Language of document : ECLI:EU:F:2011:64

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

25 ta’ Mejju 2011

Kawża F-22/10

Luis María Bombín Bombín

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Leave għal raġunijiet personali — Leave annwali — Trasferiment ta’ leave — Uffiċjal li ma għadux fis-servizz — Kumpens finanzjarju”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu L M. Bombín Bombín jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħtih, meta huwa rtira bil-pensjoni, kumpens finanzjarju kkalkolat abbażi ta’ ammont ta’ ġranet ta’ leave mhux meħud ta’ 29 ġurnata.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud u r-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Leave — Leave annwali — Trasferiment tal-ġranet kollha ta’ leave mhux meħuda lis-sena segwenti — Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 1e; Anness V, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikolu 7(1))

2.      Uffiċjali — Leave — Leave annwali — Tmiem definittiv tas-servizz wara leave għal raġunijiet personali — Allowance kumpensatorja għal leave mhux meħud — Kundizzjoni għall-għoti

(Regolamenti tal-Persunal, Anness V, Artikolu 4)

3.      Uffiċjali — Prinċipji — Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Kundizzjonijiet — Formola individwali għal-leave mhux iffirmata — Dokument li ma joħloqx aspettattivi leġittimi

1.      Għalkemm, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal, id-dritt għal-leave miksub matul sena kalendarja għandu, bħala prinċipju, jintuża matul dik is-sena, madankollu, minn din l-istess dispożizzjoni jirriżulta wkoll li uffiċjal għandu d-dritt li l-ġranet kollha ta’ leave mhux meħuda matul sena jiġu ttrasferiti lis-sena segwenti fil-każ fejn huwa ma jkunx seta’ juża l-leave tiegħu għal raġunijiet imputabbli lill-ħtiġijiet tas-servizz.

Barra minn hekk, raġunijiet oħra, għalkemm mhux imputabbli lill-ħtiġijiet tas-servizz, jistgħu wkoll jiġġustifikaw trasferiment tal-ġranet kollha ta’ leave mhux meħuda, fid-dawl tal-għan imfittex mid-dritt għal-leave annwali. Dan jgħodd, b’mod partikolari, meta uffiċjal jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li juża d-dritt għal-leave tiegħu minħabba li kien bil-leave tal-mard matul is-sena kollha jew parti minnha. Fil-fatt l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol u li hija applikabbli għall-uffiċjali bis-saħħa tal-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi interpretat fis-sens li jiggarantixxi li uffiċjal li ma setax juża d-dritt għal-leave annwali tiegħu matul is-sena minħabba leave tal-mard ikollu l-possibbiltà li effettivament jibbenefika minn dan il-leave annwali wara li tkun għaddiet din is-sena kalendarja.

Min-naħa l-oħra, meta ebda waħda mir-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, kemm jekk imputabbli lill-ħtiġijiet tas-servizz u kemm jekk le, ma tkun ta’ natura li tiġġustifika l-fatt li uffiċjal ma kienx f’pożizzjoni li juża kompletament il-leave annwali tiegħu qabel it-tmiem tas-sena kurrenti, it-trasferiment lis-sena segwenti tal-ġranet ta’ leave mhux meħuda ma jistax ikun ta’ iktar minn tnax-il ġurnata.

(ara l-punti 27 sa 29)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff, C‑350/06 u C‑520/06, punti 43 u 55; 10 ta’ Settembru 2009, Vicente Pereda, C‑277/08, punti 22 sa 25; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 15 ta’ Marzu 2011, Strack vs Il‑Kummissjoni, F‑120/07, punti 55 sa 58

2.      Uffiċjal li jkun ibbenefika minn leave għal raġunijiet personali sal-ġurnata tal-irtirar tiegħu bil-pensjoni jkollu dritt għal kumpens finanzjarju lil hinn minn tnax‑il ġurnata leave mhux meħuda biss meta jiġi stabbilit li, qabel ma ħareġ bil-leave għal raġunijiet personali, huwa ma setax juża kompletament il-leave tiegħu għal raġunijiet imputabbli għall-ħtiġijiet tas-servizz.

F’dan ir-rigward, il-fatt li l-uffiċjal ikun tqiegħed fuq leave għal raġunijiet personali ma jistax jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika t-trasferiment tal-ġranet kollha ta’ leave mhux meħuda sa dik id-data, jekk kien fuq talba tiegħu stess li jkun tqiegħed fuq leave għal raġunijiet personali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ġranet ta’ leave mhux meħuda li l-persuna kkonċernata kellha meta rtirat kienu ġew ittrasferiti lis-snin segwenti sa’ mhux iktar mit-tnax-il ġurnata prevista fl-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 30, 31 u 33)

3.      Id-dritt li wieħed jinvoka l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jista’ jiġi invokat minn kull individwu li jsib ruħu f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni Ewropea, filwaqt li tagħtih garanziji preċiżi, inkundizzjonati u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, tkun ħolqot fi ħdanu aspettattivi fondati. F’dan ir-rigward, formola individwali għal-leave mhux iffirmata ma tistax titqies li toriġina minn sorsi suffiċjentement affidabbli u awtorizzati. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li dan id-dokument jista’ jiġi kkunsidrat bħala li joriġina minn tali sors, xorta jibqa’ l-fatt li dan ma jistax jistabbilixxi li l-amministrazzjoni tkun adottat pożizzjoni formali fuq it-trasferiment tal-ġranet kollha ta’ leave mhux meħuda minn uffiċjal lis-snin segwenti.

(ara l-punt 32)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 16 ta’ Marzu 2005, Ricci vs Il‑Kummissjoni, T‑329/03, punt 79