Appell ippreżentat fis-7 ta’ Awwissu 2020 minn Agrochem-Maks d.o.o. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fit-28 ta’ Mejju 2020 fil-Kawża T-574/18, Agrochem-Maks vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-374/20 P)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Agrochem-Maks d.o.o. (rappreżentanti: S. Pappas u A. Pappas, avocats)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Renju tal-Isvezja
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
tannulla s-sentenza appellata;
tirrinvija l-kawża lura lill-Qorti Ġenerali;
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħha stess u għall-ispejjeż tal-appellanti f’din il-proċedura.
Aggravji u argumenti prinċipali
Il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat ir-rekwiżiti tal-proċedura dwar it-talbiet għal iktar informazzjoni fil-kuntest tat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi sostniet li l-ilment (relatat mas-seba’ kwistjonijiet mhux iffinalizzati) li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-evalwazzjonijiet tal-EFSA u dik tal-Istat Membru Relatur teħtieġ raġunament fil-fond dwar dik il-kwistjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat fir-rigward tar-raba’ kwistjoni u bħala ineffettiv fir-rigward tal-kwistjonijiet l-oħra.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha sabiex teżamina l-aspettattivi leġittimi tal-appellanti.
Il-Qorti Ġenerali kkwalifikat b’mod żbaljat il-fatti u kisret l-Artikolu 6(f) tar-Regolament Nru 1107/2009 1 , il-punt 2.2 tal-Anness II ta’ dak ir-regolament u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi interpretat u applikat b’mod żbaljat il-prinċipju ta’ prekawzjoni.
____________
1 Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009, L 309, p. 1).