Language of document : ECLI:EU:C:2020:925

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA

ippreżentati fit‑12 ta’ Novembru 2020 (1)

Kawżi magħquda C354/20 PPU u C412/20 PPU

L. u P.,

bl-intervent ta’:

Openbaar Ministerie

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Domanda preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI – Kunsinna tal-persuna arrestata lill-awtorità ġudizzjarja emittenti – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt ta’ aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali – Insuffiċjenzi strutturali jew fundamentali relatati mal-indipendenza tal-qorti tal-Istat Membru emittenti”






1.        Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew ipproċessat f’konformità mad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI (2) tista’ tissospendi l-kunsinna tal-persuna mitluba, jekk jiġi stabbilit li jkun hemm riskju reali li jinkisru d-drittijiet fundamentali tagħha.

2.        Fil-formazzjoni tal-Awla Manja, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li, fost il-ksur ta’ dawn id-drittijiet li jista’ jiġġustifika li persuna mitluba ma tiġix ikkunsinnata, kien hemm dak li jikkorrispondi għal smigħ xieraq (l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, iktar ’il quddiem il-“Karta”). Dan jista’ jseħħ meta l-insuffiċjenzi strutturali jew fundamentali relatati mal-indipendenza tal-qrati tal-Istat emittenti tal-mandat ta’ arrest Ewropew jikkontestaw dan id-dritt fundamentali (3).

3.        Sabiex tikseb dan ir-riżultat, fis-sentenza Minister for Justice and Equality (Insuffiċjenzi tas-sistema ġudizzjarja), il-Qorti tal-Ġustizzja adottat l-istess metodu li kienet użat, preċedentement, meta affaċċjata b’insuffiċjenzi strutturali jew fundamentali li ma kinux jaffettwaw l-indipendenza tal-qrati iżda kienu jaffettwaw is-sitwazzjoni tal-ħabsijiet, li potenzjalment kienet thedded id-dinjità tal-persuna li l-kunsinna tagħha kienet qiegħda tiġi deċiża fil-kuntest ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (4).

4.        Skont dan il-metodu, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha tivverifika, b’mod konkret u preċiż, jekk, minbarra l-insuffiċjenzi strutturali u fundamentali li jaffettwaw l-indipendenza tal-qrati tal-Istat emittenti, jeżistux raġunijiet serji u fondati sabiex temmen li hemm ir-riskju li l-persuna mitluba ssofri minn ksur tad-dritt mogħti lilha mill-Artikolu 47 tal-Karta, f’każ li tiġi kkunsinnata.

5.        Ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) tistaqsi jekk, fid-dawl ta’ aggravar tal-insuffiċjenzi fundamentali fl-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja Pollakka, tistax, wara s-sentenza Minister for Justice and Equality (Insuffiċjenzi tas-sistema ġudizzjarja), tiċħad il-kunsinna mitluba mill-qorti ta’ dan il-pajjiż mingħajr il-ħtieġa ta’ eżami fid-dettall taċ-ċirkustanzi konkreti tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

6.        Għar-raġunijiet li ser nesponi iktar ’il quddiem, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza Minister for Justice and Equality (Insuffiċjenzi tas-sistema ġudizzjarja). Għaldaqstant, naqbel mal-pożizzjoni li żammew f’din il-kawża l-Openbaar Ministerie (il-Prosekutur, il-Pajjiżi l-Baxxi), il-Gvern Belġjan u dak Irlandiż, kif ukoll il-Kummissjoni (5).

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

7.        L-Artikolu 7 jipprovdi li:

“1. Fuq proposta motivata minn terz ta’ l-Istati Membri, mill-Parlament Ewropew jew mill-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’ maġġoranza ta’ erbgħa minn ħamsa tal-membri tiegħu, wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, jista’ jikkonstata li hemm riskju ċar ta’ ksur serju minn Stat Membru tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2. Qabel ma jipproċedi għal din il-konstatazzjoni, il-Kunsill għandu jisma’ l-Istat Membru in kwistjoni u jista’ jagħmillu rakkomandazzjonijiet, skond l-istess proċedura.

Il-Kunsill għandu jivverifka regolarment jekk il-motivi li għalihom tkun saret il-kostatazzjoni għadhomx validi.

2. Il-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta ta’ terz ta’ l-Istati Membri jew tal-Kummissjoni Ewropea u wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, jista jikkonstata li hemm ksur serju u persistenti minn Stat Membru tal- valuri msemmija fl-Artikolu 2, wara li jkunu stieden lil dan l-Istat Membru sabiex iressaq il-preżentazzjonijiet tiegħu.

3. Meta tkun saret il-kostatazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-Kunsill, b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jiddeċidi li jissospendi lill-Istat Membru inkwistjoni minn xi wħud mid-drittijiet li joħorġu mill-applikazzjoni tat-Trattati kompriż id-dritt tal-vot fil-Kunsill tar-rappreżentant tal-gvern ta’ l-Istat Membru. Meta jagħmel hekk, il-Kunsill għandu jqis il-konsegwenzi li jista’ jkollha sospensjoni bħal din fuq id-drittijiet u l-obbligi ta’ persuni ġuridiċi u fiżiċi.

L-obbligi ta’ l-Istat Membru inkwistjoni kif joħorġu mit-Trattati jibqgħu jorbtu fuq dak l-Istat.

[…]”

2.      Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

8.        L-Artikolu 47 (“Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”) jipprovdi li:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.

[…]”

3.      Id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584

9.        Il-premessa 10 tipprovdi li:

“Il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ vjolazzjoni serja u persistenti minn wiehed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea, determinati mill-Kunsill skond l-artikolu 7(1) tat-Trattat imsemmi bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tiegħu”.

10.      L-Artikolu 1 (“Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligazzjoni li jiġi esegwit”) jipprovdi li:

“1. Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2. L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3. Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea”.

11.      L-Artikolu 6 (“Determinazzjoni ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti”) jindika li:

“1. L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru emittenti li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.

2. L-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni li hi kompetenti biex tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.

3. Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bl-awtorità ġudizzjarja kompetenti taħt il-liġi tiegħu”.

12.      L-Artikoli 3, 4 u 4a jelenkaw ir-raġunijiet għall-obbligazzjoni li ma jiġix eżegwit u eżekuzzjoni fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

13.      L-Artikolu 15 (“Deċiżjoni ta’ ċediment”) jipprovdi li:

“1. L-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni għandha tiddeċiedi, fil-limiti ta' żmien u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Deċiżjoni Kwadru, jekk il-persuna għandhiex tiġi kkonsenjata.

2. Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru emittenti mhijiex suffiċjenti biex tiddeċiedi dwar il-konsenja, għandha titlob li l-informazzjoni supplementarja meħtieġa, b'mod partikolari fir-rigward ta’ l-Artikoli 3 sa 5 u l-Artikolu 8, tiġi mogħtija bħala kwistjoni ta’ urġenza u tista’ tistabbilixxi limitu ta' żmien għall-wasla tagħha, waqt li tittieħed f'konsiderazzjoni l-ħtieġa li jkunu mħarsin il-limiti ta' żmien stabbiliti fl-Artikolu 17.

3. L-awtorità ġudizzjarja emittenti tista’ fi kwalunkwe ħin titrasmetti kwalunkwe informazzjoni utli addizjonali lill-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni”.

B.      Il-liġi nazzjonali

14.      Id-Deċiżjoni Qafas ġiet trasposta fid-dritt Olandiż permezz tal-Wet tot implementatie van het kaderbesluit van de Raad van de Europese Unie betreffende het Europees aanhoudingsbevel en de procedures van overlevering tussen de lidstaten van de Europese Unie (6), tad‑29 ta’ April 2004 (7), emendata bil-Liġi tat‑22 ta’ Frar 2017 (8).

II.    Il-kawżi u d-domandi preliminari

A.      Il-Kawża C354/20 PPU

15.      Fis‑7 ta’ Frar 2020, l-officier van justitie (il-Prosekutur, il-Pajjiżi l-Baxxi) talab lill-qorti tar-rinviju teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fil‑31 ta’ Awwissu 2015 mis-Sąd Rejonowy w Poznaniu (il-Qorti Distrettwali ta’ Poznań, il-Polonja) għall-arrest u l-kunsinna ta’ ċittadin Pollakk mingħajr indirizz jew residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi, għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali għat-traffikar tad-drogi u l-pussess ta’ dokument tal-identità falz.

16.      Fl‑24 ta’ Marzu 2020, ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Amsterdam) issospendiet il-fażi preliminari tal-proċedura sabiex il-persuna mitluba u l-Prosekutur jargumentaw dwar l-avvenimenti l-iktar reċenti li seħħew fil-Polonja fir-rigward tal-Istat tad-dritt, kif ukoll dwar il-konsegwenzi eventwali fir-rigward tal-kunsinna ta’ din il-persuna, skont is-sentenza Minister for Justice and Equality (Insuffiċjenzi tas-sistema ġudizzjarja).

17.      Fit‑12 ta’ Ġunju 2020, ladarba ppreżentati dawn l-allegazzjonijiet, ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Amsterdam) talbet lill-Prosekutur sabiex jagħmel ċerti domandi lill-qorti emittenti. Hija rrispondiet għad-domandi magħmula ħlief għal dawk intiżi għas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), li għar-risposta għalihom stiednet lill-qorti tar-rinviju sabiex tindirizza direttament lis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema).

18.      Il-Prosekutur ifformula d-domandi li jikkonċernawha lis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) mingħajr ma rċieva risposta.

19.      F’dan il-kuntest, ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Amsterdam) għamlet id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1) Id-Deċiżjoni Kwadru […], it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u/jew it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal Karta […] jipprekludu effettivament lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni milli teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew li huwa maħruġ minn qorti, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru emittenti tal-MAE tkun ġiet emendata wara l-ħruġ ta’ dan il-MAE b’mod li din il-qorti ma tibqax tissodisfa r-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva għaliex din il-leġiżlazzjoni ma tibqax tiggarantixxi l-indipendenza ta’ din il-qorti?

2) Id-Deċiżjoni Kwadru […] u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta […], jipprekludu effettivament lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni milli teżegwixxi MAE meta hija tkun ikkonstatat li jeżisti riskju reali ta’ ksur ta’ dritt fundamentali, fl-Istat Membru emittenti, għal qorti indipendenti għall-persuni kollha akkużati, u għaldaqstant ukoll għall-persuna mitluba, indipendentement mill-qrati ta’ dan l-Istat Membru li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-proċeduri li għalihom ser tkun suġġetta l-persuna mitluba u indipendentement mis-sitwazzjoni personali tal-persuna mitluba, min-natura tal-ksur li bih hija akkużata u mill-kuntest fattwali li fuqu huwa bbażat il-MAE, liema riskju reali huwa marbut mal-fatt li l-qrati tal-Istat Membru emittenti ma għadhomx indipendenti minħabba difetti strutturali u fundamentali?

3) Id-Deċiżjoni Kwadru […] u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta […], jipprekludu effettivament lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni milli teżegwixxi MAE meta hija tkun ikkonstatat li:

— jeżisti, fl-Istat Membru emittenti, riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq għall-persuni kollha akkużati, u li huwa marbut ma’ difetti strutturali u fundamentali f’dak li jirrigwarda l-indipendenza tal-poter ġudizzjarju ta’ dan l-Istat Membru,

— dawn id-difetti strutturali u fundamentali, għaldaqstant, mhux biss jista’ jkollhom effett negattiv fuq il-qrati ta’ dan l-Istat Membru li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-proċeduri li għalihom ser tkun suġġetta l-persuna mitluba, iżda għandhom effettivament tali effett negattiv, u

— jeżistu għaldaqstant raġunijiet serji u fattwali sabiex jiġi preżunt li l-persuna mitluba qiegħda f’riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal qorti indipendenti u, għalhekk, ta’ ksur tal-essenza tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq,

u dan, anki jekk, minbarra dawn id-difetti strutturali u fundamentali, il-persuna mitluba ma tkunx esprimiet tħassib speċifiku u anki jekk is-sitwazzjoni personali tagħha, in-natura tal-ksur li bih hija akkużata u l-kuntest li fuqu huwa bbażat l-MAE ma jagħtux lok għal biża’, minbarra dawn id-difetti strutturali u fundamentali, ta’ eżerċizzju ta’ presssjoni konkreta jew ta’ influwenza fuq il-proċedura kriminali tagħha mill-poter eżekuttiv u/jew leġiżlattiv?”

B.      Il-Kawża C412/20 PPU

20.      Fit‑23 ta’ Ġunju 2020, l-officier van justitie (il-Prosekutur, il-Pajjiżi l-Baxxi) talab lill-qorti tar-rinviju teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ, fis‑26 ta’ Mejju 2015, mis-Sąd okręgowy w Sieradzu (il-Qorti Reġjonali ta’ Sieradz, il-Polonja), għall-arrest u l-kunsinna ta’ persuna kkundannata minn qorti Pollakka oħra għal piena ta’ priġunerija (9).

21.      Fis‑17 ta’ Awwissu 2020, il-persuna mitluba talbet lil din il-qorti sabiex tistenna r-risposta mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑354/20 PPU, talba li l-Prosekutur pubbliku aċċetta.

22.      Wara seduta fl‑20 ta’ Awwissu 2020, ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Amsterdam) aċċettat li żżid domanda preliminari ma’ dawk magħmula fil-Kawża C‑354/20 PPU, ifformulata kif ġej:

“Id-Deċiżjoni Kwadru [...], it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE] u/jew it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta [...], effettivament jipprekludu lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni milli teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn qorti meta din il-qorti ma tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva/protezzjoni legali attwali u diġà ma kinitx tissodisfahom fil-mument tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew peress li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ ħruġ ma tiggarantixxix l-indipendenza ta’ din il-qorti u diġà ma kintix tiggarantixxiha fil-mument tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23.      It-talbiet għal deċiżjoni preliminari ġew irreġistrati fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑31 ta’ Lulju 2020 (Kawża C‑354/20 PPU) u fit‑3 ta’ Settembru 2020 (Kawża C‑412/20 PPU).

24.      Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li tipproċessa d-digrieti preliminari taħt il-proċedura b’urġenza u għaqqdithom.

25.      Ir-rappreżentanti tal-persuni mitluba, il-Prosekutur, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u dak tal-Polonja kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Kollha kemm huma dehru fis-seduta pubblika li saret fit‑12 ta’ Ottubru 2020, u li fiha pparteċipaw ukoll il-Gvern Belġjan u dak Irlandiż.

IV.    L-analiżi

A.      Il-kunsiderazzjonijiet preliminari

1.      Id-dispożizzjoni applikabbli tad-Deċiżjoni Qafas

26.      Kemm id-dispożittiv kif ukoll ir-raġunijiet tad-digrieti tar-rinviju jagħmlu riferiment ġenerali għad-Deċiżjoni Qafas, mingħajr ma jispeċifikaw l-artikolu li hija mitluba l-interpretazzjoni tiegħu.

27.      Madankollu, u bl-istess mod bħal fil-kawża li rriżultat fis-sentenza Minister for Justice and Equality (Insuffiċjenzi tas-sistema ġudizzjarja), minn dawn id-digrieti huwa kkonstatat li l-qorti tar-rinviju tagħmel allużjoni għar-regola tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas.

2.      Il-ġustifikazzjoni tad-digrieti preliminari

28.      Fid-digriet tal-Kawża C‑354/20 PPU, ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Amsterdam) issostni li ma tarax raġunijiet għaliex l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha tiġi miċħuda minħabba xi wieħed mill-motivi mniżżla fl-Artikoli 3 sa 5 tad-Deċiżjoni Qafas (10). Għalkemm id-digriet tar-rinviju tal-Kawża C‑412/20 PPU ma jinkludix osservazzjoni simili, għandu jiġi preżunt li sseħħ l-istess ħaġa.

29.      Madankollu, tikkunsidra li “t-tibdiliet reċenti fil-leġiżlazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, li jaffettwaw l-indipendenza tal-qorti f’dan il-pajjiż” (11) jistgħu jikkostitwixxu raġuni suffiċjenti sabiex tiġi miċħuda l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Hija tistaqsi jekk dawn ir-riformi leġiżlattivi jikkundizzjonawx, minnhom innifishom, l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, minħabba r-riskju ta’ ksur tad-dritt tal-persuna mitluba għal smigħ xieraq quddiem qorti indipendenti li huwa ggarantit mill-Artikolu 42 tal-Karta.

30.      Skont kif inhu spjegat fid-digriet tal-Kawża C‑354/20, qabel l-imsemmija riformi, u ladarba ngħatat is-sentenza Minister for Justice and Equality (Insuffiċjenzi tas-sistema ġudizzjarja), il-qorti tar-rinviju assumiet li fil-Polonja jeżisti riskju reali ta’ ksur tal-imsemmi dritt, minħabba l-insuffiċjenzi strutturali jew fundamentali li jaffettwaw l-indipendenza tal-qorti ta’ dan l-Istat Membru.

31.      Minn din il-premessa, ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Amsterdam) kienet teżamina l-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa mill-qrati Pollakki mill-perspettiva doppja stabbilita fis-sentenza Minister for Justice and Equality (Insuffiċjenzi tas-sistema ġudizzjarja). Dan il-metodu wassalha sabiex tikkonstata: a) jekk dawn l-insuffiċjenzi setgħux jinfluwenzaw lill-qrati kompetenti sabiex jisimgħu l-proċeduri li għalihom tkun suġġetta l-persuna mitluba; u b) f’każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk ikunx hemm raġunijiet serji u fondati sabiex temmen li din il-persuna tkun f’riskju reali li jinkiser id-dritt tagħha għal qorti indipendenti.

32.      Skont il-qorti tar-rinviju, tali proċedura tista’ ma tkunx għadha rilevanti, fid-dawl tar-riformi legali approvati fil-Polonja f’dawn l-aħħar xhur. Dawn il-modifiki jiddeterminaw li l-insuffiċjenzi strutturali u fundamentali li jaffettwaw l-indipendenza tal-qrati Pollakki huma tali li l-ebda persuna akkużata quddiem dawn il-qrati ma jkollha ggarantit id-dritt għal qorti indipendenti, tkun xi tkun is-sitwazzjoni personali tagħha, in-natura tal-ksur li tkun akkużata bih u l-fatti li wasslu għall-mandat ta’ arrest Ewropew.

33.      F’dan il-kuntest il-ġdid titqajjem il-possibbiltà li tiġi miċħuda l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat b’mod speċifiku jekk l-insuffiċjenzi strutturali jkollhomx konsegwenzi negattivi għall-qrati speċifiċi li għandhom iħarrku lill-persuna mitluba u jekk din il-persuna, minħabba s-sitwazzjoni personali tagħha, taffaċċjax riskju reali li jinkiser id-dritt tagħha għal smigħ xieraq (12).

34.      Fid-digriet tar-rinviju tal-Kawża C‑412/20 PPU huwa enfasizzat ukoll li, b’differenza mill-Kawża C‑354/20 PPU, il-mandat ta’ arrest Ewropew: a) inħareġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija; u b) twettaq fis‑26 ta’ Mejju 2020, jiġifieri, wara l-avvenimenti li l-evoluzzjoni tagħhom turi żieda fil-pressjoni fuq l-indipendenza tal-qrati Pollakki.

B.      Fuq il-mertu

35.      Id-domandi tal-qorti tar-rinviju li jġorru l-iktar importanza, mill-perspettiva ġenerali, huma dawk li jikkonċernaw il-possibbiltà li tiġi miċħuda l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fid-dawl tal-ineżistenza ta’ qrati indipendenti fl-Istat Membru emittenti, minħabba l-insuffiċjenzi strutturali jew fundamentali li jaffettwaw l-indipendenza tagħhom (it-tieni domanda tal-Kawża C‑354/20 PPU u l-unika domanda tal-Kawża C‑412/20 PPU).

36.      Jekk tiġi kkonstatata din is-sitwazzjoni ġġeneralizzata, ikun meħtieġ li sussegwentement jiġi deċiż jekk l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandiex tiġi miċħuda, anki meta “[l]-persuna mitluba ma tkunx esprimiet tħassib speċifiku u anki jekk is-sitwazzjoni personali tagħha, in-natura tal-ksur li bih hija akkużata u l-kuntest li fuqu huwa bbażat l-MAE ma jagħtux [tagħtix] lok għal biża’ […] ta’ eżerċizzju ta’ presssjoni konkreta jew ta’ influwenza fuq il-proċedura kriminali tagħha mill-poter eżekuttiv u/jew leġiżlattiv” (it-tielet domanda tal-Kawża C‑354/20 PPU).

37.      Ir-risposta għal dawn id-domandi għandha tingħata billi jiġi ddeterminat liema huwa l-mument rilevanti sabiex jiġi kkonstatat jekk il-qorti emittenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew hijiex indipendenti (l-ewwel domanda tal-Kawża C‑354/20 PPU u l-unika domanda tal-Kawża C‑412/20 PPU).

38.      Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda tal-Kawża C‑354/20 PPU għandha loġikament tingħata qabel l-ewwel waħda: huwa biss wara li jiġi ammess li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tiċħad li teżegwixxih minħabba l-insuffiċjenzi strutturali jew fundamentali li jaffettwaw l-indipendenza ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti; huwa biss f’dan il-mument li jkun jagħmel sens li wieħed jistaqsi jekk dan ir-rifjut japplikax ukoll għall-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa qabel jew wara li dawn l-insuffiċjenzi jkunu laħqu l-punt deskritt mill-qorti tar-rinviju.

1.      L-impatt fuq l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tal-insuffiċjenzi strutturali jew fundamentali fir-rigward tal-indipendenza tal-qrati tal-Istat Membru emittenti

39.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li, lil hinn mill-każijiet ikkunsidrati b’mod speċifiku fid-Deċiżjoni Qafas (l-Artikoli 3 sa 5), l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jista’ wkoll jiġi miċħud “f’ċirkostanzi eċċezzjonali” li, minħabba s-serjetà tagħhom stess, jimponu l-limitazzjoni tal-prinċipji ta’ rikonoxximent u ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, li fuqhom hija mibnija l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.

40.      Fost dawn iċ-“ċirkostanzi eċċezzjonali” jeżistu dawk li jistgħu jinvolvu r-riskju li l-persuna mfittxija tiġi suġġetta għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta (13). Jeżistu wkoll dawk li jenfasizzaw riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali ta’ din il-persuna għal qorti indipendenti u, għaldaqstant, għal smigħ xieraq, irrikonoxxut fl-Artikolu 47(2) tal-Karta (14).

41.      Fiż-żewġ każijiet – li sa issa huma dawk it-tnejn li ddeċidiet dwarhom il-Qorti tal-Ġustizzja – iċ-“ċirkostanzi eċċezzjonali” jeħtieġu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “insuffiċjenzi strutturali jew fundamentali” fl-Istat Membru emittenti, kemm jekk fir-rigward tal-indipendenza tal-qrati tiegħu, kif ukoll fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ xi gruppi ta’ persuni jew ta’ ċerti ċentri ta’ detenzjoni.

42.      Il-konstatazzjoni li dawn it-tipi ta’ “ċirkostanzi eċċezzjonali” jeżistu għandha ssir mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, li għal dawn l-għanijiet għandu jkollha “elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament ivverifikati” (15) li jixhdu tali insuffiċjenzi strutturali jew fundamentali.

43.      Fost dawn il-provi, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment, b’mod partikolari, għall-“elementi […] li jinsabu fi proposta rraġunata tal-Kummissjoni, adottata skont l-Artikolu 7(1) TUE, li jidhru li juru l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq […] minħabba nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fir-rigward tal-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja” (16).

44.      F’każ ta’ tali “ċirkostanzi eċċezzjonali”, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ ttemm il-proċedura ta’ kunsinna stabbilita fid-Deċiżjoni Qafas. Għaldaqstant, hija risposta eċċezzjonali fil-kuntest tad-Deċiżjoni Qafas, li, intenni, ma tikkontemplax motivi oħra ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ħlief dawk li jinsabu fl-Artikoli 3 sa 5 tagħha. Fir-rigward tal-eċċezzjonalità taċ-ċirkustanzi osservati fi Stat Membru, għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni jirreaġixxi f’termini eċċezzjonali wkoll (17).

45.      Għaldaqstant, din ir-risposta eċċezzjonali għandha l-limiti tagħha, li huma suġġetti għall-issodisfar ta’ ċerti rekwiżiti. L-eċċezzjonalità ma tilħaqx il-punt ta’ impożizzjoni tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni awtomatika tal-mandati ta’ arrest Ewropej kollha maħruġa mill-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru involut f’insuffiċjenzi strutturali jew fundamentali. Ir-reazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għalkemm hija serja, hija iktar imrażżna, peress li tinbidel fl-obbligu fuq l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tivverifika jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ li għandha tiddeċiedi dwaru, dawn l-insuffiċjenzi jistgħux jimmaterjalizzaw ruħhom fil-ksur reali u effettiv tad-drittijiet fundamentali tal-persuna mitluba.

46.      Jekk l-insuffiċjenzi strutturali jew fundamentali jkunu jikkonċernaw l-indipendenza ġudizzjarja, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, wara li tikkonstata li jinvolvu riskju reali ta’ ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, “fit-tieni stadju, tevalwa, b’mod konkret u preċiż, jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, jeżistux motivi serji u vverifikati sabiex wieħed jemmen li, wara l-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti, il-persuna mfittxija ser tkun esposta għal dan ir-riskju” (18).

47.      Finalment, il-possibbiltà li tiġi miċħuda l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għal raġunijiet differenti minn dawk previsti fl-Artikoli 3 sa 5 tad-Deċiżjoni Qafas tinvolvi eżami rigoruż, f’isem l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, li huwa strutturat f’żewġ stadji:

– Fl-ewwel stadju, għandu jiġi evalwat ir-riskju reali ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali, fid-dawl tas-sitwazzjoni ġenerali tal-Istat Membru li qiegħed jagħmel it-talba.

– Fit-tieni stadju, wara li jiġi kkonstatat dan ta’ hawn fuq, huwa meħtieġ li jiġi vverifikat, “b’mod konkret u preċiż”, jekk, b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-persuna mitluba tkunx fir-riskju li jinkiser id-dritt fundamentali tagħha.

48.      Dak li qiegħda tistaqsi issa l-qorti tar-rinviju huwa jekk l-aggravar tal-insuffiċjenzi strutturali jew fundamentali fl-Istat Membru emittenti jistax iwassal sabiex jeskludi t-tieni stadju ta’ dan l-eżami doppju.

49.      Jekk dan ikun il-każ, ma jkunx hemm il-ħtieġa li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni teżamina ċ-ċirkustanzi tal-każ: sempliċement tkun tista’ ttemm il-proċedura ta’ kunsinna meta l-insuffiċjenzi jkunu ta’ tali kobor li jkunu ekwivalenti għall-ineżistenza fl-Istat Membru emittenti ta’ awtorità ġudizzjarja li jixirqilha tali deżinjazzjoni.

50.      Is-soluzzjoni li hija rrakkomandata mill-qorti tar-rinviju, minkejja li tista’ tidher suġġestiva (19), ma tikkonformax ma’ dik ipprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, kif twissi l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, iċ-ċaħda (20) tal-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej kollha maħruġa minn Stat Membru, x’aktarx li twassal għall-impunità ta’ diversi reati kriminali (21).

51.      Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jagħmel riferiment ukoll għall-obbligu tal-prevenzjoni tal-impunità. Barra minn hekk, fis-seduta, il-Gvern Belġjan enfasizza li s-soluzzjoni proposta mill-qorti tar-rinviju tista’ tkun ta’ ħsara għad-drittijiet tal-vittmi tad-delitti li minħabba t-twettiq tagħhom hija mitluba l-persuna li kontriha nħareġ mandat ta’ arrest Ewropew (22).

52.      Minn perspettiva oħra, l-aċċettazzjoni tat-teżi tal-qorti tar-rinviju tista’ tinftiehem bħala ċaħda tal-ħidma professjonali tal-qrati kollha tar-Repubblika tal-Polonja li, f’materji tant delikati bħal dawk marbutin mal-liġi kriminali, jagħmlu sforz sabiex jużaw il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja previsti fid-Deċiżjoni Qafas. Mar-riskju li jinvolvu, għall-indipendenza tagħhom, l-insuffiċjenzi strutturali jew fundamentali msemmija iktar ’il fuq, tiżdied l-impossibbiltà li jipparteċipaw bħala awtoritajiet emittenti jew ta’ eżekuzzjoni f’dawn il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni intra-Ewropej.

53.      Fis-sentenza Minister for Justice and Equality (Insuffiċjenzi tas-sistema ġudizzjarja), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-eżistenza ta’ proposta rraġunata tal-Kummissjoni, adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 7(1) TUE, bil-għan li l-Kunsill jikkonstata riskju ċar ta’ ksur serju mir-Repubblika tal-Polonja tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 TUE, tista’ tikkostitwixxi, flimkien ma’ informazzjoni oħra, bażi suffiċjenti sabiex tistabbilixxi jekk jeżistux insuffiċjenzi strutturali jew fundamentali f’dan l-Istat Membru, fir-rigward tal-indipendenza tal-qrati tiegħu (23).

54.      Minħabba l-fatt li l-insuffiċjenzi li seħħew dak iż-żmien kienu serji, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet il-possibbiltà li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiċħad awtomatikament u mingħajr ebda distinzjoni l-eżekuzzjoni ta’ kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-qrati tar-Repubblika tal-Polonja.

55.      Ir-raġuni hija li tali soluzzjoni globali hija rriżervata għal meta l-Kunsill Ewropew jikkonstata, b’mod formali, li l-Istat Membru emittenti jikser il-valuri kkunsidrati fl-Artikolu 2 TUE.

56.      Fi kliem il-Qorti tal-Ġustizzja, “mill-premessa 10 tad-Deċiżjoni Qafas […], jirriżulta li l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tiġi sospiża biss fil-każ ta’ ksur gravi u persistenti minn wieħed mill-Istati Membri tal-prinċipji msemmija fl-Artikolu 2 TUE, ikkonstatat mill-Kunsill Ewropew skont l-Artikolu 7(2) TUE, bil-konsegwenzi previsti fl-Artikolu 7(3) TUE” (24).

57.      Nista’ naqbel mal-qorti tar-rinviju dwar il-fatt li, jekk kienu ta’ tħassib iċ-ċirkustanzi li kienu jeżistu fil-mument meta ngħatat is-sentenza Minister for Justice and Equality (Insuffiċjenzi tas-sistema ġudizzjarja), l-informazzjoni ulterjuri tidher li qiegħda tindika l-aggravar tagħhom (25).

58.      Fil-fatt, apparti r-riformi leġiżlattivi msemmija fid-digriet tar-rinviju tal-Kawża C‑354/20 PPU, l-għoti tas-sentenzi l-iktar reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jagħmel allużjoni għalihom ukoll dan id-digriet (26), jenfasizza li l-insuffiċjenzi strutturali jew fundamentali, li jistgħu jiġu evalwati fir-rigward tal-indipendenza tal-qrati tar-Repubblika tal-Polonja, jistgħu jheddu d-drittijiet fundamentali tal-persuni suġġetti għall-ġurisdizzjoni tagħhom.

59.      Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju li, permezz tas-sorsi disponibbli għaliha, għandha tiddetermina jekk żdidux l-insuffiċjenzi strutturali jew fundamentali li, fl‑2018, wasslu sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta, b’mod eċċezzjonali u b’ċerti kundizzjonijiet, li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tiċħad l-eżekuzzjoni tiegħu minħabba raġunijiet differenti minn dawk espressament ikkunsidrati fid-Deċiżjoni Qafas.

60.      Madankollu, għalkemm it-theddida għall-indipendenza tal-qrati Pollakki setgħet marret għall-agħar f’dawn it-termini, mingħajr dubju ma hijiex possibbli s-sospensjoni awtomatika u mingħajr distinzjoni tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas fir-rigward ta’ kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew li jinħareġ minnhom.

61.      Din is-soluzzjoni estrema ma tiddependix daqstant min-numru u mill-entità tal-indizji li jippermettu l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur tad-drittijiet tal-parti fil-kawża, iżda iktar tiddependi fuq il-kwalità tal-korp li għandu jwettaq din il-konstatazzjoni u jaġixxi kif xieraq.

62.      L-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha s-setgħa, skont is-sentenza Minister for Justice and Equality (Insuffiċjenzi tas-sistema ġudizzjarja), sabiex, ladarba jiġu vverifikati l-insuffiċjenzi strutturali jew fundamentali fl-Istat Membru emittenti, tiċħad il-kunsinna tal-persuna mitluba jekk, b’kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni personali, tan-natura tal-ksur li hija akkużata bih u tal-kuntest fattwali li wassal għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, tikseb il-konvinzjoni li jista’ jiġi effettivament miksur id-dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta lil din il-persuna (27).

63.      F’din l-ipoteżi, il-qorti ta’ eżekuzzjoni tkun qiegħda tapplika d-Deċiżjoni Qafas bil-mod li bih, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tiġi interpretata sabiex il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew jiġi rrikonċiljat mal-osservanza tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni.

64.      Din l-interpretazzjoni żżomm il-prinċipju ta’ kunsinna, għalkemm ikkorreġut, b’mod eċċezzjonali, miċ-ċaħda tiegħu meta, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, ikun hemm riskju reali ta’ ksur tad-drittijiet tal-persuna mitluba.

65.      Għall-kuntrarju ta’ dan, iċ-ċaħda awtomatika ta’ kull eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej, ladarba tiġi evalwata s-serjetà tal-insuffiċjenzi strutturali jew fundamentali identifikati fl-Istat Membru emittenti, tirrappreżenta n-nuqqas ta’ implimentazzjoni bla riżervi tad-Deċiżjoni Qafas innifisha.

66.      Bħalma rrepetejt, il-premessa 10 tad-Deċiżjoni Qafas u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettux in-nuqqas ta’ implimentazzjoni bla riżervi tal-mandati ta’ arrest Ewropej, f’dawn il-każijiet. Sabiex jintlaħaq dan l-estrem huwa meħtieġ att ġuridiku speċifiku: il-konstatazzjoni mill-Kunsill Ewropew, f’konformità mal-Artikolu 7(2) TUE, li l-Istat Membru emittenti iwettaq ksur serju u persistenti tal-valuri tal-Istat tad-dritt ikkunsidrati fl-Artikolu 2 TUE.

67.      Filwaqt li l-evalwazzjoni tal-insuffiċjenzi strutturali jew fundamentali tista’ tiġġustifika n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ad casum ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, hija biss il-konstatazzjoni formali mill-Kunsill Ewropew ta’ ksur serju u persistenti tal-valuri tal-Artikolu 2 TUE li tista’ tiġġustifika n-nuqqas ta’ implimentazzjoni mingħajr distinzjoni tad-Deċiżjoni Qafas u, għaldaqstant, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej kollha mill-qrati tal-Istat Membru korrispondenti.

68.      Kull wieħed miż-żewġ każijiet jiżvolġi f’żewġ ordnijiet kunċettwali differenti.

69.      Fl-ewwel waħda (deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni), l-insuffiċjenzi jirriżultaw f’riskju li l-portata tiegħu għandha tiġi vverifikata fil-każ inkwistjoni; għalhekk hemm in-neċessità li l-qorti ta’ eżekuzzjoni tindirizza ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża li għandha tiġi solvuta.

70.      Fit-tieni waħda (intervent mill-Kunsill Ewropew), ma nitkellmux iktar dwar riskju, iżda l-ksur ikkunsmat tal-valuri tal-Artikolu 2 TUE, li l-konsegwenza tiegħu tkun in-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas b’mod ġenerali.

71.      Ma huwiex biss il-każ li f’każ minnhom inkwistjoni hemm ir-riskju tal-ksur ta’ drittijiet u fl-ieħor inkwistjoni hemm il-ksur tal-prinċipji tal-Artikolu 2 TUE. Iktar preċiżament, fl-ewwel każ inkwistjoni hemm l-insuffiċjenzi strutturali jew fundamentali identifikati f’sistema ta’ garanzija tad-dritt li, minħabba dawn l-insuffiċjenzi, ma taħdimx bil-mod mixtieq mill-ordinament ġuridiku nnifsu. Min-naħa l-oħra, fit-tieni wieħed, dak li jiġi prodott huwa l-għajbien innifsu tal-kundizzjonijiet li taħthom sistema ġudizzjarja tista’ tipproteġi l-prinċipji tal-Istat tad-dritt sanċiti fl-Artikolu 2 TUE.

72.      L-insuffiċjenzi strutturali jew fundamentali li jistgħu jiġu identifikati fir-rigward tal-indipendenza tal-qrati Pollakki, fil-fehma tiegħi, ma jċaħħdux lil dawn tal-aħħar min-natura tagħhom bħala qrati. Dawn jibqgħu qrati (28), għalkemm l-indipendenza tal-qorti, mifhuma bħala sett ta’ korpi li jeżerċitaw ġurisdizzjoni, hija mhedda mill-istrutturi governattivi (jew anki mill-eżerċizzju anomalu tal-funzjonijiet dixxiplinari). L-evalwazzjoni ta’ dawn l-insuffiċjenzi, serji kemm huma serji, ma tistax iċċaħħadhom minn din il-kundizzjoni (29).

73.      Ċertament, dawn l-insuffiċjenzi strutturali jew fundamentali jistgħu jkunu ta’ tali kobor li ma jkunux jistgħu jiġu evitati dubji serji dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-Istat Membri emittenti. Dan jista’ jseħħ jekk is-sistema dixxiplinari tal-maġistrati Pollakki tintuża bħala theddida permanenti, li tkun ta’ ħsara għall-indipendenza tagħhom, sabiex jiġu sottomessi għas-setgħa eżekuttiva, kemm billi jafdaw l-applikazzjoni tagħha lil korpi, inklużi dawk ġudizzjarji, li ma humiex jissodisfaw il-garanziji dovuti (30), jew billi jużaw it-triq dixxiplinari sabiex irażżnu l-azzjonijiet ġudizzjarji li huma kompletament leġittimi (31).

74.      Madankollu, il-kompetenza tal-qorti ta’ eżekuzzjoni hija strettament limitata għall-mandat ta’ arrest Ewropew li għandha tiddeċiedi dwaru, u l-fehma tagħha dwar l-insuffiċjenzi strutturali jew fundamentali għandha tirreferi għall-impatt eventwali tagħhom fuqu. Għal din ir-raġuni, id-deċiżjoni tagħha tista’ taffettwa biss l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew.

75.      Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni dwar ir-rispett tal-valuri tal-Artikolu 2 TUE tirrigwarda s-sitwazzjoni ġenerali tal-Istat Membru affettwat u hija fil-kompetenza esklużiva tal-Kunsill Ewropew, li l-konstatazzjoni formali tiegħu tal-ksur ta’ dan il-preċett taffettwa, għaldaqstant, l-applikazzjoni in toto tad-Deċiżjoni Qafas fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru.

76.      Affaċċjata bl-aggravar tal-insuffiċjenzi strutturali jew fundamentali, u fin-nuqqas ta’ konstatazzjoni formali tal-Kunsill Ewropew, ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, Amsterdam) għandha għaldaqstant timxi b’mod rigoruż meta teżamina ċ-ċirkustanzi tal-mandat ta’ arrest Ewropew li ntalbet l-eżekuzzjoni tiegħu (32), iżda ma hijiex eżentata mill-obbligu li twettaq dan l-eżami b’mod partikolari.

77.      F’dan il-punt huwa interessanti li jiġi enfasizzat li l-informazzjoni meħtieġa mingħand l-awtorità ġudizzjarja emittenti fir-rigward tal-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas ma għandhiex tkun biss dik rilevanti sabiex jitwettaq dan l-eżami partikolari, iżda għandha tiġi limitata għal dik li l-awtorità ġudizzjarja emittenti hija raġonevolment f’pożizzjoni li tipprovdi (33).

78.      Konsegwentement, u f’konformità mad-duttrina stabbilita fis-sentenza Minister for Justice and Equality (Insuffiċjenzi tas-sistema ġudizzjarja), sakemm il-Kunsill Ewropew ma jkunx għadu formalment ikkonstata ksur serju u persistenti fl-Istat Membru emittenti tal-prinċipji kkunsidrati fl-Artikolu 2 TUE, “l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tastjeni, fuq il-bażi tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas […], milli tipproċedi fir-rigward ta’ mandat ta’ arrest Ewropew […] fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali meta […] tikkonstata, wara evalwazzjoni konkreta u preċiża tal-każ ineżami, li jeżistu motivi serji u vverifikati sabiex wieħed jemmen li l-persuna li hija s-suġġett ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew ser tkun esposta, wara l-konsenja tagħha lill-awtorità ġudizzjarja emittenti, għal riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal qorti indipendenti u, għaldaqstant, tal-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq” (34).

79.      Mid-digrieti tar-rinviju jsegwi li l-qorti tar-rinviju ma sabitx raġunijiet sabiex tiċħad il-kunsinni taż-żewġ persuni mitluba f’dawn il-proċeduri għal ebda raġuni kkunsidrata fid-Deċiżjoni Qafas. Barra minn hekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali tagħhom, tan-natura tal-ksur li ġew akkużati bihom u tal-kuntest li wassal għall-ħruġ tal-mandati ta’ arrest Ewropej, hija teskludi r-riskju ta’ interferenza mhux dovuta fil-prosekuzzjoni kriminali tagħhom.

80.      Jekk dan ikun il-każ, l-aggravar li setgħu esperjenzaw l-insuffiċjenzi strutturali jew fundamentali tas-sistema ta’ indipendenza tal-qrati Pollakki ma jagħtix is-setgħa lill-qorti tar-rinviju sabiex sempliċement tiċħad l-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej inkwistjoni.

2.      Il-mument rilevanti għall-evalwazzjoni tan-natura tal-qorti indipendenti tal-awtorità emittenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew

81.      Jekk, bħalma nargumenta, il-korp ġudizzjarju ta’ eżekuzzjoni ma jistax itemm il-proċedura ta’ kunsinna ladarba jiġu kkonstatati insuffiċjenzi strutturali jew fundamentali serji fir-rigward tal-indipendenza tal-qrati tal-Istat Membru emittenti, mingħajr ma tiġi eżaminata inċidenza reali u effettiva ta’ dawn l-insuffiċjenzi fiċ-ċirkustanzi ta’ kull mandat ta’ arrest b’mod partikolari, jidhirli li huwa irrilevanti jekk l-aggravar ta’ dawn l-insuffiċjenzi jkunx seħħ qabel jew wara l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

82.      Kemm jekk l-aggravar ta’ dawn l-insuffiċjenzi jkun seħħ qabel ma nħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew jew wara li jkun inħareġ, il-fattur determinanti huwa li l-korp ġudizzjarju emittenti (li għandu jiddeċiedi dwar id-destin tal-persuna mitluba, ladarba tiġi kkunsinnata) iżomm l-indipendenza tiegħu sabiex jiddeċiedi, mingħajr interferenzi esterni, theddid jew pressjoni, dwar is-sitwazzjoni ta’ din il-persuna.

83.      In-natura ġudizzjarja tal-proċedura tad-Deċiżjoni Qafas ma tintemmx bil-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew fir-rigward tal-awtorità li titlob il-kunsinna tal-persuna mitluba.

84.      Skont l-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Qafas, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tkun f’pożizzjoni li jkollha dejjem interlokutur ġudizzjarju fl-Istat Membru emittenti, b’mod li tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-kunsinna abbażi ta’ informazzjoni suffiċjenti u affidabbli, direttament iffaċilitata mill-awtorità ġudizzjarja emittenti.

85.      Fil-fatt, minħabba l-impatt serju fuq il-libertà li tinvolvi l-proċedura ta’ kunsinna (35), jista’ jirriżulta li jkun essenzjali li tinġabar informazzjoni addizzjonali li tippermetti li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tistabbilixxi liema huma preċiżament iċ-ċirkustanzi li wasslu għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew u, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet li fihom ser issib ruħha l-persuna mitluba wara l-kunsinna tagħha.

86.      Il-grad għoli ta’ fiduċja li għandha tistrieħ fuqu l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni fid-deċiżjoni tagħha dwar jekk tkunx rilevanti l-kunsinna jista’ jingħata biss mill-awtorità emittenti li sa dak il-mument ma tilfitx il-kundizzjoni tagħha bħala qorti indipendenti.

87.      L-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, għaldaqstant, tivverifika jekk, fiċ-ċirkustanzi ta’ kull wieħed mill-mandati ta’ arrest Ewropej konkreti li nħarġulha, id-dritt tal-persuna mitluba għal smigħ xieraq jiġix serjament u effettivament ikkontestat. Dan ikun il-każ, nirrepeti, kemm jekk l-insuffiċjenzi kienu diġà strutturali jew fundamentali meta nħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew kif ukoll jekk ikunu seħħew wara u jibqgħu fil-mument tal-kunsinna eventwali ta’ din il-persuna.

88.      Fl-ewwel każ, il-qorti ta’ eżekuzzjoni jista’ leġittimament ikollha dubji dwar ir-regolarità tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Fit-tieni wieħed, ikun possibbli li jkun hemm dubju fuq it-trattament li jista’ jingħata lill-persuna mitluba wara l-kunsinna tagħha lill-korp ġudizzjarju emittenti.

89.      Fiż-żewġ każijiet, dak li huwa importanti huwa li l-qorti ta’ eżekuzzjoni twieżen sa liema punt ċirkustanza jew oħra tista’ tikkostitwixxi riskju reali għad-drittijiet tal-persuna mitluba, jekk isseħħ il-kunsinna tagħha.

90.      Huwa minnu madankollu, li r-riskju konkret ta’ ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta, minħabba n-nuqqas ta’ indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti, jitnaqqas b’mod kunsiderevoli jekk din tal-aħħar kienet indipendenti meta nħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew, għalkemm (teoretikament) ma tkunx għadha indipendenti wara.

91.      Bl-istess mod, dan ir-riskju jonqos jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew jinħareġ għall-eżekuzzjoni ta’ kundanna ta’ priġunerija imposta fuq il-persuna mitluba f’mument li fih ma kienx hemm dubji dwar l-istatus ta’ indipendenza tal-qorti kriminali.

V.      Konklużjoni

92.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) b’dan il-mod:

“L-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill Nru 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

Fl-assenza ta’ konstatazzjoni formali min-naħa tal-Kunsill Ewropew, skont l-Artikolu 7(2) TUE, ta’ ksur gravi u persistenti mill-Istat Membru emittenti tal-valuri sanċiti fl-Artikolu 2 TUE, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew biss wara li tkun ivverifikat, b’mod konkret u preċiż, li, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-persuna mitluba, tan-natura tar-reat li hija akkużata bih u tal-kuntest fattwali li wassal għall-ħruġ ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew, jeżistu motivi serji u fondati sabiex wieħed jemmen li din il-persuna, jekk tiġi kkunsinnata, tkun f’riskju reali li jinkiser id-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-riskju jista’ jseħħ kemm jekk l-insuffiċjenzi strutturali jew fundamentali jkunu seħħew meta jinħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew, kif ukoll jekk ikunu seħħew wara u jibqgħu preżenti fil-mument tal-kunsinna eventwali tal-persuna mitluba”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”).


3      Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586), iktar ’il quddiem is-“sentenza Minister for Justice and Equality (Insuffiċjenzi tas-sistema ġudizzjarja)”.


4      Sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, iktar ’il quddiem is-“sentenza Aranyosi u Căldăraru”).


5      Il-Gvern tal-Polonja ma jaqbilx mal-premessa ewlenija tal-argument li jinsab fid-digriet tar-rinviju, iżda jsostni li r-risposta għad-domandi fformulati fih hija inferita sempliċement mis-sentenza Minister for Justice and Equality (Insuffiċjenzi tas-sistema ġudizzjarja).


6      Il-Liġi li Timplimenta d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fuq il-Mandat ta’ Arrest Ewropew u l-Proċeduri ta’ Ċediment bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.


7      Stb. 2004, 195.


8      Stb. 2017, 82.


9      B’mod konkret, sabiex jiġu servuti s-seba’ xhur li jifdal minn piena ta’ priġunerija ta’ sena, imposta mis-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2019, tas-Sąd rejonowy w Wieluniu (il-Qorti Distrettwali ta’ Wielún, il-Polonja), għal delitti ta’ theddid u vjolenza.


10      Punt 4 tad-digriet tar-rinviju tal-Kawża C‑354/20 PPU.


11      Loc. ult. cit.


12      Din it-teżi tikkoinċidi ma’ dak li ġie propost mill-High Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda) fil-Kawża C‑216/18 PPU, Minister for Justice and Equality (Insuffiċjenzi tas-sistema ġudizzjarja), iżda l-Qorti tal-Ġustizzja ma aċċettathiex. L-Avukat Ġenerali Tanchev, meta ppreżenta l-konklużjonijiet tiegħu f’dik il-kawża (EU:C:2018:517), sostna li “[I]l-qorti tar-rinviju tqis li, fl-ipoteżi li n-nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti huma partikolarment gravi, jiġifieri fejn dan l-Istat Membru ma għadux josserva l-Istat tad-dritt, hija għandha tirrifjuta l-konsenja mingħajr ma jkollha tivverifika jekk il-persuna kkonċernata hijiex ser tkun esposta għal dan ir-riskju” (punt 98).


13      Sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, iktar ’il quddiem is-“sentenza Aranyosi u Căldăraru”), punt 104.


14      Sentenza Minister for Justice and Equality (Insuffiċjenzi tas-sistema ġudizzjarja), punt 59.


15      Sentenza Aranyosi u Căldăraru, punt 104.


16      Sentenza Minister for Justice and Equality (Insuffiċjenzi tas-sistema ġudizzjarja), punt 79.


17      Bi qbil mal-Qorti tal-Ġustizzja, din ir-reazzjoni eċċezzjonali hija bbażata, “minn naħa, fuq l-Artikolu 1(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas, li jipprevedi li din id-deċiżjoni qafas ma jistax ikollha l-effett li tibdel l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali u li jiġu osservati l-prinċipji legali fundamentali kif stabbiliti fl-Artikoli 2 u 6 TUE u, min-naħa l-oħra, fuq in-natura assoluta tad-dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 4 tal-Karta” (sentenza Minister for Justice and Equality (Insuffiċjenzi tas-sistema ġudizzjarja), punt 45). Skont din l-istess sentenza, ma’ dawn ir-raġunijiet tiżdied dik irrappreżentata mill-Artikolu 47(2) tal-Karta, sa fejn tirrikonoxxi d-dritt għal qorti indipendenti u, għaldaqstant, smigħ xieraq (sentenza Minister for Justice and Equality (Insuffiċjenzi tas-sistema ġudizzjarja), punt 59).


18      Sentenza Minister for Justice and Equality (Insuffiċjenzi tas-sistema ġudizzjarja), punt 68; enfasi miżjuda minni.


19      L-attraenza tagħha ma tistax taħbi, madankollu, ċerta radikalità. Fil-Kawża C‑216/18 PPU, Minister for Justice and Equality (Insuffiċjenzi tas-sistema ġudizzjarja), il-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar dan il-fatt, kif traskritta mill-Avukat Ġenerali Tanchev fil-konklużjonijiet tiegħu (EU:C:2018:517), kienet li, “anki jekk ġie kkonstatat li l-Istat tad-dritt fl-Istat Membru emittenti huwa mhedded serjament [….], ma jistax jiġi eskluż li jkun hemm kuntesti li fihom il-kapaċità tal-qrati sabiex imexxu proċess bl-indipendenza neċessarja sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tad-dritt fundamentali stabbilit bit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tkun ippreżervata” (punt 108). Il-Kummissjoni tirratifika, f’termini oħra, din l-istess pożizzjoni fil-punt 27 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha fil-Kawża C‑354/20 PPU.


20      Fid-digriet tar-rinviju tal-Kawża C‑354/20 PPU, il-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi li risposta fl-affermattiv għad-domandi tagħha tfisser “de facto, is-sospensjoni tal-fluss ta’ kunsinni lejn il-Polonja, sakemm il-leġiżlazzjoni Pollakka tiggarantixxi mill-ġdid l-indipendenza tal-qrati emittenti” (punt 19).


21      Punt 30 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. Il-Prosekutur iwissi wkoll li din il-ġeneralizzazzjoni tista’ twassal sabiex is-sistema ta’ kunsinna fi ħdan l-Unjoni, kollha kemm hi, ma tkunx fattibbli (punt finali tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu).


22      Il-Gvern Belġjan invoka s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) tad‑9 ta’ Lulju 2019, Romeo Castaño vs Il-Belġju (CE:ECHR:2019:0709JUD000835117), dwar il-ksur tad-dritt iggarantit mill-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), f’dawk il-każijiet fejn l-Istati jonqsu milli jwettqu l-obbligu tagħhom ta’ kooperazzjoni bejniethom, permezz tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew, sabiex il-persuna preżunta li kkommettiet assassinju u delitti oħra titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-ġustizzja.


23      Sentenza Minister for Justice and Equality (Insuffiċjenzi tas-sistema ġudizzjarja), punt 69.


24      Sentenza Minister for Justice and Equality (Insuffiċjenzi tas-sistema ġudizzjarja), punt 70.


25      Fir-rapport tagħha ta’ Settembru 2020 dwar is-sitwazzjoni tal-Istat tad-dritt fl-Unjoni, il-Kummissjoni tavża li, fil-Polonja, “[t]he reforms, impacting the Constitutional Tribunal, the Supreme Court, ordinary courts, the National Council for the Judiciary and the prosecution service, have increased the influence of the executive and legislative powers over the justice system and therefore weakened judicial independence”. Commission Staff Working Document, 2020 Rule of Law Report, Country Chapter on the rule of law situation in Poland (SWD(2020) 320 final).


26      B’mod partikolari, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tas-Sala Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982), u tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz y Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234). Bl-istess mod, id-digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑791/19 R, EU:C:2020:277).


27      L-Avukat Ġenerali Tanchev, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawża C‑216/18, Minister for Justice and Equality (Insuffiċjenzi tas-sistema ġudizzjarja) (EU:C:2018:517), punt 113, kien inklinat sabiex jadotta l-proposta tal-Kummissjoni li ssuġġeriet, “b’mod partikolari, li jiġi vverifikat jekk il-persuna li tkun is-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew hijiex opponent politiku jew jekk tappartjenix għal grupp soċjali jew etniku suġġett għal diskriminazzjonijiet. l-Kummissjoni tipproponi wkoll li jiġi eżaminat, b’mod partikolari, jekk il-ksur li bih hija akkużata l-persuna kkonċernata huwiex ta’ natura politika jew jekk il-poter fil-gvern għamilx xi dikjarazzjonijiet pubbliċi li jikkonċernaw dan il-ksur jew il-piena applikabbli għalih”. Fil-każijiet tal-mandati ta’ arrest Ewropej inkwistjoni bħalissa, ma jidhirx li jseħħu tali konnotazzjonijiet.


28      Li kieku dan ma kienx il-każ, ir-riperkussjonijiet jistgħu, eventwalment, jilħqu oqsma oħra tal-attività ġudizzjarja, bħal dawk relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili, jew mal- leġittimazzjoni sabiex isiru domandi preliminari (l-Artikolu 267 TFUE), li hija rriżervata għall-qrati fil-veru sens tal-kelma.


29      Għaldaqstant, l-applikazzjoni tad-duttrina stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tan-natura ġudizzjarja tal-Prosekutur għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew hija barra minn lokha. Għal kollha, is-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekutur ta’ Lübeck u Zwickau (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456). In-nuqqas ta’ indipendenza ta’ Prosekutur li jista’ jirċievi istruzzjonijiet skont id-dritt intern ma jirriflettix insuffiċjenza strutturali jew fundamentali tas-sistema istituzzjonali tiegħu, iżda huwa karatteristika proprja ta’ din is-sistema, li ma tippermettilux joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew, iżda mhux biex jaġixxi bħala Prosekutur. Minflok, in-nuqqas iġġeneralizzat ta’ indipendenza tal-qrati ta’ Stat Membru jista’ jikkorrispondi biss għal insuffiċjenza tas-sistema ġudizzjarja, u għaldaqstant l-Unjoni ma tawtorizzax l-inkorporazzjoni ta’ Stati li ma għandhomx qrati indipendenti.


30      Fis-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982), punt 171, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, wara d-dħul fis-seħħ fit‑3 ta’ April 2018 tal-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi tal-Qorti Suprema), l-Awla Dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) tistax tiġi kklassifikata bħala indipendenti u imparzjali, fejn għandha tivverifika jekk “[i]l-kundizzjonijiet oġġettivi li fihom inħolqot l-istanza kkonċernata u l-karatteristiċi tagħha kif ukoll il-mod kif inħatru l-membri tagħha jkunu ta’ natura li joħolqu dubji leġittimi, f’moħħ l-individwi, dwar l-impermeabbiltà ta’ din l-istanza fil-konfront ta’ elementi esterni, b’mod partikolari, ta’ influwenzi diretti jew indiretti mill-poter leġiżlattiv u mill-poter eżekuttiv, u dwar in-newtralità tagħha fil-konfront tal-interessi li jkunu inkwistjoni u, b’hekk, jistgħu jwasslu għal assenza ta’ dehra ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità tal-imsemmija istanza li tkun ta’ natura li tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fl-imsemmija individwi f’soċjetà demokratika”. Fid-digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑791/19 R, EU:C:2020:277), il-Qorti tal-Ġustizzja ssospendiet temporanjament l-applikazzjoni ta’ xi preċetti tal-leġiżlazzjoni Pollakka li jikkostitwixxu l-bażi tal-kompetenza tal-Awla Dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) sabiex jisimgħu proċeduri dixxiplinari relatati mal-qrati.


31      Fis-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234), il-Qorti tal-Ġustizzja, li quddiemha ġiet allegata l-eżistenza ta’ proċeduri dixxiplinari kontra qrati Pollakki li fformulaw domandi preliminari, iddikjarat li “dispożizzjonijiet nazzjonali li minnhom jirriżulta li l-qrati nazzjonali jistgħu jesponu ruħhom għal proċeduri dixxiplinari minħabba l-fatt li huma adixxew lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jistgħux jintlaqgħu” (punt 58).


32      B’mod speċjali, bħalma diġà esponejt iktar ’il fuq, għandha tindirizza s-sitwazzjoni personali tal-persuna mitluba kif ukoll in-natura tal-ksur li fir-rigward tiegħu tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni u l-kuntest fattwali li fuqhom ikun ibbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew (sentenza Minister for Justice and Equality (Insuffiċjenzi tas-sistema ġudizzjarja), punt 75).


33      Tnejn mid-domandi magħmula lill-awtorità ġudizzjarja emittenti fil-Kawża C‑354/20 PPU jistgħu jiġu indirizzati lis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). Ara l-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


34      Sentenza Minister for Justice and Equality (Insuffiċjenzi tas-sistema ġudizzjarja), punt 73. Skont il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, dan l-approċċ jikkorrispondi għal dak tal-KEDB, li jagħti attenzjoni speċjali lill-analiżi taċ-ċirkustanzi singolari, sabiex jiddetermina jekk hemmx riskju konkret li n-nuqqas ta’ indipendenza jinbidel f’ċaħda evidenti ta’ ġustizzja (sentenzi tas‑17 ta’ Jannar 2012, Othman (Abu Qatada) vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2012:0117JUD000813909, punti 258 sa 262, u tad‑9 ta’ Lulju 2019, Kislov vs Ir-Russja, CE:ECHR:2019:0709JUD000359810, punt 109). L-Avukat Ġenerali Tanchev għamel allużjoni wkoll għal din il-ġurisprudenza fil-konklużjonijiet tal-Kawża C‑216/18 (EU:C:2018:517, punt 109), fejn enfasizza li, “sabiex jiġi vverifikat jekk jeżistix riskju reali ta’ ċaħda flagranti tal-ġustizzja, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tieħu inkunsiderazzjoni, fil-prattika, mhux biss is-sitwazzjoni fil-pajjiż ta’ destinazzjoni, imma wkoll iċ-ċirkustanzi partikolari tal-persuna kkonċernata”, b’invokazzjoni tas-sentenza tal-QEDB tas‑17 ta’ Jannar 2012, Othman (Abu Qatada) vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2012:0117JUD000813909, punti 272 u 277 sa 279.


35      Li tista’ twassal għal priġunerija sa mija u għoxrin jum, kif indikat fil-konklużjonijiet tal-kawżi OG (Parquet de Lübeck) u PI (Parquet de Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:337), punt 58.