Language of document : ECLI:EU:C:2008:749

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-18 ta’ Diċembru 2008 1(1)

Kawża C‑420/07

Meletis Apostolides

vs

David Charles Orams

u Linda Elizabeth Orams

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal, Londra)

(Regolament (KE) Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Applikazzjoni tar-regolament għal sentenza li tikkonċerna art f’żona tar-Repubblika ta’ Ċipru li fiha l-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv)





I –    Introduzzjoni

1.        Sa minn meta seħħ l-intervent tat-truppi Torok fl-1974, il-gżira ta’ Ċipru effettivament tinsab maqsuma fiż-żona Griega ta’ Ċipru fin-Nofsinhar u fiż-żona Torka ta’ Ċipru fit-Tramuntana. Il-komunità internazzjonali tirrikonoxxi lir-Repubblika ta’ Ċipru bħala Stat fid-dritt internazzjonali u minkejja li, de jure, tirrappreżenta lil Ċipru fit-totalità tiegħu, de facto tikkontrolla biss iż-żona tan-Nofsinhar tal-gżira. Fiż-żona tat-Tramuntana, ġiet stabbilita r-Repubblika Torka ta’ Ċipru ta’ Fuq (RTĊF) li hija rrikonoxxuta biss mit-Turkija. (2)

2.        Minkejja li n-negozjati dwar ir-riunifikazzjoni, appoġġjati min-Nazzjonijiet Uniti u l-UE, ma setgħux jiġu konklużi b’suċċess, ir-Repubblika ta’ Ċipru ssieħbet fl-Unjoni Ewropea fl-2004. L-applikazzjoni tal-acquis communautaire għaż-żoni tal-gżira li fuqhom ir-Repubblika ta’ Ċipru ma teżerċitax ġurisdizzjoni sovrana ġiet sospiża permezz ta’ Protokoll separat għat-Trattat tal-Adeżjoni.

3.        Meta seħħet il-qasma, numru kbir ta’ membri taż-żewġ gruppi etniċi ħarbu jew ġew spostati. Ħafna mill-persuni li ġew spostati jirrivendikaw il-proprjetà tal-art li ġew sfurzati li jabbandunaw. (3) L-art li l-Griegi-Ċiprijotti abbandunaw fir-RTĊF titqies bħala li ġiet ittrasferita lill-Istat. L-awtoritajiet tar-RTĊF ittrasferew ħafna minn dawn l-artijiet lil individwi privati. Il-mod kif għandhom jiġu ttrattati talbiet minn persuni li ġew spostati huwa wieħed mill-kwistjonijiet mhux riżolti fin-negozjati għar-riunifikazzjoni.

4.        Il-kawża bejn M. Apostolides u D.C. Orams u L.E. Orams, koppja Ingliża, għandha l-isfond tagħha f’dan il-kuntest sensittiv. Din il-koppja xtrat art f’Ċipru ta’ Fuq mingħand bejjiegħ privat. M. Apostolides, li l-familja tiegħu ġiet sfurzata titlaq mill-parti ta’ Fuq, jirrivendika l-proprjetà ta’ din l-art. Bi tweġiba għar-rivendikazzjoni tiegħu, il-Qorti Distrettwali ta’ Nikosija, qorti fil-parti Griega ta’ Ċipru, ordnat lis-Sinjuri Orams jivvakaw l-art u jagħmlu diversi ħlasijiet. M. Apostolides għamel rikors għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza fir-Renju Unit.

5.        Il-Court of Appeal, li hija l-qorti li qed tittratta l-proċeduri dwar l-eżekuzzjoni, issa qed tqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-qrati tar-Renju Unit humiex obbligati li jagħmlu hekk skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali. (4) Jeżistu dubji f’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għaliex is-sentenza għandha x’taqsam ma’ art f’żona ta’ Ċipru fejn ir-Repubblika ta’ Ċipru ma teżerċitax ġurisdizzjoni sovrana u li fiha l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju hija għalhekk fil-parti l-kbira sospiża. It-tieni nett, kien hemm irregolaritajiet fin-notifika tal-att promutur fil-post tar-residenza tas-Sinjuri Orams fiż-żona Torka ta’ Ċipru.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Protokoll Nru 10 dwar Ċipru

6.        Il-Protokoll Nru 10 dwar Ċipru, (5) li huwa anness mal-Att tal-Adeżjoni tal-2003, huwa fformulat kif ġej:

“IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

FILWAQT li jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għal ftehim komprensiv dwar il-problema ta’ Ċipru, konsistenti mar-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti għal dak l-iskop, u l-appoġġ qawwi tagħhom għall-isforzi tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għal dak l-iskop,

FILWAQT li jikkunsidraw li ftehim komprensiv bħal dak għal problema ta’ Ċipru għadu ma ntlaħaqx

FILWAQT li jikkunsidraw li, għaldaqstant, huwa neċessarju li jipprovdu għas-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-acquis f’dawk [iż-żoni] tar-Repubblika ta’ Ċipru li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv,

FILWAQT li jikkunsidraw illi, f’każ ta’ soluzzjoni għall-problema ta’ Ċipru din is-sospensjoni għandha titneħħa,

FILWAQT li jikkunsidraw li l-Unjoni Ewropea hija lesta takkomoda l-patti ta’ ftehim bħal dan mal-prinċipji li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea,

FILWAQT li jikkunsidraw li huwa neċessarju li jipprovdu għall-patti li taħthom id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-UE għandhom japplikaw fir-rigward tal-linja li taqsam [iż-żoni] msemmija hawn fuq u f’dawk iż-żewġ [żoni] fejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru jeżerċita kontroll effettiv u [ż-Żona] tal-Bażi Sovrana tal-Lvant tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq,

FILWAQT li jixtiequ li l-adeżjoni ta’ Ċipru mal-Unjoni Ewropea għandha tibbenefika ċ-ċittadini Ċiprijotti kollha u tippromwovi l-paċi ċivili u r-rikonċiljazzjoni,

FILWAQT li jikkunsidraw, għaldaqstant, li xejn f’dan il-Protokoll ma jipprekludi miżuri immirati għal dan l-iskop,

FILWAQT li jikkunsidraw li miżuri bħal dawk ma għandhomx jolqtu l-applikazzjoni tal-acquis taħt il-kondizzjonijiet stipulati fit-Trattat tal-Adeżjoni fi kwalunkwe parti oħra tar-Repubblika ta’ Ċipru,

FTIEHMU FUQ ID-DISPOŻIZZJONIJIET LI ĠEJJIN:

Artikolu 1

(1) L-applikazzjoni tal-acquis għandha tiġi sospiża f’dawk [iż-żoni] tar-Repubblika ta’ Ċipru li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv.

(2) Il-Kunsill, b’mod unanimu abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċidi dwar it-tneħħija tas-sospensjoni li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1.

Artikolu 2

(1) Il-Kunsill, b’mod unanimu abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddefinixxi l-patti li taħthom id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-UE għandhom japplikaw fir-rigward tal-linja li taqsam dawk [iż-żoni] msemmija fl-Artikolu 1 u [ż-żoni] li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru jeżerċita kontroll effettiv.

(2) Il-konfini bejn [iż-Żona] tal-Bażi Sovrana tal-Lvant u dawk [iż-żoni] li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1 għandhom ikunu ttrattati bħala parti mill-konfini esterni [taż-Żona] tal-Bażi Sovran[a] għall-iskop tal-Parti IV tal-Anness mal-Protokoll dwar [iz-Żona] tal-Bażi Sovran[a] tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq f’Ċipru għal matul is-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-acquis skont l-Artikolu 1.

Artikolu 3

(1) Xejn f’dan il-Protokoll ma għandu jipprekludi miżuri maħsuba biex jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku [taż-żoni] li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1.

(2) Miżuri bħal dawn ma għandhomx jaffettwaw l-applikazzjoni tal-acquis taħt kondizzjonijiet stipulati fit-Trattat tal-Adeżjoni fi kwalunkwe parti oħra tar-Repubblika ta’ Ċipru.

Artikolu 4

F’każ ta’ ftehim, il-Kunsill b’mod unanimu abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċidi dwar l-adattamenti għall-patti li jikkonċernaw l-adeżjoni ta’ Ċipru mal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-Komunità [taż-żona Torka ta’ Ċipru].”

B –    Regolament Nru 44/2001

7.        L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li r-regolament għandu japplika għal materji ċivili u kummerċjali.

8.        Id-dispożizzjonijiet dwar ġurisdizzjoni huma stabbiliti fil-Kapitolu II tar-regolament. Id-dispożizzjonijiet dwar ġurisdizzjoni esklużiva jinsabu fis-Sezzjoni 6 ta’ dan il-kapitolu. B’mod partikolari, l-Artikolu 22 jipprovdi li, “il-qrati li ġejjin għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklussiva, indipendentement mid-domiċilju:

1.       fi proċedimenti li jkollhom l-obbjettiv tagħhom drittijiet in rem fi proprjetà immobbli jew kirjiet ta’ propjetà immobbli, il-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinstab il-proprjetà. […]”

9.        L-Artikoli 33 sa 37 tar-regolament jittrattaw ir-rikonoxximent ta’ sentenzi. L-Artikolu 33 qabel kollox jistabbilixxi l-prinċipju li s-sentenzi tal-qorti ta’ Stat Membru ieħor għandhom jiġu rrikonoxxuti mingħajr ma tkun meħtieġa xi proċedura speċjali. L-Artikoli 34 u 35 jistabbilixxu r-raġunijiet għalfejn ir-rikonoxximent jista’, f’każijiet eċċezzjonali jiġi rrifjutat.

10.      Is-siltiet rilevanti tal-Artikolu 34 huma fformulati kif ġej:

“Sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta:

1.      jekk dak ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-[ordni] pubblik[u] tal-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent;

2.      meta jkun b’nuqqas ta’ dehra [inkontumaċja], jekk il-konvenut ma kienx ġie servut bid-dokument li jkun fetaħ il-proċedimenti jew b’dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b’tali manjiera li dan ikun jista’ jħejji għad-difiża tiegħu, sakemm id-difensur [il- konvenut] ma jkunx naqas milli jibda l-proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza meta kien possibli għalih jagħmel hekk

[…]”

11.      L-Artikolu 35 jittratta s-sinjifikat tal-konformità mar-regoli tal-ġurisdizzjoni għall-iskopijiet tar-rikonoxximent:

“1. Aktar minn hekk, sentenza m'għandhiex tiġi rikonoxxuta jekk tmur kontra s-Sezzjonijiet 3, 4 jew 6 ta’ Kapitolu II, jew fil-każ li hemm dispożizzjoni dwaru fl-Artikolu 72.

[…]

3. Suġġett għal paragrafu 1, il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini ma tistax tiġi riveduta. It-test tal-[ordni] pubblik[u msemmi] f’punt 1 tal-Artikolu 34 ma’ jistax jiġi applikat għal regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ ġurisdizzjoni.”

III – Fatti, proċedura u domandi preliminari

12.      Skont il-liġi tar-Repubblika ta’ Ċipru, M. Apostolides huwa l-proprjetarju ta’ art f’Lapithos (Lapta) fid-distrett ta’ Kyrenia (Girne), li tinsab fiż-żona tar-Repubblika ta’ Ċipru li fiha l-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv. Is-Sinjuri Orams isostnu li huma xtraw l-art mingħand terza persuna fl-2002. Huma bnew villa fuqha, li huma ta’ spiss jokkupaw bħala villeġġjatura.

13.      M. Apostolides ressaq talba quddiem il-Qorti Distrettwali ta’ Nikosija kontra s-Sinjuri Orams. Fis-26 ta’ Ottubru 2004, il-qorti nnotifikat iċ-ċitazzjoni lill-konvenuti. Iċ-ċitazzjonijiet, li fuqha ġie ddikjarat l-indirizz tas-Sinjuri Orams fir-Renju Unit, ingħataw lil L. E. Orams fl-istess ġurnata fil-proprjetà ta’ Lapta minn notifikatur tal-proċessi tal-Qorti Distrettwali ta’ Nikosija. In-notifikatur tal-proċessi ma identifikax lilu nnifsu bħala tali, u minflok informa lil L. E. Orams li huwa kien ‘messaġġier’ u li ma kienx jaf il-karti x’kienu.

14.      Iċ-ċitazzjonijiet kienu bil-lingwa Griega, li mhijiex mitkellma b’mod mifrux fiż-żona ta’ Fuq, iżda hija waħda mil-lingwi uffiċjali tar-Repubblika ta’ Ċipru. Is-Sinjuri Orams ma jifhmux il-Grieg. Madankollu L. E. Orams fehmet li d-dokumenti kienu ta’ natura legali u uffiċjali.

15.      Skont il-liġi tar-Repubblika ta’ Ċipru, jekk il-konvenut ma jippreżentax risposta fi żmien għaxart ijiem min-notifika tal-att promotur, ir-rikorrent ikun jista’ jitlob li tingħata sentenza inkontumaċja. Ġiet miġbuda l-attenzjoni dwar dan fuq il-faċċata tad-dokument bil-lingwa Griega. Il-preżentata ta’ risposta hija att li ma jirrikjedix li wieħed jistabbilixxi n-natura ta’ xi difiża.

16.      Skont id-dikjarazzjoni tagħha tal-fatti, il-Ġimgħa 29 ta’ Ottubru 2004, L. E. Orams ħadet l-ewwel passi biex issib avukat li jkun jista’ jirrappreżentaha. Kien fit-2 ta’ Novembru 2004 li hija kisbet appuntament sabiex tikkonsulta lill-avukat, is-Sur Liatsos. Dakinhar, is-Sur Latsos ittraduċielha fil-qosor l-att promotur iżda qalilha li ma setax jirrappreżentaha peress li ma kellux il-liċenzja biex jipprattika quddiem il-qrati tar-Repubblika ta’ Ċipru. Huwa ta parir lil L. E. Orams biex tikkonsulta lis-Sur Osman, l-avukat li kien involut fl-allegat bejgħ tal-art, iżda dan kien irtira. Fit-3 ta’ Novembru 2004, L. E. Orams irnexxiela tiltaqa’ ma’ bintu, li kienet assumiet il-prattika tiegħu. Hija informat lil L. E. Orams li ma kinitx intitolata li tipprattika fil-qrati tar-Repubblika. L. E. Orams imbagħad ġiet riferita lil Gunes Mentes.

17.      Ma kienx qabel il-Ġimgħa 5 ta’ Novembru 2004 fil-17:00 li L. E. Orams setgħet tikseb appuntament mas-Sur Mentes, li, skont hi, kien wieħed mill-ftit avukati fiż-żona ta’ Fuq li kien liċenzjat biex jipprattika quddiem il-qrati tar-Repubblika ta’ Ċipru u li kellu xi forma ta’ għarfien tal-lingwa Griega. L. E. Orams qabbdet lis-Sur Mentes biex jirrappreżenta lilha u lir-raġel tagħha fil-kawża. Is-Sur Mentes qal lil L. E. Orams li kien ser jattendi fil-Qorti Distrettwali ta’ Nikosija t-Tnejn ta’ wara, it-8 ta’ Novembru 2004, biex jippreżenta risposta.

18.      Peress li ma ġiet ippreżentata ebda risposta fil-proċedimenti f’isem il-konvenuti, it-Tlieta, 9 ta’ Novembru 2004, il-qorti tat sentenza inkontumaċja kontrihom, fejn ordnathom:

(1)      iwaqqgħu l-villa, il-pixxina u r-reċinzjoni tal-madwar li kienu tellgħu fuq l-art,

(2)      jikkunsinnaw immedjatament il-pussess liberu tal-art lil M. Apostolides,

(3)      iħallsu lil M. Apostolides diversi somom bħala danni speċjali u ħlas għall-okkupazzjoni ta’ kull xahar (jiġifieri, kera) sakemm jikkonformaw mas-sentenza, bl-interessi,

(4)      jiddesistu milli jkomplu bl-intervent illegali fuq l-art, kemm personalment jew permezz tal-aġenti tagħhom, u

(5)      iħallsu diversi somom ta’ flus fir-rigward ta’ ħlasijiet u spejjeż tal-proċedimenti (bl-interessi fuq dawn is-somom).

19.      Fil-15 ta’ Novembru 2004, ġew ippreżentati risposti u ġew ippreżentati rikorsi biex jiġu annullati s-sentenzi inkontumaċja f’isem D.C. Orams u L. E. Orams.

20.      Skont il-liġi tar-Repubblika ta’ Ċipru, sabiex tiġi annullata sentenza inkontumaċja, il-konvenut għandu juri difiża plawżibbli (“arguable defence”) biex jikkontesta t-talba kontrih. Fid-19 ta’ April 2005, wara li nstemgħet ix-xhieda u t-trattazzjonijiet, il-Qorti Distrettwali ta’ Nikosija sostniet li ma kien hemm ebda difiża plawżibbli għat-talba. L-appell tas-Sinjuri Orams mis-sentenza ġie miċħud mill-Qorti Suprema tar-Repubblika ta’ Ċipru fil-21 ta’ Diċembru 2006.

21.      Fit-18 ta’ Ottubru 2005, M. Apostolides applika taħt ir-Regolament Nru 44/2001 għall-eżekuzzjoni (i) tas-sentenza inkontumaċja tad-9 ta’ Novembru 2004 u (ii) tas-sentenza tal-Qorti Distrettwali ta’ Nikosija tad-19 ta’ April 2005. Fil-21 ta’ Ottubru 2005 il-Master tal-Queens Bench Division tal-High Court tal-Ingilterra u Wales ordna li s-sentenzi jkunu eżegwibbli fl-Ingilterra.

22.      Is-Sinjuri Orams ikkontestaw b’suċċess din l-ordni quddiem Imħallef tal-High Court (l-Imħallef Jack) skont l-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 44/2001. M. Apostolides ikkontesta din is-sentenza permezz ta’ appell skont l-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 44/2001 quddiem il-Court of Appeal li, b’deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2007 (li ġiet irċevuta fl-14 ta’ Settembru 2007), għamlet id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

1.      Is-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-acquis communautaire fiż-żona ta’ Fuq permezz tal-Artikolu 1(1) tal-Protokoll Nru 10 tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003 ta’ Ċipru fl-UE tipprekludi qorti ta’ Stat Membru milli tirrikonoxxi u teżegwixxi sentenza mogħtija minn qorti tar-Repubblika ta’ Ċipru sedenti fiż-żona kkontrollata mill-Gvern fir-rigward ta’ art fiż-żona ta’ Fuq, meta tali rikonoxximent u eżekuzzjoni jintalbu taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, li huma parti mill-acquis communautaire?

2.      L-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 44/2001 jintitola jew jorbot qorti ta’ Stat Membru sabiex tirrifjuta r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija mill-qrati ta’ Stat Membru ieħor rigward art f’żona tal-aħħar Stat Membru li fuqha l-Gvern ta’ dak l-Istat Membru ma jeżerċitax kontroll effettiv? B’mod partikolari, sentenza bħal din tinsab f’kunflitt mal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001?

3.      Tista’ sentenza ta’ qorti ta’ Stat Membru, sedenti f’żona ta’ dak l-Istat li fuqha l-Gvern ta’ dak l-Istat ma jeżerċitax kontroll effettiv, fir-rigward ta’ art f’dak l-Istat f’żona li fuqha l-Gvern ta’ dak l-Istat ma jeżerċitax kontroll effettiv, ma tiġix rikonoxxuta jew eżegwita taħt l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 minħabba r-raġuni li mill-aspett prattiku s-sentenza ma tistax tiġi eżegwita fejn tinsab l-art, għalkemm is-sentenza hija eżegwibbli fiż-żona kkontrollata mill-Gvern tal-Istat Membru?

4.      Fejn tiġi rreġistrata sentenza inkontumaċja kontra konvenut; il-konvenut sussegwentement ta bidu għal proċedimenti fil-qorti tal-oriġini biex jikkontesta s-sentenza inkontumaċja; iżda r-rikors tiegħu ma jiġix milqugħ wara smigħ sħiħ u xieraq minħabba li naqas milli jagħti difiża plawżibbli (li hija neċessarja skont il-liġi nazzjonali qabel ma sentenza tista’ tiġi annullata), jista’ dan il-konvenut jirreżisti l-eżekuzzjoni tas-sentenza inkontumaċja oriġinali jew is-sentenza dwar ir-rikors għall-annullament taħt l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001, minħabba li l-att promotur ma ġiex innotifikat lilu fi żmien suffiċjenti u b’tali mod li jkun jista’ jħejji d-difiża tiegħu qabel ir-reġistrazzjoni tas-sentenza inkontumaċja oriġinali? Tagħmel differenza jekk is-smigħ kien jinvolvi biss il-kunsiderazzjoni tad-difiża tal-konvenut għat-talba?

5.      Fl-applikazzjoni tat-test imsemmi fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 ta’ jekk il-konvenut kienx “notifikat bid-dokument li jkun fetaħ il-proċedimenti jew b’dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b’tali manjiera li dan ikun jista’ jħejji għad-difiża tiegħu” liema fatturi huma rilevanti għall-evalwazzjoni? B’mod partikolari:

(a)      Fejn in-notifika fil-fatt tkun ġabet id-dokument għall-attenzjoni tal-konvenut, huwa rilevanti li wieħed jikkunsidra l-azzjonijiet (jew in-nuqqas ta’ azzjonijiet) tal-konvenut jew tal-avukati tiegħu wara li tkun saret in-notifika?

(b)      X’inhi r-rilevanza, jekk teżisti, tal-imġiba partikolari tal-konvenut jew l-avukati tiegħu, jew tad-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom?

(ċ)      Huwa rilevanti li l-avukat tal-konvenut seta’ ppreżenta risposta qabel ma ġiet irreġistrata s-sentenza inkontumaċja?

23.      Fil-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, M. Apostolides, D.C. Orams u L. E. Orams, il-Gvernijiet tal-Greċja, tal-Polonja u ta’ Ċipru u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ippreżentaw is-sottomissjonijiet tagħhom.

IV – Kunsiderazzjonijiet ġuridiċi

A –    L-ewwel domanda

24.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-Court of Appeal tixtieq tkun taf jekk is-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-acquis communautaire fiż-żona ta’ Fuq ta’ Ċipru skont l-Artikolu 1(1) tal-Protokoll Nru 10 tipprekludix ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni taħt ir-Regolament Nru 44/2001 ta’ sentenza li tirrigwarda talbiet fuq il-proprjetà ta’ art li tinstab f’dik iż-żona.

25.      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, qabel kollox għandha tinġibed l-attenzjoni għad-differenza bejn il-portata ġeografika tar-Regolament Nru 44/2001 u l-qasam ta’ applikazzjoni tal-proċedimenti jew sentenzi li fir-rigward tagħhom ir-regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet.

26.      Skont l-Artikolu 299 KE, il-portata ġeografika tad-dritt Komunitarju tikkorrispondi għat-territorju tal-Istati Membri bl-eċċezzjoni ta’ ċerti reġjuni speċifikati f’din id-dispożizzjoni. Madanakollu, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat KE, li jikkonċernaw spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja japplikaw għar-Renju Unit, l-Irlanda u d-Danimarka biss kif previst fl-Artikolu 69 KE flimkien mal-Protokolli ċċitati f’dan l-artikolu. Fuq din il-bażi, ir-Renju Unit u l-Irlanda għażlu li japplikaw ir-Regolament Nru 44/2001 u d-Danimarka għażlet li ma tapplikax dan ir-regolament. (6) Ir-regolament għalhekk japplika fir-Renju Unit u, suġġett għall-Protokoll Nru 10, fir-Repubblika ta’ Ċipru.

27.      Ir-Regolament Nru 44/2001 jirregola, l-ewwel nett, il-ġurisdizzjoni tal-qrati fi ħdan il-portata ġeografika tiegħu u, it-tieni nett, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn dawk il-qrati fi Stat Membru li mhuwiex dak li fih ingħatat is-sentenza. Madankollu, ir-regolament ma jinkludi ebda dispożizzjoni dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati mhux membri fil-Komunità jew ta’ sentenzi tal-qrati ta’ Stat Membru fi Stati mhux membri.

28.      Huwa neċessarju li wieħed jagħmel distinzjoni bejn il-portata ġeografika tar-Regolament Nru 44/2001 u l-qasam ta’ applikazzjoni tiegħu, jiġifieri, il-qasam li magħhom jistgħu jkunu relatati sentenzi ta’ qorti ta’ Stat Membru, li għandhom jiġu rrikonoxxuti u eżegwiti taħt ir-regolament. Il-qasam ta’ applikazzjoni huwa aktar wiesa’ mill-portata ġeografika u jkopri wkoll Stati mhux membri. Għaldaqstant ir-regolament japplika wkoll għal proċedimenti li jinkludu element ta’ pajjiżi mhux membri.

29.      Dan ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Owusu (7) u fl-opinjoni tagħha dwar il-Konvenzjoni ta’ Lugano. (8) Skont din il-ġurisprudenza, jista’ jeżisti wkoll element internazzjonali rilevanti għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tar-regolament permezz tal-post li fih seħħew il-fatti kontenzjużi fi Stat mhux Kontraenti. (9) Ir-regolament huwa maħsub sabiex jelimina ostakoli għat-tħaddim tas-suq intern li jistgħu joriġinaw min-nuqqas ta’ konformità bejn leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar ġurisdizzjoni internazzjonali u dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi mogħtija minn qrati barranin. Fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan in-nuqqas ta’ konformità għandu effett detrimentali fuq is-suq intern anki fejn dan jikkonċerna sentenzi li jkollhom rilevanza biss fuq Stat mhux membru. (10)

30.      Għaldaqstant irid jiġi aċċertat x’effett għandu l-Protokoll Nru 10 fir-rigward tal-portata u l-qasam ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001.

31.      Huwa paċifiku bejn il-partijiet li s-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-acquis communautaire f’dawk iż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv, prevista fl-Artikolu 1(1) tal-Protokoll, tillimita l-portata ġeografika tar-Regolament Nru 44/2001. B’hekk, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ qorti ta’ Stat Membru fiż-żona ta’ Fuq ta’ Ċipru ma jistgħux jiġu bbażati fuq ir-regolament. Lanqas ma jidher li huwa possibbli, taħt ir-regolament, li sentenza ta’ qorti li tinstab f’dik iż-żona ta’ Ċipru tiġi rrikonoxxuta u eżegwita fi Stat Membru ieħor.

32.      Madankollu, il-kwistjoni quddiem il-Court of Appeal ma tinvolvi l-ebda waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet. Huwa pjuttost meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors għall-eżekuzzjoni fir-Renju Unit ta’ sentenza ta’ qorti li tinsab fiż-żona kkontrollata mill-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru. Il-limitazzjoni tal-portata ġeografika tar-Regolament Nru 44/2001 mill-Protokoll Nru 10 għalhekk, ma taffettwax dan il-każ.

33.      Huma biss D.C. Orams u L. E. Orams li jsostnu li l-Protokoll jipprekludi wkoll l-applikazzjoni tar-regolament għal sentenzi mogħtija fl-ambitu tal-portata ġeografika tiegħu u li huma wkoll maħsuba li jiġu rikonoxxuti u eżegwiti hemmhekk, iżda li jikkonċernaw relazzjoni legali li jkollha rilevanza fiż-żoni tal-pajjiż li mhumiex ikkontrollati mill-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru.

34.      Kif jindikaw il-partijiet l-oħra, il-kliem tal-Artikolu 1(1) tal-Protokoll innifsu jeskludu interpretazzjoni bħal din. Din id-dispożizzjoni tgħid li l-acquis communautaire għandu jiġi sospiż f’din iż-żona u mhux fir-rigward ta’ din iż-żona.

35.      Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li dispożizzjonijiet fl-Att tal-Adeżjoni li jippermettu eċċezzjonijiet jew derogi minn regoli stabbiliti mit-Trattat għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv b’riferment għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat inkwistjoni u għandhom jiġu limitati għal dak li huwa assolutament neċessarju. (11)

36.      Anki jekk is-sospensjoni tal-acquis communautaire, f’dan il-każ, ma tikkonċernax direttament leġiżlazzjoni Komunitarja primarja, iżda r-Regolament Nru 44/2001, din l-osservazzjoni tista’ tiġi applikata għaliha. Huwa minnu li, f’termini ta’ ġerarkija ta’ normi, l-Att tal-Adeżjoni (inklużi l-Protokolli) għandu prevalenza fuq leġiżlazzjoni sekondarja. Madankollu, ir-regolament fl-aħħar mill-aħħar huwa maħsub li jilħaq l-għanijiet tat-Trattat KE nnifsu. (12)

37.      B’hekk, l-Artikolu 65 KE, li fuqu huwa bbażat ir-Regolament 44/2001, jagħti espliċitament l-awtorità li jiġu adottati miżuri għat-titjib u s-simplifikazzjoni tar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’kawżi ċivili u kummerċjali, inklużi deċiżjonijiet f’każijiet extraġudizzjarji, sa fejn ikun meħtieġ għall-funzjonament xieraq tas-suq intern. Tabilħaqq, id-delimitazzjoni ċara tal-ġurisdizzjoni tal-qrati fil-Komunità flimkien mar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi tippromwovi l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali. Din tiffaċilita l-eżekuzzjoni ta’ talbiet b’konnessjoni mal-provvista transkonfinali ta’ merkanzija, il-provvista ta’ servizzi jew trasferimenti ta’ kapital kif ukoll l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-persuni.

38.      Il-Protokoll Nru 10 għandu għalhekk jiġi interpretat fis-sens li s-sospensjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 għandha tiġi limitata għal dak li huwa assolutament neċessarju. B’mod partikolari, f’dan ir-rigward, wieħed għandu jżomm inkunsiderazzjoni t-tifsira u l-iskop tal-Protokoll.

39.      Hi fehma komuni tal-partijiet li s-sospensjoni tal-acquis communautaire hija intiża sabiex tippermetti d-dħul tar-Repubblika ta’ Ċipru fl-UE minkejja li n-negozjati dwar ir-riunifikazzjoni ma setgħux jiġu konklużi b’suċċess minn qabel. L-intenzjoni hija li tiġi evitata sitwazzjoni fejn ir-Repubblika ta’ Ċipru, bħala Stat Membru, tikser id-dritt Komunitarju għax effettivament ma tinsabx f’pożizzjoni li tapplika d-dispożizzjonijiet tal-acquis fit-territorju nazzjonali kollu tagħha.

40.      Kif tindika b’mod partikolari l-Kummissjoni, madankollu, ma kinitx l-intenzjoni li tiġi eskluża l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt Komunitarju b’rilevanza għaż-żoni taħt il-kontroll tal-komunità Torka ta’ Ċipru. B’hekk, l-Artikolu 3(1) tal-Protokoll jipprovdi li s-sospensjoni tal-acquis communautaire m’għandhiex teskludi miżuri li għandhom il-ħsieb li jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku taż-żoni msemmija.(13) Barra minn hekk, abbażi tal-Artikolu 2 tal-Protokoll, regoli dwar il-moviment tal-merkanzija u tal-persuni bejn iż-żoni differenti ġew stabbiliti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 866/2004. (14)

41.      Dawn ir-regoli mhumiex kunfliġġenti mal-għan tal-Protokoll li jippermetti d-dħul tar-Repubblika ta’ Ċipru fl-Unjoni minkejja l-kontroll effettiv limitat fuq it-territorju nazzjonali tagħha, iżda pjuttost jippromwovi l-iżvilupp magħqud taż-żewġ partijiet tal-pajjiż.

42.      L-għan imsemmi iktar ’il fuq fir-rigward tal-Protokoll lanqas ma jirrikjedi s-sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ Regolament Nru 44/2001 fis-sitwazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża. B’mod partikolari, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-Qorti Distrettwali ta’ Nikosija fir-Renju Unit ma jagħtux lok għal xi obbligi li ma jistgħux jiġu osservati mir-Repubblika ta’ Ċipru fir-rigward ta’ Ċipru ta’ Fuq li jwassluha għal kunflitt mad-dritt Komunitarju. Bil-kontra, huma biss il-qrati tar-Renju Unit li huma meħtieġa li jaġixxu.

43.      Madankollu, D.C. Orams u L. E. Orams jirreferu għal għan ulterjuri tal-Protokoll li jwassal għal ftehim komprensiv dwar il-problema ta’ Ċipru, konsistenti mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, (15) li huwa msemmi, b’mod partikolari fl-ewwel premessa fil-preambolu għall-Protokoll. Is-sentenza inkwistjoni tal-Qorti Distrettwali ta’ Nikosija tantiċipa ftehim komprensiv tal-kwistjonijiet dwar proprjetà. Ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tagħha għalhekk huma kunfliġġenti mal-għanijiet tal-Protokoll u tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-Nazzjonijiet Uniti.

44.      Madankollu, din l-oġġezzjoni, ma jistax ikollha l-effett li b’mod ġenerali ma jiġix applikat ir-Regolament Nru 44/2001 fi Stati Membri kull fejn sentenzi ta’ qorti ta’ Stat Membru jagħmlu referenza għaż-żona ta’ Fuq ta’ Ċipru.

45.      Huwa ċertament minnu li l-Kunsill tas-Sigurtà ripetutament għamel sejħiet għaż-żamma tal-paċi f’Ċipru u għall-integrità territorjali tal-pajjiż. F’dan il-kuntest, il-komunità internazzjonali wkoll għamlet sejħiet biex tinżamm kull azzjoni li tista’ tkabbar il-kunflitt. (16) Madankollu mhuwiex possibbli li minn dawn is-sejħiet pjuttost ġenerali jirriżulta xi obbligu li wieħed jibqa’ lura milli jirrikonoxxi sentenzi ta’ qrati taż-żona Griega ta’ Ċipru li għandhom x’jaqsmu ma’ talbiet dwar proprjetà ta’ art fiż-żona Torka ta’ Ċipru.

46.      Barra minn hekk, bl-ebda mod ma huwa ċar li, b’mod globali, l-applikazzjoni tar-regolament tkabbar il-kunflitt Ċiprijott. Saħansitra jista’ jkollha l-effett oppost u tippromwovi n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet ekonomiċi. Huwa preċiżament minħabba li l-linja bejn iż-żewġ żoni ta’ Ċipru ġiet miftuħa għall-moviment tal-merkanzija u tal-persuni (17) li jistgħu jiġu kkontemplati ħafna relazzjonijiet legali differenti fejn ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni fi Stati Membri oħra ta’ sentenzi mogħtija minn qrati tar-Repubblika ta’ Ċipru u l-applikazzjoni tar-regoli dwar ġurisdizzjoni fir-regolament huma wkoll ta’ interess għall-partijiet li joqogħdu fiż-żona ta’ Fuq.

47.      B’hekk, mhijiex paċifika bejn il-partijiet il-kwistjoni dwar jekk ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenza kkonċernata jikkawżawx preġudizzju jew iwasslux għar-riżoluzzjoni finali tal-kwistjonijiet dwar proprjetà. Għaldaqstant M. Apostolides isostni li l-bejgħ ta’ art esproprjata fir-RTĊF lil ċittadini ta’ Stati Membri oħra jikkomplika r-restituzzjoni tagħha bħala parti minn soluzzjoni konsenswali sussegwenti. Li kieku persuni fil-pożizzjoni tiegħu setgħu jeżegwixxu drittijiet ta’ proprjetà fuq l-art inkwistjoni, dan jiddiswadi xerrejja potenzjali.

48.      F’dan l-istadju mhuwiex neċessarju li jiġi ddeterminat b’mod definittiv x’effett ikollha s-sospensjoni tal-applikazzjoni tar-regolament fir-rigward ta’ każijiet li jinvolvu elementi rilevanti għal Ċipru ta’ Fuq, fuq il-proċess politiku għar-riżoluzzjoni tal-kunflitt. L-applikazzjoni tar-regolament ma tistax issir dipendenti fuq dawn l-evalwazzjonijiet politiċi kumplessi. Dan ikun kontra l-prinċipju taċ-ċertezza legali, li l-osservanza tiegħu huwa wieħed mill-għanijiet tar-Regolament. (18) Għaldaqstant, ir-regoli dwar ġurisdizzjoni fir-regolament għandhom jippermettu, b’mod li jkun kjarament prevedibbli, li tiġi ddeterminata l-qorti li għandha ġurisdizzjoni. (19) Barra minn hekk, ir-rikorrent fi proċedimenti quddiem qorti ta’ Stat Membru għandu jkun f’pożizzjoni li jipprevedi b’ċertezza suffiċjenti jekk, abbażi tar-regolament, sentenza li tikkonkludi proċedimenti tistax tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor, sa fejn ma teżisti ebda waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti fir-regolament.

49.      M. Apostolides imur lil hinn minn hekk. Huwa jsostni li l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 hija meħtieġa sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tas-sentenza Loizidou tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. (20)

50.      F’din is-sentenza u f’oħrajn, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li l-esproprjazzjonijiet li saru wara l-okkupazzjoni ta’ Ċipru ta’ Fuq huma invalidi u ma jaffettwawx il-pożizzjoni f’dik li hija proprjetà tar-refuġjati li ġew spostati. (21) Iċ-ċaħda mill-aċċess għal u l-użu tal-proprjetà jiksru għaldaqstant l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u li kulħadd għandu d-dritt għar-rispett ta’ daru (Artikolu 8 (1) tal-KEDB), sa fejn il-persuni kkonċernati huma proprjetarji ta’ dar f’dik l-art. (22) Madankollu, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem reċentement irrikonoxxiet ukoll li l-Kummissjoni tal-Proprjetà Immobbli fil-frattemp ġiet stabbilita mir-RTĊF tissodisfa, bħala prinċipju, ir-rekwiżiti tal-KEDB; madankollu fil-proċedimenti nfushom hija ddeċidiet li r-rikorrent kellu jingħata kumpens minħabba ksur tad-drittijiet tiegħu skont il-KEDB. (23)

51.      F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jiġi osservat li l-ebda waħda mis-sentenzi ċċitati ma kienet relatata mas-sitwazzjoni ta’ M. Apostolides innifsu. Għaldaqstant ma teżisti ebda konstatazzjoni min-naħa tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li tikkonċerna t-talbiet speċifiċi tiegħu dwar proprjetà li għandha tiġi osservata direttament.

52.      Jeħtieġ, l-iktar, li jiġi kkunsidrat jekk id-dritt għal smigħ xieraq u għal protezzjoni legali effettiva, stabbilit fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB, jirrikjedix attwalment li s-sentenza tal-Qorti Distrettwali ta’ Nikosija, li tikkonċerna t-talbiet ta’ M. Apostolides, tiġi eżegwita. (24) Madankollu, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sa issa, milli jidher, irrikonoxxiet it-tali dritt biss fir-rigward tal-eżekuzzjoni fl-Istat fejn ingħatat is-sentenza. (25) Il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 6(1) tal-KEDB jrendix vinkolanti r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi barranin obbligatorji tibqa’ miftuħa għalissa, peress li kif ġie espost, ir-Regolament Nru 44/2001 huwa applikabbli fi kwalunkwe każ u jikkonferixxi dritt korrispondenti. F’kull każ, l-Artikolu 6(1) tal-KEDB ma jwassalx għal xi riżultat ulterjuri mill-applikazzjoni xierqa tar-regolament konsistenti mal-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem.

53.      Bħala konklużjoni, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun kif ġej:

Is-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-acquis communautaire fiż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru fejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv, kif previst fl-Artikolu 1(1) tal-Protokoll Nru 10 tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003, ma jipprekludix qorti ta’ Stat Membru ieħor milli tirrikonoxxi u teżegwixxi, abbażi tar-Regolament Nru 44/2001, sentenza mogħtija minn qorti tar-Repubblika ta’ Ċipru li tinvolvi elementi li għandhom rilevanza fuq iż-żona mhux kontrollata mill-Gvern ta’ dan l-Istat.

B –    It-tieni sal-ħames domandi

54.      Permezz tat-tieni sal-ħames domandi l-Court of Appeal qed titlob l-interpretazzjoni tal-Artikoli 35(1) u 34(1) u (2) tar-Regolament Nru 44/2001 fir-rigward tar-raġunijiet possibbli għal nuqqas ta’ rikonoxximent u nuqqas ta’ eżekuzzjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni. Qabel ma jingħataw ir-risposti għal dawn id-domandi, għandu jiġi stabbilit jekk il-każ jaqax fil-portata tar-regolament. Il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk il-każ huwiex materja ċivili jew kummerċjali skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1) tar-regolament.

1.      Osservazzjoni preliminari dwar il-portata tar-regolament

55.      Huwa minnu li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-kwistjoni bejn M. Apostolides u D.C. Orams u L. E. Orams hija kwistjoni bejn partijiet privati. Madankollu, hija ssostni li din għandha titqiegħed f’kuntest usa’ u li għandha tingħata kunsiderazzjoni għall-fatt li kwistjonijiet dwar art proprjetà ta’ refuġjati Ċiprijotti Griegi jsibu l-oriġini tagħhom fl-okkupazzjoni militari ta’ Ċipru ta’ Fuq.

56.      Fil-fehma tal-Kummissjoni, ikun konformi mal-prattika internazzjonali li r-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet individwali dwar proprjetà b’riżultat ta’ konflitt armat titħalla f’idejn istituzzjonijiet speċjalizzati, kif ġie pprovdut fil-Pjan Annan għar-riunifikazzjoni ta’ Ċipru. Wara li falla dan il-pjan, ir-RTĊF ippromulgat leġiżlazzjoni li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (26) biex jiġu deċiżi talbiet għal kumpens u waqqfet Kummissjoni tal-Proprjetà Immobbli. It-talbiet għar-restituzzjoni ta’ proprjetà u kumpens għaċ-ċaħda mill-użu tagħha, li huma koperti b’din il-leġislazzjoni, jaqgħu taħt il-liġi pubblika.

57.      Il-Kummissjoni ssostni li, meta jiġi applikat ir-Regolament Nru 44/2001, wieħed għandu jikkunsidra li jeżisti rimedju legali alternattiv li jikkonforma mal-KEDB. L-Artikolu 71(1) tar-regolament jipprovdi li dan m’għandux jaffettwa xi konvenzjonijiet li, fir-rigward ta’ materji partikolari, jirregolaw ġurisdizzjoni jew ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi. L-iskema ta’ kumpens introdott taħt is-superviżjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tista’ titqies bħala konvenzjoni ta’ dan it-tip.

58.      F’dan ir-rigward għandha tinġibed l-attenzjoni għall-ġurisprudenza stabbilita li ‘materja ċivili u kummerċjali’ hija kunċett indipendenti li għandha tiġi interpretata b’referenza, qabel kollox, għall-għanijiet u l-istruttura tar-Regolament Nru 44/2001 jew tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u, sussegwentement, għall-prinċipji legali ġenerali li joriġinaw mill-corpus tas-sistemi legali nazzjonali. (27)

59.      Huma biss kawżi bejn awtorità pubblika u persuna rregolata mid-dritt privat li jaqgħu barra mill-portata tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, u biss sa fejn din l-awtorità taġixxi fl-eżerċizzju tas-setgħat pubbliċi. (28) B’hekk, il-kawża Lechouritou, (29) li tagħmel referenza għaliha l-Kummissjoni, kienet tikkonċerna azzjoni legali mressqa minn individwu privat kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-rigward ta’ danni sofferti b’riżultat ta’ delitti tal-gwerra kommessi mill-forzi armati Ġermaniżi.

60.      Madankollu, f’dan il-każ, M. Apostolides mhuwiex qed jagħmel xi talbiet ta’ restituzzjoni jew ta’ kumpens kontra awtorità tal-gvern, iżda talba ċivili għar-restituzzjoni ta’ art u talbiet oħra konnessi mat-telf ta’ tgawdija tal-art kontra D.C. Orams u L. E. Orams.

61.      Dawn it-talbiet ma tbiddlux fin-natura tagħhom bħala riżultat tal-possibbiltà li M. Apostolides jista’ jkollu talbiet alternattivi jew addizzjonali taħt id-dritt pubbliku pendenti kontra l-awtoritajiet tar-RTĊF. Għalhekk m’hemmx bżonn li hawnhekk jiġi deċiż jekk dawn it-talbiet alternattivi jew addizzjonali kinux fil-fatt diġà jeżistu meta, permezz ta’ kawża quddiem il-Qorti Distrettwali ta’ Nikosija, M. Apostolides kiseb is-sentenza li issa qed tiġi mitluba l-eżekuzzjoni tagħha. (30)

62.      Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li titressaq kawża abbażi ta’ talba li toriġina minn att fl-eżerċizzju ta’ setgħat pubbliċi huwa biżżejjed biex din il-kawża titqies, tkun xi tkun in-natura tal-proċedimenti possibbli taħt id-dritt nazzjonali għal dan il-għan, li taqa’ barra mill-portata tal-Konvenzjoni ta’ Brussell. (31) F’dan ir-rigward jista’ jitqies li l-interferenza fil-proprjetà għandha l-oriġini tagħha f’miżuri li ttieħdu mill-forzi armati Torok u/jew mill-awtoritajiet tar-RTĊF. Madankollu, din il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tapplika biss għal kawża bejn awtorità pubblika u persuna rregolata mid-dritt privat. (32)

63.      Fejn jeżistu bosta relazzjonijiet li jinvolvu parti li tkun awtorità pubblika u persuna rregolata mid-dritt privat, kif ukoll partijiet irregolati mid-dritt privat biss, huwa meħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni r-relazzjoni legali bejn il-partijiet fil-kontroversja, il-bażi tal-kawża mressqa u r-regoli dettaljati li jirregolaw il-mod ta’ kif titressaq din il-kawża. (33) Fil-kawża prinċipali, rikorrent privat qed jasserixxi talbiet regolati bid-dritt privat kontra persuni privati oħra quddiem qorti ċivili, biex għaldaqstant, abbażi taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, il-kawża hija kjarament kwistjoni ta’ dritt ċivili.

64.      Ikun probabbilment possibbli li jiġu esklużi talbiet ċivili bħal dawn permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali jew internazzjonali u li l-partijiet ikkonċernati jiġu limitati sabiex jagħmlu biss talba għal restituzzjoni jew għal kumpens kontra l-Istat. Dan jista’ jfisser li l-aċċess għal qrati ċivili ma jkunx aktar possibbli.

65.      Madankollu, ir-Repubblika ta’ Ċipru evidentement ma rrikorrietx għal din il-possibbiltà. Attwalment, lanqas ma jeżisti xi ftehim ekwivalenti taħt id-dritt internazzjonali. F’kull każ, il-Qorti Distrettwali ta’ Nikosija u l-qrati sussegwenti ma għamlu ebda referenza fis-sentenzi tagħhom għal xi esklużjoni bħal din ta’ talbiet ċivili jew ta’ rikors quddiem il-qrati ċivili. Anki jekk dan kien żbaljat bħala punt ta’ liġi, il-Court of Appeal, bħala prinċipju, ma għandhiex fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni, tirrevedi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Distrettwali ta’ Nikosija (l-Artikolu 34(3) tar-Regolament Nru 44/2001) jew il-legalità sostantiva tas-sentenza li qed jintalab ir-rikonoxximent tagħha (l-Artikoli 36 u 45(2) tar-regolament).

66.      Madankollu, il-Kummissjoni tidher li qed tieħu l-pożizzjoni li l-esklużjoni ta’ talbiet ċivili seħħet, bħallikieku, bl-operazzjoni tad-dritt internazzjonali, peress li r-RTĊF ippromulgat leġiżlazzjoni għal kumpens li ġiet approvata, fil-prinċipju, mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

67.      Jien ma nistax naqbel ma’ dan ir-raġunament.

68.      Is-sentenza Xenides-Arestis III (34), li fiha l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem adottat pożizzjoni favur il-kompatibbiltà tal-iskema ta’ kumpens mal-KEDB, ma tagħti ebda indikazzjoni li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni teskludi b’mod validu l-prosekuzzjoni ta’ talbiet ċivili taħt il-liġi tar-Repubblika ta’ Ċipru. Bil-kontra, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem irrifjutat espliċitament l-argument li r-rikorrent kellu l-obbligu li jressaq il-kwistjoni tal-kumpens quddiem il-Kummissjoni tal-Proprjetà Immobbli, u minnflok hija stess iddeċidiet li kellu jingħata kumpens. (35)

69.      Huwa wkoll dubjuż jekk pożizzjoni differenti tistax tkun valida. Dan għaliex fin-nuqqas ta’ rikonoxximent internazzjonali tar-RTĊF, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem innifisha bħala prinċipju tirrifjuta li tagħti validità legali lill-esproprjazzjonijiet magħmula mir-RTĊF. (36) Hija tirrikonoxxi sempliċement li ċerti dispożizzjonijiet adottati minn entitajiet Statali li mhumiex rikonoxxuti internazzjonalment jistgħu jitqiesu bħala validi sabiex jiġu evitati żvantaġġi għall-popolazzjoni kkonċernata. (37) L-argument li l-iskema ta’ kumpens validament jipprekludi talbiet ċivili għad-dannu tal-persuni kkonċernati u mingħajr ftehim mar-Repubblika ta’ Ċipru jkun qed imur lilhinn minn hekk. (38)

70.      L-argument tal-Kummissjoni li, skont l-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 44/2001, l-iskema ta’ kumpens approvata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tipprevali fuq ir-regolament, ukoll ma jreġix.

71.      Din id-dispożizzjoni tipprovdi li r-regolament ma għandux jaffettwa ‘xi konvenzjoni li [tagħha] l-Istati Membri jkunu parti u li [fir-rigward ta’] materji partikolari, [t]irregola ġurisdizzjoni jew ir-rikonoxximent jew eżekuzzjoni ta’ sentenzi’.

72.      L-iskema ta’ kumpens tar-RTĊF, is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li jikkonċernawha u anki l-KEDB innifisha kjarament ma jaqgħux taħt din id-definizzjoni. Filwaqt li KEDB hija konvenzjoni, din ma tipprovdi ebda dispożizzjoni speċifika dwar ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fir-rigward ta’ oqsma legali partikolari li jaqgħu fil-portata tar-regolament. Id-dispożizzjonijiet unilaterali tar-RTĊF mhumiex konvenzjoni. Barra minn hekk, is-sentenzi tal-QEDB li jikkonċernawhom ma jgħidu xejn dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ċivili.

73.      Għalhekk għandu jiġi konkluż li s-sentenza li qed jintalab ir-rikonoxximent tagħha fil-kawża prinċipali tikkonċerna materja ċivili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001 u għalhekk taqa’ fil-portata tar-regolament.

2.      It-tieni domanda

74.      It-tieni domanda hija intiża sabiex jiġi kkonstatat jekk l-Artikolu 35(1) flimkien mal-Artikolu 22(1) tar-regolament jagħtix id-dritt jew jorbotx lil Stat Membru sabiex jiċħad ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija mill-qrati ta’ Stat Membru ieħor fir-rigward ta’ art li tinstab f’żona f’dan l-aħħar Stat Membru li fuqha l-Gvern ta’ dan l-Istat Membru ma jeżerċitax kontroll effettiv.

75.      Qabel ma tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi osservat li, skont il-premessi 2, 6, 16 u 17 tal-preambolu tiegħu, ir-regolament huwa intiż sabiex jassigura l-moviment liberu ta’ sentenzi minn Stati Membri f’materji ċivili u kummerċjali billi jissimplifika l-formalitajiet bl-għan li jiġu mħaffa u ssimplifikati r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ dawn is-sentenzi. (39)

76.      B’mod konformi ma’ dan il-għan, l-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li sentenza mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rrikonoxxuta mill-Istati Membri l-oħra mingħajr ma jkun hemm bżonn tal-implementazzjoni ta’ xi proċedura speċjali. Ir-rikonoxximent jista’ jiġi rrifjutat biss fiċ-ċirkostanzi speċifikati fl-Artikoli 34 u 35.

77.      Skont l-Artikolu 38(1) tar-Regolament Nru 44/2001, sentenza mogħtija fi Stat Membru u eżegwibbli f’dak l-Istat għandha tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor meta, fuq rikors ta’ parti interessata, tkun ġiet iddikjarata eżegwibbli hemmhekk. Bl-istess mod, l-Artikolu 45(1) tar-regolament jintitola lill-qorti li quddiemha jkun tressaq appell sabiex tiċħad li tagħti dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà biss abbażi tar-raġunijiet imsemmija fl-Artikoli 34 u 35.

78.      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 35(3) tar-regolament jistabbilixxi l-prinċipju li l-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat tal-oriġini tas-sentenza ma tistax tiġi riveduta. Skont l-Artikolu 35(1), tapplika eċċezzjoni fir-rigward ta’ ksur tar-regoli li jagħtu ġurisdizzjoni esklużiva lil ċerti qrati, inkluża r-regola li tispeċifika l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli, imsemmija fl-Artikolu 22(1) tar-regolament.

79.      Skont l-Artikolu 22(1), fi proċedimenti li għandhom bħala s-suġġett tagħhom drittijiet in rem fi proprjetà immobbli jew kirjiet fi proprjetà immobbli, il-qrati tal-Istat Membru fejn tkun tinstab il-proprjetà għandu jkollhom ġurisdizzjoni esklużiva, indipendentement mid-domiċilju. Din id-dispożizzjoni tinkiser, taħt l-Artikolu 35(1), jekk is-sentenza kienet tikkonċerna drittjiet in rem f’art li tinsab, mhux fl-Istat tal-oriġini, ir-Repubblika ta’ Ċipru, imma fi Stat Membru ieħor.

80.      Kif isostnu korrettement M. Apostolides, il-Gvernijiet tal-Greċja u ta’ Ċipru u l-Kummissjoni, taħt id-dritt internazzjonali r-Repubblika ta’ Ċipru hija l-uniku Stat rikonoxxut fil-gżira ta’ Ċipru.(40) It-territorju tagħha jinkludi wkoll iż-żona ta’ Fuq tal-gżira, li fiha tinsab l-art inkwistjoni f’dan il-każ. (41) Ir-RTĊF, li effettivament tikkontrolla din iż-żona, ma ġiet rikonoxxuta minn ebda Stat ieħor ħlief it-Turkija. (42) Għandu jingħad ukoll li skont il-Protokoll Nru 10 l-Istati Kontraenti għall-Att tal-Adeżjoni wkoll ikkunsidraw lil Ċipru ta’ Fuq bħala parti mit-territorju tar-Repubblika ta’ Ċipru u għaldaqstant bħala parti mit-territorju aderenti. Inkella ma kienx ikun meħtieġ li tiġi sospiża l-applikazzjoni tal-acquis komuni f’dik il-parti tal-gżira.

81.      Is-sentenza fir-rigward ta’ liema l-qorti tar-rinviju għandha tiddeċidi jekk tagħtix dikjarazzjoni ta’ eżekużżjoni tikkonċerna, għall-inqas parzjalment, (43) drittijiet in rem, b’mod partikolari l-proprjetà ta’ art li tinsab fir-Repubblika ta’ Ċipru. B’interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 44/2001, għaldaqstant mhemm l-ebda dubju dwar il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati ta’ dan l-Istat Membru.

82.      Madankollu, D.C. Orams u L. E. Orams isostnu li t-tifsira u l-għan tad-dispożizzjoni jeskludu din il-konklużjoni.

83.      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-raġuni essenzjali għall-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat fejn tinstab il-proprjetà hija li l-qorti tal-post fejn tinsab il-proprjetà hija fl-aħjar pożizzjoni li tittratta kwistjonijiet relatati ma’ drittijiet in rem fi proprjetà immobbli. (44) Kwistjonijiet bħal dawn għandhom b’mod ġenerali jiġu deċiżi billi tiġi applikata l-liġi tal-Istat fejn tinsab il-proprjetà. Dawn ta’ spiss jeħtieġu investigazzjoni tal-fatti fuq il-post. L-għoti ta’ ġurisdizzjoni esklużiva lill-qorti tal-post fejn tinsab il-proprjetà, għal raġunijiet ta’ prossimità, tissodisfa l-ħtieġa ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. (45)

84.      Is-Sinjuri Orams jiddeduċu minn dan li l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv u ma jagħtix ġurisdizzjoni lill-qrati tar-Repubblika ta’ Ċipru għal kawżi dwar art li tinsab fiż-żona ta’ Fuq. Fin-nuqqas ta’ kontroll effettiv fuq din iż-żona, il-qrati tar-Repubblika ta’ Ċipru ma għandhomx fil-fatt il-vantaġġ ta’ prossimità partikolari.

85.      Jekk din il-pożizzjoni, li ma ssib ebda sostenn fil-kliem tad-dispożizzjoni, hijiex korretta tista’, fl-analiżi finali, tibqa’ kwistjoni miftuħa. L-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jinkiser biss jekk, minflok il-qrati tar-Repubblika ta’ Ċipru, il-qrati ta’ Stat Membru ieħor, kellu jkollhom ġurisdizzjoni abbażi tal-post fejn tinsab il-proprjetà. Mhuwiex ċar liema Stat Membru għandu jkun. Jekk wieħed jeskludi l-pożizzjoni tagħha taħt id-dritt internazzjonali, l-aktar li jista’ jingħad dwar ir-RTĊF huwa li din għandha tiġi ttrattata bl-istess mod bħal Stat mhux membru. Madankollu, b’din il-premessa, peress li l-Artikolu 22(1) ma jagħtix direttament ġurisdizzjoni esklużiva fuq qrati ta’ Stat mhux membru, id-dispożizzjoni nnifisha ma tistax tinkiser.

86.      Huwa minnu li fil-kitba akkademika mhuwiex paċifiku jekk l-Artikolu 22(1) jipproduċix ‘effett riflessiv’ favur Stati mhux membri. (46) Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li ma taċċettax li hemm dan l-effett. Bl-istess mod, fl-Opinjoni mogħtija dwar il-Konvenzjoni l-ġdida ta’ Lugano, hija ddikjarat li l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-post fejn tinsab proprjetà immobbli fi Stat mhux membru tipprevali fuq il-ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 2 tar-regolament, tal-qrati tal-post ta’ residenza tal-konvenut sempliċement minħabba li l-Konvenzjoni ta’ Lugano tinkludi dispożizzjoni identika għall-Artikolu 22 tar-regolament; huwa biss taħt ir-regolament li l-qrati tal-post ta’ residenza fil-Komunità huma l-iktar approprjati sabiex ikollhom il-ġurisdizzjoni. (47)

87.      F’kull każ, ikun żbaljat li jitħalla japplika effett riflessiv bħal dan anki fir-rigward tal-Artikolu 35(1) tar-Regolament Nru 44/2001. B’hekk mill-interazzjoni tal-Artikolu 35(1) u (3) jirriżulta li ċ-ċaħda tar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni minħabba ksur tar-regoli tal-ġurisdizzjoni hija permessibbli biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali. Għaldaqstant il-portata tal-Artikolu 35(1) ma għandhiex tiġi estiża billi intrużjoni fuq il-ġurisdizzjoni tal-qrati fi Stati mhux membri li mhumiex partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Lugano tibda’ titqies bħala raġuni għan-nuqqas ta’ rikonoxximent.

88.      Sabiex kollox ikun ittieħed inkunsiderazzjoni, wieħed għandu jsemmi wkoll il-konsegwenzi li jirriżultaw jekk ir-RTĊF – bil-kontra għall-pożizzjoni li ttieħdet hawnhekk – kellha titqies b’mod analogu għal Stat mhux membru. Il-qrati tar-Repubblika ta’ Ċipru mbagħad ma jkollhomx ġurisdizzjoni esklużiva taħt l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 44/2001 fir-rigward ta’ kwistjonijiet konnessi ma’ art li tinsab fir-RTĊF. Ir-regoli ġenerali ta’ ġurisdizzjoni għaldaqstant isiru applikabbli. Il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Distrettwali ta’ Nikosija attwalment kellhiex ġurisdizzjoni jew le taħt dawn ir-regoli (48) ma għandhiex ikollha rilevanza fuq ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenza tagħha skont l-Artikolu 35(3).

89.      Għaldaqstant ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 35(1) flimkien mal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jintitolawx qorti ta’ Stat Membru sabiex tirrifjuta r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija mill-qrati ta’ Stat Membru ieħor rigward art li tinsab f’żona ta’ dan l-aħħar Stat Membru li fuqha l-Gvern ta’ dan l-Istat Membru ma jeżerċita ebda kontroll effettiv.

3.      It-tielet domanda

90.      It-tielet domanda tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-provvediment dwar l-ordni pubblika fl-Artikolu 34(1) ta’ Regolament Nru 44/2001. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza għandhomx jiġu rrifjutati abbażi ta’ dan il-provvediment fejn is-sentenza ma tistax tiġi eżegwita fil-prattika fl-Istat fejn ingħatat is-sentenza stess, għaliex tikkonċerna art f’żona ta’ dan l-Istat li fuqha l-Gvern ta’ dan l-Istat ma jeżerċita ebda kontroll effettiv.

91.      L-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li sentenza ma għandhiex tiġi rrikonxxuta jekk dan ir-rikonoxximent imur manifestament kontra l-ordni pubblika tal-Istat Membru li fih qed jintalab ir-rikonoxximent.

92.      Fil-kawża ewlenija Krombach, (49) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell – li ppreċeda l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 – għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. Id-dispożizzjoni tikkostitwixxi ostakolu għall-kisba ta’ wieħed mill-għanijiet fundamentali tal-Konvenzjoni, li huwa l-ħolqien ta’ sistema awtonoma u koerenti li tiżgura l-moviment liberu ta’ sentenzi fil-Komunità. B’mod aktar speċifiku, l-użu tal-klawżola dwar l-ordni pubblika fl-Artikolu 27, punt 1, tal-Konvenzjoni ta’ Brussell għandha tiġi invokata biss f’każijiet eċċezzjonali. (50)

93.      Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja siltet il-konklużjoni li ġejja: (51)

‘Jista’ jsir rikors għall-klawżola tal-ordni pubblika prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni, fil-każ biss li r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fi Stat Kontraenti ieħor jolqtu s-sistema legali tal-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta’ sentenza b’mod inaċċettabbli, peress li jikser prinċipju fundamentali. Sabiex tiġi mħarsa l-projbizzjoni tar-reviżjoni tal-mertu ta’ sentenza mogħtija minn qorti barranija, il-ksur għandu jikkostitwixxi vjolazzjoni manifesta ta’ regola tad-dritt ikkunsidrata bħala essenzjali fis-sistema legali tal-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta’ sentenza jew ta’ dritt rikonoxxut bħala fundamentali f’din is-sistema legali.’

94.      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ulterjorment li, filwaqt li l-Istati Kontraenti, bħala prinċipju, jibqgħu liberi, bis-saħħa tar-riżerva fil-punt 1 tal-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li jiddeterminaw, skont il-kunċett nazzjonali tagħhom, il-ħtiġijiet tal-ordni pubblika tagħhom, il-limiti ta’ dan il-kunċett jaqgħu taħt l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni. (52) B’hekk, filwaqt li mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddefinixxi l-kontenut tal-ordni pubblika ta’ Stat Kontraenti, madankollu hija għandha tikkontrolla l-limiti li fihom il-qorti ta’ Stat Kontraenti tista’ tirrikorri għal dan il-kunċett sabiex ma tirrikonoxxix sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Kontraenti ieħor. (53)

95.      Fid-dawl ta’ dawn il-konklużjonjiet, għandu jiġi eżaminat jekk in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fattwali ta’ sentenza fl-Istat fejn ingħatat jistax jitqies bħala ksur manifest tal-ordni pubblika, kif inhu msemmi fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jeskludi r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tagħha fi Stat Membru ieħor.

96.      Kif jindikaw ġustament il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni, l-eżekuzzjoni ta’ sentenza fl-Istat fejn ingħatat hija diġà, taħt l-Artikolu 38(1) tar-Regolament Nru 44/2001, kundizzjoni għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà minn qorti ta’ Stat Membru ieħor. Għaldaqstant, strument li jista’ jiġi eżegwit ma għandux ikollu effett iktar wiesa’ fl-Istat fejn tkun qed tintalab l-eżekuzzjoni milli fl-Istat tal-oriġini. (54)

97.      Fis-sentenza Coursier, (55) il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat is-silta korrispondenti fl-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell fis-sens li t-terminu “eżegwibbli” jirreferi biss għall-eżekuzzjoni, f’termini formali, ta’ sentenzi barranin u mhux għaċ-ċirkostanzi li fihom dawn is-sentenzi jistgħu jiġu eżegwiti fl-Istat tal-oriġini. Ma tistax issir eżekuzzjoni formali jekk ikun sar jew jista’ jsir appell mis-sentenza u s-sentenza ma tkunx ġiet iddikjarata provviżorjament eżegwibbli.

98.      Ikun inkonsistenti mal-għan tar-Regolament Nru 44/2001 li jiġi żgurat il-moviment liberu tas-sentenzi bis-sempliċi rikonoxximent u eżekuzzjoni (56) jekk id-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà kellha tiddependi fuq kundizzjonijiet fattwali għall-eżekuzzjoni tas-sentenza fl-Istat ta’ fejn tkun ingħatat. Bil-kontra tal-eżekuzzjoni f’sens formali, ċertifikat tat-tip msemmi fl-Artikolu 54 tar-regolament ma jippermettix li jkun awtomatikament possibbli li jiġi kkonfermat, b’mod partikolari jekk u taħt liema kundizzjonijiet sentenza tista’ tiġi eżegwita fil-prattika fl-Istat fejn tkun ingħatat. Barra minn hekk, raġunijiet fattwali għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni bl-ebda mod ma jbiddlu l-effett legali tas-sentenza.

99.      Dan il-każ stess juri l-fatturi potenzjali li mhumiex kwantifikabbli li jirriżultaw jekk tittieħed inkunsiderazzjoni l-eżekuzzjoni fattwali. Huwa minnu li wħud mit-talbiet li jistgħu jiġu eżegwiti fil-preżent mhumiex eżegwibbli f’Ċipru, peress li r-Repubblika ta’ Ċipru ma tistax teżerċita sovranità fiż-żona fejn tinsab l-art inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, l-eżekuzzjoni ta’ talbiet pekunjarji hija perfettament possibbli fil-parti tal-gżira kkontrollata mir-Repubblika ta’ Ċipru, sa fejn is-Sinjuri Orams għandhom assi għad-dispożizzjoni tagħhom hemmhekk, bħal bilanċi ta’ kreditu ma’ banek u dħul ieħor.

100. Peress li l-eżekuzzjoni ta’ sentenza barranija fl-Istat tal-oriġini bħala kundizzjoni għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbilità mill-qrati ta’ Stat Membru ieħor hija stabbilita b’mod definittiv fl-Artikolu 38(1) tar-regolament, l-istess kundizzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata b’tifsira differenti fil-kuntest tal-provvediment dwar l-ordni pubblika. Bl-istess mod, it-tieni sentenza tal-Artikolu 35(3) tar-regolament Nru 44/2001, pereżempju, teskludi wkoll espliċitament in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, li taħt l-Artikolu 35 ma tistax tiġi riveduta, milli tiġi kkunsidrata madankollu bħala ksur tal-ordni pubblika tat-tip imsemmi fl-Artikolu 34(1).

101. Il-Kummissjoni kif ukoll is-Sinjuri Orams li jadottaw ir-raġunament tagħha, iqajjmu barra minn hekk il-kwistjoni dwar jekk jistax jiġi sostnut motiv differenti kontra l-eżekuzzjoni. Huma jsostnu li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti Distrettwali ta’ Nikosija tista’ tikser ‘l-ordni pubblika internazzjonali’ billi tostakola l-isforzi tal-komunità internazzjonali biex issib soluzzjoni għall-problema ta’ Ċipru.

102. F’dan ir-rigward għandu qabel kollox jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju stess ma kkunsidratx motiv bħal dan biex jiġu miċħuda r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni fir-Renju Unit. Bħala prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta bis-suġġett tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, li l-qorti tar-rinviju ddeterminat fid-digriet ta’ rinviju tagħha. Il-partijiet normalment mhumiex awtorizzati jissottomettu domandi addizzjonali lill-Qorti tal-Ġustizzja li jmorru lil hinn mis-suġġett ikkonċernat. (57)

103. Dan huwa partikolarment minnu fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ‘ordni pubblika’ fl-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001, peress li huma l-Istati Membri li skont il-fehma tagħhom għandhom jiddeterminaw x’tirrikjedi l-ordni pubblika. (58) Hemm ukoll il-fatt li l-Gvern tar-Renju Unit ma pparteċipax f’dawn il-proċedimenti. B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex informazzjoni attendibbli dwar jekk ir-raġunijiet imqajjma mill-Kummissjoni għandhomx jitqiesu bħala ordni pubblika f’dan l-Istat Membru.

104. Madankollu, il-Kummissjoni tibbaża ruħha espliċitament fuq l-ordni pubblika internazzjonali. Hija tammetti li l-Artikolu 34(1) jieħu inkunsiderazzjoni biss l-ordni pubblika fl-Istat Membru li fih qed jintalab ir-rikonoxximent. Madankollu, fil-fehma tagħha, m’hemm l-ebda raġuni għalfejn motivi ta’ ordni pubblika internazzjonali ma għandhomx fl-istess ħin jitqiesu bħala ordni pubblika nazzjonali.

105. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssib li jkun xieraq li tiddiskuti dan l-aspett, minkejja li mhuwiex is-suġġett tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, jien kont nagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin fir-rigward ta’ dan.

106. Fis-sentenza Krombach, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li huwa l-kompitu tagħha li tirrevedi l-limiti li fihom il-qrati ta’ Stat Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Brussell jistgħu jirrikorru għall-kunċett ta’ ordni pubblika bl-iskop li jiġi rrifjutat ir-rikonoxximent ta’ sentenza li tkun ingħatat minn Stat Kontraenti. (59) Peress li d-drittijiet fundamentali, kif imsemmija fil-KEDB, huma parti integrali mill-prinċipji ġenerali tal-liġi, hija kkonkludiet li qorti ta’ Stat Membru tista’ tiċħad ir-rikonoxximent ta’ sentenza barranija li tkun ingħatat bi ksur manifest tad-drittijiet fundamentali. (60)

107. Għal din ir-raġuni, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant stabbilixxiet rabta bejn id-drittijiet fundamentali tal-bniedem protetti mill-KEDB fuq livell internazzjonali u l-ordni pubblika nazzjonali. Iċ-ċaħda ta’ rikonoxximent ta’ sentenza barranija għalhekk tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 34(1) tar-regolament, f’kull każ fejn ir-rekwiżiti tal-ordni pubblika nazzjonali jiġu użati bħala rimedju għal ksur manifest tad-drittijiet fundamentali inkorporati fil-KEDB.

108. Għadu ma ġiex aċċertat b’mod definittiv jekk il-qrati mhux biss huma intitolati, iżda wkoll obbligati, li jiċħdu r-rikonoxximent ta’ sentenza barranija li manifestament tikser id-drittijiet fundamentali tal-Komunità. Din il-pożizzjoni hija sostnuta mill-fatt li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-qrati nazzjonali huma marbuta bid-drittijiet fundamentali meta jkunu qed jittrattaw sitwazzjoni li taqa’ fil-portata tad-dritt Komunitarju. (61)

109. Madankollu, f’dan il-każ il-Kummissjoni mhjiex qed issostni li s-sentenza li qed tintalab l-eżekuzzjoni tagħha tikser id-drittijiet fundamentali. Fil-fehma tagħha, il-kwistjoni minflok hija dwar ħtiġijiet ta’ politika internazzjonali fir-rigward tal-problema ta’ Ċipru. Dawn il-ħtiġijiet sa ċertu punt saru vinkolanti sa fejn ġew stabbiliti fir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. (62) Dan japplika, pereżempju, għall-obbligu li għandhom l-Istati li jibqgħu lura minn kull azzjoni li tista’ tkabbar il-kunflitt ta’ Ċipru.

110. Iż-żamma tal-paċi u l-istabbiliment mill-ġdid tal-integrità territorjali ta’ Ċipru ċertament huma kawżi nobbli. Madankollu, jekk dawn l-għanijiet jistgħux jiġu kkunsidrati bħala ‘regola ta’ dritt ikkunsidrata bħala essenzjali fis-sistema legali tal-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta’ sentenza jew ta’ dritt rikonoxxut bħala fundamentali f’din is-sistema legali’ fi ħdan it-tifsira tal-ġurisprudenza ta’ Krombach (63) huwa estremament dubjuż.

111. Madankollu kif ġie osservat diġà, ir-rekwiżiti u s-sejħiet li jinsabu fir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar Ċipru f’kull każ huma wisq ġeneriċi sabiex jippermettu li ssir deduzzjoni ta’ obbligu speċifiku biex ma tiġi rrikonoxxuta ebda sentenza mogħtija minn qorti tar-Repubblika ta’ Ċipru fir-rigward ta’ drittijiet fuq proprjetà f’art li tinsab f’Ċipru ta’ Fuq. Minbarra dan, mhuwiex ċar jekk rikonoxximent ta’ sentenza fil-kuntest preżenti jkunx ta’ benefiċċju jew ta’ detriment għas-soluzzjoni tal-problema ta’ Ċipru u jekk huwiex ukoll meħtieġ għall-ħarsien tad-drittijiet fundamentali ta’ M. Apostolides. (64)

112. Ir-risposta għat-tielet domanda għaldaqstant għandha tkun li qorti ta’ Stat Membru ma tistax tiċħad ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza abbażi tal-provvediment dwar l-ordni pubblika fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għaliex is-sentenza, għalkemm tista’ tiġi formalment eżegwita fl-Istat fejn ingħatat, ma tistax tiġi eżegwita minħabba raġunijiet fattwali.

4.      Ir-raba’ domanda

113. Ir-raba’ domanda hija intiża sabiex jiġi kkonstatat jekk ir-rikonoxximent ta’ sentenza inkontumaċja jistax jiġi miċħud, skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001, abbażi ta’ irregolaritajiet fin-notifika tal-att promotur, meta s-sentenza tkun ġiet riveduta fi proċedimenti istitwiti mill-konvenut biex jikkontestaha.

114. Skont l-Artikolu 34(2), sentenza m’għandhiex tiġi rrikonoxxuta jekk il-konvenut ma jkunx ġie nnotifikat bl-att promotur fi żmien xieraq u b’tali mod li dan ikun jista’ jħejji għad-difiża tiegħu. Madankollu, skont din id-dispożizzjoni, ma jistgħux jiġu eċċepiti tali irregolaritajiet fin-notifika fejn il-konvenut ikun naqas li jagħti bidu għal proċedimenti biex jikkontesta s-sentenza inkontumaċja meta kien possibbli li jagħmel hekk.

115. F’dan il-każ, is-Sinjuri Orams fil-fatt kienu bdew proċedimenti biex jikkontestaw is-sentenza inkontumaċja quddiem il-Qorti Distrettwali ta’ Nikosija. L-appell tagħhom ġie miċħud wara smigħ sħiħ u xieraq, minħabba li huma ma kellhom ebda difiża plawżibbli (arguable defence) favur it-talba tagħhom. Madankollu huma eċċepew numru ta’ ċirkostanzi b’konnessjoni man-notifika tad-dikjarazzjoni tat-talba li għamluha aktar diffiċli għalihom biex iħejju d-difiża tagħhom fi żmien xieraq, u għamlu referenza għall-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell. (65)

116. Madankollu fis-sentenza ASML(66) il-Qorti tal-Ġustizzja ġibdet l-attenzjoni dwar id-differenza bejn l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 u l-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell. Skont l-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, sentenza ma għandhiex tiġi rrikonoxxuta ‘jekk tkun ingħatat meta l-konvenut ma jkunx ġie debitament innotifikat b[l-att promotur] jew b’xi dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti sabiex huwa jkun jista’ jħejji d-difiża tiegħu’.

117. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001, mhuwiex neċessarjament fattur deċiżiv li att promotur ikun ġie debitament innotifikat. (67) Li jimporta huwa pjuttost jekk id-drittijiet tad-difiża ġewx effettivament osservati. Jekk il-konvenut ikun naqas milli jibda l-proċedimenti biex jikkontesta s-sentenza meta kien possibbli għalih li jagħmel hekk, l-Artikolu 34(2) jippreżumi li d-drittijiet tad-difiża ġew osservati minkejja l-irregolaritajiet fin-notifika.

118. B’hekk, il-ġurisprudenza ċċitata fir-rigward tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell mhijiex applikabbli għall-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001. (68)

119. Il-verżjoni l-ġdida tad-dispożizzjoni tieħu iktar inkunsiderazzjoni l-għan li jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi, iżda mingħajr ma tippreġudika d-dritt għal smigħ xieraq, li skont il-ġurisprudenza stabbilita, huwa wieħed mid-drittijiet fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza tiegħu. (69)

120. F’dan il-każ, is-Sinjuri Orams kellhom l-opportunità li jibdew il-proċedimenti biex jikkontestaw is-sentenza inkontumaċja tal-Qorti Distrettwali ta’ Nikosija, u fil-fatt huma għamlu użu minn din l-opportunità. Għaldaqstant, huwa ċar mill-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ma jistgħux jiġu miċħuda, speċjalment minħabba irregolaritajiet fin-notifika taċ-ċitazzjoni.

121. F’kull każ, dan huwa minnu fejn id-dritt għal smigħ xieraq ma jkunx ġie ppreġudikat minħabba ċirkostanzi partikolari, bħal fil-każ tal-organizzazzjoni tal-proċedimenti tal-appell. Madankollu, m’hemm ebda indikazzjonijiet fil-proċedimenti prinċipali li dan id-dritt ġie ppreġudikat. Skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti ta’ rinviju, is-Sinjuri Orams jippreżentaw l-argumenti legali tagħhom b’mod sħiħ u xieraq waqt proċedimenti ġudizzjarji. Barra minn hekk, l-ewwel sentenza tal-appell setgħet tiġi ulterjorment ikkontestata quddiem il-Qorti Suprema, kif fil-fatt sar iżda mingħajr suċċess min-naħa tas-Sinjuri Orams.

122. Milli jidher, il-fatt li, skont il-liġi Ċiprijotta, il-konvenut għandu jippreżenta difiża plawżibbli sabiex jikseb l-annullament ta’ sentenza inkontumaċja ma ppreġudikax b’mod sinifikanti d-drittijiet tas-Sinjuri Orams bħala konvenuti. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 36 u l-Artikolu 45(2) tar-regolament, lanqas ma jista’ l-fatt li ma kinux kapaċi li jikkonvinċu lill-qrati Ċiprijotti li ttrattaw il-mertu tal-kawża dwar l-argumenti legali tagħhom jittieħed in kunsiderazzjoni fil-proċedimenti għal rikonoxximent u eżekuzzjoni.

123. Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat li jfisser li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza inkontumaċja ma jistgħux jiġu miċħuda minħabba irregolaritajiet fin-notifika tal-att promotur jekk kien possibbli għall-konvenut, li inizjalment naqas milli jippreżenta risposta, li jagħti bidu għall-proċedimenti biex jikkontesta s-sentenza inkontumaċja, jekk il-qrati tal-Istat fejn ingħatat is-sentenza iktar ’il quddiem irrevedew is-sentenza fi proċedimenti b’mod sħiħ u xieraq u jekk ma jkun hemm ebda indikazzjoni li kien hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża għal smigħ xieraq f’dawn il-proċedimenti.

5.      Il-ħames domanda

124. Fid-dawl tar-risposta għar-raba’ domanda, m’hemmx bżonn li tingħata risposta għall-ħames.

V –    Konklużjoni

125. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jien nipproponi li r-risposti għad-domandi magħmula mill-Court of Appeal għandhom ikunu kif ġej:

1.      Is-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-acquis communautaire f’dawk iż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru fejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv, prevista fl-Artikolu 1(1) tal-Protokoll Nru 10 tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003, ma tipprekludix qorti ta’ Stat Membru ieħor milli tirrikonoxxi u teżegwixxi, abbażi tar-Regolament Nru 44/2001, sentenza mogħtija minn qorti tar-Repubblika ta’ Ċipru li tinvolvi elementi b’rilevanza għaż-żona mhux ikkontrollata mill-gvern ta’ dan l-Istat.

2.      L-Artikolu 35(1) flimkien mal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jintitolax lil qorti ta’ Stat Membru sabiex tirrifjuta r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor li tikkonċerna art f’żona ta’ dan l-aħħar Stat Membru li fuqha l-Gvern ta’ dan l-Istat Membru ma jeżerċitax kontroll effettiv.

3.      Qorti ta’ Stat Membru ma tistax tirrifjuta r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza abbażi tal-klawżola dwar l-ordni pubblika fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 peress li s-sentenza, għalkemm tista’ tiġi formalment eżegwita fl-Istat fejn ingħatat, ma tistax tiġi eżegwita hemmhekk minħabba raġunijiet fattwali.

4.      L-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat li jfisser li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza inkontumaċja ma jistgħux jiġu miċħuda minħabba irregolaritajiet fin-notifika tal-att promotur jekk kien possibbli għall-konvenut, li inizjalment naqas milli jippreżenta risposta, li jagħti bidu għall-proċedimenti biex jikkontesta s-sentenza inkontumaċja, jekk il-qrati tal-Istat fejn ingħatat is-sentenza iktar ’il quddiem irrevedew is-sentenza fi proċedimenti b’mod sħiħ u xieraq u jekk ma jkun hemm ebda indikazzjoni li kien hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża għal smigħ xieraq f’dawn il-proċedimenti.


1 – Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


2 – Fir-rigward tal-isfond storiku, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Gulmann tal-20 ta’ April 1994 għas-sentenza Anastasiou (sentenza tal-5 ta’ Lulju 1994, Anastasiou et, C-432/92, Ġabra 1994 p. I-3087) punti 9 sa 13.


3 – Fis-sena 2005 kien hemm 1400 kawża pendenti dwar proprjetà quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li tressqu b’mod ewlieni minn Griegi-Ċiprijotti kontra t-Turkija (ara Qorti Ewropea tad-DB, Xenides-Arestis vs It-Turkija, sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2005, Nru 46347/99, § 38 – sentenza Urteil Xenides-Arestis II).


4 – ĠU 2001 L 12, p. 1.


5 – Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovejna u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea – Protokoll Nru 10 dwar Ċipru, ĠU 2003 L 236, p. 955.


6 – Ara l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 44/2001 u l-premessi 20 u 21 fil-preambolu.


7 – Sentenza tal-1 ta’ Marzu 2005, Owusu (C-281/02, Ġabra I-1383, punt 29).


8 – Opinjoni 1/03, tas-7 ta’ Frar 2006, (Ġabra I-1145, punt 143).


9 – Sentenza Owusu (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 26), u l-Opinjoni 1/03, (iċċitata fin-nota tal-qiegħ 8, punt 145).


10 – Sentenza Owusu, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 34).


11 – Sentenzi tad-29 ta’ Marzu 1979, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (231/78, Ġabra 1979 p. 1447, punt 13); tal-25 ta’ Frar 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (194/85 u 241/85, Ġabra 1988 p. 1037, punti 19 sa 21); tal-14 ta’ Diċembru 1989, Agegate (C-3/87, Ġabra 1989 p. 4459, punt 39); u tat-3 ta’ Diċembru 1998, KappAhl (C-233/97Ġabra 1998 p. I-8069, punt 18).


12 – Ara t-tieni premessa fil-preambolu għar-Regolament Nru 44/2001, li tirreferi għar-rabta mal-implementazzjoni tas-suq intern.


13 – Dan l-għan huwa segwit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta’ Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2667/2000 dwar l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 34, p. 308).


14 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 866/2004 tad-29 ta’ April 2004 dwar reġim skont l-Artikolu 2 tal-Protokoll 10 tal-Att tal-Adeżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 5, p. 107, b’rettifika, ĠU 2004 L 206, p. 51).


15 – Ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà li jikkonċernaw lil Ċipru huma elenkati flimkien fil-paġna tal-Internet tal-United Nations Peacekeeping Force in Cyprus (UNFICYP): www.unficyp.org/nqcontent.cfm?a_id=1636.


16 – Ara b’mod partikolari r-Riżoluzzjonijiet 353 (1974) tal-20 ta’ Lulju 1974, 541 (1983) tat-18 ta’ Novembru 1983 u 1251 (1999) tad-29 ta’ Ġunju 1999.


17 – Fir-rigward tal-iżviluppi li jikkonċernaw il-moviment tal-persuni u tal-merkanzija, ara l-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni – Rapport Annwali dwar l-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004 tad-29 ta’ April 2004 u s-sitwazzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tagħha (COM(2008) 529 finali).


18 – Fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ara s-sentenzi tat-28 ta’ Settembru 1999, GIE Groupe Concorde et, (C-440/97, Ġabra 1999 p. I-6307, punt 23); tad-19 ta’ Frar 2002, Besix, (C-256/00, Ġabra 2002 p. I-1699, punt 24); u s-sentenza Owusu (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 38); fir-rigward tar-Regolament Nru 44/2001, ara s-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2008, Glaxosmithkline u Laboratoires Glaxosmithkline (C-462/06, Ġabra p. I-3965, punt 33).


19 – Ara, f’dan is-sens, il-premessa 11 fil-preambolu għar-Regolament Nru 44/2001; is-sentenza Glaxosmithkline u Laboratoires Glaxosmithkline (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 33); u, fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenza Owusu, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punti 39 u 40).


20 – Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 1996 QEDB, Loizidou vs It-Turkija, Ġabra tas-Sentenzi u tad-Deċiżjonijiet 1996-VI.


21 – Sentenza tal-QEDB Loizidou (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, § 46). Ara wkoll is-sentenza tal-QEDB tal-10 ta’ Mejju 2001 Ċipru vs It-Turkija, Nru 25781/94., Ġabra tas-Sentenzi u tad-Deċiżjonijiet 2001-IV.


22 – Sentenzi tal-QEDB Loizidou vs It-Turkija (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, § 64) u Xenides-Arestis II (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3): ksur tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 u ksur tal-Artikolu 8(1) tal-KEDB (dritt għar-rispett tad-dar) u l-ġurisprudenza ċċitata.


23 – Sentenza tal-QEDB tas-7 ta’ Diċembru 2006, Xenides-Arestis vs It-Turkija, Nru 46347/99, §§ 37 u 42 – sentenza Xenides-Arestis III. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kienet ordnat lill-konvenuta sabiex tintroduċi rimedju ġenerali li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Konvenzjoni (Xenides-Arestis II, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, § 40); ara wkoll id-digriet tal-14 ta’ Marzu 2005, Xenides-Arestis vs It-Turikija I, fuq l-ammissibbiltà.


24 – Ara, f’dan ir-rigward, F. Matscher, Grundfragen der Anerkennung und Vollstreckung ausländischer Entscheidungen in Zivilsachen, f’: Zeitschrift für Zivilprozess (ZZP) 1990, p. 294, 318; mill-istess awtur Die indirekte Wirkung des Art. 6 EMRK bei der Anerkennung und Vollstreckung ausländischer Entscheidungen, f’: Festschrift für Helmut Kollhosser, 2004, p. 427, 444 et seq.; f’: R. Geimer, Menschenrechte im internationalen Zivilverfahrensrecht, f’: Aktuelle Probleme des Menschenrechtsschutzes, Berichte der deutschen Gesellschaft für Völkerrecht, Vol. 33. Heidelberg 1994, p. 219 et seq.


25 – Ara s-sentenzi tal-QEDB tad-19 ta’ Marzu 1997, Hornsby vs Il-Greċja, Nru 18357/91, Ġabra tas-Sentenzi u tad-Deċiżjonijiet 1997-II, § 40, u tas-7 ta’ Mejju 2002, Burdov vs Ir-Russja, Nru 59498/00, Ġabra tas-Sentenzi u tad-Deċiżjonijiet 2002-III, § 34.


26 – Ara f’dan ir-rigward ir-referenzi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23.


27 – Sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 1976, LTU (29/76, Ġabra p. 1541); tas-16 ta’ Diċembru 1980, Rüffer (814/79, Ġabra p. 3807, punt 7); tal-14 ta’ Novembru 2002, Baten (C-271/00, Ġabra, p. I-10489, punt 28); tal-15 ta’ Mejju 2003, Préservatrice foncière TIARD (C-266/01, Ġabra p. I-4867, punt 20); tat-18 ta’ Mejju 2006, ČEZ, (C-343/04, Ġabra I‑4557, punt 22); u tal-15 ta’ Frar, 2007, Lechouritou et (C-292/05, Ġabra 2007 p. I-1519, punt 29).


28 – Ara fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2002, Henkel (C-167/00, Ġabra 2002 p. I-8111, punt 26).


29 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27.


30 – Id-dispożizzjonijiet rilevanti, li, fil-fehma tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fil-prinċipju jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-KEDB, ma daħlux fis-seħħ qabel it-22 ta’ Diċembru 2005 u t-30 ta’ Marzu 2006 (ara s-sentenza Xenides-Arestis III, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, § 11).


31 – Sentenzi Rüffer, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 15, u Lechouritou, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 41.


32 – Ara s-sentenza Rüffer, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 8.


33 – Ara s-sentenzi Baten (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 31); Préservatrice foncière TIARD (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 23), u tal-5 ta’ Frar 2004, Frahuil (C-262/02, Ġabra p. I-1543, punt 20).


34 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23.


35 – Sentenza Xenides-Arestis III (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, § 37).


36 – Ara r-referenzi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21.


37 – Ara s-sentenzi Loizidou (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, § 45), u Xenides-Arestis I (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23).


38 – Dan ċertament ma jfissirx li bilfors il-parti leża tista’ fl-istess ħin titlob kemm ir-restituzzjoni tal-art tiegħu fil-qrati ċivili u l-ħlas ta’ kumpens bħala konsegwenza tal-esproprjazzjoni. Sa fejnSa fejn ikunu possibbli proċedimenti paralleli, kull ħlas li jinkiseb fi proċedimenti partikolari jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fil-proċedimenti l-oħra, sabiex jiġi evitat kull arrikiment indebitu.


39 – Ara s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, ASML (C 283/05, Ġabra 2006 p. I-12041, punt 23).


40 – Ara s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 1994, Anastasiou et, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 40).


41 – Ara b’mod partikolari C. Tomuschat, “The Accession of Cyprus to the European Union”, f’: P. Häberle, M. Morlock, V. Skouris (ed.), Festschrift für D. Tsatsos, Baden-Baden, 2003, p. 672, 676.


42 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fil-Kawża Anastasiou (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 12). Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti kkundanna espressament il-proklamazzjoni tar-Repubblika u sejjaħ biex ir-RTĊF ma tiġix rikonoxxuta (ara r-Riżoluzzjonijiet 541 (1983) tat-18 ta’ Novembru 1983 u 550 (1984) tal-11 ta’ Mejju 1984, li jinsabu fuq: www.unficyp.org/nqcontent.cfm?a_id=1636). Permezz tad-dikjarazzjonijiet tas-16 ta’ Novembru 1983 (Bulletin of the European Communities Nru 11/1983, 2.4.1) u tas-27 ta’ Marzu 1984 (Bulletin of the European Communities Nru 3/1984, 2.4.3), il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Istati Membri, fil-qafas tal-Kooperazzjoni Politika Ewropea, ukoll ikkundannaw il-proklamazzjoni ta’ seċessjoni. Dwar il-kwistjoni tar-rikonoxximent, ara wkoll S. Talmon, Kollektive Nichtanerkennung illegaler Staaten, Tübingen, p. 41 et seq.


43 – Sa fejn jingħata kumpens għall-użu, l-Artikolu 22(1) jista’ ma jkunx applikabbli (ara sentenza tad-9 ta’ Ġunju, 1994, Lieber, C-292/93, Ġabra 1994 p. I-2535, punt 15).


44 – Ara, fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1977, Sanders, (73/77, Ġabra 1977 p. 2383, punti 10 u 11); tal-10 ta’ Jannar 1990, Reichert u Kockler (C-115/88, Ġabra 1990 p. I-27, punt 10); tat-13 ta’ Ottubru 2005, Klein, (C-73/04, Ġabra 2005 p. I-8667, punt 16); u tat-18 ta’ Mejju 2006, ČEZ (C-343/04, Ġabra 2006 p. I-4557, punt 28). Ir-Rapport Jenard dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell (ĠU 1979 C 59, p. 1, 35) jieħu pożizzjoni simili.


45 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza ČEZ (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44, punt 29).


46 – Fir-rigward tal-istat tad-dibattitu, ara Rauscher/Mankowski, Europäisches Zivilprozessrecht, it-tieni edizzjoni., Munich, 2006, Art. 22 Brüssel I-VO, punt 26; Layton/Mercer, European Civil Practice, it-tieni edizzjoni, Londra, 2004, punt 19.010.


47 – Opinjoni 1/2003 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 153).


48 – Madankollu, taħt l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, ġurisdizzjoni fil-post ta’ residenza tal-konvenut tista’ tkun possibbiltà. Sa liema punt id-dar ta’ villeġġjatura f’Lapta tista’ titqies bħala post ieħor ta’ residenza minbarra l-post ta’ residenza fir-Renju Unit, huwa rregolat, skont l-Artikolu 59(1) tar-regolament, mil-liġi interna tal-Istat Membru fejn tinsab il-qorti. Madankollu, minħabba fejn jinsab il-post ta’ residenza f’Ċipru ta’ Fuq, hawnhekk teżisti problema simili bħal fil-każ tal-applikazzjoni tal-Artikolu 22(1).


49 – Sentenza tat-28 ta’ Marzu 2000, Krombach (C-7/98, Ġabra 2000 p. I-1935, punt 19 sa 21). Ara wkoll is-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2000, Renault (C-38/98, Ġabra 2000 p. I-2973, punt 26).


50 – Sentenzi Krombach (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, punt 21), u Renault (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, punt 26), b’referenza għas-sentenzi tal-4 ta’ Frar 1988, Hoffmann (145/86, Ġabra 1988 p. 645, punt 21), u tal-10 ta’ Ottubru 1996, Hendrikman u Feyen, (C-78/95, Ġabra p. I-4943, punt 23).


51 – Sentenzi Krombach (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, punt 37) u Renault (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, punt 30).


52 – Sentenzi Krombach (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, punt 22), u Renault (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, punt 27).


53 – Sentenzi Krombach (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, punt 23), u Renault (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, punt 28).


54 – Ara l-kummentarju fir-Rapport Jenard (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44, p. 47 et seq).


55 – Sentenza tad-29 ta’ April 1999 (C-267/97, Ġabra 1999 p. I-2543, punt 29).


56 – Ara l-punt 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.


57 – Sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 1965, Singer (44/65 Ġabra 1965 p. 1267, 1275); tas-17 ta’ Settembru 1998, Kainuun Liikenne u Pohjolan Liikenne (C-412/96 Ġabra 1998 p. I-5141, punt 23); tat-12 ta’ Awwissu 2008, Santesteban Goicoechea (C-296/08, PPU, Ġabra p. I-6307, punt 46); u tad-9 ta’ Ottubru 2008, Katz (C-404/07, Ġabra p. I-7607, punt 37).


58 – Ara l-punt 94 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq u r-referenzi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52.


59 – Sentenza Krombach (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna) 49, punt 23.


60 – Sentenza Krombach (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, punti 25 sa 27 u 38 sa 40).


61 – Ara s-sentenzi tal-25 ta’ Novembru 1986, Klensch et, (Kawżi Maqgħuda 201/85 u 202/85, Ġabra p. 3477, punti 8 sa 10); tat-13 ta’ Lulju 1989, Wachauf (5/88, Ġabra p. 2609, punt 19); tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT (C-260/89, Ġabra p. I-2925, punt 42 etseq); tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger (C-112/00, Ġabra p. I-5659, punt 75); tal-11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas (C-13/05, Ġabra p. I-6467, punt 56). Ara, f’dan is-sens b’mod partikolari E. Jayme, C. Kohler, “Europäisches Kollisionsrecht 2000: Interlokales Privatrecht oder universelles Gemeinschaftsrecht?”, Praxis des Internationalen Privat- und Verfahrensrechts – IPRax, 2000, pp. 454, 460.


62 – Ara l-punt 45 iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet u r-referenzi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, flimkien mal-Konklużjonijiet tiegħi li qed nippreżenta llum fil-Kawża Gambazzi (C-394/07, Ġabra p. I-2563, punt 43).


63 – Sentenzi Krombach (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, punt 37), u Renault (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, punt 30).


64 – Ara l-punti 45, u 49 sa 52 aktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


65 – Sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1990, Lancray (C-305/88, Ġabra p. I-2725, punt 23); tat-12 ta’ Novembru 1992, Minalmet (C-123/91, Ġabra p. I-5661, punt 21); tal-10 ta’ Ottubru 1996, Hendrikman u Feyen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 50, punt 18); u tas-16 ta’ Frar 2006, Verdoliva (C-3/05, Ġabra p. I-1579, punt 29).


66 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 19 et seq.


67 – Sentenza ASML, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 20).


68 – Fil-fehma tal-Avukat Ġenerali Léger, huwa ċar minn kif oriġina r-Regolament Nru 44/2001 li l-verżjoni l-ġdida kienet speċifikament intiża biex jingħelbu l-konsegwenzi derivanti mill-ġurisprudenza ċċitata fir-rigward tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (ara l-Konklużjonijiet tat-28 ta’ Settembru 2006 għall-kawża ASML iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 51 et seq.).


69 – Ara s-sentenza ASML (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 23 et seq).