Language of document :

Appell ippreżentat fit-23 ta’ Mejju 2019 mir-Repubblika Franċiża mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fit-12 ta’ Marzu 2019 fil-Kawża T-26/18, Franza vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-404/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Ir-Repubblika Franċiża (rappreżentanti: D. Colas, A.-L. Desjonquères, C. Mosser, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla parzjalment is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tat-12 ta’ Marzu 2019, fil-Kawża T-26/18, Franza vs Il-Kummissjoni;

tiddeċiedi definittivament it-tilwima billi tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2014 tat-8 ta’ Novembru 2017 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq li ġarrbu l-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (l-FAEG) u fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (l-FAEŻR) 1 , sa fejn din timponi fuq Franza korrezzjonijiet b’rata fissa ta’ 100 % minħabba n-nuqqasijiet fis-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna skont is-superfiċji f’Haute-Corse;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Gvern Franċiż jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla parzjalment s-sentenza appellata sa fejn din tiċħad ir-rikors tagħha fir-rigward tal-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tikkonċerna is-“sistema ta’ kontroll defiċjenti ħafna Corse”, għas-snin 2013 u 2014, sa fejn din tapplika korrezzjoni b’rata fissa ta’ 100 % minħabba n-nuqqasijiet fis-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna skont is-superfiċji f’Haute-Corse.

Insostenn tal-appell tiegħu il-Gvern Franċiż jinvoka aggravju uniku bbażat fuq żball ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjonijiet previsti fil-punt 3.2.5 tal-Linji Gwida tal-2015 biex tistabbilixxi rata ta’ korrezzjoni ogħla minn 25 %. Kien hemm konfużjoni minn-naħa tal-Qorti Ġenerali bejn il-prova li għandha tiġi prodotta fil-każ fejn l-għoti tal-għajnuna ma jkollu l-ebda bażi legali jew jikser ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni u il-każ fejn in-nuqqasijiet fis-sistema ta’ kontroll huma suffiċjentement serji li jwasslu għall-preżunzjoni li l-għajnuna tingħata bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta ddeċidiet li l-esklużjoni mill-ispejjeż kollha ta’ finanzjament tal-Unjoni kienet iġġustifikata u li l-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 100 % kienet fondata.

____________

1 ĠU 2017, L 292, p. 61.