Language of document : ECLI:EU:C:2019:385

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

8 ta’ Mejju 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Trasferiment ta’ impriżi – Direttiva 2001/23/KE – Artikolu 1(1) – Kamp ta’ applikazzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni tat-trasferiment – Trasferiment ta’ klijentela – Trasferiment tas-servizzi finanzjarji kollha ta’ bank lil kumpannija ta’ senserija finanzjarja bl-esklużjoni tat-trasferiment tal-persunal”

Fil-Kawża C‑194/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema, is-Slovenja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Frar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Marzu 2018, fil-proċedura

Jadran Dodič

vs

Banka Koper,

Alta Invest,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn K. Jürimäe, President tal-Awla, D. Šváby u N. Piçarra (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal J. Dodič, minn M. Blatnik u M. Dodič, juristes,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Kellerbauer u B. Rous Demiri, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat‑12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 4, p. 98).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Jadran Dodič u, min-naħa l-oħra, Banka Koper u Alta Invest, dwar il-legalità tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessa 3 tad-Direttiva 2001/23 tenfasizza li “[h]uwa neċessarju li jigi pprovdut għall-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ li jinbidel min jimpjega, b’mod partikulari, sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom ikunu salvagwardjati.”

4        L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“(a) Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju lil persuna oħra li timpjega bħala riżultat ta’ trasferiment jew inkorporazzjoni legali.

(b)      Bla ħsara għas-subparagrafu (a) u għad-dispożizzjonijiet li ġejjin ta’ dan l-Artikolu, ikun hemm trasferiment fis-sens ta’ din id-Direttiva meta jkun hemm trasferiment ta’ xi entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha, jiġifieri għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-objettiv li twettaq attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija ċentrali jew anċillari kemm jekk le.”

 Id-dritt Sloven

5        L-Artikolu 73(1) taż-Zakon o delovnih razmerih (il-Liġi dwar ir-Relazzjonijiet ta’ Xogħol) (Uradni list RS, Nru 21/13, iktar ’il quddiem iż-“ZDR” jipprovdi:

“Jekk, minħabba t-trasferiment ġuridiku ta’ impriża jew ta’ parti minn impriża, imwettaq abbażi tal-liġi, ta’ dispożizzjoni oħra, ta’ att ġuridiku jew ta’ deċiżjoni tal-qorti li għandha s-saħħa ta’ res judicata jew minħabba inkorporazzjoni jew diviżjoni, isseħħ bidla fir-rigward tal-persuna li timpjega, id-drittijiet u l-obbligi kuntrattwali u oħrajn li jirriżultaw mir-relazzjonijiet tax-xogħol li l-ħaddiema kellhom lejn il-persuna li timpjega ċedenti fil-jum tat-trasferiment għandhom jiġu ttrasferiti lill-persuna li timpjega ċessjonarja.”

6        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(1) taż-ZDR jipprevedi:

“Ir-raġunijiet għax-xoljiment ordinarju tal-kuntratt ta’ xogħol ta’ ħaddiem mill-persuna li timpjega huma:

Meta ma jkunx iktar neċessarju li xogħol speċifiku jitwettaq taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-kuntratt ta’ xogħol, għal raġunijiet ekonomiċi, organizzattivi, teknoloġiċi, strutturali jew għal raġunijiet simili relatati mal-persuna li timpjega.”

7        Skont is-seba’ subparagrafu tal-Artikolu 89(1) taż-ZDR:

“[…] bidla fir-rigward tal-persuna li timpjega fis-sens tal-Artikolu 73(1) ta’ din il-liġi għandha titqies ukoll bħala raġuni mhux iġġustifikata għax-xoljiment ordinarju ta’ kuntratt ta’ xogħol.”

8        L-Artikolu 159(1) taż-Zakon o trgu finančnih instrumentov (il-Liġi dwar is-Swieq tal-Istrumenti Finanzjarji) (Uradni list RS, Nru 108/10; iktar ’il quddiem iż-“ZTFI”) jispeċifika r-regoli applikabbli fil-każ li “l-Assemblea ta’ kumpannija ta’ senserija finanzjarja tadotta deċiżjoni ta’ waqfien tal-attività tal-kumpannija ta’ senserija finanzjarja u ta’ bidu tal-proċedura ta’ stralċ jew deċiżjoni li tbiddel l-attività ta’ senserija finanzjarja b’tali mod li l-kumpannija ma tibqax tipprovdi servizzi ta’ investiment u twettaq attivitajiet ta’ investiment.”

9        L‑Artikolu 159(3) taż-ZTFI jipprevedi:

“Fil-każ imsemmi fl-Artikolu 159(1), il-kumpannija ta’ senserija finanzjarja għandha:

1.      twettaq l-atti kollha neċessarji għat-trasferiment:

–        tal-istrumenti finanzjarji u tal-attivi l-oħra tal-klijenti li hija timmaniġġa;

–        tal-kontabbiltà relatata mat-titoli ta’ kreditu intanġibbli tal-klijenti; u

–        tas-servizzi l-oħra li hija tipprovdi lill-klijenti

lil persuna oħra li, skont l-Artikolu 32 ta’ din il-liġi, hija awtorizzata tipprovdi servizzi ta’ investiment u twettaq attivitajiet ta’ investiment fis-Slovenja;

2.      tiżgura li l-persuna msemmija fil-punt 1 ta’ dan il-paragrafu tikseb:

–        id-dokumentazzjoni kollha relatata mas-servizzi u mal-attivitajiet ta’ investiment li l-kumpannija ta’ senserija finanzjarja kellha żżomm, u

–        l-obbligi u r-responsabbilitajiet kollha tal-kumpannija ta’ senserija finanzjarja relatati maż-żamma u mal-preżervazzjoni ta’ din id-dokumentazzjoni, kif ukoll l-aċċess għaliha.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      Fit‑23 ta’ Diċembru 2011, Banka Koper adottat deċiżjoni dwar il-waqfien tal-provvisti ta’ servizzi ta’ investiment u tat-twettiq tal-attivitajiet ta’ investiment tagħha, kif ukoll tas-servizzi ta’ senserija finanzjarja.

11      Fis‑27 ta’ Ġunju 2012, Banka Koper ikkonkludiet kuntratt ta’ trasferiment ma’ Alta Invest skont l-Artikolu 159 taż-ZTFI, li jipprevedi li dik tal-ewwel kellha tittrasferixxi lit-tieni l-istrumenti finanzjarji u l-attivi l-oħra ta’ klijenti li hija kienet timmaniġġa, il-kontabbiltà relatata mat-titoli ta’ kreditu intanġibbli tal-klijenti tagħha, is-servizzi l-oħra ta’ investiment u s-servizzi anċillari, fis-sens taż-ZTFI, kif ukoll l-arkivji, jiġifieri d-dokumentazzjoni relatata mas-servizzi u mal-attivitajiet ta’ investiment li hija kienet meħtieġa żżomm għall-imsemmija klijenti. Barra minn hekk, ġie miftiehem li Banka Koper kienet ser twettaq attivitajiet ta’ senserija finanzjarja mhux indipendenti għal Alta Invest.

12      F’Lulju 2012, Banka Koper informat lill-klijenti, li lilhom hija kienet tipprovdi servizzi ta’ senserija finanzjarja, li hija kienet ser twaqqaf din l-attività. F’dan il-kuntest, hija informathom speċifikament dwar il-possibbiltà li jittrasferixxu lejn Alta Invest, u offritilhom, f’dan ir-rigward, vantaġġi partikolari, bħat-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż ta’ trasferiment tagħhom. Banka Koper informat ukoll lill-klijenti tagħha li s-silenzju min-naħa tagħhom kien ser jiġi interpretat bħala aċċettazzjoni tat-trasferiment tagħhom lejn Alta Invest. 91 % tal-klijenti ta’ Banka Koper effettivament ittrasferixxew lejn Alta Invest, fejn il-maġġoranza tagħhom espressament indikaw ix-xewqa tagħhom li minn dak iż-żmien ’il quddiem ikunu assoċjati ma’ din tal-aħħar.

13      Sussegwentement, Banka Koper ġiet eskluża milli tinnegozja fil-Borża ta’ Ljubljana (is-Slovenja) u l-Bank Ċentrali tas-Slovenja adotta deċiżjoni li tawtorizzaha tipprovdi servizzi bħala fornitur ta’ servizzi ta’ senserija finanzjarja mhux indipendenti.

14      Fis‑17 ta’ Settembru 2012, Banka Koper adottat regolament ġdid dwar l-ippjanar tal-impjiegi li permezz tiegħu hija neħħiet id-dipartiment tas-servizzi ta’ investiment, b’mod partikolari l-impjiegi tas-sensara finanzjarji.

15      Huwa f’dan il-kuntest li l-kuntratti ta’ xogħol tal-impjegati kollha tad-dipartiment tas-servizzi ta’ investiment ta’ Banka Koper ġew xolti għal raġunijiet ekonomiċi, inkluż il-kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat għall-pożizzjoni ta’ sensar finanzjarju konkluż minn J. Dodič fit‑30 ta’ Ġunju 2011 u li ġie xolt fil‑11 ta’ Ottubru 2012.

16      Sadanittant, Banka Koper ipproponiet lill-impjegati kollha ta’ dan id-dipartiment ta’ servizzi ta’ investiment jikkonkludu kuntratti ġodda ta’ xogħol għal pożizzjonijiet oħra.

17      J. Dodič irrifjuta din l-offerta, peress li kien iqis li x-xogħol hekk propost ma kienx adattat għalih. Sussegwentement, huwa kkontesta t-tkeċċija tiegħu quddiem il-qrati Sloveni u talab li huwa jiġi integrat mill-ġdid fil-pożizzjoni tiegħu ma’ Banka Koper, jew ma’ Alta Invest. Huwa jqis li Banka Koper ittrasferixxiet l-attività tagħha ta’ negozju finanzjarju lil Alta Invest, fis-sens tal-Artikolu 73 taż-ZDR, li jittrasponi fid-dritt Sloven l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23. Għalhekk, sussegwentement għat-trasferiment previst mill-kuntratt ta’ trasferiment tas‑27 ta’ Ġunju 2012, l-attività ta’ servizzi ta’ investiment tkompliet fi ħdan Alta Invest bid-dipartimenti operattivi u bin-netwerks ta’ Banka Koper.

18      Quddiem dawn il-qrati, Banka Koper sostniet li, wara li ddeċidiet li twaqqaf il-provvista tas-servizzi tas-senserija finanzjarja lill-klijenti tagħha, hija kienet obbligata, skont l-Artikolu 159 taż-ZTFI, tittrasferixxi l-kontijiet relatati mat-titoli ta’ kreditu intanġibbli tagħhom lil persuna ġuridika oħra awtorizzata tipprovdi l-istess servizzi fis-Slovenja. Hija enfasizzat li t-trasferiment la kien jikkonċerna l-ħaddiema, la l-uffiċċji u lanqas ir-riżorsi ta’ xogħol u li l-klijenti tagħha kellhom il-possibbiltà jagħżlu l-fornitur il-ġdid ta’ servizzi ta’ investiment tagħhom.

19      Bl-istess mod, Alta Invest argumentat li l-kuntratt ta’ trasferiment huwa l-konsegwenza diretta tal-applikazzjoni tal-Artikolu 159 taż-ZTFI.

20      Il-qorti nazzjonali tal-ewwel istanza ddeċidiet li l-kundizzjonijiet għal trasferiment ta’ impriża ma kinux ġew issodisfatti fin-nuqqas ta’ żamma tal-identità tal-impriża minn perspettiva ekonomika jew funzjonali. Hija enfasizzat, minn naħa, li l-kuntratt ta’ trasferiment konkluż bejn Banka Koper u Alta Invest ma kien jipprevedi t-trasferiment ta’ ebda proprjetà, ta’ ebda dritt u lanqas ta’ ebda ħaddiem u, min-naħa l-oħra, li l-klijenti kienu għażlu liberament li jittrasferixxu t-titoli tagħhom lil Alta Invest “jew lil xi kumpannija oħra ta’ senserija finanzjarja”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-trasferiment bis-saħħa tal-imsemmi kuntratt ma setax jiġi kklassifikat bħala “trasferiment ta’ impriża” jew ta’ “parti minn impriża”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23.

21      Il-qorti tal-appell qieset ukoll li ma kienx hemm trasferiment ta’ impriża, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23, sa fejn il-kuntratt ta’ trasferiment konkluż bejn Banka Koper u Alta Invest ma kienx jinvolvi bidla fir-rigward tal-persuna li timpjega, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Din il-qorti qieset bħala deċiżiva l-assenza ta’ trasferiment ta’ klijentela mill-ewwel lit-tieni impriża. Hija ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li l-fatt li kważi din il-klijentela kollha fil-fatt iddeċidiet li tittrasferixxi lejn Alta Invest ma kienx biżżejjed sabiex tikkonkludi li kien hemm “trasferiment ta’ impriża” fis-sens tad-Direttiva 2001/23. Barra minn hekk, il-fatt li Banka Koper kompliet teżerċita attività ta’ senserija finanzjarja, b’mod partikolari għal Alta Invest, kien jikkonferma, skont l-istess qorti, l-assenza ta’ trasferiment ta’ impriża.

22      Huwa kontra din l-aħħar sentenza li J. Dodič ippreżenta appell għal reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn argumenta, b’mod partikolari, li l-fatt li 91 % tal-klijenti ta’ Banka Koper effettivament ittrasferixxew it-titoli tagħhom lil Alta Invest kien jippermetti li jiġi konkluż li kien hemm trasferiment ta’ impriża.

23      Din il-qorti ċaħdet dan l-appell għall-motivi li l-waqfien tal-attività ta’ senserija finanzjarja, l-eżerċizzju ta’ attività ta’ senserija finanzjarja mhux indipendenti u l-assenza ta’ trasferiment ta’ riżorsi materjali, ta’ ħaddiema jew tal-istruttura organizzattiva ma kinux jippermettu li jiġi konkluż li kien hemm “trasferiment ta’ impriża”, fis-sens tad-Direttiva 2001/23. Hija enfasizzat ukoll il-libertà ta’ għażla li l-klijenti ta’ Banka Koper kellhom kif ukoll l-obbligu legali ta’ din l-aħħar impriża li tiżgura l-kontinwità tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-klijenti tagħha billi tittrasferixxi d-dokumentazzjoni kollha lil kumpannija ta’ senserija finanzjarja oħra fil-każ li dawn il-klijenti ma jagħmlux l-arranġamenti tagħhom wara t-tħabbir min-naħa tagħha tal-waqfien ta’ attività.

24      Għaldaqstant J. Dodič ippreżenta rikors kostituzzjonali quddiem l-Ustavno sodišče (il-Qorti Kostituzzjonali, is-Slovenja) fejn invoka interpretazzjoni manifestament żbaljata u arbitrarja tad-Direttiva 2001/23 kif ukoll iċ-ċaħda, mingħajr raġuni, tat-talba tiegħu għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Din il-qorti annullat is-sentenza tal-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema, is-Slovenja) u bagħtitilha lura l-kawża. Hija essenzjalment qieset li l-qorti tar-rinviju ma kinitx wieġbet għall-mistoqsijiet tar-rikorrent dwar l-eżistenza ta’ “trasferiment ta’ impriża”, fis-sens tad-Direttiva 2001/23.

25      Huwa fil-kuntest ta’ dan it-tieni eżami tal-kawża inkwistjoni li l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fiċ-ċirkostanzi tal-każ preżenti, huwiex possibbli li jitqies li hemm “trasferiment ta’ impriża” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23.

26      L-ewwel nett, hija tenfasizza li t-trasferiment, lil impriża oħra awtorizzata, tal-istrumenti finanzjarji u tal-attivi l-oħra tal-klijenti, tal-kontabbiltà relatata mat-titoli ta’ kreditu intanġibbli tagħhom, tas-servizzi l-oħra ta’ investiment kif ukoll tal-arkivji, kien jikkostitwixxi kundizzjoni legali li Banka Koper kellha tissodisfa fil-każ ta’ waqfien tal-attività tagħha ta’ senserija finanzjarja. Il-qorti tar-rinviju sussegwentement tirrileva li l-klijenti ta’ Banka Koper ma kinux marbuta b’dan it-trasferiment sa fejn huma kellhom il-possibbiltà jagħżlu l-impriża l-ġdida tagħhom ta’ senserija finanzjarja. Fl-aħħar nett, hija tfakkar li Banka Koper ma ttrasferixxietx il-ħaddiema tagħha u lanqas ir-riżorsi materjali tagħha jew l-istrutturi organizzattivi ta’ xogħol tagħha lil Alta Invest. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fil-każ ta’ konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ trasferiment ta’ impriża, huwa evidenti li l-klawżola tal-kuntratt li teskludi t-trasferiment tal-ħaddiema titlef kull effett tagħha filwaqt li d-dubji tagħha ma jirrigwardawx il-punt dwar jekk il-partijiet fil-kuntratt ta’ trasferiment setgħux jeskludu t-trasferiment tal-ħaddiema.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema, is-Slovenja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill [2001/23] għandu jiġi interpretat fis-sens li trasferiment bħal dak li nħoloq fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, li kien jinkludi l-istrumenti finanzjarji u l-attivitajiet patrimonjali l-oħra tal-klijenti (b’mod speċifiku, it-titoli), il-kontabbiltà relatata mat-titoli ta’ kreditu immaterjali tal-klijenti u servizzi finanzjarji u aċċessorji oħra, kif ukoll l-arkivju, għandu jiġi kkwalifikat bħala trasferiment legali ta’ impriża jew ta’ parti minn impriża, fid-dawl tal-fatt li, wara l-waqfien mill-attività ta’ senserija fil-borża [finanzjarja] min-naħa tal-ewwel konvenuta, it-trasferiment tal-provvista ta’ dawn is-servizzi lit-tieni konvenuta kien jiddependi, b’mod definittiv, mid-deċiżjoni tal-kontraenti (il-klijenti)?

2.      Fiċ-ċirkustanzi msemmija, wara l-waqfien mill-attività ta’ senserija fil-borża min-naħa tal-ewwel konvenuta, huwa determinanti n-numru ta’ kontraenti li lilhom it-tieni konvenuta attwalment tipprovdi l-imsemmija servizzi?

3.      Il-fatt li l-ewwel konvenuta tkompli fl-attivitajiet tagħha mal-kontraenti fil-kapaċità tagħha bħala kumpannija ta’ promozzjoni [senserija] finanzjarja mhux indipendenti u, fl-ambitu ta’ tali funzjoni, tikkoopera mat-tieni konvenuta, ikollu b’xi mod inċidenza fuq il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ trasferiment ta’ impriża jew ta’ stabbiliment?”

 Fuq id-domandi preliminari

28      Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kisba, mit-tieni impriża, tal-istrumenti finanzjarji u tal-attivi l-oħra ta’ klijenti tal-ewwel impriża, sussegwentement għall-waqfien ta’ attività tagħha, bis-saħħa ta’ kuntratt li l-konklużjoni tiegħu hija imposta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, tikkostitwixxi trasferiment ta’ impriża jew ta’ parti minn impriża anki meta, minn naħa, il-klijenti tal-ewwel impriża jibqgħu ħielsa li ma jafdawx l-immaniġġar tat-titoli finanzjarji tagħhom lit-tieni impriża u, min-naħa l-oħra, l-ewwel impriża tkompli taħdem bħala kumpannija ta’ senserija mhux indipendenti u tikkollabora f’dan ir-rigward mat-tieni impriża.

29      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-portata tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2001/23 ma tistax tiġi evalwata abbażi biss ta’ interpretazzjoni testwali. Minħabba differenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-direttiva kif ukoll diverġenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fuq il-kunċett ta’ “trasferiment legali”, dan il-kunċett għandu jingħata interpretazzjoni biżżejjed flessibbli sabiex jintlaħaq l-għan ta’ din id-direttiva li huwa, kif jirriżulta mill-premessa 3 tagħha, li tipproteġi lill-ħaddiema fil-każ li tinbidel il-persuna li timpjega (sentenzi tal‑20 ta’ Jannar 2011, CLECE, C‑463/09, EU:C:2011:24, punt 29, u tal‑20 ta’ Lulju 2017, Piscarreta Ricardo, C‑416/16, EU:C:2017:574, punt 37).

30      It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 2001/23 tapplika meta t-trasferiment ta’ impriża jkun relatat ma’ attività ekonomika organizzata b’mod stabbli. Il-kunċett ta’ “entità”, imsemmi fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, għalhekk jirreferi għal grupp organizzat ta’ persuni u elementi li jippermettu t-twettiq ta’ attività ekonomika li jkollha għan speċifiku għaliha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 1998, Hidalgo et, C‑173/96 u C‑247/96, EU:C:1998:595, punt 25, kif ukoll tad‑29 ta’ Lulju 2010, UGT‑FSP, C‑151/09, EU:C:2010:452, punt 26).

31      Fil-kawża prinċipali, ma huwiex ikkontestat li d-dipartiment tas-servizzi ta’ investiment ta’ Banka Koper kien jikkostitwixxi entità ekonomika, peress li dan id-dipartiment kellu riżorsi umani u loġistiċi li jippermettu l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika li tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi ta’ senserija u fit-twettiq ta’ attivitajiet ta’ investiment għall-kontraenti.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li, wara li waqqfet, fis-sens tal-Artikolu 159 taż-ZTFI, il-provvista ta’ servizzi ta’ investiment u t-twettiq ta’ attivitajiet ta’ investiment, kif ukoll il-provvista ta’ servizzi anċillari, Banka Koper kompliet taħdem bħala kumpannija ta’ senserija finanzjarja mhux indipendenti u tikkollabora f’dan ir-rigward ma’ xi kontraenti, fosthom Alta Invest, bħala prinċipju ma jaffettwax il-klassifikazzjoni tal-operazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala “trasferiment ta’ parti minn impriża” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23.

33      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-kriterju deċiżiv, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ impriża jew ta’ parti minn impriża, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa għalhekk il-fatt li l-entità ekonomika żżomm l-identità tagħha, li jirriżulta partikolarment mit-tkomplija effettiva tal-operazzjoni jew mit-tkomplija mill-ġdid tagħha (sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 1998, Hidalgo et, C‑173/96 u C‑247/96, EU:C:1998:595, punt 21, kif ukoll tad‑9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et, C‑160/14, EU:C:2015:565, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Sabiex jiġi ddeterminat jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ta’ fatt kollha li jikkaratterizzaw l-operazzjoni kkonċernata, li fosthom jinsabu b’mod partikolari t-tip ta’ impriża jew ta’ negozju involut, it-trasferiment jew le ta’ elementi tanġibbli, bħall-bini u l-beni mobbli, il-valur tal-elementi intanġibbli fil-mument tat-trasferiment, it-teħid jew le tal-essenzjal tal-persunal mit-tmexxija ġdida tal-impriża, it-trasferiment jew le tal-klijentela, kif ukoll il-grad ta’ xebh tal-attivitajiet eżerċitati qabel u wara t-trasferiment, u t-tul tal-eventwali sospensjoni ta’ dawn l-attivitajiet (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et, C‑160/14, EU:C:2015:565, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Madankollu, dawn l-elementi jikkostitwixxu biss aspetti parzjali tal-evalwazzjoni ta’ totalità li għandha ssir u ma jistgħux, minħabba f’hekk, jiġu evalwati b’mod iżolat (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et, C‑160/14, EU:C:2015:565, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, l-importanza rispettiva li għandha tingħata lid-diversi kriterji neċessarjament tvarja skont l-attività eżerċitata, jew il-metodi ta’ produzzjoni jew ta’ operazzjoni użati fl-impriża, fin-negozju jew f’parti min-negozju kkonċernat (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et, C‑160/14, EU:C:2015:565, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku, hekk kif il-Kummissjoni indikat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-attività ekonomika mwettqa mill-entità inkwistjoni ma teħtieġx elementi tanġibbli sinjifikattivi għall-operat tagħha. Min-naħa l-oħra, peress li din l-attività ekonomika hija prinċipalment ibbażata fuq elementi intanġibbli, it-trasferiment tagħhom huwa ta’ importanza partikolari għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala “trasferiment ta’ parti minn impriża”.

37      Fil-fatt, l-attivi intanġibbli li l-istrumenti finanzjarji jikkostitwixxu u l-attivi l-oħra tal-kontraenti, f’dan il-każ il-klijenti, iż-żamma tal-kontijiet tagħhom, is-servizzi l-oħra ta’ investiment u s-servizzi anċillari kif ukoll iż-żamma tal-arkivji, jiġifieri d-dokumentazzjoni relatata mas-servizzi pprovduti u mal-attivitajiet ta’ investiment imwettqa fir-rigward tal-klijenti, jikkontribwixxu għall-identità tal-entità ekonomika kkonċernata, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 33 sa 35 ta’ din is-sentenza.

38      Issa, it-trasferiment ta’ dawn l-elementi huwa neċessarjament suġġett għall-qbil espliċitu jew taċitu tal-klijenti peress li, f’kuntest bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, impriża li twaqqaf l-attività tagħha ma tistax tobbliga lill-klijenti tagħha jafdaw l-immaniġġar tat-titoli tagħhom lill-kumpannija tal-għażla tagħha.

39      Minn dan jirriżulta, minn naħa, li l-fatt li l-klijenti ta’ Banka Koper ma kinux marbuta bil-kuntratt ta’ trasferiment konkluż ma’ Alta Invest u setgħu liberament jiddeċiedu li jittrasferixxu t-titoli tagħhom lil din tal-aħħar, hekk kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, ma jistax, waħdu, jipprekludi l-klassifikazzjoni bħala “trasferiment ta’ parti minn impriża” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23.

40      Min-naħa l-oħra, minn dan isegwi li l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ klijentela għandha tiġi stabbilita sabiex l-operazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi kklassifikata bħala “trasferiment ta’ parti minn impriża”.

41      Għal dan il-għan, hemm lok li ssir evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi b’teħid inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-inċentivi offruti lill-klijenti ta’ Banka Koper sabiex jafdaw l-immaniġġar tat-titoli tagħhom lil Alta Invest.

42      Hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ għażla espliċita jew le tal-klijenti fir-rigward tat-trasferiment tal-kontijiet tagħhom lejn Alta Invest jew, ukoll, l-eżistenza ta’ trasferiment awtomatiku tal-arkivji relatati mal-kontijiet tagħhom. F’dak il-kuntest, hija għandha tiddetermina jekk l-Artikolu 159(3) taż-ZTFI jirrikjedix lil kumpannija ta’ senserija finanzjarja li tiddeċiedi li twaqqaf din l-attività tittrasferixxi d-dokumentazzjoni relatata mal-kontijiet tal-klijenti tagħha lil persuna waħda awtorizzata fis-Slovenja sabiex tipprovdi servizzi u twettaq attivitajiet ta’ investiment jew jekk din id-dokumentazzjoni tistax tiġi ttrasferita lil numru ta’ persuni.

43      L-eżistenza ta’ inċentivi finanzjarji, bħat-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż ta’ trasferiment lejn Alta Invest, ukoll tikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni.

44      Barra minn hekk, għalkemm il-fatt li 91 % tal-klijenti ta’ Banka Koper qablu li jafdaw l-immaniġġar tat-titoli tagħhom lil Alta Invest jidher li jikkorrobora l-effettività ta’ tali inċentivi, il-klassifikazzjoni bħala “trasferiment”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23, ma tistax madankollu ssir abbażi ta’ din il-konstatazzjoni waħedha, li, barra minn hekk, isseħħ wara l-konklużjoni tal-kuntratt ta’ trasferiment bejn iż-żewġ impriżi.

45      Fl-aħħar nett, finalment hija l-qorti nazzjonali, li hija l-unika li għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali u sabiex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha tistabbilixxi l-eżistenza jew le ta’ “trasferiment ta’ parti minn impriża” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Colino Sigüenza, C‑472/16, EU:C:2018:646, punt 45, u tas‑6 ta’ Diċembru 2018, Montag, C‑480/17, EU:C:2018:987, punt 34).

46      Fid-dawl ta’ dan li jippreċedi, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kisba, mit-tieni impriża, tal-istrumenti finanzjarji u tal-attivi l-oħra ta’ klijenti tal-ewwel impriża, sussegwentement għall-waqfien ta’ attività tagħha, bis-saħħa ta’ kuntratt li l-konklużjoni tiegħu hija imposta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki meta l-klijenti tal-ewwel impriża jibqgħu ħielsa li ma jafdawx l-immaniġġar tat-titoli finanzjarji tagħhom lit-tieni impriża, tista’ tikkostitwixxi trasferiment ta’ impriża jew ta’ parti minn impriża meta l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ klijentela tkun stabbilita, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. F’dan il-kuntest, in-numru kbir ħafna ta’ klijenti attwalment ittrasferiti ma huwiex, waħdu, deċiżiv fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala “trasferiment” u l-fatt li l-ewwel impriża tikkollabora, bħala kumpannija ta’ senserija finanzjarja mhux indipendenti, mat-tieni impriża, bħala prinċipju, huwa irrilevanti.

 Fuq l-ispejjeż

47      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kisba, mit-tieni impriża, tal-istrumenti finanzjarji u tal-attivi l-oħra ta’ klijenti tal-ewwel impriża, sussegwentement għall-waqfien ta’ attività tagħha, bis-saħħa ta’ kuntratt li l-konklużjoni tiegħu hija imposta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki meta l-klijenti tal-ewwel impriża jibqgħu ħielsa li ma jafdawx l-immaniġġar tat-titoli finanzjarji tagħhom lit-tieni impriża, tista’ tikkostitwixxi trasferiment ta’ impriża jew ta’ parti minn impriża meta l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ klijentela tkun stabbilita, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. F’dan il-kuntest, in-numru kbir ħafna ta’ klijenti attwalment ittrasferiti ma huwiex, waħdu, deċiżiv fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala “trasferiment” u l-fatt li l-ewwel impriża tikkollabora, bħala kumpannija ta’ senserija finanzjarja mhux indipendenti, mat-tieni impriża, bħala prinċipju, huwa irrilevanti.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: is-Sloven.