Eċċezzjoni ta’ illegalità tas-sejħa għal kandidaturi – DĠI tal-Artikolu 45a tar-Regolamenti tal-Persunal – Portata”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA abbażi tal-Artikolu 106a tiegħu, li bih N. Migliore jitlob prinċipalment l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni Ewropea (iktar ‘il quddiem l-“ Awtorità tal-Ħatra”), tad-19 ta’ April 2013, li ma inkludietux fil-lista ta’ 63 uffiċjal awtorizzati li jipparteċipaw fl-2013 fil-programm ta’ taħriġ skont il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni tal-2012 (iktar ‘il quddiem il-“proċedura ta’ ċertifikazzjoni 2012”) u l-kumpens għad-dannu li huwa jqis li jkun ġarrab.


Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. N. Migliore għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Proċedura ta’ ċertifikazzjoni – Preselezzjoni tal-kandidati – Kriterji – Tqabbil ta’ kandidati minn żewġ korpi differenti skont il-preżenza jew l-assenza ta’ kandidati preselezzjonati fl-istess Direttorat Ġenerali – Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Assenza – Kundizzjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 20 u 21; Regolament tal-Persunal, Artikolu 45a)

2.      Uffiċjali – Proċedura ta’ ċertifikazzjoni – Kundizzjonijiet għall-implementazzjoni – Interpretazzjoni stretta

(Regolament tal-Persunal, Artikolu 45a)

3.      Uffiċjali – Proċedura ta’ ċertifikazzjoni – Preselezzjoni tal-kandidati – Obbligu li jinstemgħu l-kandidati li ma humiex inklużi fost dawk li ġew minn ta’ quddiem qabel ma tiġi adottata d-deċiżjoni definittiva ta’ esklużjoni

(Regolament tal-Persunal, Artikolu 45a)

4.      Uffiċjali – Proċedura ta’ ċertifikazzjoni – Ilment ta’ kandidat li ma ġiex magħżul – Deċiżjoni ta’ ċaħda – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata – Motivazzjoni li ma tistax tikkonsisti f’formulazzjoni ġenerali jew sterjotipata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 25, 45 u 90(2))

5.      Uffiċjali – Proċedura ta’ ċertifikazzjoni – Eżami komparattiv tal-merti – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Regolament tal-Persunal, Artikolu 45a)

1.      Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, stabbilit fl-Artikolu 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jitlob li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat.

Fir-rigward ta’ sejħa ta’ kandidaturi fil-kuntest tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni prevista fl-Artikolu 45a tar-Regolamenti tal-Persunal, is-sitwazzjoni ta’ kandidat preselezzjonat fid-Direttorat Ġenerali tiegħu biss huwa oġġettivament differenti minn dik ta’ kandidat preselezzjonat li jista’ jiġi pparagunat ma’ kandidati oħra fi ħdan l-istess Direttorat Ġenerali ta’ assenjazzjoni. Dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet ta’ kandidati preselezzjonati, fattwalment differenti, għaldaqstant jista’ biss japplika għalihom mod ta’ tqabbil xieraq għal kull wieħed minnhom bil-għan li jiġi stabbilit l-ordni ta’ prijorità.

F’dan il-kuntest, jekk is-sejħa għal kandidaturi tattribwixxi l-kompitu li jitqabblu biss l-kandidati preselezzjonati f’Direttorat Ġenerali jew dipartiment ta’ korp wieħed u konġunt, filwaqt li, għal numru ta’ kandidati preselezzjonati fi ħdan l-istess Direttorat Ġenerali jew l-istess dipartiment, dan il-kompitu huwa fdat lis-superjuri ġerarkiċi tagħhom, din id-differenza fit-trattament, ibbażata fuq element ta’ ddifferenzjar oġġettiv u fuq proċedura organizzata abbażi ta’ kriterji legali stabbiliti minn qabel u magħrufa minn qabel għall-persuni interessati kollha, ma huwiex manifestamen sproporzjonat fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni applikabbli, li hija li ssir klassifikazzjoni definittiva tal-kandidati li jiġu minn ta’ quddiem.


(ara l-punti 40, 45, 49 u 50)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punti 54 u 55, u l-ġurisprudenza ċċitata

Il-Qorti tal-Prim Istanza: sentenza Il-Kummissjoni vs Bertolete et, T‑359/07 P sa T‑361/07 P, EU:T:2009:40, punti 50 u 51

2.      Fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet derogatorji intiżi li jippermettu l-ħatra ta’ uffiċjali ta’ grupp ta’ funzjonijiet ta’ assistenti (AST) f’pożizzjoni fil-grupp ta’ funzjonijiet ta’ amministrataturi (AD) fil-kundizzjonijiet partikolari li huma jistabilixxu, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 45a tar-Regolamenti tal-Persunal dwar il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett.

(ara l-punt 43)

3.      Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ selezzjoni ta’ kandidati f’programm ta’ taħriġ intiż li jippermetti lil uffiċjali ta’ grupp ta’ funzjonijiet AST li jiġu eventwalment maħtura f’pożizzjoni tal-grupp ta’ funzjonijiet AD permezz tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni prevista fl-Artikolu 45a tar-Regolamenti tal-Persunal, id-dritt għas-smigħ jiggarantixxi lil kull kandidat li ismu mhux inkluż fl-abbozz tal-lista ta’ kandidati preselezzjonati li ġew minn ta’ quddiem fid-dawl tal-parteċipazzjoni fl-imsemmi programm ta’ taħriġ, il-possibbiltà li jsemma, b’mod utli u effettiv, lill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti, l-opinjoni tiegħu dwar din l-esklużjoni li għadha ma saritx definittiva.(ara l-punt 67)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata

4.      Il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tirrifjuta kandidatura fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 45a tar-Regolamenti tal-Persunal għandha titressaq, mhux iktar tard, maċ-ċaħda tal-ilment ippreżentat kontra din id-deċiżjoni. Madankollu, insuffiċjenza tal-motivazzjoni pprovduta fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża ma għandhiex in-natura li tiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata meta tiġi pprovduta informazzjoni speċifika addizzjonali fil-mori tal-kawża. Barra minn dan, motivazzjoni ġenerali u sterjotipata, li ma jkun fiha ebda element ta’ informazzjoni speċifiku għall-każ tal-persuna interessata, hija ekwiparabbli, fir-realtà, għal assenza totali ta’ motivazzjoni.

(ara l-punt 77)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim Istanza: sentenza Sena vs AESA, T‑30/04, EU:T:2005:161, punti 63 u 71 sa 73

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Verstreken vs Conseil, F‑98/12, EU:F:2013:156, punt 32, u l-ġurisprudenza ċċitata

5.      Inkunsiderazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha l-amministrazzjoni sabiex tevalwa u tipparaguna l-merti tal-kandidati fil-kuntest ta’ kwalunkwe proċedura ta’ selezzjoni, u b’mod partikolari l-proċedura ta’ ċertifikazzjoni prevista fl-Artikolu 45a tar-Regolamenti tal-Persunal, l-istħarriġ tat-Tribunal f’dan il-qasam għandux jiġi llimitat għall-kwistjoni ta’ jekk, fid-dawl tal-elementi li fuqhom tibbaża ruħha l-amministrazzjoni sabiex tistabilixxi l-evalwazzjoni tagħha, dawn jibqgħux fil-limiti raħonevoli u ma użatx din is-setgħab’mod manifestament żbaljat jew għal finijiet li ma humiex dawk li għalihom ġiet mogħtija tali setgħa. Għaldaqstant, it-Tribunal ma jistax jissostitwixxi l-evalwazzjoni tiegħu tal-merti u tal-kwalifiki tal-kandidati għal dik tal-amministrazzjoni meta l-ebda element mill-proċess ma jippermetti li jiġi ddikjarat li, billi tevalwa dawn il-merti u dawn il-kwalifiki, l-amministrazzjoni wettqet żball manifest.

F’dan ir-rigward, il-fatt li kandidat jkollu l-merti rrikonoxxuti tiegħu ma jeskludix, fil-kuntest tal-eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati skont il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni, li l-uffiċjali l-oħra jkollhom merti ikbar minn dawn.

(ara l-punti 90 u 93)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza Bouteiller vs Il-Kummissjoni, 324/85, EU:C:1987:59, punt 6, u Cubero Vermurie vs Il-Kummisjoni, C‑446/00 P, EU:C:2001:703, punt 21

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Campos Valls vs Il-Kunsill, F‑39/07, EU:F:2009:45, punt 43