Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija) fit-30 ta’ Lulju 2018 – BT vs Balgarska narodna banka

(Kawża C-501/18)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad Sofia-grad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: BT

Konvenut: Balgarska narodna banka

Domandi preliminari

Mill-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, irrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni, jirriżulta li qorti nazzjonali hija obbligata tikklassifika ex officio rikors bħala rikors għal nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu taħt l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) meta r-rikors ikun jikkonċerna r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Istat Membru għal danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-Unjoni allegatament imwettaq minn awtorità ta’ Stat Membru, u meta:

l-Artikolu 4(3) TUE ma jkunx indikat espliċitament bħala l-bażi legali tar-rikors iżda mill-argumenti mressqa fir-rikors jirriżulta li d-danni qegħdin jintalbu minħabba ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni;

it-talba għad-danni tkun ibbażata fuq dispożizzjoni nazzjonali dwar ir-responsabbiltà tal-Istat għal danni li jirriżultaw mill-eżerċizzju tal-awtorità amministrattiva, liema responsabbiltà tiġi stabbilita mingħajr ħtija u f’dawn il-kundizzjonijiet: att illegali, att jew ommissjoni minn awtorità jew uffiċjal pubbliku, imwettqa matul jew fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-awtorità amministrattiva; il-materjalizzazzjoni ta’ danni – materjali jew morali; rabta kawżali diretta u immedjata bejn id-danni u l-aġir illegali tal-awtorità;

skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru, il-qorti hija obbligata tiddetermina ex officio l-bażi legali għar-responsabbiltà tal-Istat għall-attivitajiet tal-awtoritajiet għall-protezzjoni ġudizzjarja fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fuqhom ikun ibbażat ir-rikors?

Mill-premessa 27 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) 1 jirriżulta li rakkomandazzjoni maħruġa fuq il-bażi tal-Artikolu 17(3) ta’ dan ir-regolament, li tikkonstata ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-bank ċentrali ta’ Stat Membru fir-rigward tat-terminu għall-ħlas tad-depożiti ggarantiti lid-depożitanti fl-istituzzjoni ta’ kreditu rispettiva, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali:

tagħti lid-depożitanti f’din l-istituzzjoni ta’ kreditu d-dritt li, quddiem qorti nazzjonali, jinvokaw din ir-rakkomandazzjoni bħala bażi għal rikors għad-danni kkawżati proprju minn dak il-ksur tad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni s-setgħa tal-Awtorità Bankarja Ewropea li tikkonstata ksur tad-dritt tal-Unjoni u filwaqt li jitqies li d-depożitanti la huma u lanqas ma jistgħu jkunu d-destinatarji tar-rakkomandazzjoni, li ma toħloq ebda konsegwenza legali diretta għalihom;

hija valida fid-dawl tar-rekwiżit li d-dispożizzjoni miksura għandha tipprevedi obbligi ċari u inkundizzjonati, meta jitqies li l-punt 3(i) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19/KE dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti 2 , moqri flimkien mat-tnax u mat-tlettax-il premessa ta’ din id-direttiva, ma jinkludix l-elementi kollha li huma meħtieġa sabiex ikun hemm obbligu ċar u inkundizzjonat għall-Istati Membri u ma jagħti ebda dritt dirett lid-depożitanti, kif ukoll li din id-direttiva tipprevedi biss livell minimu ta’ armonizzazzjoni li ma tinkludix il-punti ta’ referenza li fuq il-bażi tagħhom għandhom jiġu identifikati d-depożiti li ma jkunux disponibbli, u li r-rakkomandazzjoni ma kinitx ibbażata fuq obbligi ċari u inkundizzjonati oħra tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’ dawn il-punti ta’ referenza, jiġifieri, b’mod partikolari, evalwazzjoni tan-nuqqas ta’ likwidità u l-assenza ta’ prospett attwali ta’ ħlas; l-eżistenza ta’ obbligu li jiġu ordnati miżuri ta’ intervent fi stadju bikri u li titkompla l-attività kummerċjali tal-istituzzjoni ta’ kreditu;

hija valida, fid-dawl tas-suġġett inkwistjoni, jiġifieri l-garanziji għad-depożiti, u fid-dawl tas-setgħa tal-Awtorità Bankarja Ewropea li toħroġ, skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1093/2010, rakkomandazzjonijiet dwar l-iskema ta’ garanziji għad-depożiti, fir-rigward tal-bank ċentrali nazzjonali, li ma jkollu ebda konnessjoni mal-iskema nazzjonali ta’ garanziji għad-depożiti u li ma jkunx awtorità kompetenti fis-sens tal-punt 2(iii) tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament?

Mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Ottubru 2004, Paul et (C-222/02, EU:C:2004:606, punti 38, 39, 43 u 49 sa 51), tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C-46/93 u C-48/93, EU:C:1996:79, punti 42 u 51), tal-15 ta’ Ġunju 2000, Dorsch Consult vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-237/98 P, EU:C:2000:321, punt 19), u tat-2 ta’ Diċembru 1971, Zuckerfabrik Schöppenstedt vs Il-Kunsill (5/71, EU:C:1971:116 punt 11), fid-dawl ukoll tal-pożizzjoni attwali tad-dritt tal-Unjoni rilevanti għall-kawża prinċipali, jirriżulta li:

A)    id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 94/19, b’mod partikolari l-Artikolu 7(6) tagħha, jagħtu lid-depożitanti d-dritt li jressqu, kontra Stat Membru, talba għad-danni minħabba superviżjoni inadegwata tal-istituzzjoni ta’ kreditu responsabbli għad-depożiti tagħhom u dawn id-drittijiet huma limitati għall-ammont iggarantit tad-depożitu jew il-kunċett ta’ “drittijiet għal kumpens” li jinsab fl-imsemmi artikolu għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’?

B)    il-miżuri ta’ superviżjoni intiżi għar-riorganizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu ordnati mill-bank ċentrali ta’ Stat Membru, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inkluża s-sospensjoni ta’ ħlasijiet, li huma previsti b’mod partikolari fis-seba’ inċiż tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/24/KE 3 , jikkostitwixxu restrizzjoni inġustifikata u sproporzjonata fuq id-drittijiet tad-depożitanti bħala proprjetarji li tagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali għal danni minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni, f’sitwazzjoni fejn, skont l-Artikolu 116(5) taz-Zakon za kreditnite institutsi (il-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu) kif ukoll skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 94(1) taz-Zakon za bankovata nesustoyatelnost (il-Liġi dwar l-Insolvenza tal-Banek), id-dritt Bulgaru jipprevedi li l-interessi kuntrattwali għandhom jiġu kkalkolati għall-perijodu li fihom ikunu fis-seħħ il-miżuri u li t-talbiet li jaqbżu l-ammonti ggarantiti tad-depożiti jistgħu jiġu onorati fil-kuntest tal-proċeduri ġenerali ta’ insolvenza, filwaqt li jitħallsu wkoll l-interessi?

C)    il-kundizzjonijiet previsti fid-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru fir-rigward tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali għal danni kkawżati minn att jew ommissjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ superviżjoni, prevista fl-Artikolu 65(1)(b) TFUE, mill-bank ċentrali ta’ Stat Membru, ma għandhomx imorru kontra l-kundizzjonijiet u l-prinċipji li jirregolaw din ir-responsabbiltà taħt id-dritt tal-Unjoni, u, b’mod partikolari: il-prinċipju tal-indipendenza tar-rikors għad-danni mir-rikors għal annullament u l-inammissibbiltà rrikonoxxuta ta’ kundizzjoni, meħtieġa mid-dritt nazzjonali, li l-ewwel għandhom jiġu kkontestati l-att legali jew l-ommissjoni li jkunu taw lok għat-talba għad-danni; l-inammissibbiltà ta’ kundizzjoni, meħtieġa mid-dritt nazzjonali, dwar il-ħtija tal-awtoritajiet jew tal-uffiċjali li l-aġir tagħhom ikun ta lok għat-talba għad-danni; il-kundizzjoni, fir-rigward ta’ rikorsi għall-kumpens għad-danni materjali, li r-rikorrent ikun ġarrab, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, dannu attwali u ċert?

D)    fid-dawl tal-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni tal-indipendenza tar-rikors għad-danni mir-rikors għall-annullament għandha tkun issodisfatta l-kundizzjoni tal-illegalità tal-aġir inkwistjoni tal-awtorità, li hija identika għall-kundizzjoni prevista fid-dritt nazzjonali li jiġu kkontestati l-att legali jew l-ommissjoni, li jkunu taw lok għat-talba għad-danni, f’dan il-każ il-miżuri għar-riorganizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, meta jitqiesu ċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali kif ukoll dawn il-punti:

li dawn il-miżuri ma humiex indirizzati kontra r-rikorrent, li huwa depożitant f’istituzzjoni ta’ kreditu, b’tali mod li skont id-dritt nazzjonali u skont il-ġurisprudenza nazzjonali, ir-rikorrent ma jistax jitlob l-annullament tad-deċiżjonijiet individwali li permezz tagħhom ġew ordnati dawn il-miżuri, u li dawn id-deċiżjonijiet daħlu fis-seħħ;

li d-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ partikolari d-Direttiva 2001/24, ma jobbligax b’mod espliċitu lill-Istati Membri sabiex jipprevedu l-possibbiltà għall-kredituri kollha li jikkontestaw il-miżuri bil-għan li tiġi stabbilita l-validità ta’ dawn il-miżuri;

li d-dritt ta’ Stat Membru ma jipprevedix responsabbiltà mhux kuntrattwali għal danni kkawżati minn aġir legali ta’ awtoritajiet jew ta’ uffiċjali?

E)    Fil-każ li tingħata interpretazzjoni fis-sens li l-kundizzjoni tal-illegalità tal-aġir inkwistjoni tal-awtoritajiet ma tapplikax fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, għar-rikorsi ppreżentati minn depożitanti f’istituzzjoni ta’ kreditu u intiżi għall-kumpens għad-dannu kkawżat minn att jew ommissjoni tal-bank ċentrali ta’ Stat Membru u b’mod partikolari għall-ħlas tal-interessi fir-rigward tad-depożiti ggarantiti li ma tħallsux fil-ħin kif ukoll għall-ħlas ta’ depożiti li jaqbżu l-ammont iggarantit, invokat bħala kumpens dovut minħabba ksur tal-Artikoli 63 sa 65 u 120 TFUE, tal-Artikolu 3 TUE u tal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali għad-danni:

li jkunu kkawżati minn aġir legali ta’ awtorità u għalhekk dawn it-tliet kundizzjonijiet kumulattivi: l-eżistenza ta’ dannu attwali, rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-aġir inkwistjoni kif ukoll in-natura eċċezzjonali u partikolari tad-dannu, b’mod partikolari fil-każ ta’ rikors għall-ħlas ta’ interessi minħabba dewmien fil-ħlas tad-depożiti ggarantiti, jew

fil-qasam tal-politika ekonomika, b’mod partikolari l-kundizzjoni “biss meta jkun hemm ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali ta’ livell ogħla li tipproteġi l-individwi” b’mod partikolari fil-każ ta’ rikorsi ppreżentati minn depożitanti għall-ħlas tad-depożiti li jaqbżu l-ammonti ggarantiti, li jiġu invokati bħala danni u li għalihom tapplika l-proċedura prevista mid-dritt nazzjonali, filwaqt li jitqies il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tal-Istati Membri fil-kuntest tal-Artikolu 65(1)(b) TFUE u fir-rigward tal-miżuri skont id-Direttiva 2001/24 u filwaqt li jitqies li ċ-ċirkustanti marbuta mal-istituzzjoni ta’ kreditu u mal-individwu li jagħmel talba d-danni jikkonċernaw Stat Membru wieħed biss, għalkemm l-istess dispożizzjonijiet u l-prinċipju kostituzzjonali ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi japplikaw għad-depożitanti kollha?

Mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(1), flimkien mal-punt 3(i) tal-Artikolu 1 u mal-Artikolu 7(6) tad-Direttiva 94/19, kif ukoll mill-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Diċembru 2016, Vervloet et (C-76/15, EU:C:2016:975, punti 82 sa 84), jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 94/19 jinkludi d-depożitanti:

li d-depożiti tagħhom, matul il-perijodu bejn is-sospensjoni tal-ħlasijiet mill-istituzzjoni ta’ kreditu u l-irtirar tal-liċenzja tagħha sabiex topera fis-settur bankarju, ma setgħux jitħallsu lura minħabba dispożizzjonijiet kuntrattwali jew legali u li fir-rigward tagħhom id-depożitanti korrispondenti ma indikawx li xtaqu li jitħallsu lura,

li taw il-kunsens tagħhom għal klawżola li tipprevedi l-ħlas tad-depożiti fl-ammont iggarantit skont proċedura rregolata fid-dritt ta’ Stat Membru, inkluż b’mod partikolari wara l-irtirar tal-liċenzja tal-istituzzjoni ta’ kreditu li tkun qiegħda tamministra d-depożiti, u din il-kundizzjoni tkun issodisfatta, kif ukoll

meta, skont id-dritt tal-Istat Membru, il-klawżola msemmija prevista fil-kuntratt tad-depożitu jkollha saħħa vinkolanti bejn il-partijiet tal-kuntratt?

Mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, jew minn xi dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni, jirriżulta li l-qorti nazzjonali ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni tali klawżola prevista fil-kuntratt tad-depożitu u għandha teżamina r-rikors ippreżentat minn depożitant intiż għall-ħlas ta’ interessi minħabba dewmien fil-ħlas tad-depożiti fl-ammont iggarantit skont dan il-kuntratt fid-dawl tal-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali għad-danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-Unjoni u fuq il-bażi legali tal-Artikolu 7(6) tad-Direttiva 94/19?

____________

1     Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU 2010, L 331, p. 12).

2     Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 252).

3     Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ April 2001 fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 15).