Language of document : ECLI:EU:F:2008:42

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tielet Awla)

16 ta’ April 2008

Kawża F-73/07

Frantisek Doktor

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Reklutaġġ – Tkeċċija fi tmiem il-perijodu ta’ prova”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu F. Doktor jitlob b’mod partikolari l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 2006, dwar it-tkeċċija tiegħu fi tmiem il-perijodu ta’ prova u l-kundanna tal-istituzzjoni għall-kumpens tad-danni professjonali, finanzjarji u morali li t-tkeċċija tiegħu mix-xogħol ikkawżatlu.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova – Suġġett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 34)

2.      Uffiċjali – Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 34(3))

3.      Uffiċjali – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova – Pjan individwali ta’ integrazzjoni – Rapport intermedju dwar il-perijodu ta’ prova – Rapport fi tmiem il-perijodu ta’ prova – Redazzjoni tardiva

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 34)

4.      Uffiċjali – Trattament ugwali – Uffiċjali permanenti u uffiċjali bi prova

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 34)

1.      Minkejja li l-perijodu ta’ prova previst fl-Artikolu 34 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistax jiġi kkunsidrat bħala perijodu ta’ taħriġ, huwa madankollu meħtieġ li l-parti involuta tkun f’pożizzjoni, matul dan il-perijodu, li tagħti prova tal-kwalitajiet tagħha. Din il-kundizzjoni tissodisfa r-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trattament ugwali, kif ukoll id-dmir ta’ premura, li jirrifletti l-bilanċ tad-drittijiet u l-obbligi reċiproki li r-Regolamenti tal-Persunal ħolqu fir-relazzjonijiet bejn l-Awtorità pubblika u l-impjegati tas-servizz pubbliku. Fil-prattika din il-kundizzjoni tfisser li l-uffiċjal f’perijodu ta’ prova għandu mhux biss jibbenefika minn kundizzjonijiet materjali xierqa, iżda wkoll minn struzzjonijiet u pariri xierqa, fid-dawl tan-natura tal-funzjonijiet eżerċitati, sabiex ikun f’pożizzjoni li jadatta ruħu għall-bżonnijiet speċifiċi tal-impjieg li jokkupa.

(ara l-punt 31)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 12 ta’ Diċembru 1956, Mirossevich vs L‑Awtoritá Għolja, 10/55, Ġabra p. 365, 387 et seq; 15 ta’ Mejju 1985, Patrinos vs CES, 3/84, Ġabra p. 1421, punti 20 u 21; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 5 ta’ Marzu 1997, Rozand-Lambiotte vs Il‑Kummissjoni, T‑96/95, ĠabraSP p. I‑A‑35 u II‑97, punt 95; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 18 ta’ Ottubru 2007, Krcova vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, F‑112/06, Ġabra p. I‑0000, punt 48

2.      Id-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni fil-konfront tal-impjegati tagħha jirrifletti l-bilanċ tad-drittijiet u l-obbligi li r-Regolamenti tal-Persunal ħolqu fir-relazzjonijiet bejn l-Awtorità pubblika u l-impjegati tas-servizz pubbliku. Dan id-dmir, bħall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, jimplika b’mod partikolari li, meta hija tagħti deċiżjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal, l-awtorità tqis l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u li, meta tagħmel dan, hija tqis mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll dak tal-uffiċjal ikkonċernat. Jirriżulta ċar mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 34(3) tar-Regolamenti tal-Persunal li l-amministrazzjoni għandha l-fakultà, u mhux l-obbligu, li tassenja lill-uffiċjal bi prova f’dipartiment ieħor meta tiddeċiedi li testendi l-perijodu ta’ prova tiegħu. Fil-każ li d-dmir ta’ premura jkollu l-effett li jibdel din il-fakultà f’obbligu tal-amministrazzjoni, l-imsemmi dmir jikkawża bdil fil-bilanċ tad-drittijiet u l-obbligi maħluqa mir-Regolamenti tal-Persunal fir-relazzjonijet bejn l-awtorità pubblika u l-impjegati tas-servizz pubbliku, meta fil-fatt dan għandu l-għan li jirrifletti l-imsemmi bilanċ.

(ara l-punti 41 u 42)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 4 ta’ Frar 1987, Maurissen vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, 417/85, Ġabra p. 551, punt 12

3.      Irregolarità proċedurali jkollha biss l-effett li tivvizzja att meta jiġi stabbilit li, mingħajr din l-irregolarità, dan l-att seta’ kellu kontenut differenti. Dan la huwa l-każ fil-każ ta’ dewmien ta’ xi ġimgħat fir-redazzjoni tal-pjan individwali ta’ integrazzjoni ta’ uffiċjal bi prova, la meta r-rapport intermedjarju dwar il-perijodu ta’ prova allegatament ikun ingħata xahar u nofs tard, li barra minn hekk ma għandux portata ġuridika u r-redazzjoni tiegħu ma jikkostitwixxix obbligu legali tal-awtorità ta’ ħatra, u lanqas fil-każ ta’ dewmien fir-redazzjoni tar-rapport fi tmiem il-perijodu ta’ prova, peress li irregolarità bħal din, fid-dawl tar-rekwiżiti espressi mir-Regolamenti tal-Persunal, minkejja li hija ta’ dispjaċir, ma hijiex tali li tqiegħed f’dubju il-validità tar-rapport.

(ara l-punti 47, 48, 50, 51 u 53)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 30 ta’ Mejju 1973, De Greef vs Il‑Kummissjoni, 46/72, Ġabra p. 543, punti 21 sa 25; 25 ta’ Marzu 1982, Munk vs Il‑Kummissjoni, 98/81; Ġabra p. 1155, punt 8; Patrinos vs CES, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 5 ta’ Marzu 2003, Staelen vs Il‑Parlament, T‑24/01, ĠabraSP p. I‑A‑79 u II‑423, punt 53

4.      Il-prinċipju ta’ trattament ugwali jipprekludi li jiġi applikat trattament differenti għal żewġ kategoriji ta’ persuni li s-sitwazzjonijiet fattwali u legali tagħhom ma jippreżentawx differenza sostanzjali. Issa, is-sitwazzjonijiet legali u fattwali tal-uffiċjali permanenti u tal-uffiċjali bi prova jippreżentaw differenzi essenzjali. B’mod partikolari, is-sitwazzjoni ta’ fatt ta’ uffiċjal bi prova ma hijiex komparabbli ma’ dik ta’ uffiċjal li jkun ilu snin jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu. Barra minn hekk, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-uffiċjali permanenti u r-rapport fi tmiem il-perijodu ta’ prova tal-uffiċjali taħt żmien ta’ prova għandhom funzjonijiet distinti, peress li r-rapport fi tmiem il-perijodu ta’ prova huwa prinċipalment intiż għall-evalwazzjoni tal-kapaċità tal-uffiċjal li jaqdi d-dmirijiet marbutin mal-post tiegħu u sabiex isir uffiċjal permanenti, u r-rapport ta’ evalwazzjoni għandu bħala funzjoni prinċipali li l-amministrazzjoni jkollha informazzjoni regolari u kemm jista’ jkun kompleta fuq il-kundizzjonijiet tal-qadi minn uffiċjal tas-servizz tiegħu.

(ara l-punt 86)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 15 ta’ Mejju 1996, Dimitriadis vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, T‑326/94, ĠabraSP p. I‑A‑217 u II‑613, punti  83 u 84; 21 ta’ Frar 2006, V vs Il‑Kummissjoni, T‑200/03 u T-313/03, ĠabraSP p. I‑A‑2‑15 u II‑A‑2‑57, punt 176