Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal de première instance du Luxembourg (il-Belġju) fil-5 ta’ Ġunju 2020 – BJ vs État belge

(Kawża C-241/20)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal de première instance du Luxembourg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: BJ

Konvenut: État belge

Domandi preliminari

L-Artikolu 45 TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, stabbilita jew le f’konvenzjoni intiża sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja, li tipprovdi li persuna taxxabbli titlef, għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa tagħha fuq id-dħul fl-Istat ta’ residenza, parti mill-benefiċċju tal-porzjon tal-imsemmi dħul li hija eżenti mit-taxxa u mill-vantaġġi fiskali personali l-oħra tagħha (bħalma huma tnaqqis tat-taxxa għal tfaddil għal żmien twil, jiġifieri primjums imħallsa taħt kuntratt individwali ta’ assigurazzjoni għall-ħajja u tnaqqis tat-taxxa għal infiq magħmul sabiex tiġi ffrankata l-enerġija), minħabba l-fatt li hija rċeviet ukoll, matul is-sena inkwistjoni, remunerazzjoni fi Stat Membru ieħor, li kienet intaxxata hemmhekk?

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, ir-risposta tibqa’ fl-affermattiv jekk il-persuna taxxabbli ma tirċevix dħul sinjifikattiv – mil-lat kwantittativ jew proporzjonalment – fl-Istat ta’ residenza tagħha, iżda fejn dan l-Istat ikun madankollu f’pożizzjoni li jagħtiha dawn il-vantaġġi fiskali?

Jekk ir-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv, ir-risposta tibqa’ fl-affermattiv jekk, taħt konvenzjoni intiża sabiex tipprevjeni t-tassazzjoni doppja bejn l-Istat ta’ residenza u l-Istat l-ieħor, il-persuna taxxabbli tkun ibbenefikat, f’dan l-Istat l-ieħor, fuq id-dħul taxxabbli f’dan l-Istat l-ieħor, mill-vantaġġi fiskali personali previsti mil-leġiżlazzjoni fiskali ta’ dan l-Istat l-ieħor iżda fejn dawn il-vantaġġi fiskali ma jinkludux uħud mill-vantaġġi fiskali li l-persuna taxxabbli għandha, fil-prinċipju, dritt għalihom fl-Istat ta’ residenza?

Jekk ir-risposta għat-tielet domanda tkun fl-affermattiv, ir-risposta tibqa’ fl-affermattiv jekk, minkejja din id-differenza msemmija l-aħħar, il-persuna taxxabbli tikseb b’dan il-mod f’dan l-Istat l-ieħor ammont ta’ tnaqqis tat-taxxa li huwa mill-inqas ekwivalenti għal dak li hija tilfet fl-Istat ta’ residenza tagħha?

Ir-risposti għad-domandi huma identiċi fid-dawl tal-Artikoli 63(1) u 65(1)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, stabbilita jew le f’konvenzjoni intiża sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja, li tipprovdi li persuna taxxabbli titlef, għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa tagħha fuq id-dħul fl-Istat ta’ residenza, parti mill-benefiċċju tal-porzjon tal-imsemmi dħul li hija eżenti mit-taxxa u mill-vantaġġi fiskali personali l-oħra tagħha (bħalma huma tnaqqis tat-taxxa għal tfaddil għal żmien twil, jiġifieri primjums imħallsa taħt kuntratt individwali ta’ assigurazzjoni għall-ħajja u tnaqqis tat-taxxa għal infiq magħmul sabiex tiġi ffrankata l-enerġija), minħabba l-fatt li hija rċeviet ukoll, matul is-sena inkwistjoni, dħul minn kiri ta’ immobbli li hija proprjetarja tiegħu fi Stat Membru ieħor, li ġie ntaxxat hemmhekk?

____________