Language of document :

Appell ippreżentat fl-14 ta’ Ġunju 2019 minn ClientEarth mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fl-4 ta’ April 2019 fil-Kawża T-108/17, ClientEarth vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-458/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: ClientEarth (rappreżentant: A. Jones, barrister)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-108/17;

tibgħat il-kawża lill-Qorti Ġenerali, jew, sussidjarjament,

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-108/17 u

tiddikjara l-appell ammissibbli u fondat u, konsegwentement, tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża u, fi kwalunkwe każ,

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż sostnuti mill-intervenjenti, fl-ewwel istanza u fl-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju: Żball ta’ liġi meta ddikjarat li r-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali “jista’ jirrigwarda biss il-legalità tad-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern u mhux in-natura suffiċjenti jew le tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni” u li “l-motivi u l-argumenti mqajma quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni li tiċħad talba għal eżami mill-ġdid intern jistgħu jiġu kkunsidrati li huma ammissibbli biss sa fejn dawn il-motivi u dawn l-argumenti jkunu diġà ġew ippreżentati mir-rikorrent fit-talba għal eżami mill-ġdid intern” u meta fid-dawl ta’ dawn il-premessi ċaħdet ir-rikors għal annullament tal-appellanti bħala inammissibbli.

It-tieni aggravju: Żball ta’ liġi meta rrikjediet livell għoli wisq ta’ grad ta’ prova ta’ Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi (NGOs) li jaġixxu abbażi tal-Artikoli 10 u 12 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 1 .

It-tielet aggravju: Żball ta’ liġi meta ddeċidiet li t-tnaqqis fl-ammont ta’ SVHC 2 verġni prodotta jew użata minflok l-użu ta’ verżjoni rriċiklata tas-SVHC tista’ tikkostitwixxi funzjoni konformi mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 3 u l-bażi ta’ analiżi utli ta’ alternattiva.

Ir-raba’ aggravju: Żball ta’ liġi meta interpretat l-evalwazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 60(7) tar-Regolament (KE) Nru 19047/2006 bħala li tirirgwarda biss il-forma u ma rrikjedietx li tivverifika jekk l-informazzjoni pprovduta b’applikazzjoni fil-fatt issodisfatx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 62 u tal-Anness I.

Il-ħames aggravju: Żball ta’ liġi meta interpretat l-Artikolu 60(4) bħala li jippermetti li tikkonkludi fuq il-bilanċ bejn ir-riskji u l-benefiċċji mingħajr ma jkollha informazzjoni dwar ir-riskju li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness I.

Is-sitt aggravju: Żball ta’ liġi meta ddeċidiet li “fid-dawl tal-Artikolu 60(2) u tal-Artikolu 62(4)(d) tar-Regolament Nru 1907/2006, għandu jiġi konkluż li hija biss id-data li tirrigwarda l-proprjetajiet intrinsiċi ta’ sustanza li ġiet inkluża fl-Anness IV tar-Regolament Nru 1907/2006 li hija rilevanti għall-istima tar-riskji, imsemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006.”

Is-seba’ aggravju: Żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

____________

1 Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13).

2 Substance of very high concern, sustanza sustanza ta’ tħassib serju ħafna.

3 Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) (ĠU 2011, L 44, p. 2, rettifika fil-ĠU 2011, L 49, p. 52).