Language of document : ECLI:EU:C:2019:461

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

5 ta’ Ġunju 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Artikolu 3(1) – Artikolu 4(2) – Artikolu 6(1) – Kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija – Komunikazzjoni lill-konsumatur tar-rata tal-kambju applikabbli għas-somma mqiegħda għad-dispożizzjoni fil-munita nazzjonali wara l-konklużjoni tal-kuntratt”

Fil-Kawża C‑38/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Budai Központi Kerületi Bíróság (il-Qorti Distrettwali Ċentrali ta’ Buda, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Diċembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Jannar 2017, fil-proċedura

GT

vs

HS,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatur), President tat-Tielet Awla, li qiegħda taġixxi bħala President tas-Seba’ Awla, C. Toader u A. Rosas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal GT, minn T. Szabó, ügyvéd,

–        għal HS, minn T. Várhelyi, ügyvéd,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u Z. Biró-Tóth, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Talabér-Ritz u A. Cleenewerck de Crayencour, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kompetenza mogħtija lill-Unjoni Ewropea sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, tal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni dwar l-ugwaljanza quddiem il-liġi, ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv u ta’ smigħ xieraq kif ukoll tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), b’mod partikolari mit-tmien sat-tnax-il u l-għoxrin premessa kif ukoll l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5 tagħha.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn GT, kumpannija ta’ leasing (iktar ’il quddiem il-“kumpannija”), u HS, bħala persuna li tissellef, dwar in-nullità tal-kuntratt ta’ self konkluż bejn dawn il-partijiet minħabba n-nuqqas li tissemma r-rata tal-kambju applikata meta ngħataw il-fondi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont it-tmien sat-tnax-il u l-għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13:

“Billi ż-żewġ programmi tal-Komunità għal politika tal-protezzjoni u l-informazzjoni tal-konsumatur […] saħqet fuq l-importanza li jiġu salvagwardati l-konsumaturi fil-kwistjoni ta’ klawżoli inġusti f’kuntratt; billi din il-protezzjoni għandha tkun provduta mil-liġijiet u r-regolamenti li jew jiġu armonizzati f’livell Komunitarju jew jiġu adottati direttament f’dak il-livell;

Billi b’konformità mal-prinċipju stabbilit taħt l-intestatura ‘Protezzjoni ta’l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi’, kif imsemmi f’dawk il-programmi: ‘l-akkwirenti ta’ merkanzija jew servizzi għandhom jiġu protetti kontra l-abbuż tal-poter mill-bejjiegħ jew mill-fornitur, b’mod partikolari kontra kuntratti standard li jiġbdu lejn naħa waħda u l-esklużjoni inġusta ta’ drittijiet essenzali f’kuntratti’;

Billi tista’ tinkiseb protezzjoni aktar effettiva tal-konsumatur billi jiġu adottati regoli tal-liġi uniformi fil-kwistjoni ta’ klawżoli inġusti; billi dawk ir-regoli għandhom jgħoddu għall-kuntratti kollha konklużi bejn il-bejjiegħa jew il-fornituri u l-konsumaturi; billi bħala riżultat kuntratti inter alia relatati ma’ l-impieg, kuntratti relatati mad-drittijiet tas-suċċessjoni, kuntratti relatati mad-drittijiet taħt il-liġi tal-familja u kuntratti relatati ma’l-inkorporazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ kumpaniji jew ftehim ta’ sħubija għandhom jiġu esklużi minn din id-Direttiva;

Billi l-konsumatur għandu jirċievi protezzjoni ugwali taħt kuntratti konklużi bil-kliem u kuntratti bil-miktub minkejja kollox, f’dan l-aħħar każ, jekk il-klawżoli tal-kuntratt ikunux jinsabu f’dokument wieħed jew aktar;

Billi, iżda, kif inhuma bħalissa, il-liġijiet nazzjonali jippermettu li tiġi kkunsidrata biss armonizzazzjoni parzjali; billi b’mod partikolari, din id-Direttiva tkopri biss klawżoli kuntrattwali li ma jkunux ġew innegozjati individwalment; billi l-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla b’konsiderazzjoni xierqa tat-Trattat, li joffru lill-konsumaturi livell ogħla ta’ protezzjoni permezz ta’ disposizzjonijiet nazzjonali li jkunu aktar stretti minn dawk ta’ din id-Direttiva;

[…]

Billi l-kuntratti għandhom jiġu abbozzati f’lingwa ċara, li tiftiehem, il-konsumatur għandu fil-fatt jingħata opportunità biex jeżamina l-klawżoli kollha u, jekk ikollu xi dubju, l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli lejn il-kunsumatur għandha tirbaħ”.

4        L-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva jiddisponi:

“Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u d-disposizzjonijiet jew il-prinċipji ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ikunu parti l-Istati Membri jew il-Komunità, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport, m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

5        L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:

“Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”

6        Skont l-Artikolu 4 tal-istess direttiva:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.

2.      L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

7        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 jipprevedi:

“Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar. Fejn ikun hemm dubju dwar it-tifsir ta’ klawżola, għandha tirbaħ l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur. […]”

8        L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

 Id-dritt Ungeriż

 Il-Liġi Hpt

9        L-Artikolu 213(1)(a) tal-a hitelintézetekről és a pénzügyi vállalkozásokról szóló 1996. évi CXII. törvény (il-Liġi Nru CXII tal‑1996 dwar l-Istabbilimenti ta’ Kreditu u l-Impriżi Finanzjarji, iktar ’il quddiem il-“Liġi Hpt”) jiddisponi:

“Kull kuntratt ta’ self konkluż ma’ konsumaturi jew individwi huwa null jekk ma jsemmix

a)      is-suġġett tal-kuntratt […]”

 Il-Liġi DH 1

10      Skont l-Artikolu 1(1) tal-Kúriának a pénzügyi intézmények fogyasztói kölcsönszerződéseire vonatkozó jogegységi határozatával kapcsolatos egyes kérdések rendezéséről szóló 2014. évi XXXVIII. törvény (il-Liġi Nru XXXVIII. tal‑2014 li Tirregola Materji Speċifiċi Marbuta mad-Deċiżjoni tal-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija) għal Interpretazzjoni Uniformi tad-Dispożizzjonijiet tad-Dritt Ċivili dwar Kuntratti ta’ Self Konklużi bejn Stabbilimenti ta’ Kreditu u Konsumaturi, iktar ’il quddiem il-“Liġi DH 1”):

“Din il-liġi għandha tapplika għall-kuntratti ta’ self mal-konsumaturi konklużi bejn l‑1 ta’ Mejju 2004 u d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi. Għall-finijiet ta’ din il-liġi, il-kunċett ta’ kuntratti ta’ self konklużi mal-konsumaturi għandu jkopri l-kuntratti ta’ kreditu, ta’ self jew ta’ leasing iddenominati f’muniti barranin (irreġistrati f’muniti barranin jew mogħtija f’muniti barranin u rrimborsati f’forint Ungeriż) jew f’forint Ungeriż u konklużi bejn istituzzjoni finanzjarja u konsumatur […]”

11      L-Artikolu 3(1) u (2) tal-Liġi DH 1 jipprevedi:

“1. F’kuntratt ta’ self konkluż ma’ konsumatur, klawżola – bl-eċċezzjoni ta’ klawżola kuntrattwali li tkun ġiet innegozjata individwalment – li bis-saħħa tagħha l-istituzzjoni finanzjarja tiddeċiedi li, għall-ħlas lura tal-ammont ta’ finanzjament mogħti għax-xiri tas-suġġett tas-self jew tal-leasing, għandha tapplika r-rata tax-xiri, u li, għar-rimbors tad-dejn, għandha tapplika r-rata tal-bejgħ, jew rata tal-kambju differenti minn dik stabbilita meta s-self ikun tħallas, hija invalida.

2.      Minflok il-klawżola invalida msemmija fil-paragrafu 1 […] għandha tapplika r-rata tal-kambju uffiċjali stabbilita mill-Bank Nazzjonali tal-Ungerija għall-munita korrispondenti b’rabta mar-rilaxx tal-fondi kif ukoll ir-rimbors tas-self (inkluż ir-radd lura ta’ ħlasijiet bin-nifs u l-ispejjeż, it-tariffi u l-kummissjonijiet kollha espressi fil-munita barranija).”

 Il-Liġi DH 3

12      Skont l-Artikolu 3(1) tal-az egyes fogyasztói kölcsönszerződések devizanemének módosulásával és a kamatszabályokkal kapcsolatos kérdések rendezéséről szóló 2014. évi LXXVII. törvény (il-Liġi Nru LXXVII. tal‑2014 li Tirregola Diversi Materji Relatati mat-Tibdil tal-Munita li fiha Kuntratti ta’ Self ma’ Konsumaturi jkunu Ddenominati u mad-Dispożizzjonijiet b’Rabta ma’ Interessi, iktar ’il quddiem il-“Liġi DH3”):

“Il-kuntratt ta’ self konkluż ma’ konsumaturi għandu jiġi emendat ipso iure, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.”

 Id-Deċiżjoni Nru 1/2016 PJE

13      Id-Deċiżjoni Nru 1/2016 PJE tal-Kúria (il-Qorti Suprema), mogħtija fl-interess ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt ċivili skont l-Artikolu 25(3) tal-Alpörvény (il-Liġi Fundamentali), hija fformulata kif ġej:

“1.      Kuntratt ta’ self konkluż ma’ konsumaturi jew individwi li huwa ddenominat f’munita jissodisfa wkoll ir-rekwiżit previst fl-Artikolu 213(1)(a) tal-Liġi [Hpt] meta l-kuntratt ifformalizzat f’forma miktuba – inklużi wkoll it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali tiegħu li ġew inkorporati f’dak il-kuntratt fil-mument tal-konklużjoni tiegħu – jindika l-ammont tas-self f’forint Ungeriż (valuta tar-remunerazzjoni), sakemm il-valur tal-kambju (valuta tal-kont) tal-ammont tas-self hekk iffissat jista’ jiġi ddeterminat preċiżament wara l-konverżjoni ffissata bil-kuntratt, minflok fil-mument meta jitħallsu l-fondi, filwaqt li titqies ir-rata tal-kambju prevalenti f’dak il-mument.

[…]

3.      Għalkemm kuntratt ta’ self konkluż ma’ konsumaturi jew individwi li huwa ddenominat f’munita – inklużi wkoll it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali tiegħu li ġew inkorporati f’dak il-kuntratt fil-mument tal-konklużjoni tiegħu – jinkludi l-indikazzjonijiet imsemmija taħt 1. u 2., id-dikjarazzjonijiet unilaterali magħmula wara l-konklużjoni tal-kuntratt (pereżempju l-avviż ta’ ħlas, l-iskeda ta’ rimbors, l-iskeda ta’ pagament) jirrappreżentaw informazzjoni mill-organu ta’ kreditu lill-konsumatur mingħajr ma jaffettwaw il-konklużjoni tal-kuntratt jew il-validità tiegħu.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14      Fl‑20 ta’ Frar 2006, il-kumpannija kkonkludiet kuntratt ta’ self ma’ HS, bħala persuna li tissellef, sabiex jiġi ffinanzjat ix-xiri ta’ karozza. Is-self kien iddenominat f’munita barranija, f’dan il-każ il-frank Svizzeru (CHF). L-ammont ta’ dan is-self kien ġie stabbilit abbażi tas-somma meħtieġa f’forint Ungeriż (HUF), f’dan il-każ HUF 3 859 000, bl-użu tar-rata tal-kambju fis-seħħ fid-data tar-rilaxx tal-fondi. Konformement ma’ dan il-kuntratt, “il-partijiet [iffirmaw] il-kuntratt li l-kontenut tiegħu [kien] f’konformità mal-avviż tal-ftehim tal-persuna li ssellef”. L-avviż tal-ftehim sussegwentement intbagħat lill-persuna li ssellfet fis‑7 ta’ April 2006, wara li l-kuntratt ta’ self ġie ffirmat. Dan l-avviż, li l-qorti tar-rinviju tenfasizza li ma kienx iffirmat minn min issellef, inkluda r-rata tal-kambju applikabbli għall-kreditu rrilaxxat (1 CHF = HUF 164.87).

15      Skont it-termini ta’ dan il-kuntratt, is-self kellu jiġi rrimborsat f’forint Ungeriż, peress li l-ammont fil-mument tal-iskadenzi kien dipendenti fuq ir-rata tal-kambju bejn il-frank Svizzeru u l-forint Ungeriż applikabbli fid-data li fiha dawn kellhom jitħallsu, b’tali mod li min jissellef jerfa’ r-riskju tal-kambju.

16      Fl‑4 ta’ Marzu 2013, peress li qieset li l-persuna li ssellfet kienet naqset milli tissodisfa l-obbligu ta’ rimbors tagħha, il-kumpannija xoljiet il-kuntratt ta’ self. Hija mbagħad ressqet lill-persuna li ssellfet quddiem il-qorti tar-rinviju u talbet li din tiġi kkundannata tħallas HUF 1 463 722 għall-kapital misluf flimkien mal-interessi.

17      Bħala risposta, b’riferiment partikolari għall-Artikolu 213(1)(a) tal-Liġi Hpt, il-persuna li ssellfet invokat eċċezzjoni ta’ nullità tal-kuntratt minħabba li dan ma indikax is-suġġett tas-self, peress li r-rata tal-kambju bejn il-frank Svizzeru u l-forint Ungeriż li kienet ġiet applikata meta ngħataw il-fondi kienet tidher biss fl-avviż tal-ftehim iffirmat mill-kumpannija biss.

18      Il-qorti tar-rinviju tqis li, fil-kawża pendenti quddiemha, hemm lok li jiġu applikati d-deċiżjonijiet tal-Kúria (il-Qorti Suprema) mogħtija fl-interess ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt, inkluża d-Deċiżjoni Nru 1/2016, li jorbtu lill-qrati inferjuri. Skont din id-deċiżjoni, għandu jiġi rrikonoxxut l-istess valur legali lil rata tal-kambju stabbilita b’mod unilaterali mill-kumpannija fl-avviż tal-ftehim bħal dak mogħti lil klawżola kuntrattwali, fejn il-kuntratt innifsu ma jispeċifikax ir-rata tal-kambju applikabbli għal meta jitħallsu l-fondi. Minn din l-istess deċiżjoni jirriżulta li, f’dan ir-rigward, huwa irrilevanti l-fatt li d-debitur ma kienx iffirma l-avviż tal-ftehim u li l-persuna li ssellef ma kinetx meħtieġa li tipproduċi prova lid-debitur li rċieva l-imsemmi avviż.

19      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-ammissjoni tal-validità tal-kuntratt twassal għall-fatt li min jissellef ikollu jġarrab il-konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw mir-riskju tal-kambju. Għalhekk, il-fatt li l-qorti adita bil-kawża tirrikonoxxi l-validità ta’ tali kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija skont l-imsemmi Artikolu 213(1)(a) imur kontra l-interessi ekonomiċi tal-persuna li tissellef. Għalhekk, din il-qorti tixtieq tiżgura li d-Deċiżjoni Nru 1/2016 ma tiksirx id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni intiżi sabiex jipproteġu lill-konsumaturi.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Budai Központi Kerületi Bíróság (il-Qorti Distrettwali Ċentrali ta’ Buda, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Hija kompatibbli mal-funzjonijet tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-garanzija ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u mal-ugwaljanza quddiem il-liġi u d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea relatati mal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u ma’ smigħ xieraq, kif ukoll ma’ ċerti partijiet tal-preambolu tad-Direttiva [93/13,] [jiġifieri t-tmien sat-tnax-il u l-għoxrin premessa tagħha] u, fl-aħħar nett, mal-Artikoli 4(2), u 5 [ta’ din id-direttiva,] ġurisprudenza nazzjonali ta’ natura regolatorja [vinkolanti] li (a u/jew b):

–        ma tobbligax lill-parti li tidħol f’kuntratt mal-konsumatur, bħala rekwiżit ta’ validità tal-kuntratt, tinforma lill-konsumatur bil-klawżoli kuntrattwali qabel l-iffirmar tal-kuntratt, redatti b’mod ċar u li jinftiehem, li jikkostitwixxu l-għan prinċipali tal-kuntratt, inkluż it-tip ta’ kambju applikabbli għall-ħlas ta’ kreditu f’valuta estera, bil-għan li tiġi evitata n-nullità tal-kuntratt;

–        tippermetti li l-parti li tidħol f’kuntratt mal-konsumatur tikkomunika (pereżempju, f’dokument separat) il-klawżoli kuntrattwali, redatti b’mod ċar u li jinftiehem, li jikkostitwixxu l-għan prinċipali tal-kuntratt, inkluż it-tip ta’ kambju applikabbli għall-ħlas ta’ kreditu f’valuta estera, biss ladarba l-konsumatur ikun diġà ntrabad bl-obbligu irrevokabbli li jimplementa l-kuntratt, mingħajr ma din iċ-ċirkustanza titqies bħala raġuni ta’ nullità tal-kuntratt?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

21      Il-Kummissjoni Ewropea ssostni li d-domanda magħmula hija inammissibbli għar-raġuni li, essenzjalment, il-qorti tar-rinviju naqset milli tippreżenta l-punti ta’ fatt u ta’ liġi essenzjali kollha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari l-fatt li l-proċedura fil-kawża prinċipali tagħmel parti minn kuntest usa’ ta’ interventi leġiżlattivi mil-leġiżlatur Ungeriż dwar kuntratti ta’ self, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li wasslu għall-adozzjoni tal-Liġi DH 1 u tal-Liġi DH 3. Skont dawn il-liġijiet, ir-rata tal-kambju inizjalment stabbilita għal dan it-tip ta’ kuntratt ġiet issostitwita, b’effett retroattiv u ipso iure, b’dik stabbilita mil-liġi Ungeriża bl-eliminazzjoni tar-riskju tal-kambju, bla ħsara għaż-żamma ta’ riskju tal-kambju li joħroġ mir-rata tal-kambju stabbilita mil-liġi. Il-Kummissjoni tqis li l-imsemmija liġijiet għandhom jitqiesu bħala dispożizzjonijiet leġiżlattivi obbligatorji fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, b’tali mod li titqies ir-relazzjoni li teżisti bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom qiegħda tintalab l-interpretazzjoni u l-fatti jew is-suġġett tal-kawża prinċipali.

22      Skont il-Kummissjoni, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li tagħhom qiegħda tintalab l-interpretazzjoni ma għandhomx x’jaqsmu mal-kawża prinċipali minħabba li l-adozzjoni tal-Liġi DH 1 u tal-Liġi DH 3 kellha l-effett li tneħħi l-klawżoli dwar ir-rata tal-kambju u dwar ir-riskju tal-kambju li jinsabu f’kuntratti ta’ self, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, skont l-Artikolu 1(2) tagħha, b’tali mod li din id-direttiva ma tibqax tapplika f’dan il-każ.

23      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolamentari u fattwali ddefinit minnha taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika n-natura eżatta tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar talba mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring, C‑51/17, EU:C:2018:750, punt 37).

24      Mid-dikjarazzjoni fattwali li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-domanda magħmula tikkonċerna sitwazzjoni fejn konsumatur ikkonkluda kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija, filwaqt li l-ammont eżatt ta’ dan is-self f’munita barranija kien ġie stabbilit biss wara l-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt, skont ir-rata tal-kambju stabbilita mill-kumpannija f’dokument separat u applikata għas-somma li tinsab fl-applikazzjoni għal finanzjament magħmula mill-konsumatur, espressa fil-munita nazzjonali.

25      Huwa minnu li l-liġijiet imsemmija mill-Kummissjoni, sa fejn dawn jissostitwixxu klawżoli li jistipulaw differenza bejn, minn naħa, ir-rata tal-kambju applikabbli meta s-self ġie rrilaxxat (il-prezz tax-xiri tal-munita kkonċernata) u, min-naħa l-oħra, dik applikabbli meta dan ġie rrimborsat (il-prezz tal-bejgħ), bi klawżola li tistabbilixxi l-applikazzjoni ta’ rata tal-kambju waħda, jiġifieri dik iddefinita mill-Bank Nazzjonali tal-Ungerija, għandhom l-effett li jeskludu din l-aħħar klawżola mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, sa fejn tirrifletti dispożizzjoni leġiżlattiva obbligatorja fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13. Madankollu, minħabba l-interpretazzjoni stretta li għandha tingħata lil din id-dispożizzjoni, ma jfissirx li klawżola kuntrattwali oħra, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi l-modalitajiet għall-iffissar tal-ammont tas-self f’munita barranija, tkun, fl-intier tagħha, eskluża wkoll mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring, C‑51/17, EU:C:2018:750, punti 65 u 66), b’tali mod li ma jkunx jidher b’mod ovvju li din ma hijiex applikabbli għall-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

26      Minn dan isegwi li d-domanda preliminari hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

27      Għalkemm id-domanda preliminari tirrigwarda biss parzjalment l-interpretazzjoni ta’ test preċiż tad-dritt tal-Unjoni, hija ġurisprudenza stabbilita li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet, mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni, b’kunsiderazzjoni tas-suġġett tat-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ April 2019, Aqua Med, C‑266/18, EU:C:2019:282, punt 39).

28      Peress li l-mistoqsijiet tal-Budai Központi Kerületi Bíróság (il-Qorti Distrettwali Ċentrali ta’ Buda) ifittxu sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet ta’ nullità li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13 fir-rigward ta’ kuntratt ta’ self bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 6(1) għandhom jiġu inklużi fost il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li tagħhom din il-qorti qiegħda titlob li tiġi pprovduta interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

29      Konsegwentement, għandu jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1), l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, kif interpretata mill-qorti suprema ta’ dan l-Istat Membru, li bis-saħħa tagħha kuntratt ta’ self f’munita barranija li, għalkemm jispeċifika s-somma espressa fil-munita nazzjonali li tikkorrispondi għall-applikazzjoni għal finanzjament tal-konsumatur, ma jindikax ir-rata tal-kambju applikabbli għal din is-somma sabiex jiġi ddeterminat l-ammont finali tas-self f’munita barranija, filwaqt li, f’waħda mill-klawżoli tiegħu, jistipula li din ir-rata għandha tiġi ddeterminata mill-persuna li ssellef wara l-konklużjoni tal-kuntratt f’dokument separat, ma jsirx null.

30      Fl-ewwel lok, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tad-domanda magħmula, il-qorti tar-rinviju tibda mill-konstatazzjoni li l-klawżola kuntrattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiddetermina l-modalitajiet għall-iffissar tal-ammont tas-self f’munita barranija, għandha titqies bħala li tiddefinixxi s-suġġett prinċipali tal-kuntratt ta’ self, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13.

31      Skont l-imsemmija dispożizzjoni, klawżoli bħal dawn jaħarbu mill-evalwazzjoni tan-natura inġusta tagħhom fil-każ biss li l-qorti nazzjonali kompetenti tqis, wara eżami individwali ta’ kull każ, li dawn ġew redatti mill-bejjiegħ jew fornitur b’mod ċar u li jinftiehem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Dunai, C‑118/17, EU:C:2019:207, punt 48).

32      Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li dan ir-rekwiżit ta’ formulazzjoni ċara u li tinftiehem, imfakkar ukoll fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, ma jistax jiġi limitat għas-sempliċi natura li tinftiehem minn aspett formali u grammatikali tagħha. Għall-kuntrarju, hija qieset li peress li s-sistema ta’ protezzjoni implimentata permezz ta’ din id-direttiva hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni inferjuri meta mqabbel mal-bejjiegħ jew fornitur fir-rigward, b’mod partikolari, tal-livell ta’ informazzjoni, l-imsemmi rekwiżit għandu jiġi interpretat b’mod estensiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, EOS KSI Slovensko, C‑448/17, EU:C:2018:745, punt 61).

33      Għaldaqstant, ir-rekwiżit li klawżola kuntrattwali għandha tkun redatta b’mod ċar u li jinftiehem jeżiġi li l-kuntratt jesponi b’mod trasparenti l-funzjonament konkret tal-mekkaniżmu li għalih tagħmel riferiment il-klawżola kkonċernata kif ukoll, fejn applikabbli, ir-relazzjoni bejn dan il-mekkaniżmu u dak stabbilit minn klawżoli oħra, b’mod li dan il-konsumatur jitqiegħed f’pożizzjoni li jkun jista’ jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi li ser jirriżultaw għalih minn dan il-kuntratt (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 45).

34      F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha d-determinazzjoni tal-ammont misluf tiddependi fuq ir-rata tal-kambju fis-seħħ fid-data tar-rilaxx tal-fondi bħal dik stabbilita mill-persuna li ssellef wara l-konklużjoni tal-kuntratt, l-imsemmi rekwiżit jeżiġi li l-mekkaniżmu tal-kalkolu ta’ dan l-ammont misluf, espress f’munita barranija, kif ukoll ir-rata tal-kambju applikabbli għandhom ikunu stabbiliti b’mod trasparenti sabiex konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, ikun jista’ jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi li jikkonċernawh li joħorġu mill-kuntratt, inkluża, b’mod partikolari, l-ispiża totali tas-self tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 47, kif ukoll id-digriet tat‑22 ta’ Frar 2018, ERSTE Bank Hungary, C‑126/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:107, punt 32).

35      Din il-kwistjoni għandha tiġi eżaminata mill-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-punti ta’ fatt rilevanti kollha, fosthom ir-reklamar u l-informazzjoni pprovduta mill-persuna li ssellef fil-kuntest tan-negozjar ta’ kuntratt ta’ self (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 46).

36      Għal dan l-għan, għandha tkun il-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari, li tivverifika jekk, fid-dawl tal-punti ta’ fatt rilevanti kollha, il-konsumatur kienx f’pożizzjoni li jifhem kif l-ammont tas-self iddenominat f’munita barranija u r-rata tal-kambju applikabbli kellhom jiġu ddeterminati, kif ukoll il-konsegwenzi ekonomiċi li setgħu jirriżultaw għalih minn dan. Madankollu, ma jistax ikun meħtieġ li din l-informazzjoni kollha tkun ġiet speċifikata mill-bejjiegħ jew fornitur b’mod konkret fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt.

37      Fit-tieni lok, jekk, bħala riżultat ta’ dan l-eżami, ikun jidher li l-klawżola dwar l-iffissar tar-rata tal-kambju ma tkunx redatta b’mod ċar u li jinftiehem, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, in-nullità tal-kuntratt ikkonċernat tista’ tirriżulta biss jekk, minn naħa, tkun ġiet stabbilita n-natura inġusta tal-imsemmija klawżola, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, il-kuntratt ma jkunx jista’ jkompli jeżisti mingħajr dik il-klawżola, konformement mal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.

38      Fir-rigward, l-ewwel nett, tan-natura inġusta tal-klawżola kkonċernata, hija l-qorti kompetenti li għandha tiddetermina jekk din toħloqx, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt għad-detriment tal-konsumatur ikkunsidrat.

39      Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, il-qorti nazzjonali għandha tqis, konformement mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13, in-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt, u tagħmel dan billi tirreferi, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, għaċ-ċirkustanzi kollha relatati mal-konklużjoni tiegħu.

40      Iċ-ċirkustanzi msemmija f’dan l-Artikolu 4(1) huma dawk li l-bejjiegħ jew fornitur seta’ jkun jaf bihom fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt u li kienu ta’ natura li jinfluwenzaw l-eżekuzzjoni sussegwenti tiegħu, peress li klawżola kuntrattwali tista’ twassal għal żbilanċ bejn il-partijiet li jimmanifesta ruħu biss matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 54).

41      It-tieni nett, f’każ li tiġi kkonstatata n-natura inġusta tal-imsemmija klawżola, din il-klawżola, konformement mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, ma għandhiex torbot lill-konsumatur, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dritt nazzjonali. Skont l-imsemmija dispożizzjoni, il-kuntratt, madankollu, jibqa’ jorbot lill-partijiet bl-istess termini, jekk dan jista’ jkompli jeżisti mingħajr din il-klawżola.

42      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ifittex li jerġa’ jistabbilixxi bilanċ bejn il-partijiet, u mhux li jiġu annullati l-kuntratti kollha li fihom klawżoli inġusti. Madankollu, dan il-kuntratt għandu jkompli jeżisti, bħala prinċipju, mingħajr l-ebda modifika oħra ħlief għal dik li tirriżulta mit-tneħħija tal-klawżoli inġusti, sa fejn, skont ir-regoli tad-dritt intern, tali tkomplija tal-kuntratt tkun legalment possibbli, liema fatt għandu jiġi vverifikat skont approċċ oġġettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Dunai, C‑118/17, EU:C:2019:207, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Skont il-qorti tar-rinviju, il-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiddefinixxi s-suġġett prinċipali tal-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13. F’dawn iċ-ċirkustanzi, iż-żamma tal-kuntratt ma tidhirx li hija legalment possibbli wara li titneħħa din il-klawżola, li, madankollu, hija ħaġa, jekk ikun il-każ, li għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju.

44      Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik imsemmija mill-qorti tar-rinviju, tkun inkompatibbli mad-Direttiva 93/13 biss sa fejn ma tippermettix, f’konformità mal-interpretazzjoni dwarha mogħtija mill-qorti tar-rinviju, l-invalidazzjoni ta’ kuntratt ta’ self li fir-rigward tiegħu jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 37 ta’ din is-sentenza.

45      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 3(1), l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, kif interpretata mill-qorti suprema ta’ dan l-Istat Membru, li bis-saħħa tagħha kuntratt ta’ self f’munita barranija li, għalkemm jispeċifika s-somma espressa fil-munita nazzjonali li tikkorrispondi għall-applikazzjoni għal finanzjament tal-konsumatur, ma jindikax ir-rata tal-kambju applikabbli għal din is-somma sabiex jiġi ddeterminat l-ammont finali tas-self f’munita barranija, filwaqt li, f’waħda mill-klawżoli tiegħu, jistipula li din ir-rata għandha tiġi ddeterminata mill-persuna li ssellef wara l-konklużjoni tal-kuntratt f’dokument separat, ma jsirx null,

–        meta din il-klawżola tkun ġiet redatta b’mod ċar u li jinftiehem skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, sa fejn il-mekkaniżmu għall-kalkolu tal-ammont totali mogħti b’self kif ukoll ir-rata tal-kambju applikabbli jkunu stabbiliti b’mod trasparenti sabiex konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, ikun jista’ jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi li jikkonċernawh li joħorġu mill-kuntratt, inkluża, b’mod partikolari, l-ispiża totali tas-self tiegħu, jew, jekk ikun jidher li l-klawżola inkwistjoni ma tkunx ġiet redatta b’mod ċar u li jinftiehem,

–        meta l-imsemmija klawżola ma tkunx inġusta fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jew, jekk din tkun inġusta, il-kuntratt ikkonċernat ikun jista’ jkompli jeżisti mingħajrha skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13.

 Fuq l-ispejjeż

46      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 3(1), l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, kif interpretata mill-qorti suprema ta’ dan l-Istat Membru, li bis-saħħa tagħha kuntratt ta’ self f’munita barranija li, għalkemm jispeċifika s-somma espressa fil-munita nazzjonali li tikkorrispondi għall-applikazzjoni għal finanzjament tal-konsumatur, ma jindikax ir-rata tal-kambju applikabbli għal din is-somma sabiex jiġi ddeterminat l-ammont finali tas-self f’munita barranija, filwaqt li, f’waħda mill-klawżoli tiegħu, jistipula li din ir-rata għandha tiġi ddeterminata mill-persuna li ssellef wara l-konklużjoni tal-kuntratt f’dokument separat, ma jsirx null,

–        meta din il-klawżola tkun ġiet redatta b’mod ċar u li jinftiehem skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, sa fejn il-mekkaniżmu għall-kalkolu tal-ammont totali mogħti b’self kif ukoll ir-rata tal-kambju applikabbli jkunu stabbiliti b’mod trasparenti sabiex konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, ikun jista’ jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi li jikkonċernawh li joħorġu mill-kuntratt, inkluża, b’mod partikolari, l-ispiża totali tas-self tiegħu, jew, jekk ikun jidher li l-klawżola inkwistjoni ma tkunx ġiet redatta b’mod ċar u li jinftiehem,

–        meta l-imsemmija klawżola ma tkunx inġusta fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jew, jekk din tkun inġusta, il-kuntratt ikkonċernat ikun jista’ jkompli jeżisti mingħajrha skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l‑Ungeriż.