Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fit-13 ta' Lulju 2020 – Regione Veneto vs Plan Eco S.r.l

(Kawża C-315/20)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Regione Veneto

Konvenuta: Plan Eco S.r.l.

Domandi preliminari

Fil-kuntest ta’ kawża fejn skart muniċipali mħallat li ma fihx skart perikoluż ġie ttrattat b’mod mekkaniku minn faċilità bil-għan tal-irkupru tal-enerġija (operazzjoni R1/R12 imsemmija fl-appendiċi C tal-Kodiċi tal-Ambjent) u fejn, fi tmiem din l-operazzjoni ta’ trattament, jidher li t-trattament ma biddilx sostanzjalment il-proprjetajiet inizjali ta’ skart muniċipali mħallat li ġie assenjat il-kodiċi - mhux ikkontestat mill-partijiet - KSE: 19.12.12. fil-qafas tal-klassifikazzjoni stabbilita mill-Katalgu ta’ Skart Ewropew (KSE) għall-finijet tad-deċiżjoni fuq il-legalità tal-oġġezzjonijiet mill-pajjiż ta’ oriġini, fil-qafas tal-proċedura biex jintalab kunsens qabel it-trasferiment tal-iskart ittrattat lejn il-faċilità ta’ produzzjoni f’pajjiż ieħor Ewropew sabiex jintuża fil-kombustjoni jew, fi kwalunkwe każ, bħala mezz biex tiġi prodotta l-enerġija, invokati mill-awtorità kompetenti fil-pajjiż tal-oriġini fuq il-bażi ta’ prinċipji tad-Direttiva 2008/98/KE 1 u, b’mod iktar speċifiku, oġġezzjonijiet bħal dawk imqajma f’dan il-każ , ibbażati:

fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent (Artikolu  13 tad-Direttiva 2008/98) ;

fuq il-prinċipji tal-awtosuffiċjenza u l-prossimità previsti fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/98, skont liema “[l]-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa, b’koperazzjoni ma’ Stati Membri oħra fejn dan huwa meħtieġ jew rakkomandabbli, biex jistabbilixxu netwerk integrat u adegwat ta’ impjanti għar-rimi ta’ l-iskart u ta’ impjanti għall-irkupru ta’ skart muniċipali mħallat miġbur minn djar privati, inkluż fejn tali ġbir ikopri wkoll skart muniċipali mħallat minn produtturi oħra, b’kont meħud ta’ l-aħjar teknika disponibbli” ;

fuq il-prinċipju stabbilit l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-istess Artikolu 16(1), skont liema “[l]-Istati Membri jistgħu wkoll jillimitaw il-vjeġġi ta’ skart li jkun ħiereġ għal raġunijiet ambjentali kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1013/2006.” 2

fuq il-premessa 33 tad-Direttiva 2008/98, skont liema “[g]ħall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) 1013/2006 [...], skart muniċipali mħallat kif imsemmi fl-Artikolu 3(5) ta’ dak ir-Regolament jibqa’ skart muniċipali mħallat anki meta dan ikun suġġett għal operazzjoni ta’ trattament ta’ skart li ma bidlitx il-proprjetajiet tiegħu b’mod sostanzjali” ;

il-Katalgu ta’ Skart Ewropew (f’dan il-każ, il-kodiċi 19.12.12. tal-KSE li jindika l-iskart prodott mill-faċilitajiet ta’ trattament tal-iskart immekkanizzati għall-operazzjonijiet ta’ rkupru R1/R12) u l-klassifikazzjonijiet li jistabbilixxi jinterferixxu u, jekk iva, sa liema punt, mar-regoli [tad-dritt tal-Unjoni] dwar it-trasferiment tal-iskart li, qabel ma għadda minn trattament mekkaniku, kien skart imħallat muniċipali ?

B’mod iktar speċifiku, fir-rigward tat-trasferiment ta’ skart li jirriżulta mit-trattament ta’ skart muniċipali mħallat, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 u l-premessa 33 tad-Direttiva 2008/98 li jirreferu espressament għall-ġarr tal-iskart, jipprevalu jew le fuq il-klassifikazzjoni stabbilita mill-Katalgu ta’ Skart Ewropew?

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li din il-mistoqsija xierqa u utli, l-imsemmi katalgu għandu natura normattiva jew jikkostitwixxi biss ċertifikazzjoni teknika li tippermetti li tiġi żgurata traċċabbiltà uniformi tal-iskart kollu?

____________

1  Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008 L 312, p. 3)

2     Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-14 ta' Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta' skart (ĠU 2006, L  90, p. 1).