Language of document : ECLI:EU:C:2019:1115

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

19 ta’ Diċembru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura mħaffa – Dritt istituzzjonali – Ċittadin tal-Unjoni Ewropea elett fil-Parlament Ewropew minkejja li qiegħed taħt detenzjoni provviżorja fil-kuntest ta’ proċedura kriminali – Artikolu 14 TUE – Kunċett ta’ ‘membru tal-Parlament Ewropew’ – Artikolu 343 TFUE – Immunitajiet neċessarji għat-twettiq tal-missjoni tal-Unjoni – Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 9 – Immunitajiet lill-membri tal-Parlament Ewropew – Immunità ta’ traġitt – Immunitajiet ta’ sessjonijiet – Kampijiet ta’ applikazzjoni personali, ratione temporis u ratione materiae ta’ dawn id-diversi immunitajiet – Tneħħija ta’ immunità mill-Parlament Ewropew – Talba għat-tneħħija ta’ immunità minn qorti nazzjonali – Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rappreżentanti għall-Parlament Ewropew b’vot dirett universali – Artikolu 5 – Mandat – Artikolu 8 – Proċedura elettorali – Artikolu 12 – Verifika tas-setgħat tal-membri tal-Parlament Ewropew wara l-proklamazzjoni uffiċjali tar-riżultati elettorali – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 39(2) – Elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b’vot dirett universali, liberu u sigriet – Dritt ta’ eliġibbiltà”

Fil-Kawża C‑502/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Lulju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura kriminali kontra

Oriol Junqueras Vies,

fil-preżenza ta’:

Ministerio Fiscal,

Abogacía del Estado,

Partido político VOX,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, A. Prechal, L. S. Rossi u I. Jarukaitis, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, J. Malenovský (Relatur), L. Bay Larsen, C. Toader, N. Piçarra, A. Kumin, N. Jääskinen u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Ferreira, amministratur prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑14 ta’ Ottubru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal O. Junqueras Vies, minn A. Van den Eynde Adroer, abogado,

–        għall-Ministerio Fiscal, minn F. Cadena Serrano, C. Martinez-Pereda kif ukoll minn J. Moreno Verdejo u J. Zaragoza Aguado,

–        għall-Partido político VOX, minn M. Castro Fuertes, abogada, assistita minn M. Hidalgo López, procuradora,

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta u A. Rubio González, bħala aġenti,

–        għall-Parlament Ewropew, minn C. Burgos kif ukoll minn F. Drexler u N. Görlitz, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Erlbacher u I. Martínez del Peral, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Novembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2012, C 326, p. 266, iktar ’il quddiem il-“Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn Oriol Junqueras Vies, b’mod anċillari għal proċedura kriminali li tirrigwardah, kontra digriet tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) li rrifjuta, wara l-proklamazzjoni uffiċjali tar-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew organizzati fis‑26 ta’ Mejju 2019, it-tneħħija ta’ miżura ta’ tpoġġija taħt detenzjoni provviżorja li hija applikata għalih mix-xahar ta’ Novembru 2017, sabiex ikun jista’ jissodisfa formalità li tikkundizzjona, fid-dritt Spanjol, il-kisba tal-kwalità ta’ membru ta’ dan il-Parlament.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni

3        Il-Kapitolu III tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni, dwar il-“[m]embri tal-Parlament Ewropew”, jinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu, li jistipula:

“Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu:

a)      fit-territorju ta’ l-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

b)      fit-territorju ta’ kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta’ detenzjoni u minn proċeduri legali.

L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.

L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt ta’ reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu.”

 L-Att Elettorali

4        L-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rapreżentanti għall-Parlament Ewropew b’vot dirett universali, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal‑20 ta’ Settembru 1976 (ĠU 1976, L 278, p. 1), ġie emendat, fl-aħħar lok, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom tal‑25 ta’ Ġunju u tat‑23 ta’ Settembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 137) (iktar ’il quddiem l-“Att Elettorali”).

5        L-Artikolu 1(3) tal-Att Elettorali jipprevedi li l-elezzjonijiet tal-membri tal-Parlament Ewropew għandhom ikunu b’vot dirett universali u għandhom ikunu ħielsa u sigrieti.

6        L-Artikolu 5 ta’ dan l-att huwa fformulat kif ġej:

“1.      Il-perijodu ta’ ħames snin li għalih jiġu eletti l-membri tal-Parlament Ewropew jibda mill-ftuħ tal-ewwel sessjoni li tinżamm wara kull elezzjoni.

[…]

2.      Il-mandat ta’ kull Membru tal-Parlament Ewropew jibda u jiskadi fl-istess żmien bħall-perijodu msemmi fil-paragrafu 1.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

7        L-Artikolu 6(2) tal-imsemmi att jipprevedi:

“Il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu l-privileġġi u l-immunitajiet applikabbli lilhom bis-saħħa tal-[Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-istess att jipprovdi:

“Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att, il-proċedura elettorali għandha tkun regolata f’kull Stat Membru bid-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu.”

9        Skont l-Artikolu 11(3) u (4) tal-Att Elettorali:

“3.      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu [229 TFUE], il-Parlament Ewropew għandu jiltaqa’, mingħajr il-bżonn li jiġi msejjaħ, nhar l-ewwel Tlieta wara li jkun għadda terminu ta’ xahar minn tmiem il-perijodu elettorali.

4.      Is-setgħat tal-Parlament Ewropew li jkun temm il-mandat tiegħu għandhom jieqfu mal-ftuħ tal-ewwel seduta tal-Parlament Ewropew il-ġdid.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      L-Artikolu 12 ta’ dan l-att jipprevedi:

“Il-Parlament Ewropew għandu jivverifika s-setgħat tal-Membri tal-Parlament Ewropew. Għal dan il-għan, huwa għandu jieħu nota tar-riżultati pproklamati uffiċjalment mill-Istati Membri u għandu jiddeċiedi fuq il-kontestazzjonijiet li jistgħu eventwalment jitqajmu fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirreferi għalihom dan l-Att.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt Spanjol

 Il-Kostituzzjoni Spanjola

11      L-Artikolu 71 tal-Kostituzzjoni Spanjola jistipula:

“1.      Id-deputati u s-senaturi jgawdu mill-invjolabbiltà għall-opinjonijiet espressi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

2.      Matul il-mandat tagħhom, id-deputati u s-senaturi jgawdu wkoll mill-immunità u ma jistgħux jiġu arrestati ħlief f’każ li jinqabdu jwettqu reat. Huma ma jistgħux jiġu suġġetti għal investigazzjoni jew prosekuzzjoni kriminali mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-assemblea rispettiva tagħhom.

3.      Fil-proċeduri kriminali kontra deputati jew senaturi, l-awla kompetenti hija l-Awla Kriminali tat-Tribunal Supremo [(il-Qorti Suprema)].

[…]”

 Il-Liġi Elettorali

12      Il-ley orgánica 5/1985 de Régimen Electoral General (il-Liġi Organika 5/1985 dwar is-Sistema Elettorali Ġenerali) tad‑19 ta’ Ġunju 1985 (BOE Nru 147 tal‑20 ta’ Ġunju 1985, p. 19110), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Elettorali”), tistipula, fl-Artikolu 224 tagħha:

“1.      Il-Junta Electoral Central [(il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali, Spanja)] għandha, mhux iktar tard minn għoxrin jum wara l-elezzjonijiet, twettaq l-għadd tal-voti fuq livell nazzjonali, tagħti s-siġġijiet rispettivi lil kull wieħed mill-kandidati u tipproklama l-kandidati eletti.

2.      Fi żmien ħamest ijiem mill-proklamazzjoni tagħhom, il-kandidati eletti għandhom jaħilfu jew iwegħdu li josservaw il-Kostituzzjoni quddiem il-[Kummissjoni Elettorali Ċentrali]. Fl-aħħar ta’ dan it-terminu, il-[Kummissjoni Elettorali Ċentrali] għandha tiddikjara vakanti s-siġġijiet mogħtija lid-deputati tal-Parlament Ewropew li ma jkunux ħalfu li josservaw il-Kostituzzjoni u tiddikjara sospiżi l-prerogattivi kollha li seta’ kellhom dritt għalihom minħabba l-funzjonijiet tagħhom, sakemm jieħdu dan il-ġurament.

[…]”

 Ir-Regoli tal-Kamra tad-Deputati

13      Ir-Reglamento del Congreso de los Diputados (Ir-Regolament tal-Kamra tad-Deputati) tal‑10 ta’ Frar 1982 (BOE Nru 55 tal‑5 ta’ Marzu 1982, p. 5765), jipprevedi, fl-Artikolu 20 tiegħu:

“1.      Id-deputat li jkun ġie pproklamat elett jakkwista l-kwalità sħiħa ta’ deputat bit-twettiq b’mod simultanju tal-kundizzjonijiet li ġejjin:

1)      jippreżenta mas-Segretarju Ġenerali s-setgħa maħruġa mill-korp kompetenti tal-amministrazzjoni elettorali;

2)      jimla d-dikjarazzjoni ta’ attivitajiet tiegħu skont kif imsemmi fil-[Liġi Elettorali];

3)      jieħu l-ġurament, mill-ewwel seduta plenarja li jassisti għaliha, li josserva l-Kostituzzjoni.

2.      Id-drittijiet u l-prerogattivi huma effettivi minn meta l-istess deputat jiġi pproklamat elett. Madankollu, jekk ikunu nżammu tliet seduti plenarji mingħajr id-deputat ma jkun akkwista tali kwalità konformement mal-paragrafu preċedenti, huwa ma jgawdix minn dawn id-drittijiet u prerogattivi sakemm ikun akkwista tali kwalità.”

 Il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali

14      Skont l-Artikolu 384a tal-Ley de Enjuiciamiento Criminal (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali:

“Meta d-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt att ta’ akkuża tkun saret definittiva u d-detenzjoni provviżorja tkun ġiet ordnata għal reat imwettaq minn persuna li tappartjeni jew li hija marbuta ma’ gruppi armati jew ma’ individwi terroristiċi jew ribelli, il-persuna akkużata li tokkupa funzjonijiet jew kariga pubblika hija awtomatikament sospiża mill-eżerċizzju tagħhom matul iż-żmien ta’ detenzjoni.”

15      L-Artikolu 503 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi, fil-paragrafu (1) tiegħu:

“1.      Id-detenzjoni provviżorja tista’ tiġi ordnata biss jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfatti:

1)      li jkunu kkonstatati, fil-proċedura kriminali, fatt wieħed jew diversi li jikkorrispondu ma’ reat kriminali li għalih ingħatat piena li ċċaħħad il-libertà ta’ perijodu ta’ mill-inqas sentejn ħabs, jew anki piena li ċċaħħad il-libertà ta’ perijodu inqas jekk il-persuna li fir-rigward tagħha jkunu tressqu proċeduri kriminali jew akkużata kienet is-suġġett ta’ kundanna preċedenti għal reat kriminali intenzjonali li għadu rreġistrat fuq il-kondotta tal-pulizija u li ma jistax jitħassar.

[…]

2)      li jkun hemm, fil-proċedura kriminali, motivi suffiċjenti sabiex jitqies li l-persuna li għandha tittieħed id-deċiżjoni ta’ detenzjoni kontriha hija responsabbli għal reat kriminali;

3)      li t-tpoġġija taħt detenzjoni provviżorja tfittex wieħed mill-għanijiet li ġejjin:

a)      li tiġi żgurata l-preżenza fil-proċess tal-persuna li fir-rigward tagħha jkunu tressqu proċeduri kriminali jew akkużata meta jkun hemm raġunijiet ta’ suspett ta’ riskju li taħrab.

[…]”

16      L-Artikoli 750 sa 754 tal-imsemmi kodiċi huma fformulati kif ġej:

“Artikolu 750

Il-qorti jew it-tribunal li għandu motiv għall-prosekuzzjoni ta’ senatur jew deputat sedenti fil-Cortes [(is-Senat u l-Kamra tad-Deputati, Spanja)] minħabba reat kriminali ma għandux jiftaħ proċedura fil-konfront tiegħu matul is-sessjoni [tas-Senat u l-Kamra tad-Deputati] sa fejn ma jkunx kiseb l-awtorizzazzjoni korrispondenti tal-assemblea li l-persuna kkonċernata tifforma parti minnha.

Artikolu 751

Jekk is-senatur jew id-deputat ikun inqabad iwettaq reat, huwa jista’ jiġi arrestat u jitressaq għal prosekuzzjoni kriminali mingħajr l-awtorizzazzjoni msemmija fl-artikolu preċedenti; madankollu, f’erbgħa u għoxrin siegħa mill-arrest jew mill-prosekuzzjoni kriminali, l-assemblea li minnha jifforma parti għandha tiġi informata.

L-assemblea rispettiva għandha tiġi informata wkoll b’kull proċedura kriminali miftuħa kontra dak li, minkejja li ġie mressaq għal prosekuzzjoni kriminali, jiġi elett senatur jew deputat.

Artikolu 752

Jekk senatur jew deputat jitressaq għal prosekuzzjoni kriminali matul waqfa parlamentari, il-qorti jew it-tribunal li quddiemu titressaq il-kawża għandu jinforma immedjatament l-assemblea rispettiva dwar dan.

L-istess japplika meta senatur jew deputat elett jitressaq għal prosekuzzjoni kriminali qabel ma jiltaqa’ [s-Senat jew il-Kamra tad-Deputati].

Artikolu 753

Fi kwalunkwe każ, ir-reġistratur għandu jissospendi l-proċedura mill-ġurnata li fiha [s-Senat jew il-Kamra tad-Deputati] jiġi informat, kemm jekk ikun waqt perijodu ta’ sessjonijiet kif ukoll jekk le, u l-affarijiet għandhom jibqgħu f’dak l-istat sakemm l-assemblea rispettiva tiddeċiedi kif jidhirlha xieraq.

Artikolu 754

Jekk [is-Senat jew il-Kamra tad-Deputati] jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni mitluba, għandu jkun hemm dikjarazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fir-rigward tas-senatur jew deputat, iżda l-proċeduri jitkomplew fil-konfront tal-persuni l-oħra li fir-rigward tagħhom ikunu tressqu proċeduri kriminali.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, O. Junqueras Vies, kien il-Viċi-President tal-Gobierno autonómico de Cataluña (il-Gvern Awtonomu ta’ Cataluña, Spanja) meta ġiet adottata l-Ley 19/2017 del Parlamento de Cataluña, reguladora del referéndum de autodeterminación (il-Liġi 19/2017 tal-Parlament ta’ Cataluña li Tirregola r-Referendum tal-Awtodeterminazzjoni) tas-6 ta’ Settembru 2017 (DOGC Nru 7449A tas‑6 ta’ Settembru 2017, p. 1), u l-Ley 20/2017 del Parlamento de Cataluña de transitoriedad jurídica y fundacional de la República (il-Liġi 20/2017 tal-Parlament ta’ Cataluña ta’ Tranżizzjoni Ġuridika u Kostituttiva tar-Repubblika) tat-8 ta’ Settembru 2017 (DOGC Nru 7451A tat‑8 ta’ Settembru 2017, p. 1), kif ukoll meta, fl‑1 ta’ Ottubru 2017, sar ir-referendum ta’ awtodeterminazzjoni previst mill-ewwel minn dawn iż-żewġ liġijiet, li d-dispożizzjonijiet tagħha kienu, fil-frattemp, ġew sospiżi b’deċiżjoni tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja).

18      Wara l-adozzjoni tal-imsemmija liġijiet u ż-żamma tal-imsemmi referendum, il-Ministerio fiscal (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, Spanja), l-Abogado del Estado (l-Avukat tal-Istat, Spanja) u l-Partido político VOX (il-Partit Politiku VOX) bdew proċedura kriminali kontra numru ta’ persuni, fosthom O. Junqueras Vies, billi qiesu li dawn kienu ħadu sehem fi proċess ta’ seċessjoni u wettqu, f’dan il-kuntest, fatti li jaqgħu taħt tliet tipi ta’ reati kriminali, jiġifieri, l-ewwel nett, dak ta’ “ribelljoni” jew ta’ “sedizzjoni”, it-tieni nett, dak ta’ “diżobbidjenza”, u t-tielet nett, dak ta’ “miżapproprjazzjoni ta’ fondi”.

19      O. Junqueras Vies tqiegħed taħt detenzjoni provviżorja matul il-fażi istruttorja ta’ din il-proċedura kriminali, skont deċiżjoni adottata fit‑2 ta’ Novembru 2017 abbażi tal-Artikolu 503 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali. Din id-deċiżjoni ġiet imġedda diversi drabi minn dakinhar, b’tali mod li l-persuna kkonċernata kienet għadha f’dentenzjoni provviżorja meta ġiet ippreżentata t-talba għal deċiżjoni preliminari li hija bbażata fuqha din is-sentenza.

20      Wara l-ftuħ tal-fażi ta’ prosekuzzjoni tal-imsemmija proċedura kriminali, O. Junqueras Vies ippreżenta ruħu bħala kandidat għall-elezzjonijiet tal-Congreso de los Diputados (il-Kamra tad-Deputati, Spanja) li saru fit‑28 ta’ April 2019, wara liema huwa ġie elett deputat.

21      Permezz ta’ digriet tal‑14 ta’ Mejju 2019, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) qieset li ma kienx hemm iktar lok li titlob lill-Kamra tad-Deputati l-awtorizzazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 71(2) tal-Kostituzzjoni Spanjola, peress li l-elezzjoni ta’ O. Junqueras Vies bħala deputat kienet seħħet wara l-ftuħ tal-fażi ta’ prosekuzzjoni tal-proċedura kriminali mibdija, b’mod partikolari, kontra tiegħu. Fil-fatt, konformement mal-ġurisprudenza ta’ din il-qorti, l-immunità prevista fl-imsemmija dispożizzjoni kostituzzjonali tingħata lid-deputati u lis-senaturi Spanjoli biss fil-konfront tal-proċeduri kriminali li jkunu għadhom ma waslux fil-fażi ta’ prosekuzzjoni meta jiġu eletti jew jiksbu l-kwalità tagħhom ta’ deputat jew ta’ senatur.

22      Permezz tal-istess digriet, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), adita b’talba f’dan is-sens minn O. Junqueras Vies, tagħtu awtorizzazzjoni straordinarja ta’ ħruġ mill-ħabs sabiex ikun jista’ jipparteċipa, taħt sorveljanza tal-pulizija, fl-ewwel seduta plenarja tal-Kamra tad-Deputati kif ukoll sabiex jikkonforma ruħu, f’din l-okkażjoni, mar-rekwiżiti meħtieġa sabiex jieħu pussess tas-siġġu tiegħu, kif previsti fl-Artikolu 20 tar-Regoli tal-Kamra tad-Deputati.

23      Wara li kkonforma ruħu ma’ dawn ir-rekwiżiti u ħa pussess tas-siġġu tiegħu u ġie rritornat lura l-ħabs, O. Junqueras Vies ġie sospiż fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ta’ deputat permezz ta’ deċiżjoni tal-Bureau tal-Kamra tad-Deputati adottata fl‑24 ta’ Mejju 2019, konformement mal-Artikolu 384a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.

24      Matul il-fażi ta’ prosekuzzjoni tal-proċedura kriminali mibdija, b’mod partikolari, kontra tiegħu, O. Junqueras Vies ippreżenta ruħu wkoll bħala kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li saru fis‑26 ta’ Mejju 2019. Wara dawn l-elezzjonijiet, huwa ġie elett fil-Parlament Ewropew, hekk kif jirriżulta mill-proklamazzjoni uffiċjali tar-riżultati elettorali magħmula mill-Kummissjoni Elettorali Ċentrali f’deċiżjoni tat‑13 ta’ Ġunju 2019 dwar il-“Proklamazzjoni tad-Deputati Eletti fil-Parlament Ewropew fl-Elezzjonijiet li saru fis‑26 ta’ Mejju 2019” (BOE Nru 142 tal‑14 ta’ Ġunju 2019, p. 62477), konformement mal-Artikolu 224(1) tal-Liġi Elettorali. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali barra minn hekk ipproċediet, hekk kif tipprevedi l-istess dispożizzjoni, għall-għoti lill-persuni eletti, inkluż O. Junqueras Vies, tas-siġġijiet li għandu r-Renju ta’ Spanja fil-Parlament Ewropew.

25      Permezz ta’ digriet tal‑14 ta’ Ġunju 2019, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ċaħdet talba ta’ O. Junqueras Vies intiża sabiex jingħata awtorizzazzjoni straordinarja ta’ ħruġ mill-ħabs, taħt sorveljanza tal-pulizija, sabiex tippermettilu jippreżenta ruħu quddiem il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali sabiex jieħu l-ġurament jew iwiegħed li josserva l-Kostituzzjoni Spanjola kif rikjest mill-Artikolu 224(2) tal-Liġi Elettorali.

26      Fl-20 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali adottat deċiżjoni li permezz tagħha hija kkonstatat li O. Junqueras Vies ma kienx ħa l-ġurament inkwistjoni u, konformement mal-Artikolu 224(2) tal-Liġi Elettorali, iddikjarat vakanti s-siġġu mogħti lill-persuna kkonċernata fil-Parlament Ewropew kif ukoll is-sospensjoni tal-prerogattivi kollha li seta’ kellu dritt għalihom minħabba l-funzjonijiet tiegħu.

27      Fit‑2 ta’ Lulju 2019, il-President tal-Parlament Ewropew fetaħ l-ewwel sessjoni tal-leġiżlatura wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew organizzati fis‑26 ta’ Mejju 2019.

28      O. Junqueras Vies ippreżenta, quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) rikors kontra d-digriet imsemmi fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, li fil-kuntest tiegħu huwa pprevalixxa ruħu mill-immunitajiet previsti fl-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni.

29      Mistiedna jippreżentaw osservazzjonijiet f’dan ir-rigward, l-Uffiċċju tal-Prosekutur, l-Avukat tal-Istat u l-Partit Politiku VOX argumentaw li l-persuna kkonċernata ma kinitx protetta mill-immunitajiet inkwistjoni.

30      Fid-deċiżjoni tagħha, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tindika, preliminarjament, li hija qiegħda tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domandi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jqumu mhux fil-kuntest tal-preparazzjoni tas-sentenza tagħha fil-mertu fil-proċedura kriminali mibdija, b’mod partikolari, kontra O. Junqueras Vies, iżda tar-rikors ippreżentat minn dan tal-aħħar kontra d-digriet imsemmi fil-punt 25 ta’ din is-sentenza. Il-qorti tar-rinviju tqis barra minn hekk li t-trattament ta’ tali rikors ma jikkundizzjonax il-kontenut ta’ din is-sentenza fil-mertu, bla ħsara għall-eventwali effett, li hija tikklassifika bħala “rifless jew indirett”, li jista’ jkollhom, fuqu, l-atti li jistgħu jiġu adottati wara awtorizzazzjoni jew rifjut ta’ awtorizzazzjoni ta’ ħruġ mill-ħabs. Finalment din tenfasizza li għandha l-obbligu li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, bħala qorti li tiddeċiedi, konformement mal-Artikolu 71(3) tal-Kostituzzjoni Spanjola, fl-ewwel u l-aħħar istanza fuq ir-rikors ippreżentat minn O. Junqueras Vies.

31      Fir-rigward ta’ dawn id-domandi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tistipula, fl-ewwel lok, li d-digriet li huwa s-suġġett tal-imsemmi rikors jirrigwarda r-rifjut li tingħata, lil persuna li ġiet eletta membru tal-Parlament Ewropew minkejja li hija kienet tinsab taħt detenzjoni provviżorja u li l-fażi ta’ prosekuzzjoni tal-proċedura kriminali mibdija kontra tagħha kienet diġà infetħet, awtorizzazzjoni straordinarja ta’ ħruġ mill-ħabs intiża li tippermettilha tieħu l-ġurament li tosserva l-Kostituzzjoni Spanjola li l-Artikolu 224 tal-Liġi Elettorali jeżiġi min-naħa ta’ persuna eletta għal tali funzjonijiet.

32      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tippreżenta l-kuntest li ġie adottat fih dan id-digriet u l-punti li ttieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tiegħu, billi tirrileva, qabel kollox, li l-fatti li O. Junqueras Vies huwa kkritikat għalihom jistgħu jikkostitwixxu reati kriminali partikolarment serji u li jiġu ssanzjonati bħala tali, peress li dawn kienu intiżi li jippreġudikaw l-ordni kostituzzjonali.

33      Sussegwentement, din il-qorti tesponi li t-tpoġġija taħt detenzjoni provviżorja ta’ O. Junqueras Vies ġiet ordnata minħabba r-riskju li l-persuna kkonċernata taħrab.

34      Finalment, l-imsemmija qorti tippreċiża li, fl-adozzjoni tad-digriet li permezz tiegħu hija rrifjutat li tagħti awtorizzazzjoni straordinarja ta’ ħruġ mill-ħabs lil O. Junqueras Vies, hija mhux biss ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi invokati fiż-żewġ punti preċedenti ta’ din is-sentenza, fid-dawl tal-Artikolu 503 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, iżda wkoll ibbilanċjat id-diversi drittijiet u interessi li kien jidhrilha li kellha tieħu inkunsiderazzjoni f’dan il-kuntest.

35      F’dan ir-rigward, hija tispjega li tat prijorità, b’mod definittiv, għaċ-ċaħda provviżorja tal-libertà ta’ O. Junqueras Vies fuq id-dritt għal parteċipazzjoni politika tiegħu fix-xogħol tal-Parlament Ewropew, u dan sabiex jiġi ppreservat l-għan tal-proċedura kriminali mibdija, b’mod partikolari, kontra l-persuna kkonċernata, li kien jiġi ppreġudikat b’mod irrimedjabbli li kieku din tal-aħħar kienet ġiet awtorizzata titlaq mit-territorju Spanjol. It-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tqis, dwar dan il-punt, li għandha ssir distinzjoni, minn naħa, bejn l-elezzjoni ta’ O. Junqueras Vies għall-Kamra tad-Deputati, wara liema huwa seta’ jiġi awtorizzat mingħajr diffikultà biex jippreżenta ruħu fis-sede ta’ dan il-korp leġiżlattiv qabel jirritorna lejn il-ħabs, u, min-naħa l-oħra, l-elezzjoni tiegħu għall-Parlament Ewropew. Fil-fatt, parteċipazzjoni tal-persuna kkonċernata fl-ewwel sessjoni tal-leġiżlatura l-ġdida ta’ din l-istituzzjoni, li tissoponi ċ-ċaqliq tiegħu ’l barra mit-territorju Spanjol, kienet timplika telf ta’ kontroll fuq il-miżura ta’ detenzjoni provviżorja kontrih, f’kuntest ikkaratterizzat mill-eżistenza ta’ limiti fuq il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali stabbiliti fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

36      Fit-tielet lok, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tiġġustifika l-ewwel żewġ domandi preliminari tagħha bil-ħtieġa li tkun taf f’liema mument tinkiseb il-kwalità ta’ membru tal-Parlament Ewropew.

37      F’dan ir-rigward, hija tosserva li, fis-sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 1964, Wagner (101/63, EU:C:1964:28), u tal‑10 ta’ Lulju 1986, Wybot (149/85, EU:C:1986:310), il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni billi qieset, minn naħa, li l-kunċett ta’ “perijodu ta’ sessjonijiet” li jissemma fih kellu jiġi ddefinit b’mod awtonomu, u mhux b’riferiment għad-dritt intern tal-Istati Membri, sabiex jiġi żgurat il-benefiċċju tal-immunitajiet għal perijodu indaqs għall-membri kollha tal-Parlament Ewropew, u, min-naħa l-oħra, li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ dawn l-immunitajiet kellu jiġi ddefinit b’mod wiesa’, b’tali mod li dawn ikopru l-perijodu kollu li matulu l-imsemmija istituzzjoni żżomm sessjonijiet ordinarji.

38      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li din il-ġurisprudenza ma tiddeċidix il-kwistjoni ta’ jekk l-immunitajiet previsti fl-ewwel u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni humiex applikabbli matul il-perijodu qabel il-bidu tal-ewwel sessjoni miżmuma mill-Parlament Ewropew wara l-elezzjonijiet. Madankollu, din il-qorti żżid li, fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, tal-għan li huma jfittxu u tal-kuntest normattiv li jidħlu fih, kif mifhum mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha tas‑7 ta’ Lulju 2005, Le Pen vs Il‑Parlament (C‑208/03 P, EU:C:2005:429), kif ukoll tat‑30 ta’ April 2009, L‑Italja u Donnici vs Il‑Parlament (C‑393/07 u C‑9/08, EU:C:2009:275), jista’ jitqies li l-immunitajiet previsti fl-imsemmija dispożizzjonijiet huma applikabbli biss għall-membri tal-Parlament Ewropew li jkunu ħadu pussess tas-siġġu tagħhom fi ħdan din l-istituzzjoni jew, għall-inqas, għall-persuni li ġew inklużi, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fuq il-lista ta’ dawk li osservaw ir-rekwiżiti meħtieġa, skont id-dritt intern tal-Istati Membri, sabiex jiksbu l-kwalità ta’ membru tal-Parlament Ewropew. Madankollu, kemm din l-interpretazzjoni kif ukoll dik skont liema l-imsemmija immunitajiet huma applikabbli għall-persuni kollha eletti membri tal-Parlament Ewropew iqajmu dubji, fid-dawl tal-konsegwenzi prattiċi tagħhom.

39      Fir-raba’ u l-aħħar lok, fl-ipoteżi li l-immunitajiet previsti fl-ewwel u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni huma applikabbli, l-imsemmija qorti tistaqsi, essenzjalment, dwar il-konsegwenzi li għandu jkollhom fil-kuntest tar-rikors ippreżentat minn O. Junqueras Vies kontra d-digriet imsemmi fil-punt 25 ta’ din is-sentenza. B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, jekk, u jekk ikun il-każ kif u minn min, il-protezzjoni marbuta mal-imsemmija immunitajiet tistax tiġi bbilanċjata mad-drittijiet u mal-interessi l-oħrajn li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tat-trattament ta’ tali rikors, fid-dawl tal-Artikolu 39 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Artikolu 3 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950.

40      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 9 tal-[Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni] japplika qabel il-bidu tal-‘perijodu ta’ sessjonijiet’ għal persuna akkużata b’reati serji li tkun f’detenzjoni provviżorja, ordnata b’mod ġudizzjarju għal fatti li ġraw qabel il-ftuħ ta’ proċess elettorali li fit-tmiem tiegħu [din il-] persuna ġiet iddikjarata eletta fil-Parlament Ewropew, iżda li ġiet irrifjutata, permezz ta’ deċiżjoni ta’ qorti, awtorizzazzjoni straordinarja sabiex toħroġ minn ħabs li tippermettiha tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni elettorali nazzjonali msemmija fl-Artikolu 8 tal-Att [Elettorali]?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva, jekk il-korp maħtur mil-leġiżlazzjoni elettorali nazzjonali kien informa lill-Parlament Ewropew li l-persuna eletta ma mhux ser tikseb il-pożizzjoni ta’ Membru tal-Parlament, minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-livell elettorali (impossibilità li tirriżulta mil-limitazzjoni tal-libertà ta’ moviment tiegħu bħala riżultat tad-detenzjoni provviżorja tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura għal reati serji), sakemm dawn il-kundizzjonijiet ma kinux issodisfatti, l-interpretazzjoni estensiva tat-terminu “perjodi tas-sessjonijiet” tinżamm, minkejja l-interruzzjoni temporanja tal-aspettattiva tal-persuna eletta li tieħu l-pussess tas-siġġu tagħha?

3)      Jekk ir-risposta tikkonferma l-interpretazzjoni estensiva, fil-każ li l-persuna eletta tkun tinsab, ferm qabel il-ftuħ tal-proċedura elettorali, f’detenzjoni provviżorja fil-kuntest ta’ proċeduri għal reati serji, l-awtorità ġudizzjarja li ordnat id-detenzjoni tkun marbuta, fid-dawl tal-frażi “waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew” fl-Artikolu 9 tal-[Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni], li tneħħi d-detenzjoni b’mod assolut, kważi awtomatiku, sabiex tippermetti l-formalitajiet u l-ivvjaġġar lejn il-Parlament Ewropew, jew għandu jintuża kriterju relattiv ta’ bbilanċjar, fuq bażi ta’ każ b’każ, minn naħa, tad-drittijiet u tal-interessi li jirriżultaw mill-interess tal-ġustizzja u ta’ proċedura regolari u, min-naħa l-oħra, ta’ dawk relatati mal-istabbiliment tal-immunità, kemm fir-rigward tal-osservanza tal-funzjonament u tal-indipendenza tal-Parlament [Ewropew] kif ukoll tad-dritt tal-persuna eletta li teżerċita kariga pubblika?”

41      Fl‑14 ta’ Ottubru 2019, il-qorti tar-rinviju tat sentenza fil-mertu fil-proċedura kriminali mibdija, fost persuni oħrajn, kontra O. Junqueras Vies (iktar ’il quddiem is-“sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2019”), li permezz tagħha hija tat, fil-konfront ta’ dan tal-aħħar, piena ta’ tlettax-il sena ta’ ċaħda tal-libertà, minn naħa, u piena ta’ tlettax-il sena ta’ inkapaċità assoluta li twassal għat-telf definittiv tal-karigi u tal-funzjonijiet pubbliċi kollha tiegħu, inklużi elettorali, kif ukoll l-impossibbiltà li jikseb jew li jeżerċita oħrajn ġodda, min-naħa l-oħra.

42      Permezz ta’ ittra tal-istess jum, il-qorti tar-rinviju kkomunikat din is-sentenza lill-Qorti tal-Ġustizzja, billi indikat li t-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha kien għad għandha interess ġuridiku u utilità, peress li r-risposti għad-domandi fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha setgħu jipproduċu l-effetti tagħhom indipendentement mill-fatt li t-tpoġġija taħt detenzjoni ta’ O. Junqueras Vies għandha natura provviżorja jew tirriżulta minn sentenza ta’ kundanna.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

 Fuq il-proċedura mħaffa

43      Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) talbet li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari li wassal għal din is-sentenza jkun is-suġġett ta’ proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn tat-talba tagħha, dik il-qorti targumenta, essenzjalment, li d-domandi preliminari tagħha kienu jirrigwardaw il-kwalità bħala membru tal-Parlament Ewropew kif ukoll il-kompożizzjoni ta’ din l-istituzzjoni, li r-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dawn id-domandi preliminari setgħu indirettament iwasslu għal sospensjoni tas-sitwazzjoni ta’ ċaħda tal-libertà li jinsab fiha O. Junqueras Vies, u li din is-sitwazzjoni ta’ ċaħda tal-libertà kienet tikkorrispondi ma’ dik imsemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE.

44      L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq it-talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi suġġett għal proċedura mħaffa meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien.

45      F’dan il-każ, fid‑19 ta’ Lulju 2019, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li jilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju msemmija fil-punt 43 ta’ din is-sentenza. Din id-deċiżjoni ġiet immotivata mill-fatt li, l-ewwel nett, O. Junqueras Vies kien jinsab taħt detenzjoni provviżorja meta ġiet ippreżentata t-talba għal deċiżjoni preliminari, b’tali mod li d-domandi preliminari magħmula mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) kellhom jitqiesu li tqajmu fil-kuntest ta’ tilwima dwar persuna miżmuma f’kustodja, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE u, it-tieni nett, dawn id-domandi kellhom bħala għan li tinkiseb l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li, min-natura tagħha stess, jista’ jkollha effett fuq iż-żamma taħt detenzjoni ta’ O. Junqueras Vies, fl-ipoteżi li din id-dispożizzjoni tkun applikabbli għalih (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑30 ta’ Settembru 2011, Achughbabian, C‑329/11, mhux ippubblikat, EU:C:2011:630, punti 9 sa 12, u, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 29 sa 31).

 Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

46      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑12 ta’ Novembru 2019, wara l-għoti tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, O. Junqueras Vies talab lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura billi invoka li seħħ fatt ġdid relatat maċ-ċirkustanza li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) kienet innotifikatlu, fit‑30 ta’ Ottubru 2019, digriet li jissospendi l-eżekuzzjoni tal-piena ta’ inkapaċità assoluta li kienet ġiet imposta fuqu permezz tas-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2019.

47      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tkun ippreżentat, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tagħha jew meta l-kawża jkollha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet.

48      F’dan il-każ, għandu madankollu jiġi kkonstatat li l-fatt ġdid invokat fit-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura seħħ, bħalma jirriżulta mill-kliem stess ta’ din it-talba, fil-kuntest tal-proċedura kriminali msemmija fil-punt 30 ta’ din is-sentenza u mhux f’dak tar-rikors kontra d-digriet msemmi fil-punt 25 tas-sentenza odjerna, li wassal lit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja.

49      Fid-dawl ta’ dan l-element, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-imsemmi fatt ġdid ma huwiex ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tagħha.

50      Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

51      Mistoqsi, matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dwar l-effett eventwali tas-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2019 fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari u fuq is-segwitu li jista’ jingħata, mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), għar-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi tagħha, l-Uffiċċju tal-Prosekutur wieġeb li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tislet il-konsegwenzi tas-sentenza mogħtija f’din il-kawża u, fil-każ li minn din is-sentenza jirriżulta li O. Junqueras Vies igawdi minn immunità abbażi tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni, li tiddetermina l-effetti marbuta ma’ tali immunità fil-kuntest tar-rikors ippreżentat mill-persuna kkonċernata kontra d-digriet imsemmi fil-punt 25 tal-imsemmija sentenza.

52      Min-naħa tiegħu, il-Gvern Spanjol qies, essenzjalment, li, fl-ipoteżi li O. Junqueras Vies igawdi minn immunità abbażi tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni, din l-immunità ma jkollha ebda effett.

53      Fil-fatt, il-kontenut sostantiv tal-imsemmija immunità huwa ddefinit b’riferiment għad-dritt intern tal-Istati Membri u t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) fakkret, fid-digriet tagħha msemmi fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, li d-dritt Spanjol kien jiggarantixxi immunità lid-deputati u lis-senaturi Spanjoli biss fil-konfront tal-proċeduri kriminali li fihom il-fażi ta’ prosekuzzjoni ma kinitx għadha infetħet meta ġew eletti jew kisbu l-kwalità tagħhom ta’ deputat jew ta’ senatur. Issa, f’dan il-każ, id-deċiżjoni ta’ rinviju tenfasizza li l-fażi ta’ prosekuzzjoni tal-proċedura kriminali msemmija fil-punt 30 ta’ din is-sentenza nfetħet qabel l-elezzjoni ta’ O. Junqueras Vies fil-Parlament Ewropew. Konsegwentement, ebda immunità ma tipprekludi li l-persuna kkonċernata tinżamm taħt detenzjoni provviżorja. Barra minn hekk, huwa ma għadux jinsab taħt detenzjoni provviżorja, iżda, minħabba l-kundanna tiegħu fl‑14 ta’ Ottubru 2019, għandu jiskonta piena li ċċaħħad il-libertà.

54      B’dan il-mod, il-Gvern Spanjol donnu jqis li d-domandi preliminari, sa fejn dawn jirrigwardaw, essenzjalment, l-eżistenza ta’ immunità, għandhom natura ipotetika, u li dan hu iktar u iktar il-każ wara l-għoti tas-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2019, b’tali mod li l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem dubji.

55      Issa, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

56      Minn dan isegwi li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza u li r-rifjut mill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar dawn id-domandi huwa possibbli biss meta jkun jidher li l-interpretazzjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

57      F’dan il-każ, minn naħa, mill-ittra tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) imsemmija fil-punt 42 ta’ din is-sentenza jirriżulta mingħajr ambigwità li din il-qorti tqis li deċiżjoni preliminari għadha neċessarja sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha fuq ir-rikors li wassal għal din il-kawża u li d-domandi tagħha jżommu r-rilevanza kollha tagħhom.

58      Min-naħa l-oħra, minn din l-ittra u mill-premessi tad-deċiżjoni tar-rinviju mqassra fil-punti 30, 31 u 36 sa 39 ta’ din is-sentenza, jirriżulta b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) hija f’relazzjoni diretta mal-għan tat-tilwima fil-kawża prinċipali u li l-problema mqajma b’din it-tilwima kif ukoll bit-talba għal deċiżjoni preliminari, l-ewwel nett, ma hijiex ipotetika iżda reali u, it-tieni nett, tibqa’ intatta wara l-għoti tas-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2019. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju kienet imsejħa, meta hija adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, u tibqa’ msejħa meta tagħti din is-sentenza, indipendentement mill-imsemmija sentenza, li tagħti deċiżjoni, bħala qorti tal-ewwel u tal-aħħar istanza, fuq ir-rikors ippreżentat minn O. Junqueras Vies kontra d-digriet imsemmi fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, li permezz tagħha dik il-qorti rrifjutat li tagħtih awtorizzazzjoni straordinarja ta’ ħruġ mill-ħabs intiża li tippermettilu li jissodisfa rekwiżit meħtieġ mid-dritt Spanjol wara l-elezzjoni tiegħu fil-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tixtieq tkun taf, għal dan l-għan, jekk il-persuna interessata tgawdix minn immunità skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni kif ukoll, fl-affermattiv, liema effetti huma marbuta ma’ tali immunità.

59      Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli u, għaldaqstant, li hemm lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq id-domandi preliminari

60      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li mid-deċiżjoni tar-rinviju, kif imqassra fil-punti 24 u 25 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li, wara li ġie uffiċjalment ipproklamat elett fil-Parlament Ewropew mill-awtorità nazzjonali kompetenti, O. Junqueras Vies ġie rrifjutat, mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), l-awtorizzazzjoni straordinarja ta’ ħruġ mill-ħabs li kienet tippermettilu jissodisfa formalità li tissuġġetta, fid-dritt Spanjol, il-ksib tal-kwalità ta’ membru tal-Parlament Ewropew u, wara t-twettiq ta’ din il-formalità, li jmur fil-post fejn tiltaqa’ din l-istituzzjoni sabiex jipparteċipa fl-ewwel sessjoni tal-leġiżlatura tagħha wara l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew li nżammu fis‑26 ta’ Mejju 2019.

61      F’dan il-kuntest, permezz tat-tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna li ġiet uffiċjalment ipproklamata eletta fil-Parlament Ewropew meta hija kienet is-suġġett ta’ miżura ta’ tpoġġija taħt detenzjoni provviżorja fil-kuntest ta’ proċedura għal reati kriminali serji, iżda li ma ġietx awtorizzata tikkonforma ruħha ma’ ċerti rekwiżiti previsti mid-dritt intern wara tali proklamazzjoni kif ukoll li tmur il-Parlament Ewropew, sabiex tieħu sehem fl-ewwel sessjoni tiegħu, għandha titqies li tgawdi minn immunità bis-saħħa ta’ dan l-artikolu. Fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, barra minn hekk, jekk din l-immunità tinvolvix it-tneħħija tal-miżura ta’ tpoġġija taħt detenzjoni provviżorja imposta fuq il-persuna kkonċernata, sabiex tkun tista’ tmur il-Parlament Ewropew u hemmhekk tissodisfa l-formalitajiet meħtieġa.

62      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni jistabbilixxi, fl-ewwel u fit-tieni paragrafu tiegħu, immunitajiet għall-benefiċċju tal-“membri tal-Parlament Ewropew”. Madankollu, dan l-artikolu ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “membru tal-Parlament Ewropew”, li għaldaqstant huwa neċessarju li jinftiehem fid-dawl tal-kuntest u tal-għanijiet tiegħu.

63      F’dak li jirrigwarda l-kuntest, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li, skont l-Artikolu 10(1) TUE, il-funzjonament tal-Unjoni għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju tad-demokrazija rappreżentattiva, li jinkorpora l-valur tad-demokrazija msemmi fl-Artikolu 2 TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ llum, Puppinck et vs Il‑Kummissjoni, C‑418/18 P, punt 64).

64      Billi jimplimenta dan il-prinċipju, l-Artikolu 14(3) TUE jipprevedi li l-membri tal-istituzzjoni tal-Unjoni li tikkostitwixxi l-Parlament Ewropew għandhom jiġu eletti b’vot dirett universali, liberu u sigriet, għal mandat ta’ ħames snin.

65      Minn din id-dispożizzjoni jsegwi li l-kwalità ta’ membru tal-Parlament Ewropew tirriżulta mill-fatt li wieħed jiġi elett b’vot dirett universali, liberu u sigriet, u l-mandat tal-membri ta’ din l-istituzzjoni jikkostitwixxi, min-naħa tiegħu, l-attribut prinċipali ta’ din il-kwalità.

66      It-tieni nett, fir-rigward tal-proċedura ta’ elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew, l-Artikolu 223(1) TFUE jistipula li huwa l-kompitu, minn naħa, tal-Parlament Ewropew li jħejji abbozz bil-ħsieb li jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex din l-elezzjoni tkun tista’ ssir b’vot dirett universali skont proċedura uniformi fl-Istati Membri kollha jew konformement ma’ prinċipji komuni għall-Istati Membri kollha u, min-naħa l-oħra, tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li jistabbilixxi dawn id-dispożizzjonijiet.

67      Fl‑20 ta’ Settembru 1976, ġie adottat l-Att Elettorali li jippreċiża l-prinċipji komuni applikabbli għall-proċedura ta’ elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b’vot dirett universali.

68      F’dan ir-rigward, qabel kollox, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 ta’ dan l-att jipprevedi li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħrajn tiegħu, “il-proċedura elettorali għandha tkun irregolata, f’kull Stat Membru, bid-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu”. Barra minn hekk, l-Artikolu 12 tal-imsemmi att jistipula, b’mod partikolari, li l-Parlament Ewropew “jivverifika s-setgħat tal-Membri tal-Parlament Ewropew” u “jieħu nota tar-riżultati [elettorali] pproklamati uffiċjalment mill-Istati Membri”.

69      Minn dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija flimkien, jirriżulta li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jibqgħu bħala prinċipju kompetenti sabiex jirregolaw il-proċedura elettorali kif ukoll sabiex jagħmlu, fi tmiemha, il-proklamazzjoni uffiċjali tar-riżultati elettorali. Min-naħa tiegħu, il-Parlament Ewropew ma għandu ebda kompetenza ġenerali li tippermettilu li jpoġġi indiskussjoni r-regolarità ta’ tali proklamazzjoni jew li jistħarreġ il-konformità tagħha mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2009, L‑Italja u Donnici vs Il‑Parlament, C‑393/07 u C‑9/08, EU:C:2009:275, punti 55 sa 57, 60 u 67).

70      Barra minn hekk, minn dawn l-istess dispożizzjonijiet jirriżulta li, billi “jieħu nota” tar-riżultati elettorali pproklamati uffiċjalment mill-Istati Membri, il-Parlament Ewropew neċessarjament jassumi li l-persuni li ġew uffiċjalment ipproklamati eletti, minħabba dan il-fatt innifsu, saru membri ta’ din l-istituzzjoni, għal liema raġuni huwa l-kompitu tiegħu li jeżerċita l-kompetenza tiegħu fil-konfront tagħhom, billi jivverifika s-setgħat tagħhom.

71      Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom, għaldaqstant, jinftiehmu fis-sens li l-kisba tal-kwalità ta’ membru tal-Parlament Ewropew, għall-finijiet tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni, iseħħ minħabba l-fatt u fil-mument tal-proklamazzjoni uffiċjali tar-riżultati elettorali magħmula mill-Istati Membri.

72      Sussegwentement, l-Att Elettorali jiddefinixxi l-limiti ratione temporis tal-mandat li huma eletti għalih il-membri tal-Parlament Ewropew billi jistabbilixxi, fl-Artikolu 5(1) u (2) tiegħu, li dan il-mandat jikkoinċidi mal-perijodu ta’ ħames snin li jibda mill-ftuħ tal-ewwel sessjoni li tinżamm wara kull elezzjoni, b’tali mod li dan jibda u jiskadi fl-istess żmien bħall-perijodu ta’ ħames snin.

73      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 11(3) u (4) tal-Att Elettorali jirriżulta li l-Parlament Ewropew “il-ġdid” għandu jiltaqa’, mingħajr il-bżonn li jiġi msejjaħ, nhar l-ewwel Tlieta wara li jkun għadda terminu ta’ xahar minn tmiem il-perijodu elettorali u li s-setgħat tal-Parlament Ewropew “li jkun temm il-mandat tiegħu” għandhom jieqfu mal-ftuħ tal-ewwel seduta ta’ dan il-Parlament Ewropew “il-ġdid”. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 12 ta’ dan l-att, huwa matul din l-ewwel seduta li l-Parlament Ewropew “il-ġdid” għandu jivverifika s-setgħat tal-membri tiegħu u jiddeċiedi fuq il-kontestazzjonijiet li jistgħu eventwalment jitqajmu fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi att.

74      Minn dan jirriżulta li, b’differenza għall-kwalità ta’ membru tal-Parlament Ewropew, kwalità li, minn naħa, tinkiseb meta persuna hija uffiċjalment ipproklamata eletta, hekk kif stipulat fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, u, min-naħa l-oħra, tistabbilixxi rabta bejn din il-persuna u l-istituzzjoni li issa tagħmel parti minnha, il-mandat ta’ membru tal-Parlament Ewropew jistabbilixxi rabta bejn l-imsemmija persuna u l-leġiżlatura li ġiet eletta għaliha. Issa, din il-leġiżlatura tiġi kkostitwita biss mal-ftuħ tal-ewwel sessjoni tal-Parlament Ewropew “il-ġdid” li tinżamm wara l-elezzjoni, li loġikament hija wara l-proklamazzjoni uffiċjali tar-riżultati elettorali magħmula mill-Istati Membri.

75      Finalment, l-Att Elettorali jippreċiża, fl-Artikolu 6(2) tiegħu, li l-membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu mill-immunitajiet stabbiliti mill-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni.

76      Fir-rigward tas-sors legali ta’ dawn l-immunitajiet, l-Artikolu 343 TFUE jistipula li l-Unjoni għandha tgawdi, fit-territorji tal-Istati Membri, dawk il-privileġġi u l-immunitajiet li jkunu meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħha, skont il-kundizzjonijiet kif stabbiliti fil-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni. Minkejja li dan l-artikolu jirreferi għaldaqstant l-istabbiliment tal-kundizzjonijiet li fihom għandhom jiġu żgurati immunitajiet għal dan il-protokoll, huwa jeżiġi madankollu li l-Unjoni u, b’mod partikolari, il-membri tal-istituzzjonijiet tagħha jgawdu mill-immunitajiet neċessarji għat-twettiq tal-kompiti tagħha. Minn dan isegwi li dawn il-kundizzjonijiet, kif iddeterminati mill-imsemmi protokoll u, sa fejn dan tal-aħħar jagħmel riferiment għad-dritt tal-Istati Membri, mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, għandhom jiżguraw li l-Parlament Ewropew ikun totalment f’pożizzjoni li jwettaq il-kompiti tiegħu.

77      F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta kemm mill-kliem tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni kif ukoll mit-titolu tal-Kapitolu III tiegħu, li dan l-artikolu jagħmel parti minnu, tali immunitajiet jingħataw lill-“membri tal-Parlament Ewropew”, u għaldaqstant lill-persuni li jkunu kisbu din il-kwalità minħabba l-proklamazzjoni uffiċjali tar-riżultati elettorali mill-Istati Membri, kif huwa stipulat fil-punt 71 ta’ din is-sentenza.

78      Fir-rigward tal-immunitajiet żgurati b’dan il-mod għall-membri tal-Parlament Ewropew, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 ta’ dan il-protokoll jipprevedi immunitajiet ta’ benefiċċju għalihom, bl-istess mod, għat-tul kollu tas-sessjonijiet ta’ leġiżlatura partikolari tal-Parlament Ewropew, anki jekk dan ma jkunx effettivament f’seduta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 1986, Wybot, 149/85, EU:C:1986:310, punti 12 u 27).

79      Min-naħa l-oħra, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni għandu portata ratione temporis differenti.

80      Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tistipula li l-immunità tkopri wkoll lill-membri tal-Parlament Ewropew meta dawn jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’, u għalhekk, b’mod partikolari, meta huma jivvjaġġaw għall-ewwel laqgħa organizzata wara l-proklamazzjoni uffiċjali tar-riżultati elettorali, sabiex il-leġiżlatura l-ġdida tkun tista’ żżomm is-sessjoni kostituttiva tagħha u tivverifika s-setgħat tal-membri tagħha, bħalma huwa stipulat fil-punt 73 ta’ din is-sentenza odjerna. L-imsemmija membri jgawdu b’dan il-mod mill-immunità inkwistjoni qabel jibda l-mandat tagħhom.

81      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li persuna li ġiet uffiċjalment ipproklamata eletta fil-Parlament Ewropew għandha titqies li kisbet, minħabba dan il-fatt u minn dan il-mument, il-kwalità ta’ membru ta’ din l-istituzzjoni, għall-finijiet tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni, kif ukoll li tibbenefika, bħala tali, mill-immunità prevista fit-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu.

82      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għanijiet imfittxija mill-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni, li jikkonsistu, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’li tiġi żgurata għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni protezzjoni kompleta u effettiva kontra l-ostakoli jew ir-riskji ta’ preġudizzju għall-funzjonament tajjeb jew l-indipendenza tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 1986, Wybot, 149/85, EU:C:1986:310, punti 12 u 22; digriet tat‑13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et, C‑2/88-IMM, EU:C:1990:315, punt 19, kif ukoll is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑437/04, EU:C:2007:178, punt 56).

83      Fil-fatt, fil-każ tal-Parlament Ewropew, dawn l-għanijiet ma jimplikawx biss li, konformement mal-prinċipju ta’ demokrazija rappreżentattiva mfakkar fil-punt 63 ta’ din is-sentenza kif ukoll fl-Artikolu 14 TUE, il-kompożizzjoni tiegħu tirrifletti b’mod fidil u komplet l-espressjoni ħielsa tal-għażla magħmula miċ-ċittadini tal-Unjoni, permezz tal-vot dirett universali, fir-rigward tal-persuni li huma bi ħsiebhom ikunu rrappreżentati minnhom għal leġiżlatura partikolari, iżda wkoll li l-Parlament Ewropew ikun protett, fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tiegħu, mill-ostakoli jew mir-riskji ta’ preġudizzju għall-funzjonament tajjeb tiegħu.

84      F’din il-kapaċità doppja, l-immunitajiet previsti għall-benefiċċji tal-membri tal-Parlament Ewropew huma intiżi li jiżguraw l-indipendenza ta’ din l-istituzzjoni fit-twettiq tal-kompiti tagħha, bħalma rrilevat il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tad-diversi forom ta’ immunità Parlamentari stabbiliti fis-sistemi politiċi demokratiċi (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 17 ta’ Mejju 2016, Karácsony et vs L‑Ungerija, CE:ECHR:2016:0517JUD004246113, punt 138, u Il‑Qorti EDB, 20 ta’ Diċembru 2016, Uspaskich vs Il‑Litwanja, CE:ECHR:2016:1220JUD001473708, punt 98).

85      Konformement ma’ tali għanijiet u mar-rekwiżit imfakkar fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, l-immunità prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni tiżgura l-protezzjoni tal-funzjonament tajjeb u tal-indipendenza tal-Parlament Ewropew, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 92 u 94 tal-konklużjonijiet tiegħu, billi tiżgura għal kull wieħed mill-membri tagħha, wara l-proklamazzjoni uffiċjali tar-riżultati elettorali, il-possibbiltà li jivvjaġġa mingħajr ostakoli għall-ewwel laqgħa tal-leġiżlatura l-ġdida, sabiex ikun suġġett għall-verifiki previsti fl-Artikolu 12 tal-Att Elettorali, kif ukoll sabiex il-leġiżlatura l-ġdida tkun tista’ tiġi kkostitwita.

86      B’dan il-mod, l-imsemmija immunità tikkontribwixxi wkoll sabiex tiżgura l-effettività tad-dritt ta’ eliġibbiltà żgurat fl-Artikolu 39(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jikkostitwixxi l-espressjoni, f’din tal-aħħar, tal-prinċipju tal-vot dirett universali, liberu u sigriet stabbilit fl-Artikolu 14(3) TUE u fl-Artikolu 1(3) tal-Att Elettorali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne, C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 44), billi tippermetti lill-persuni li ġew eletti membri tal-Parlament Ewropew jagħmlu l-passi meħtieġa sabiex imorru jieħdu pussess tal-mandat tagħhom.

87      Għaldaqstant, persuna bħal O. Junqueras Vies, li ġiet uffiċjalment ipproklamata eletta fil-Parlament Ewropew meta hija kienet is-suġġett ta’ miżura ta’ tpoġġija taħt detenzjoni provviżorja fil-kuntest ta’ proċedura għal reati kriminali serji, iżda li ma ġietx awtorizzata tikkonforma ruħha ma’ ċerti rekwiżiti previsti mid-dritt intern wara tali proklamazzjoni kif ukoll li tmur il-Parlament Ewropew, sabiex tieħu sehem fl-ewwel sessjoni tiegħu, għandha titqies li tgawdi minn immunità bis-saħħa ta’ tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni.

88      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi eżaminat, bħalma titlob il-qorti tar-rinviju, jekk din l-immunità timplikax it-tneħħija tal-miżura ta’ tpoġġija taħt detenzjoni provviżorja imposta fuq tali persuna, sabiex din tkun tista’ tmur il-Parlament Ewropew u hemmhekk tissodisfa l-formalitajiet meħtieġa.

89      F’dan ir-rigward, hekk kif ġie indikat fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, O. Junqueras Vies sar membru tal-Parlament Ewropew fit‑13 ta’ Ġunju 2019, jum li fih l-awtoritajiet Spanjoli kompetenti għamlu l-proklamazzjoni uffiċjali tar-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew organizzati fis‑26 ta’ Mejju 2019. F’din id-data, il-persuna kkonċernata kienet tinsab taħt detenzjoni provviżorja.

90      Issa, mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 83 sa 86 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-immunità prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni tipprekludi, b’mod partikolari, li miżura ġudizzjarja bħal tpoġġija taħt detenzjoni provviżorja tista’ tostakola l-libertà tal-membri tal-Parlament Ewropew milli jivvjaġġaw lejn il-post fejn għandha tinżamm l-ewwel laqgħa tal-leġiżlatura l-ġdida, sabiex hemmhekk jissodisfaw il-formalitajiet meħtieġa mill-Att Elettorali.

91      F’dawn il-kundizzjonijiet, jekk il-qorti nazzjonali kompetenti tqis li għandha tinżamm miżura ta’ tpoġġija taħt detenzjoni provviżorja fil-konfront ta’ persuna li tkun kisbet il-kwalità ta’ membru tal-Parlament Ewropew, hija r-responsabbiltà tagħha, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni, li titlob malajr kemm jista’ jkun lill-Parlament Ewropew li jneħħi l-immunità mogħtija permezz tat-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu.

92      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-eżistenza tal-immunità prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni timplika t-tneħħija ta’ miżura ta’ tpoġġija taħt detenzjoni provviżorja imposta fuq il-persuna li tgawdi minn din l-immunità, sabiex tkun tista’ tmur il-Parlament Ewropew u hemmhekk tissodisfa l-formalitajiet meħtieġa. Madankollu, jekk il-qorti nazzjonali kompetenti tqis li din il-miżura għandha tinżamm wara l-kisba, mill-persuna kkonċernata, tal-kwalità ta’ membru tal-Parlament Ewropew, hija għandha titlob malajr kemm jista’ jkun lill-Parlament Ewropew li jneħħi l-imsemmija immunità, abbażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-istess protokoll.

93      Barra minn hekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-effetti li għandhom jintrabtu mal-immunitajiet li jgawdi minnhom O. Junqueras Vies f’eventwali proċeduri oħrajn, bħal dawk invokati fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2008, Marra, C‑200/07 u C‑201/07, EU:C:2008:579, punt 41). F’dan il-kuntest, hija r-responsabbiltà tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-provi mfakkra fil-punti 64, 65, 76 u 82 sa 86 ta’ din is-sentenza.

94      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        persuna li ġiet uffiċjalment ipproklamata eletta fil-Parlament Ewropew meta hija kienet is-suġġett ta’ miżura ta’ tpoġġija taħt detenzjoni provviżorja fil-kuntest ta’ proċedura għal reati kriminali serji, iżda li ma ġietx awtorizzata tikkonforma ruħha ma’ ċerti rekwiżiti previsti mid-dritt intern wara tali proklamazzjoni kif ukoll li tmur il-Parlament Ewropew, sabiex tieħu sehem fl-ewwel sessjoni tiegħu, għandha titqies li tgawdi minn immunità bis-saħħa tat-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu;

–        din l-immunità timplika t-tneħħija ta’ miżura ta’ tpoġġija taħt detenzjoni provviżorja imposta fuq il-persuna kkonċernata, sabiex din tkun tista’ tmur il-Parlament Ewropew u hemmhekk tissodisfa l-formalitajiet meħtieġa. Madankollu, jekk il-qorti nazzjonali kompetenti tqis li din il-miżura għandha tinżamm wara l-kisba, mill-persuna msemmija, tal-kwalità ta’ membru tal-Parlament Ewropew, din għandha titlob malajr kemm jista’ jkun lill-Parlament Ewropew li jneħħi l-imsemmija immunità, abbażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-istess protokoll.

 Fuq l-ispejjeż

95      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        persuna li ġiet uffiċjalment ipproklamata eletta fil-Parlament Ewropew meta hija kienet is-suġġett ta’ miżura ta’ tpoġġija taħt detenzjoni provviżorja fil-kuntest ta’ proċedura għal reati kriminali serji, iżda li ma ġietx awtorizzata tikkonforma ruħha ma’ ċerti rekwiżiti previsti mid-dritt intern wara tali proklamazzjoni kif ukoll li tmur il-Parlament Ewropew, sabiex tieħu sehem fl-ewwel sessjoni tiegħu, għandha titqies li tgawdi minn immunità bis-saħħa tat-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu;

–        din l-immunità timplika t-tneħħija ta’ miżura ta’ tpoġġija taħt detenzjoni provviżorja imposta fuq il-persuna kkonċernata, sabiex tkun tista’ tmur il-Parlament Ewropew u hemmhekk tissodisfa l-formalitajiet meħtieġa. Madankollu, jekk il-qorti nazzjonali kompetenti tqis li din il-miżura għandha tinżamm wara l-kisba, mill-persuna msemmija, tal-kwalità ta’ membru tal-Parlament Ewropew, hija għandha titlob malajr kemm jista’ jkun lill-Parlament Ewropew li jneħħi l-imsemmija immunità, abbażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-istess protokoll.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.