Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad voor Vergunningsbetwistingen (il-Belġju) fil-15 ta’ Jannar 2019 – A, B, C, D, E vs Gewestelijke stedenbouwkundige ambtenaar van het departement Ruimte Vlaanderen, afdeling Oost-Vlaanderen

(Kawża C-24/19)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Raad voor Vergunningsbetwistingen (Kunsill tal-kontenzjuż tal-permessi)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: A, B, C, D, E

Konvenut: Gewestelijke stedenbouwkundige ambtenaar van het departement Ruimte Vlaanderen, afdeling Oost-Vlaanderen [l-Uffiċjal Reġjonali tal-Urbaniżmu tad-Dipartiment għall-Ippjanar tat-Territorju ta’ Vlaanderen, sezzjoni Oost-Vlaanderen]

Domanda preliminari

L-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42/KEE 1 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ESIE”) jimponu li l-Artikolu 99 tal-besluit van de Vlamse regering tot wijziging van het besluit van de Vlaamse Regering van 6 februari 1991 houdende de vaststelling van het Vlaams reglement betreffende de milieuvergunning en van het besluit van de Vlaamse regering van 1 juni 1995 houdende algemene en sectorale bepalingen inzake milieuhygiëne (id-digriet li jemenda d-digriet tal-Gvern Fjamming tas-6 ta’ Frar 1999 li jistabbilixxi l-leġiżlazzjoni Fjamminga li tikkonċerna l-permess tal-ambjent u d-digriet tal-Gvern Fjamming tal-1 ta’ Ġunju 1995 li jipprovdi dispożizzjonijiet ġenerali u settorjali fil-qasam tal-iġjene tal-ambjent) tat-23 ta’ Diċembru 2011 jiġi kklassifikat bħala “pjan jew programm” fis-sens tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fir-rigward tal-aġġornament tad-digrieti ċċitati iktar ’il fuq għall-iżvilupp tat-teknika, liema artikolu jinserixxi fil-VLAREM II is-Sezzjoni 5.20.6 dwar l-installazzjonijiet ta’ produzzjoni ta’ elettriku permezz ta’ enerġija eolika u ċ-ċirkolari “qafas ta’ evalwazzjoni u kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġu installati arbli eoliċi” tal-2006 [ikkunsidrati flimkien imsemmija l-“istrumenti preżenti”] li jinkludu t-tnejn li huma dispożizzjonijiet differenti għall-installazzjoni ta’ arbli eoliċi fosthom miżuri relatati mas-sigurtà, u skont iż-żoni planoloġiċi għall-projjezzjoni ta’ dell iddefinita kif ukoll ir-regoli ta’ storbju? Jekk ikun jidher li kellha titwettaq evalwazzjoni ambjentali qabel l-adozzjoni ta’ dawn l-istrumenti, il-Kunsill jista’ jindika matul iż-żmien l-effetti legali tan-natura illegali ta’ dawn l-istrumenti? Ċertu numru ta’ domandi sekondarji għandhom isiru f’dan ir-rigward:

1.    Aġir li l-amministrazzjoni tipproponi, bħal permezz ta’ din iċ-ċirkolari, li l-awtorità kkonċernata tadotta fil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u tal-indipendenza li biha hija mogħnija, b’tali mod li l-awtorità kompetenti ma hijiex effettivament mitluba telabora l-“pjan jew programm” u li fir-rigward ta’ dan ma hija prevista ebda proċedura formali ta’ adozzjoni, jista’ jiġi pparagunat ma’ pjan jew programm fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESIE?

2.    Huwa suffiċjenti li aġir li l-amministrazzjoni tipproponi jew regola ġenerali, bħal dawn l-istrumenti, tipprevedi limitazzjoni tal-marġni ta’ diskrezzjoni ta’ awtorità inkarigata milli toħroġ permessi sabiex din tkun tista’ tiġi pparagunata ma’ “pjan jew programm” fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESIE anki jekk dawn l-istrumenti ma jiġġustifikawx kundizzjoni neċessarja meħtieġa sabiex jinħareġ permess jew ma jkunux intiżi sabiex jirregolaw il-ħruġ ulterjuri ta’ permessi, filwaqt li l-leġiżlatur Ewropew indika li dan l-għan jikkontribwixxi għad-definizzjoni ta’ “pjanijiet u programmi”?

3.    Aġir li l-amministrazzjoni tipproponi, li ġie stabbilit għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u li għaldaqstant jikkostitwixxi deċiżjoni kompletament libera, bħal fil-każ ta’ din iċ-ċirkolari, jista’ jiġi ddefinit bħala “pjan jew programm” fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESIE u tali interpretazzjoni tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrikjedi li interpretazzjoni teleoloġika ta’ direttiva ma tistax fundamentalment teskludi r-rieda espressa b’mod ċar mil-leġiżlatur tal-Unjoni?

4.    Is-Sezzjoni 5.20.6 tal-VLAREM II tista’ tiġi ddefinita, fil-każ li r-regoli li jinsabu fiha ma kellhomx neċessarjament jiġu stabbiliti, bħala “pjan jew programm” fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESIE u tali interpretazzjoni tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrikjedi li interpretazzjoni teleoloġika ta’ direttiva ma tistax fundamentalment teskludi r-rieda espressa b’mod ċar mil-leġiżlatur tal-Unjoni?

5.    Aġir li l-amministrazzjoni tipproponi u digriet ministerjali regolatorju bħal fil-każ ta’ dawn l-istrumenti, li għandhom valur indikattiv limitat, jew minn tal-inqas li ma jistabbilixxux qafas li minnu jista’ jinsilet l-iċken dritt għat-twettiq ta’ proġett u li minnhom ma jista’ jinsilet ebda dritt għal qafas li jindika b’liema mod għandhom jiġu allokati dawn il-proġetti, jistgħu jiġu pparagunati ma’ “pjan jew programm” li jiddefinixxu “l-qafas [ta’ implimentazzjoni tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 85/337/KEE] għall-kunsens futur” fis-sens tal-Artikolu 2(a) u tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva ESIE, u tali interpretazzjoni tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrikjedi li interpretazzjoni teleoloġika ta’ direttiva ma tistax fundamentalment teskludi r-rieda espressa b’mod ċar mil-leġiżlatur tal-Unjoni?

6.    Aġir li l-amministrazzjoni tipproponi, bħaċ-ċirkolari EME/2006/01-RO/2006/02 li għandha sempliċi valur indikattiv jew digriet regolatorju tal-Gvern, bħas-Sezzjoni 5.20.6 tal-VLAREM II li tiffissa sempliċement limiti minimi għall-ħruġ ta’ permessi u li barra minn hekk għandha effett perfettament awtonomu bħala regola ġenerali; li jikkomportaw biss numru ristrett ta’ kriterji u modalitajiet; u li ebda minnhom ma huwa esklużivament deċiżiv anki għal kriterju jew modalità waħda u li fir-rigward tagħhom ma jistax jiġi sostnut li wieħed jista’ jeskludi, fuq il-bażi ta’ data oġġettiva, li dawn jistgħu jaffettwaw l-ambjent b’mod sinjifikattiv; jistgħu jiġu pparagunati ma’ “pjan jew programm” taħt interpretazzjoni konġunta tal-Artikolu 2(a) u tal-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva ESIE u għaldaqstant jistgħu jiġu pparagunati ma’ atti li jistabbilixxu, billi jiddefinixxu regoli u proċeduri ta’ verifika applikabbli għas-settur ikkonċernat, kollezzjoni sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet għall-awtorizzazzjoni u għall-implimentazzjoni ta’ proġett jew numru ta’ proġetti li jistgħu jkollhom effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent?

7.    Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda preċedenti, qorti tista’ tiddetermina dan minn rajha wara l-adozzjoni tad-digriet jew tal-psewdo-leġiżlazzjoni (bħar-regoli preżenti tal-Vlarem u ċ-ċirkolari)?

8.    Jekk qorti jkollha biss ġurisdizzjoni indiretta inkwantu tkun ġiet adita b’mod eċċezzjonali, fejn l-eżitu tat-tilwima tkun limitata għall-partijiet, u jekk jirriżulta mir-risposta għad-domandi preliminari li dawn l-istrumenti huma illegali, hija tista’ tiddeċiedi li żżomm fis-seħħ l-effetti tad-digriet illegali jew taċ-ċirkolari illegali jekk l-istrumenti illegali jikkontribwixxu għal għan ta’ protezzjoni tal-ambjent li direttiva tkun trid tilħaq fis-sens tal-Artikolu 288 TFUE u jitqies li ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ din iż-żamma fis-seħħ meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni (hekk kif iddefiniti fis-sentenza Association France Nature Environnement)?

9.    Fil-każ li ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda preċedenti, qorti tista’ tiddeċiedi li żżomm fis-seħħ l-effetti ta’ proġett ikkontestat sabiex b’dan il-mod tissodisfa indirettament il-kundizzjonijiet meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni (hekk kif iddefiniti fis-sentenza Association France Nature Environnement) sabiex iżżomm fis-seħħ l-effetti legali tal-pjan jew programm mhux konformi mad-Direttiva ESIE?

____________

1 Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157).