Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fid-29 ta’ Awwissu 2018 – Indaco Service Soc. coop. sociale, Coop. sociale il Melograno vs Ufficio Territoriale del Governo Taranto

(Kawża C-552/18)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Indaco Service Soc. coop. sociale, Coop. sociale il Melograno

Konvenut: Ufficio Territoriale del Governo Taranto

Domanda preliminari

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea, u preċiżament l-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24/UE 1 dwar l-akkwist pubbliku, flimkien mal-premessa 101 tal-istess direttiva u l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik ineżami f’dan il-każ, li tiddefinixxi l-“kondotta professjonali ħażina serjaˮ bħala kawża ta’ esklużjoni obbligatorja ta’ operatur ekonomiku u tistabbilixxi li, fil-każ fejn il-kondotta professjonali ħażina tkun ikkawżat ix-xoljiment antiċipat ta’ kuntratt, l-operatur jista’ jiġi eskluż biss jekk ix-xoljiment ma jiġix ikkontestat jew jekk jiġi kkonfermat bħala riżultat ta’ proċedura ġudizzjarja?

____________

1     Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65 u rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68).