Language of document : ECLI:EU:C:2018:764

DEĊIŻJONI TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla għall-Eżami mill‑Ġdid)

17 ta’ Settembru 2018 (*)

“Eżami mill-ġdid”

Fil-Kawża C‑543/18 RX,

li għandha bħala suġġett proposta ta’ eżami mill-ġdid magħmula mill-Avukat Ġenerali Ewlieni, bis-saħħa tal-Artikolu 62 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fl‑20 ta’ Awwissu 2018,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla għall-Eżami mill-Ġdid),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

tagħti l-preżenti

Deċiżjoni

1        Il-proposta ta’ eżami mill-ġdid magħmula mill-Avukat Ġenerali Ewlieni tikkonċerna s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑19 ta’ Lulju 2018 HG vs Il‑Kummissjoni (T‑693/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2018:492). Permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali annullat is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea tad‑19 ta’ Lulju 2016, HG vs Il‑Kummissjoni (F‑149/15, EU:F:2016:155), li permezz tagħha dan ċaħad ir-rikors tar-rikorrent intiż, b’mod prinċipali, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal‑10 ta’ Frar 2015 li timponilu s-sanzjoni dixxiplinari tas-sospensjoni ta’ avvanz fl-iskala għal terminu ta’ 18‑il xahar u li tikkundannah iħallas id-dannu mġarrab mill-Kummissjoni għal ammont ta’ EUR 108 596.35 u, sa fejn meħtieġ, tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas tad-dannu allegatament imġarrab.

2        Il-Qorti Ġenerali qieset li l-kulleġġ ġudikanti tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li ta din l-aħħar sentenza ma kienx ġie kkostitwit b’mod regolari.

3        Mill-Artikolu 256(2) TFUE jirriżulta li d-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali fuq appelli mid-deċiżjonijiet mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea jistgħu eċċezzjonalment ikunu suġġetti għal eżami mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-kundizzjonijiet u fil-limiti previsti fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fejn ikun hemm periklu serju ta’ preġudizzju għall-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni.

4        Bis-saħħa tal-Artikolu 62 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Avukat Ġenerali Ewlieni jista’, meta jidhirlu li jkun hemm riskju serju ta’ preġudizzju għall-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, jipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

5        Mill-Artikolu 193(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, f’dan ir-rigward, li meta tintalab tieħu konjizzjoni ta’ tali proposta ta’ eżami mill-ġdid, l-Awla għall-Eżami mill-Ġdid għandha tiddeċiedi jekk hemmx lok li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tiġi eżaminata mill-ġdid u li, meta hekk ikun il-każ, id-deċiżjoni li tiġi eżaminata mill-ġdid id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali għandha tindika biss il-kwistjonijiet li għandhom ikunu s-suġġett tal-eżami mill-ġdid.

6        F’dan il-każ, l-Awla għall-Eżami mill-Ġdid ikkunsidrat li hemm lok li jsir l-eżami mill-ġdid tas-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2018, HG vs Il‑Kummissjoni (T‑693/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2018:492).

7        Il-kwistjonijiet li ser jiġu eżaminati fl-eżami mill-ġdid huma indikati fil-punt 2 tad-dispożittiv tal-preżenti deċiżjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla għall-Eżami mill-Ġdid) tiddeċiedi:

1)      Hemm lok li jsir l-eżami mill-ġdid tas-sentenza tad19 ta’ Lulju 2018, HG vs IlKummissjoni (T693/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2018:492).

2)      L-eżami mill-ġdid għandu jitratta l-kwistjoni dwar jekk, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad19 ta’ Lulju 2018, HG vs IlKummissjoni (T693/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2018:492), tippreġudikax l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni sa fejn l-imsemmija Qorti Ġenerali, fil-kapaċità tagħha bħala qorti ta’ appell, iddeċidiet li l-kulleġġ ġudikanti li ta s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea tad19 ta’ Lulju 2016, HG vs IlKummissjoni (F149/15, EU:F:2016:155), kien kompost b’mod irregolari minħabba irregolarità li kienet taffettwa l-proċedura ta’ ħatra ta’ wieħed mill-Membri ta’ dan il-kulleġġ, li kkawżat ksur tal-prinċipju ta’ qorti legali stabbilit fl-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

L-eżami mill-ġdid għandu jirrigwarda b’mod partikolari l-punt dwar jekk, bħal fil-każ tal-atti msemmija fl-Artikolu 277 TFUE, il-ħatra ta’ Mħallef tistax tkun suġġetta għal stħarriġ tal-legalità inċidentali jew jekk tali stħarriġ tal-legalità inċidentali huwiex – bħala prinċipju jew wara d-dekorriment ta’ ċertu perijodu ta’ żmien – eskluż jew limitat għal ċerti tipi ta’ irregolaritajiet sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà ġuridika u l-awtorità ta’ res judicata.

3)      Il-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea huma mistiedna jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f’terminu ta’ xahar li jibda jiddekorri min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar l-imsemmija kwistjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.