Language of document :

Appell ippreżentat fis-6 ta’ Novembru 2020 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) fit-23 ta’ Settembru 2020 fil-Kawża T-411/17, Landesbank Baden-Württemberg vs Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

(Kawża C-584/20 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: D. Triantafyllou, A. Nijenhuis, A. Steiblytė, V. Di Bucci, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Landesbank Baden-Württemberg, Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-appellati għall-ispejjeż tal-kawża.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fil-fehma tal-appellanti, is-sentenza appellata, li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tas-sessjoni eżekuttiva tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tal-11 ta’ April 2017 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2017 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB/ES/SRF/2017/05) sa fejn tikkonċerna lil Landesbank Baden-Württemberg (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), għandha tiġi annullata għar-raġunijiet segwenti:

L-ewwel, il-klassifikazzjoni tal-anness mad-deċiżjoni kontenzjuża hija żbaljata sa fejn il-Qorti Ġenerali tqis li dan l-anness “bl-ebda mod ma huwa marbut b’mod inseparabbli” ma’ din id-deċiżjoni. Dan jammonta għal distorsjoni tal-fatti tal-kawża. Barra minn hekk, f’dan ir-rigward il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ proċedura kontradittorja u d-drittijiet tad-difiża tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni. L-anness mad-deċiżjoni kontenzjuża huwa element integrali minn din id-deċiżjoni. L-imsemmi anness, flimkien mat-test tad-deċiżjoni, kien ippreżentat b’mod elettroniku quddiem is-sessjoni eżekuttiva tas-SRB, li approvatu. Fuq l-iskeda tal-progress għall-firma bl-id tad-deċiżjoni, l-anness inkwistjoni huwa indikat bl-istess kodiċi. Il-Qorti Ġenerali injorat dan u naqset milli tagħti lill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni l-opportunità li jistabbilixxi li dawn iż-żewġ dokumenti huma marbuta ma’ xulxin, u dan minkejja li qieset dan, ex officio, bħala difett legali.

It-tieni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u naqset milli tagħti motivazzjoni meta aċċettat bħala ammissibbli l-eċċezzjoni ta’ illegalità invokata fl-ewwel istanza kontra r-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 1 . Il-Qorti Ġenerali naqset mili tqis li l-allegata illegalità tar-Regolament ta’ Delega kienet ibbażata fuq ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 2 u fuq id-Direttiva 2014/59 3 . Peress li l-legalità ta’ dawn l-aħħar żewġ atti ma kinitx inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali ma kienx imissha eżaminat ksur tar-Regolament ta’ Delega, li fl-aħħar mill-aħħar huwa bbażat fuq dawn iż-żewġ atti ta’ livell superjuri fil-ġerarkija tan-normi. Il-Qorti Ġenerali lanqas ma spjegat kif u sa fejn l-iżbalji ta’ liġi kkonstatati fir-Regolament ta’ Delega huma bbażati fuq id-dritt ta’ livell superjuri.

It-tielet, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikoli 69(1) u 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 fir-rigward tal-livell fil-mira u tal-kontribuzzjoni annwali bażika. Minn dan il-Qorti Ġenerali tiddeduċi li l-livell fil-mira u l-kontribuzzjoni annwali bażika kienu jew inqabżu jew ma kinux intlaħqu. B’hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li aġenzija bħalma huwa l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni ma jistax ikollha awtorità sabiex tiddetermina dawn l-ammonti. L-ammont ta’ referenza stabbilit juri li huwa meħtieġ li l-piż jiġi diviż b’mod proporzjonali bejn il-persuni kollha obbligati jħallsu kontribuzzjoni.

Ir-raba’, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li r-Regolament ta’ Delega, u b’mod partikolari l-Artikoli 4 sa 7, l-Artikolu 9 u l-Anness I tiegħu, huwa “interdipendenti”, sa fejn ikklassifikat b’mod żbaljat fil-liġi l-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet fuq il-bażi tal-profil ta’ riskju. Il-Qorti Ġenerali tibbaża r-raġunament tagħha dwar “l-interdipendenza” tal-kontribuzzjonijiet fuq l-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet individwali skont il-profil ta’ riskju tal-istituzzjoni obbligata tħallas kontribuzzjoni. Madankollu, dan l-aġġustament huwa r-riżultat ta’ paragun tal-istituzzjonijiet individwali mal-kompetituri tagħhom, u ma għandux jitqies li huwa l-istess bħal “interdipendenza”.

Il-ħames, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi estendiet il-portata tal-obbligu tal-Kummissjoni Ewropea li tagħti motivazzjoni taħt l-Artikolu 296 TFUE. Il-Qorti Ġenerali kkritikat bħala mhux trasparenti l-metodu għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni fuq il-bażi ta’ kritika ġenerali ta’ diversi dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tar-Regolament ta’ Delega, minkejja li rrikonoxxiet in-natura kunfidenzjali tad-data tal-istituzzjonijiet kompetituri. Madankollu, skont l-appellanti, għandu jkun suffiċjenti li l-metodu applikat, is-sens tiegħu u l-portata tiegħu jkunu spjegati fid-deċiżjoni korrispondenti, sa biex b’hekk kull persuna obbligata tħallas kontribuzzjoni tkun tista’ torbot din id-deċiżjoni mad-data korrispondenti li tikkonċernaha. Għal dan il-għan, id-data dwar diversi kompetituri ma hijiex meħtieġa. Fil-ġurisprudenza wieħed isib diversi eżempji fejn in-natura kunfidenzjali tad-data dwar persuni kompetituri kienet protetta mingħajr ma ġew ikkontestati d-dispożizzjonijiet rilevanti. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali naqset milli tapplika d-dispożizzjonijiet fir-Regoli tal-Proċedura tagħha dwar l-informazzjoni kunfidenzjali.

____________

1     Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).

2     Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).

3     Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190).