Language of document : ECLI:EU:C:2019:309

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

11 ta’ April 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Moviment liberu tal-persuni – Direttiva 2004/38/KE – Dritt ta’ moviment liberu u residenza fit-territorju tal-Istati Membri – Artikolu 7(1)(a) – Ħaddiema u persuni li jaħdmu għal rashom – Artikolu 7(3)(c) – Dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur – Ċittadin ta’ Stat Membru li jkun eżerċita attività ta’ ħaddiem fi Stat Membru ieħor matul perijodu ta’ ħmistax‑il jum – Qgħad involontarju – Żamma tal-istatus ta’ ħaddiem għal mill-inqas sitt xhur – Dritt għall-benefiċċju għal persuni li qed ifittxu xogħol (jobseeker’s allowance)”

Fil-Kawża C‑483/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l‑Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Awwissu 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Awwissu 2017, fil-proċedura

Neculai Tarola

vs

Minister for Social Protection,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Vilaras (Relatur), President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Malenovský, L. Bay Larsen, M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: L. Hewlett, amministrattriċi prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑6 ta’ Settembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Tarola, minn C. Stamatescu, solicitor, u minn D. Shortall, BL,

–        għall-Irlanda, minn M. Browne, G. Hodge, A. Joyce u M. Tierney, bħala aġenti, assistiti minn E. Barrington, SC, u minn D. Dodd, BL,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Pavliš u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn P. Z. L. Ngo, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn D. Klebs, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u R. Coesme, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti, M. Kellerbauer u J. Tomkin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Novembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1)(a) u (3)(c) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Neculai Tarola u l‑Minister for Social Protection (il-Ministru għall-Protezzjoni Soċjali, l-Irlanda) fir-rigward taċ-ċaħda minn dan tal-aħħar tat-talba tiegħu għall-għoti tal-benefiċċju għal persuni li qed ifittxu xogħol (jobseeker’s allowance).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 3, 9,10 u 20 tad-Direttiva 2004/38 jiddikjaraw:

“(3)      Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tkun l-istatus fondamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri meta huma jeżerċitaw d-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza. Hu għalhekk neċessarju li jiġu kkodifikati u riveduti l-istrumenti komunitarji eżistenti li jittrattaw separament lill-ħaddiema, lill-persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll lill-istudenti u lill-persuni oħrajn mhux attivi sabiex jissimplifikaw u jsaħħu d-dritt ta’ moviment liberu u residenza taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni.

[…]

(9)      Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom ikollhom id-dritt li jgħixu fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu li ma jaqbiżx it-tliet xhur mingħajr ma jkunu suġġetti għal xi kondizzjonijiet jew xi formalitajiet għajr il-ħtieġa li jkollhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi, mingħajr preġudizzju għal trattament aktar favorevoli applikabbli għal dawk li qed ifittxu xogħol, kif rikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

(10)      Dawk il-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ residenza m’għandhomx, madankollu, ikunu ta’ piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu inizjali ta’ residenza. Għalhekk, id-dritt ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom għal perjodi li jaqbżu t-tliet xhur għandu jkun bla ħsara għal kondizzjonijiet.

[…]

(20)      Skond il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni skond iċ-ċittadinanza, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li jgħixu fi Stat Membru skond din id-Direttiva għandhom igawdu, f’dak l-Istat Membru, trattament ugwali bħaċ-ċittadini f’oqsma koperti mit-Trattat, bla ħsara għal dawk id-disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar mit-Trattat u mil-liġi sekondarja.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi:

a)      il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu u ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati Membri miċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u mill-membri tal-familja tagħhom;

[…]”

5        L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.      Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

a)      ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew […]

[…]

3.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1(a), ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għadux jaħdem jew li m’għadux jaħdem għal rasu għandu jżomm l-istatus ta’ ħaddiem jew ta’ persuna li taħdem għal rasha fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

a)      il-persuna kkonċernata ma tistax taħdem għal żmien temporanju minħabba mard jew inċident;

b)      il-persuna kkonċernata, wara li [jkun ġie debitament ikkonstatat li] spiċċat involontarjament bla xogħol wara li ħadmet għal aktar minn sena, tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti;

c)      il-persuna kkonċernata spiċċat involontarjament bla xogħol wara li lestiet kuntratt ta’ xogħol għal żmien fiss ta’ anqas minn sena jew wara li spiċċat involontarjament bla xogħol matul l-ewwel tnax‑il xahar u rreġistrat bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti. F’dan il-każ, l-istatus ta’ ħaddiem għandu jinżamm għal perjodu li mhux inqas minn sitt xhur;

d)      il-persuna kkonċernata tibda taħriġ professjonali. Sakemm ma tispiċċax involontarjament bla xogħol, iż-żamma ta’ l-istatus ta’ ħaddiem teħtieġ li t-taħriġ ikun jirrelata max-xogħol preċedenti.”

6        L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Żamma tad-dritt ta’ residenza”, jipprovdi:

“1.      Ċittadini ta’ l l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikolu 6, sakemm ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti.

2.      Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikoli 7, 12 u 13 sakemm jaderixxu mal-kondizzjonijiet stabbiliti fihom.

[…]”

7        L-Artikolu 24 tal-istess direttiva, intitolat “Trattament ugwali”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. Il-benefiċċju ta’ dan id-dritt għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ residenza jew għandhom residenza permanenti.”

 Id-dritt Irlandiż

8        L-Artikolu 6(2)(a) u (c) tal-European Communities (Free Movement of Persons) (n°2) Regulations 2006 (ir-Regolament tal-2006 dwar il-Komunitajiet Ewropej (Moviment Liberu tal-Persuni) (Nru°2), iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal‑2006”), li ttraspona l-Artikolu 7(3) tad‑Direttiva 2004/38 fid‑dritt Irlandiż, jipprevedi:

“a)      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20, ċittadin tal-Unjoni jista’ jirrisjedi fit-territorju tal-Istat għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur:

i)      jekk huwa impjegat jew persuna li taħdem għal rasha fl‑Istat;

[…]

c)      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20, persuna li għaliha japplika l-punt (a)(i) tista’ tibqa’ fl-Istat meta jispiċċa x-xogħol indikat fl‑imsemmi punt jekk

[…]

ii)      ikun ikkonstatat li tkun tilfet xogħolha b’mod involontarju wara li tkun ġiet impjegata għal iktar minn sena u tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol mal‑awtorità kompetenti tad-(Department of Social and Family Affairs (il-Ministeru tal-Affarijiet Soċjali u tal-Familja, l-Irlanda)) u mal-FÁS (Foras Áiseanna Saothair (l-Awtorità għat-taħriġ u l-impjieg, l-Irlanda)) […]

iii)      mingħajr preġudizzju għall-punt (d), ikun ikkonstatat li tkun tilfet xogħolha b’mod involontarju fi tmiem il-kuntratt tax-xogħol għal żmien determinat tagħha ta’ inqas minn sena jew wara li tkun tilfet xogħolha b’mod involontarju matul it-tnax-il xahar preċedenti u tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol mal‑awtorità kompetenti tad-Department of Social and Family Affairs (il-Ministeru tal-Affarijiet Soċjali u tal-Familja) u mal-FÁS […]”.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9        Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa ċittadin Rumen li wasal għall-ewwel darba fl-Irlanda fix-xahar ta’ Mejju 2007, fejn ġie impjegat mill‑5 sat‑30 ta’ Lulju 2007, u sussegwentement mill‑15 ta’ Awwissu sal‑14 ta’ Settembru 2007. Filwaqt li ma ġiex stabbilit li rrisjeda fl-Irlanda bejn is-sena 2007 u s-sena 2013, min-naħa l-oħra huwa paċifiku li ġie impjegat fl-Irlanda mit‑22 ta’ Lulju sal‑24 ta’ Settembru 2013, u sussegwentement mit‑8 sat‑22 ta’ Lulju 2014, u li, għal dan l-aħħar impjieg, irċieva remunerazzjoni li tammonta għal EUR 1 309. Barra minn hekk, huwa ħadem ukoll bħala subkuntrattur indipendenti mis‑17 ta’ Novembru sal‑5 ta’ Diċembru 2014.

10      Fil‑21 ta’ Settembru 2013, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ressaq talba għall-allowance għall-persuni li qed ifittxu xogħol (jobseeker’s allowance), quddiem il-Ministru għall-Protezzjoni Soċjali, li ġiet miċħuda minħabba li ma kien ipproduċa l-prova la tar-residenza abitwali tiegħu fl-Irlanda u lanqas tar-riżorsi tiegħu għall-perijodu mill‑15 ta’ Settembru 2007 sat‑22 ta’ Lulju 2013.

11      Fis‑26 ta’ Novembru 2013, huwa għalhekk ressaq talba għall-għoti tal-allowance għal benefiċċju soċjali supplimentari (supplementary welfare allowance), li ġiet miċħuda wkoll minħabba l-fatt li ma kienx f’pożizzjoni li jipproduċi provi li jistabbilixxu l-mod kif kien ħaseb għall-bżonnijiet tiegħu u ħallas il-kirja tiegħu minn Settembru 2013 sal‑14 ta’ April 2014.

12      Fis‑6 ta’ Novembru 2014, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ressaq it-tieni talba għall-għoti ta’ allowance għal persuni li qed ifittxu xogħol, li ġiet miċħuda fis‑26 ta’ Novembru 2014, minħabba li, sa mill-wasla tiegħu fl-Irlanda, huwa ma kienx ħadem għal iktar minn sena u l-provi li kien ipproduċa ma kinux suffiċjenti biex juri li kellu r-residenza abitwali tiegħu f’dan l-Istat Membru.

13      Konsegwentement, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors għal reviżjoni tad-deċiżjoni tas‑26 ta’ Novembru 2014, quddiem il-Ministru għall-Protezzjoni Soċjali, li ġie miċħud minħabba li l-perijodu qasir ta’ xogħol li kien wettaq fix-xahar ta’ Lulju 2014 ma kienx tali li jqiegħed inkwistjoni l-konstatazzjoni li huwa ma kellux ir-residenza abitwali tiegħu fl-Irlanda.

14      Fl‑10 ta’ Marzu 2015, huwa talab lill-Ministru għall-Protezzjoni Soċjali sabiex jeżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu tas‑26 ta’ Novembru 2014, billi sostna b’mod partikolari li, bis-saħħa tal-Artikolu 7(3)(c) tad-Direttiva 2004/38, huwa kellu dritt jirrisjedi fl-Irlanda ġaladarba kien ħaddiem matul il-perijodu ta’ sitt xhur konsekuttiv għall-waqfien mill-attività professjonali tiegħu fix-xahar ta’ Lulju 2014. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Marzu 2015 minħabba li, sa mill-wasla tiegħu fl-Irlanda, huwa ma kienx ħadem għal iktar minn sena u ma kellux riżorsi proprji suffiċjenti biex imantni lilu nnifsu.

15      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), li ġie miċħud fl‑20 ta’ April 2016 minħabba li ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 6(2)(c)(iii) tar-Regolament tal‑2006. Il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma setax jitqies bħala “ħaddiem” u, konsegwentement, li jirrisjedi b’mod abitwali fl-Irlanda, għal kull pretensjoni ta’ benefiċċji soċjali f’dan is-sens. Fil-fatt, hija qieset li din id-dispożizzjoni kienet tirrigwarda esklużivament lill-persuni li ħadmu taħt kuntratt tax-xogħol għal żmien determinat ta’ inqas minn sena. Hija qieset ukoll li l-perijodu ta’ xogħol imwettaq mir-rikorrent fil-kawża prinċipali mit‑8 sat‑22 ta’ Lulju 2014 ma setax jitqies li kien jaqa’ taħt kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni u li dan tal-aħħar kien jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2)(c)(ii) tar-Regolament tal‑2006. Minn dan hija kkonkludiet li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kienx f’pożizzjoni li jipproduċi l-prova li kien ħadem b’mod mhux interrott matul perijodu ta’ sena qabel ma ressaq it-talba tiegħu għal benefiċċji soċjali, b’tali mod li ċ-ċaħda ta’ din it-talba min-naħa tal-Ministru għall-Protezzjoni Soċjali kienet fondata.

16      Fil‑5 ta’ Mejju 2016, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta appell kontra ċ-ċaħda tar-rikors tiegħu quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda), li tqis li l-kwistjoni ċentrali tal-kawża prinċipali hija dik dwar jekk persuna li ħadmet għal inqas minn sena żżommx l-istatus ta’ ħaddiem fis-sens tal-Artikolu 7(3)(c) tad-Direttiva 2004/38.

17      Qabel kollox din tal-aħħar tosserva li, fid-dritt tal-Unjoni, r-responsabbiltà fil-konfront tal-persuni li jiddependu minn servizzi soċjali taqa’ fuq l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom, hekk kif jirriżulta mill-premessa 10 kif ukoll mill-Artikolu 7(3)(c) tad-Direttiva 2004/38. Fil-fatt, il-persuni li jeżerċitaw id-dritt ta’ residenza tagħhom ma għandhomx ikunu ta’ oneru irraġonevoli għas-sistema ta’ benefiċċji soċjali tal-Istat Membru ospitanti matul perijodu inizjali ta’ residenza, filwaqt li l-eżerċizzju tal-imsemmi dritt għal perijodi ogħla minn tliet xhur għandu jkun suġġett għal ċerti kundizzjonijiet. Madankollu, hija tenfasizza li l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva jimplimenta l-Artikolu 45 TFUE, b’tali mod li hija applikabbli l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ ħaddiem, li dejjem ġiet interpretata b’mod wiesa’.

18      Konsegwentement, hija tistaqsi jekk għandux jiġi kkunsidrat li r-rikorrent fil-kawża prinċipali żamm l-istatus tiegħu ta’ ħaddiem, fis-sens tal-Artikolu 7(3)(c) tad-Direttiva 2004/38, minħabba l-fatt li ħadem matul perijodu ta’ ġimagħtejn fix-xahar ta’ Lulju 2014, b’tali mod li, bħala prinċipju, huwa għandu d-dritt li jirċievi l-allowance għal persuna li qed tfittex xogħol inkwantu jinsab f’sitwazzjoni ta’ qgħad involontarju u rreġistra lilu nnifsu bħala persuna li qed tfittex xogħol.

19      F’dan ir-rigward il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, għalkemm ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jsostnix iżjed quddiemha, kif kien għamel quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja), li ħadem bis-saħħa ta’ kuntratt għal żmien determinat matul dan il-perijodu, madankollu huwa jsostni li peress li l-Artikolu 7(3)(c) tad-Direttiva 2004/38 juża l-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni diżġuntiva “jew” din id-dispożizzjoni tkopri żewġ każijiet distinti. Fil-fatt, l-ewwel parti ta’ din id-dispożizzjoni (“[jkun ġie debitament ikkonstatat li] spiċċat involontarjament bla xogħol wara li lestiet kuntratt ta’ xogħol għal żmien fiss ta’ anqas minn sena”) tirrigwarda l-waqfien ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ inqas minn sena, filwaqt li t-tieni parti (“wara li spiċċat involontarjament bla xogħol matul l-ewwel tnax‑il xahar”) ma tirrigwardax il-waqfien ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, iżda l-waqfien ta’ kuntratti ta’ xogħol għal perijodu ta’ iktar minn sena li jseħħ matul l-ewwel tnax‑il xahar tal-impjieg tal-persuna kkonċernata. Din id-distinzjoni hija kkorroborata bil-fatt li l-ewwel parti ta’ din id-dispożizzjoni tirreferi għal qgħad li ġie “[debitament ikkonstatat]”, filwaqt li t-tieni parti tirrikjedi li l-ħaddiem ikun irreġistra “bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti”. Issa, ma jkunx hemm sens li jitqiegħed tali rekwiżit fil-każ ta’ qgħad debitament ikkonstatat.

20      Madankollu, hija għanda dubji fir-rigward tal-eżattezza ta’ din l-interpretazzjoni. Qabel kollox hija tosserva li l-interpretazzjoni sostnuta mir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk l-espressjoni “l-ewwel tnax‑il xahar” tirreferix għall-perijodu ta’ wara l-wasla fl-Istat Membru ospitanti jew il-perijodu ta’ impjieg fl-imsemmi Stat Membru. Barra minn hekk, hija tenfasizza li din l-interpretazzjoni ma tassoċjax tajjeb ma wieħed mill-għanijiet li d-Direttiva 2004/38 hija intiża li tikseb, jiġifieri, minn naħa, dak li tasal għal ekwilibriju ġust bejn is-salvagwardja tal-moviment liberu tal-ħaddiema, u, min-naħa l-oħra, il-garanzija li s-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istat Membru ospitanti ma jkollhomx isostnu oneru li ma jkunx raġonevoli.

21      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lid-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Fejn ċittadin ta’ Stat Membru tal-UE ieħor, wara l-ewwel tnax-il xahar tiegħu jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, jasal fl-Istat ospitanti u jaħdem (mhux b’kuntratt b’terminu fiss [għal żmien determinat]) għal perijodu ta’ ġimgħatejn li għalih huwa mħallas u sussegwentement jispiċċa involontarjament bla xogħol, dan iċ-ċittadin iżomm l-istatus ta’ ħaddiem għal mill-inqas sitt xhur oħra għall-finijiet tal-Artikolu 7(3)(c) u tal‑Artikolu 7(1)(a) tad‑Direttiva [2004/38], fis-sens li jkun intitolat li jirċievi pagamenti ta’ assistenza soċjali jew, skont il-każ, benefiċċji ta’ sigurtà soċjali fuq l-istess bażi daqs li kieku kien ċittadin residenti tal-Istat ospitanti?”

 Fuq id-domanda preliminari

22      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1)(a) u (3)(c) tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ Stat Membru li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, li ħadem fi Stat Membru ieħor matul perijodu ta’ ġimagħtejn, mhux bis-saħħa ta’ kuntratt għal żmien determinat, qabel ma sab lilu nnifsu f’sitwazzjoni ta’ qgħad involontarju, iżommx l-istatus ta’ ħaddiem matul perijodu supplimentari ta’ mill-inqas sitt xhur fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u għandux, konsegwentement, id-dritt li jirċievi benefiċċji ta’ sigurtà soċjali bħallikieku kien ċittadin tal-Istat Membru ospitanti.

23      Hemm lok li jitfakkar li d-Direttiva 2004/38, kif jirriżulta mill-premessi 1 sa 4 tagħha, għandha l-għan li tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali għal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri li jingħata direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 21(1) TFUE u li din għandha b’mod partikolari l-għan li ssaħħaħ l-imsemmi dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2008, Metock et, C‑127/08, EU:C:2008:449, punt 82, kif ukoll tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Coman et, C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      L-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 2004/38 jipprevedi, għalhekk, li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jirrisjedi, minbarra fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur meta jkun ħaddiem jew ta’ persuna li taħdem għal rasha fl-Istat Membru ospitanti.

25      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju, li ma għamlitx mistoqsijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward, tqis li r-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa ħaddiem fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, minħabba l-attività li eżerċita fl-Istat Membru ospitanti matul perijodu ta’ ġimagħtejn.

26      L-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva jipprovdi, min-naħa tiegħu, li, għall-finijiet tal-Artikolu 7(1)(a) tal-imsemmija direttiva, iċ-ċittadin tal-Unjoni li ma għadux jeżerċita attività bħala ħaddiem jew bħala persuna li taħdem għal rasha fl-Istat Membru ospitanti xorta waħda jżomm l-istatus ta’ ħaddiem, taħt ċerti ċirkustanzi, li skont kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinux elenkati b’mod eżawrjenti mill-imsemmi paragrafu 3 (sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Saint Prix, C‑507/12, EU:C:2014:2007, punt 38), u b’mod partikolari meta dan iċ-ċittadin ikun jinsab f’sitwazzjoni ta’ qgħad involontarju.

27      L-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2004/38 jipprevedi, f’dan ir-rigward, li ċ-ċittadin tal-Unjoni li “wara li [jkun ġie debitament ikkonstatat li] spiċċat involontarjament bla xogħol wara li ħadmet għal aktar minn sena” fl-Istat Membru ospitanti tibqa’ titqies bħala ħaddiem, mingħajr kundizzjoni ta’ żmien, sakemm dan jirreġistra lilu nnifsu bħala persuna li qed tfittex xogħol mal-uffiċċju tal-impjieg rilevanti.

28      Madankollu mill-kliem innifsu tad-domanda preliminari u mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li din id-domanda tirrigwarda biss l-attività eżerċitata mir-rikorrent fil-kawża prinċipali fl-Istat Membru ospitanti matul perijodu ta’ ġimagħtejn, b’tali mod li, fi kwalunkwe każ, ma humiex applikabbli għalih id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2004/38.

29      Madankollu l-Artikolu 7(3)(c) tad-Direttiva 2004/38 jipprevedi li ċ-ċittadin tal-Unjoni li spiċċa “involontarjament bla xogħol wara li [lesta] kuntratt ta’ xogħol għal żmien fiss ta’ anqas minn sena jew wara li [spiċċa] involontarjament bla xogħol matul l-ewwel tnax‑il xahar” jibqa’ jitqies ukoll bħala ħaddiem, matul mill-inqas sitt xhur, sakemm dan jirreġistra lilu nnifsu bħala persuna li qed tfittex xogħol mal-uffiċċju tal-impjieg rilevanti.

30      Mill-kliem innifsu tal-Artikolu 7(3)(c) tad-Direttiva 2004/38, b’mod partikolari mill-użu tal-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni “jew”, jirriżulta li din id-dispożizzjoni tipprevedi ż-żamma tal-istatus ta’ ħaddiem jew ta’ persuna li taħdem għal rasha, matul mill-inqas sitt xhur, f’żewġ ipoteżi.

31      L-ewwel ipoteżi tirrigwarda s-sitwazzjoni tal-ħaddiem li kellu impjieg bis-saħħa ta’ kuntratt għal żmien determinat ta’ inqas minn sena u li jinsab f’sitwazzjoni ta’ qgħad involontarju meta dan il-kuntratt jiġi fi tmiemu.

32      Madankollu huwa paċifiku, hekk kif jirriżulta mill-kliem innifsu tad-domanda preliminari u mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma ħadimx fl-Istat Membru ospitanti, matul il-perijodu ta’ attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, b’tali mod li, bħala prinċipju, l-ewwel ipoteżi ma tapplikax għalih.

33      Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ħaddiem bħalma huwa r-rikorrent fil-kawża prinċipali, li ġie impjegat fl-Istat Membru ospitanti matul perijodu ta’ ġimagħtejn, taħt kuntratt li ma kienx kuntratt għal żmien determinat, fejn sussegwentement spiċċa f’sitwazzjoni ta’ qgħad involontarju, jaqax taħt it-tieni ipoteżi, li taħtha taqa’ s-sitwazzjoni ta’ kull ħaddiem li jinsab “involontarjament bla xogħol matul l-ewwel tnax il xahar”.

34      Issa, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-formulazzjoni tal-Artikolu 7(3)(c) tad-Direttiva 2004/38 ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jaqax taħt din it-tieni ipoteżi.

35      Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma tispeċifikax jekk tapplikax għall-ħaddiema jew għall-persuni li jaħdmu għal rashom jew ulterjorment għaż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema, u lanqas jekk hija tirrigwardax il-kuntratti għal żmien determinat ta’ tul ogħla minn sena, il-kuntratti għal żmien indeterminat jew ulterjorment kull tip ta’ kuntratt jew attività, u lanqas, fl-aħħar nett, jekk it-tnax‑il xahar li għalihom tirreferi jirrigwardawx il-perijodu ta’ residenza jew il-perijodu ta’ impjieg tal-ħaddiem ikkonċernat fl-Istat Membru ospitanti.

36      F’dan ir-rigward,jeħtieġ li jiġi osservat, qabel kollox, li, skont ġurisprudenza stabbilita, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu stabbiliti t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jiġu interpretati awtonomament u b’mod uniformi fl-Unjoni kollha (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja, C‑424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866, punt 32, kif ukoll tad‑19 ta’ Settembru 2013, Brey, C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 49).

37      Sussegwentement, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni biss kliemha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2010, Lassal, C‑162/09, EU:C:2010:592, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tipprovdi elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 135; tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlement u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 50, kif ukoll tal‑24 ta’ Ġunju 2015, T., C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 58).

38      Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-kuntest li fih tidħol id-Direttiva 2004/38 u tal-għanijiet li din tal-aħħar tixtieq tilħaq, id-dispożizzjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu interpretati b’mod restrittiv u ma għandhomx, fi kwalunkwe każ, jiġu mċaħħda mill-effettività tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2007, Eind, C‑291/05, EU:C:2007:771, punt 43; tal‑25 ta’ Lulju 2008, Metock et, C‑127/08, EU:C:2008:449, punt 84, kif ukoll tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Coman et, C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 39).

39      F’dan il-każ, qabel kollox minn interpretazzjoni magħquda tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(a) u tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li l-benefiċċju taż-żamma tal-istatus ta’ ħaddiem previst f’din l-aħħar dispożizzjoni huwa rikonoxxut lil kull ċittadin tal-Unjoni li eżerċita attività fl-Istat Membru ospitanti, tkun liema tkun in-natura ta’ din tal-aħħar, jiġifieri li jkun wettaq attività bħala ħaddiem jew bħala persuna li taħdem għal rasha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Gusa, C‑442/16, EU:C:2017:1004, punti 37 u 38).

40      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dan ir-rigward, li l-possibbiltà għal ċittadin tal-Unjoni, li waqaf b’mod temporanju milli jeżerċita attività bħala ħaddiem jew bħala persuna li taħdem għal rasha, li jżomm l-istatus tiegħu bħala ħaddiem fuq il-bażi tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 kif ukoll id-dritt ta’ residenza korrispondenti, bis-saħħa tal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, hija bbażata fuq il-premessa li dan iċ-ċittadin huwa disponibbli u idoneu sabiex jerġa’ jidħol fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti f’terminu raġonevoli (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Prefeta, C‑618/16, EU:C:2018:719, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Sussegwentement, jeħtieġ li jitfakkar li d-Direttiva 2004/38, li, konformement mal-Artikolu 1(a) tagħha, għandha b’mod partikolari l-għan li tiffissa l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom għal moviment u għal residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri tistabbilixxi livelli differenti tat-tul tad-dritt ta’ residenza rrikonoxxut lil kull ċittadin fl-Istat Membru ospitanti, bejn id-dritt ta’ residenza ta’ inqas minn tliet xhur imsemmi fl-Artikolu 6 tagħha u d-dritt ta’ residenza permanenti msemmi fl-Artikolu 16 tagħha, dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur li huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tagħha.

42      Għalhekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38 jiggarantixxi lil kull ħaddiem jew persuna li taħdem għal rasha, b’mod partikolari, dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur fl-Istat Membru ospitanti.

43      L-Artikolu 7(3) ta’ din l-istess direttiva jiggarantixxi, min-naħa tiegħu, lil kull ċittadin tal-Unjoni li jinsab f’sitwazzjoni ta’ inattività temporanja, iż-żamma tal-istatus tiegħu ta’ ħaddiem u, konsekuttivament, tad-dritt tiegħu ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, billi jistabbilixxi wkoll livelli differenti taċ-ċirkustanzi għall-imsemmija żamma ta’ status skont, hekk kif fakkar l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn naħa, ir-raġuni għall-inattività tiegħu, f’dan il-każ skont jekk jinsabx f’inkapaċità li jaħdem minħabba mard jew inċident, qgħad involontarju jew f’taħriġ professjonali, u, min-naħa l-oħra, it-tul inizjali tal-perijodu tiegħu ta’ attività fl-Istat Membru ospitanti, jiġifieri skont jekk dan it-tul huwiex ogħla jew inqas minn sena.

44      B’hekk, iċ-ċittadin tal-Unjoni li eżerċita attività bħala ħaddiem jew bħala persuna li taħdem għal rasha fl-Istat Membru ospitanti żżomm l-istatus tagħha ta’ ħaddiem mingħajr limiti ratione temporis, l-ewwel nett, jekk ikun intlaqat minn inkapaċità temporanja li tirriżulta minn marda jew minn inċident, konformement mal-Artikolu 7(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, it-tieni nett, jekk ikun eżerċita attività bħala ħaddiem jew bħala persuna li taħdem għal rasha fl-Istat Membru ospitanti matul iktar minn sena qabel ma sab lilu nnifsu f’sitwazzjoni ta’ qgħad involontarju, konformement mal-Artikolu 7(3)(b) tal-imsemmija direttiva (sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Gusa, C‑442/16, EU:C:2017:1004, punti 29 sa 46), jew, it-tielet nett jekk huwa jkun ħa sehem f’taħriġ professjonali, konformement mal-Artikolu 7(3)(d) tal-istess direttiva.

45      Min-naħa l-oħra, iċ-ċittadin tal-Unjoni li wettaq attività bħala ħaddiem jew bħala persuna li taħdem għal rasha fl-Istat Membru ospitanti matul perijodu ta’ inqas minn sena jibbenefika mill-istatus tiegħu ta’ ħaddiem biss għal perijodu stabbilit mill-isemmi Stat Membru, sakemm dan il-perijodu ma għandux ikun inqas minn sitt xhur.

46      Fil-fatt, it-tul taż-żamma tal-istatus ta’ ħaddiem taċ-ċittadin tal-Unjoni li wettaq attività bħala ħaddiem jew bħala persuna li taħdem għal rasha fl-Istat Membru ospitanti jista’ jkun limitat minn dan tal-aħħar, madankollu mingħajr ma jista’ jkun inqas minn sitt xhur, konformement mal-Artikolu 7(3)(c) tad-Direttiva 2004/38, meta l-imsemmi ċittadin jkun f’sitwazzjoni ta’ qgħad, għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tiegħu, qabel ma kien seta’ jwettaq sena xogħol.

47      Dan huwa l-każ, skont l-ewwel ipoteżi taħt din id-dispożizzjoni, meta l-waqfien mill-attività tal-ħaddiem iseħħ mal-iskadenza ta’ kuntratt għal żmien determinat li jkun ta’ inqas minn sena.

48      Dan għandu jkun il-każ ukoll, skont it-tieni ipoteżi taħt din id-dispożizzjoni, fis-sitwazzjonijiet kollha fejn ħaddiem kien imġiegħel, għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tiegħu, li jieqaf mill-attività tiegħu fl-Istat Membru ospitanti qabel l-iskadenza ta’ sena, tkun liema tkun in-natura tal-attività eżerċitata u t-tip ta’ kuntratt ta’ xogħol konkluż f’dan ir-rigward, jiġifieri li jkun eżerċita attività bħala ħaddiem jew bħala persuna li taħdem għal rasha u li tkun ikkonkludiet kuntratt għal żmien determinat ta’ iktar minn sena, kuntratt għal żmien indeterminat jew kull tip ta’ kuntratt ieħor.

49      Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-għan prinċipali li d-Direttiva 2004/38 tixtieq tilħaq li huwa, kif tfakkar fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, li ssaħħaħ id-dritt għal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni kif ukoll l-għan li l-Artikolu 7(3) jixtieq jilħaq li huwa li, biż-żamma tal-istatus ta’ ħaddiem jiġi protett id-dritt ta’ residenza tal-persuni li waqfu jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom minħabba nuqqas ta’ xogħol dovut għal ċirkustanzi indipendenti mir-rieda tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2015, Alimanovic, C‑67/14, EU:C:2015:597, punt 60; tal‑25 ta’ Frar 2016, García-Nieto et, C‑299/14, EU:C:2016:114, punt 47, kif ukoll tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Gusa, C‑442/16, EU:C:2017:1004, punt 42).

50      Barra minn hekk, ma jistax jitqies li din l-interpretazzjoni hija tali li tippreġudika t-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet li d-Direttiva 2004/38 tixtieq tilħaq, jiġifieri dak li jintlaħaq ekwilibriju ġust bejn is-salvagwardja tal-moviment liberu tal-ħaddiema, minn naħa, u l-garanzija li s-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istat Membru ospitanti ma jkollhomx isostnu oneru eċċessiv, min-naħa l-oħra.

51      Ċertament, il-premessa 10 tad-Direttiva 2004/38 tindika li din id-Direttiva għandha l-intenzjoni li tevita li l-persuni li jeżerċitaw id-dritt ta’ residenza tagħhom ma jsirux oneru eċċessiv għas-sistemi ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti matul perijodu inizjali ta’ residenza.

52      Madankollu jeħtieġ li jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li ż-żamma tal-istatus ta’ ħaddiem skont l-Artikolu 7(3)(c) tad-Direttiva 2004/38 tirrikjedi, kif tfakkar fil-punti 24 sa 29 ta’ din is-sentenza, minn naħa, li ċ-ċittadin ikkonċernat, qabel il-perijodu ta’ qgħad involontarju tiegħu, effettivament kellu l-istatus ta’ ħaddiem fis-sens tal-imsemmija direttiva u, min-naħa l-oħra, li huwa kien ġie rreġistrat bħala persuna li qed tfittex impjieg fl-uffiċċju tal-impjieg rilevanti. Barra minn hekk, iż-żamma ta’ dan l-istatus matul perijodu ta’ qgħad involontarju jista’ jkun limitat għal sitt xhur mill-Istat Membru kkonċernat.

53      Fl-aħħar nett, l-eżami tax-xogħlijiet preparatorji għad-Direttiva 2004/38, b’mod partikolari tal-Proposta emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet taċ‑ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (COM(2003) 199 finali), kif ukoll tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill (KE) Nru 6/2004 tal‑5 ta’ Diċembru 2003 (ĠU 2004, C 54 E, p. 12), jippermetti li jiġi kkonfermat, hekk kif espona l-Avukat Ġenerali fil-punti 51 u 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jestendi l-benefiċċju taż-żamma, jekk ikun il-każ limitat għal mill-inqas sitt xhur, tal-istatus ta’ ħaddiem lill-persuni li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ qgħad involontarju wara li jkunu ħadmu inqas minn sena taħt kuntratt li ma kienx kuntratt tax-xogħol għal żmien determinat.

54      Għaldaqstant l-Artikolu 7(1) u (3)(c) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin tal-Unjoni, f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li kiseb l-istatus ta’ ħaddiem fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) ta’ din id-direttiva fi Stat Membru, minħabba l-attività li huwa eżerċita matul perijodu ta’ ġimagħtejn qabel ma spiċċa f’sitwazzjoni ta’ qgħad involontarju, jibbenefika miż-żamma tal-istatus tiegħu ta’ ħaddiem matul perijodu ta’ mill-inqas sitt xhur, jekk ikun irreġistra lilu nnifsu bħala persuna li qed tfittex impjieg fl-uffiċċju tal-impjieg kompetenti.

55      Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li, konformement mal-premessa 20 u mal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38, kull ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti bis-saħħa ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari ċ-ċittadin li jżomm l-istatus tiegħu ta’ ħaddiem jew ta’ persuna li taħdem għal rasha bis-saħħa tal-Artikolu 7(3)(c) ta’ din l-istess direttiva, jibbenefika mill-ugwaljanza fit-trattament bħaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru fil-qasam tal-applikazzjoni tat-Trattat FUE, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċifiċi previsti minn dan tal-aħħar u mid-dritt idderivat.

56      Għaldaqstant, hekk kif espona l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta d-dritt nazzjonali jeskludi mid-dritt għall-benefiċċji soċjali lill-persuni li eżerċitaw attività bħala ħaddiema jew bħala persuni li jaħdmu għal rashom għal perijodu qasir biss, din l-esklużjoni tapplika bl-istess mod għall-ħaddiema ta’ Stati Membri oħra li eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu.

57      Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju, li għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali, li għandha tiddetermina jekk, b’applikazzjoni l-imsemmi dritt u konformement mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għandux dritt għall-benefiċċji soċjali jew għall-assistenza soċjali li huwa jitlob fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

58      Mill-punti preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 7(1)(a) u (3)(c) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ Stat Membru li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, li kiseb fi Stat Membru ieħor l-istatus ta’ ħaddiem fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) ta’ din id-direttiva, minħabba l-attività li huwa eżerċita matul perijodu ta’ ġimagħtejn, taħt kuntratt li ma kienx kuntratt tax-xogħol għal żmien determinat, qabel ma spiċċa f’sitwazzjoni ta’ qgħad involontarju, iżomm l-istatus ta’ ħaddiem matul perijodu supplimentari ta’ mill-inqas sitt xhur fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jekk ikun irreġistra lilu nnifsu bħala persuna li qed tfittex impjieg fl-uffiċċju tal-impjieg kompetenti. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament iggarantit mill-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38, l-imsemmi ċittadin għandux, konsegwentement, id-dritt li jirċievi benefiċċji ta’ assistenza soċjali jew, jekk ikun il-każ, benefiċċji ta’ sigurtà soċjali bħallikieku kien ċittadin tal-Istat Membru ospitanti.

 Fuq l-ispejjeż

59      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 7(1)(a) u (3)(c) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ Stat Membru li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, li kiseb fi Stat Membru ieħor l-istatus ta’ ħaddiem fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) ta’ din id-direttiva, minħabba l-attività li huwa eżerċita matul perijodu ta’ ġimagħtejn, taħt kuntratt li ma kienx kuntratt tax-xogħol għal żmien determinat, qabel ma spiċċa f’sitwazzjoni ta’ qgħad involontarju, iżomm l-istatus ta’ ħaddiem matul perijodu supplimentari ta’ mill-inqas sitt xhur fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jekk ikun irreġistra lilu nnifsu bħala persuna li qed tfittex impjieg fl-uffiċċju tal-impjieg kompetenti.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament iggarantit mill-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38, l-imsemmi ċittadin għandux, konsegwentement, id-dritt li jirċievi benefiċċji ta’ assistenza soċjali jew, jekk ikun il-każ, benefiċċji ta’ sigurtà soċjali bħallikieku kien ċittadin tal-Istat Membru ospitanti.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.