Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal du travail francophone de Bruxelles (il-Belġju) fis-27 ta’ Lulju 2020 – L.F. vs S.C.R.L.

(Kawża C-344/20)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal du travail francophone de Bruxelles

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: L.F.

Konvenuta: S.C.R.L.

Domandi preliminari

L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-reliġjon u t-twemmin huma żewġ aspetti tal-istess kriterju protett jew, bil-kontra, fis-sens li r-reliġjon u t-twemmin jifformaw kriterji distinti billi, minn naħa, dak tar-reliġjon, jinkludi t-twemmin li huwa marbut miegħu u, min-naħa l-oħra, dak tat-twemmin ikun liema jkun?

Fil-possibbiltà fejn l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-reliġjon u t-twemmin huma żewġ aspetti tal-istess kriterju protett, dan jostakola li, fuq il-bażi tal-Artikolu 8 tal-istess direttiva u sabiex tipprevjeni tnaqqis tal-livell ta’ protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni, il-qorti nazzjonali tkompli tinterpreta regola tad-dritt intern bħala dik tal-Artikolu 4(4) tal-Liġi tal-10.5.2007 intiża li tiġġieled kontra ċerti forom ta’ diskriminazzjoni, fis-sens li t-twemmin reliġjuż, filosofiku u politiku jikkostitwixxu kriterji protetti distinti?

L-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 jista’ jiġi interpretat fis-sens li r-regola inkluża fir-regolament tax-xogħol ta’ impriża li tipprojbixxi lill-ħaddiema milli “jimmanifestaw bi kwalunkwe mod, la bi kliem, u lanqas b’ilbies, la b’mod ieħor, it-twemmin reliġjuż, filosofiku jew politiku tagħhom, ikunu liema jkunu” tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta, meta l-implimentazzjoni konkreta ta’ din ir-regola interna turi li:

ħaddiema li tixtieq teżerċita l-libertà ta’ reliġjon tagħha permezz ta’ sinjal viżibbli (b’konnotazzjonijiet), f’dan il-każ velu, hija ttrattata b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem ieħor li ma jaderixxi ma’ ebda reliġjon, ma għandu ebda twemmin filosofiku u ebda lealtà politika u li, minħabba dan il-fatt, ma għandu ebda bżonn li juri kwalunkwe sinjal politiku, filosofiku jew reliġjuż?

ħaddiema li tixtieq teżerċita l-libertà ta’ reliġjon tagħha permezz ta’ sinjal viżibbli (b’konnotazzjonijiet), f’dan il-każ velu, hija ttrattata b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem ieħor li għandu kwalunkwe twemmin filosofiku jew politiku, iżda li l-bżonn li juri dan pubblikament permezz ta’ sinjal (b’konnotazzjonijiet) huwa inqas, jew saħansitra ineżistenti?

ħaddiema li tixtieq teżerċita l-libertà ta’ reliġjon tagħha permezz ta’ sinjal viżibbli (b’konnotazzjonijiet), f’dan il-każ velu, hija ttrattata b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem ieħor li jaderixxi ma’ reliġjon oħra, jew saħansitra l-istess waħda, iżda li l-bżonn li juri dan pubblikament permezz ta’ sinjal (b’konnotazzjonijiet) huwa inqas, jekk mhux ineżistenti?

jekk wieħed jitlaq mill-konstatazzjoni li twemmin ma għandux neċessarjament natura reliġjuża, filosofika jew politika u li huwa jista’ tkun ta’ tip ieħor (artistiku, estetiku, sportiv, musikali,...), ħaddiema li tixtieq teżerċita l-libertà tagħha ta’ reliġjon permezz ta’ sinjal viżibbli (b’konnotazzjonijiet), f’dan il-każ velu, hija ttrattata b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem ieħor li għandu twemmin ieħor differenti minn dak reliġjuż, filosofiku jew politiku, u li jurih bl-ilbies?

jekk wieħed jitlaq mill-prinċipju li l-aspett negattiv tal-libertà li wieħed juri t-twemmin tiegħu jfisser ukoll li l-individwu ma jistax jiġi obbligat juri l-appartenenza tiegħu jew it-twemmin reliġjuż tiegħu, ħaddiema li tixtieq teżerċita l-libertà ta’ reliġjon tagħha billi tilbes velu li ma huwiex fih innifsu simbolu ineqwivoku ta’ din ir-reliġjon, peress li ħaddiema oħra tista’ tagħżel li tilbsu għal raġunijiet estetiċi, kulturali jew anki għal raġuni ta’ saħħa u li ma huwiex neċessarjament distint minn sempliċi bandana, hija ttrattata b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem ieħor li juri bi kliem it-twemmin tiegħu reliġjuż, filosofiku jew politiku, peress li għall-ħaddiema li tilbes il-velu dan jimplika ksur iktar fundamentali tal-libertà ta’ reliġjon abbażi tal-Artikolu 9(1) tal-KEDB, peress li, ħlief fil-każ li l-preġudizzji jkunu prevalenti, is-sinifikat reliġjuż permezz ta’ velu ma huwiex ċar u jista’, ħafna drabi, jintwera biss jekk il-persuna li tilbsu tkun obbligata turi l-motivazzjoni tagħha lill-persuna li timpjegaha?

il-ħaddiema li tixtieq teżerċita l-libertà ta’ reliġjon tagħha permezz ta’ sinjal viżibbli (b’konnotazzjonijiet), f’dan il-każ velu, hija ttrattata b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem ieħor tal-istess twemmin li jagħżel li jurih billi jkollu daqna (okkorrenza li ma hijiex manifestament ipprojbita mir-regola interna, bil-kontra għal manifestazzjoni bl-ilbies)?

____________

1  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.