Language of document : ECLI:EU:C:2019:1012

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fis‑26 ta’ Novembru 2019 (1)

Kawżi magħquda C566/19 PPU u C626/19 PPU

Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg

vs

JR

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel (Chambre du conseil) (il-Qorti tal-Appell (Awla tal-Kunsill), il-Lussemburgu))

u

Openbaar Ministerie

vs

YC

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Domanda preliminari — Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI — Mandat ta’ arrest Ewropew — Awtorità ġudizzjarja emittenti — Indipendenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur — Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn prosekutur Franċiż — Uffiċċju tal-Prosekutur responsabbli, minn naħa, tal-proċeduri kriminali u, min-naħa l-oħra, tal-kontroll tal-kundizzjonijiet tal-ħruġ u l-proporzjonalità ta’ mandat ta’ arrest Ewropew — Kundizzjoni tal-eżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv kontra d-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew minn prosekutur”






1.        Il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tiġi kkonfrontata, mill-ġdid, b’rinviji għal deċiżjoni preliminari li fihom hija tkun meħtieġa tiddeċiedi jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur (f’dan il-każ, ir-Repubblika Franċiża) jistax jiġi kklassifikat bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti” ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (iktar ’il quddiem “MAE”), fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI (2).

2.        Id-dubji mqajma minn qorti tal-Lussemburgu (Kawża C‑566/19 PPU) u oħra tal-Pajjiżi l-Baxxi (Kawża C‑626/19 PPU) jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni li għandha tingħata lis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (3).

3.        Dawn l-istess dubji tqajmu fir-rigward tal-Uffiċċji tal-Prosekutur tal-Isvezja (Kawża C‑625/19 PPU) u tal-Belġju (Kawża C‑627/19 PPU), li fuqhom ser nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħi f’din l-istess data.

4.        Minkejja li l-pożizzjoni tiegħi bħala prinċipju tibqa’ dik difiża fil-kawżi OG (Prosekutur ta’ Lübeck) u PI (Prosekutur ta’ Zwickau) (4) u fil-kawża PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja), (5) ser nittratta, issa, l-eżeġesi ta’ din is-sentenza kif ukoll dik mogħtija fid‑9 ta’ Ottubru 2019 (6) f’kawża oħra simili.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

5.        Nirreferi għat-traskrizzjoni tal-ħames, is-sitt, it-tmien, l-għaxar u t-tnax-il premessa, kif ukoll għall-Artikoli 1 u 9 tad-Deċiżjoni Qafas, li jinsabu fil-konklużjonijiet OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau).

B.      Id-dritt nazzjonali. Code de procédure pénale (7)

6.        Fil-Kapitolu Ia (“Il-Kompetenzi tal-Ministru tal-Ġustizzja”) tat-Titolu I (“Dwar l-awtoritajiet responsabbli għat-tmexxija tal-politika penali, il-prosekuzzjoni u l-istruzzjoni”) tal-ktieb I tal-KPK, l-Artikolu 30 jiddisponi:

“Il-Ministru tal-Ġustizzja jħaddan il-politika penali ffissata mill-Gvern. Huwa jiżgura l-koerenza tal-applikazzjoni tiegħu fit-territorju tar-Repubblika.

Għal dan il-għan, huwa jindirizza istruzzjonijiet ġenerali lill-Imħallfin mal-Prosekutur Pubbliku.

Huwa ma jista jagħtihom ebda istruzzjoni f’kawżi individwali.

Kull sena, huwa jippubblika rapport fuq l-implimentazzjoni tal-politika penali stabbilita mill-Gvern, billi jiġu ppreċiżati l-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni ta’ din il-politika u l-istruzzjonijiet ġenerali mogħtija skont it-tieni subparagrafu. Dan ir-rapport għandu jintbagħat lill-Parlament u jista’ jagħti lok għal dibattitu fl-Assemblea Nazzjonali u fis-Senat”.

7.        Fit-Taqsima 2 (“Kompetenzi tal-Prosekutur Ġenerali quddiem il-qrati tal-appell”) tal-Kapitolu II tal-imsemmi Titolu I tal-Ktieb I, l-Artikolu 36 jipprovdi:

“Il-Prosekutur Ġenerali [quddiem il-qrati tal-appell] jista’ jordna lill-prosekuturi tar-Repubblika, permezz ta’ istruzzjonijiet bil-miktub inklużi fil-proċess, sabiex jibdew jew jirranġaw sabiex jinbdew proċeduri jew jibagħtu lill-qorti kompetenti talbiet bil-miktub li huma meqjusa xierqa”.

II.    It-tilwim u d-domandi preliminari

A.      Kawża C566/19 PPU

8.        Fl‑24 ta’ April 2019, il-Viċi Prosekutur fl-Uffiċċju tal-Prosekutur fi ħdan it-tribunal de grande instance de Lyon (il-Qorti Reġjonali ta’ Lyon, Franza) ħareġ MAE għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali kontra JR.

9.        Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Ġunju 2019, ix-Chambre du conseil (l-Awla tal-Kunsill) tat-tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu) iddeċidiet li kien hemm lok li JR jintbagħat lill-awtoritajiet Franċiżi.

10.      JR appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju fejn, għal finijiet ta’ din il-kawża, talab in-nullità tal-MAE peress li l-awtorità li kienet ħarġitu ma hijiex “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas. Huwa sostna li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Franċiż seta’ jkun is-suġġett ta’ istruzzjonijiet indiretti tal-poter eżekuttiv, ħaġa li ma hijiex konformi mal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam.

11.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour d’Appel (chambre du conseil) (il-Qorti tal-Appell (Awla tal-Kunsill), il-Lussemburgu) iddeċidiet li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja:

“Il-Prosekutur Pubbliku Franċiż fil-qorti istruttorja jew fil-qorti li għandha tagħti deċiżjoni, li huwa kompetenti fi Franza taħt id-dritt ta’ dan l-Istat, għall-ħruġ ta’ [MAE], jista’ jiġi kkunsidrat li huwa awtorità ġudizzjarja emittenti, fis-sens awtonomu msemmi fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas […], f’ċirkustanzi fejn, filwaqt li jivverifika l-osservanza tal-kundizzjonijiet neċessarji għall-ħruġ ta’ [MAE] u jeżamina n-natura proporzjonata tiegħu fid-dawl tal-fatti tal-fajl kriminali, huwa fl-istess ħin l-awtorità responsabbli għat-tressiq ta’ proċeduri kriminali fl-istess kawża?”

B.      Kawża C626/19 PPU

12.      Fis‑27 ta’ Marzu 2019, il-Prosekutur fit-tribunal de grande instance de Tours (il-Qorti Reġjonali ta’ Tours, Franza) ħareġ MAE għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali kontra YC, li ġie arrestat fil-Pajjiżi l-Baxxi fil‑5 ta’ April 2019.

13.      Ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) li ġiet adita b’talba intiża għall-eżekuzzjoni ta’ dan il-MAE, għamlet din id-domanda preliminari:

“1)      Prosekutur pubbliku li jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istat Membru emittenti, li jaġixxi b’mod indipendenti fl-eżerċizzju tal-kompiti inerenti għall-ħruġ ta’ [MAE] u li ħareġ [MAE] jista’ jiġi kkwalifikat bħala awtorità ġudizzjarja emittenti fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni [Qafas] jekk, fl-Istat emittenti, qabel id-deċiżjoni effettiva ta’ dan il-prosekutur pubbliku li joħroġ il-[MAE] imħallef ikun evalwa l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ [MAE] u, b’mod partikolari, il-proporzjonalità tagħha?

2)      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: il-kundizzjoni msemmija fil-punt 75 tas-sentenza [OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau)], li tirrikjedi li għandu jkun possibbli li d-deċiżjoni tal-prosekutur pubbliku li joħroġ [MAE] u, b’mod partikolari, in-natura proporzjonali ta’ tali deċiżjoni għandhom ikunu s-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja li tissodisfa b’mod sħiħ il-kundizzjonijiet inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, hija ssodisfatta jekk jirriżulta li hemm rimedju ġuridiku għall-persuna mfittxija, wara l-konsenja effettiva tagħha, li permezz tiegħu n-nullità tal-[MAE] tista’ tiġi invokata quddiem il-qorti fl-Istat emittenti u li bih din il-qorti teżamina b’mod partikolari n-natura proporzjonali tad-deċiżjoni ta’ ħruġ ta’ dan il-[MAE]?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-pożizzjonijiet tal-partijiet

14.      Il-Kawża C‑566/19 ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Lulju 2019, mingħajr ma l-qorti tar-rinviju talbet il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

15.      Il-Kawża C‑626/19 PPU ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Awwissu 2019. Fid-dawl taċ-ċaħda tal-libertà tal-qorti tar-rinviju fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju talbet li tiġi applikata l-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

16.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, għal dawn iż-żewġ kawżi, it-trattament b’urġenza u għaqdithom flimkien għal dak li jirrigwarda l-istruttorja u d-deċiżjoni tagħhom permezz ta’ sentenza.

17.      JR, il-Gvern Franċiż u dak Olandiż, il-Prosekutur Ġenerali tal-Lussemburgu, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Olandiż u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

18.      Is-seduta pubblika saret fl‑24 ta’ Ottubru 2019 u ġiet konkluża flimkien ma’ dawk tal-Kawżi C‑625/19 PPU u C‑627/19 PPU. F’din dehru JR, YC, XD, ZB, l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Lussemburgu, l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Gvern Olandiż, Franċiż, Svediż, Belġjan, Irlandiż, Spanjol, Taljan u Finlandiż kif ukoll il-Kummissjoni.

IV.    Analiżi

A.      Kunsiderazzjonijiet preliminari

19.      Iż-żewġ rinviji preliminari huma intiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur Franċiż huwiex “awtorità ġudizzjarja emittenti” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas. Kull waħda minnhom issostni din il-kwistjoni minn perspettiva differenti, jiġifieri:

–      Il-qorti Lussemburgiża tistaqsi jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur Franċiż jissodisfax il-kundizzjoni ta’ indipendenza li għandha tiġi ssodisfatta lill-awtorità emittenti ta’ MAE.

–      Il-qorti Olandiża titlaq, bħala premessa, mill-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Franċiż, iżda hija tiddubita li l-MAE li jista’ joħroġ ikun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju.

20.      Kif diġà osservajt, dawn id-domandi saru fil-kuntest tal-kwistjonijiet li s-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) tqajjem fil-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari meta hija tikkonstata li l-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti” tal-Artikolu 6(1) “ma jirreferix għall-Uffiċċji tal-Prosekutur […] li huma esposti għar-riskju li, b’mod dirett jew indirett, jiġu suġġetti għal ordnijiet jew għal struzzjonijiet individwali min-naħa tal-poter eżekuttiv” (8).

21.      Għalhekk din hija kwistjoni dwar:

–      Jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur Franċiż huwa istituzzjoni indipendenti, kif inhuwa kull awtorità ġudizzjarja emittenti ta’ MAE (Kawża C‑566/19).

–      Fil-każ ta’ risposta affermattiva, jekk l-eżami ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet ta’ MAE jistax isir qabel id-“deċiżjoni effettiva” tal-Uffiċċju tal-Prosekutur li joħroġ dan il-mandat (l-ewwel domanda fil-Kawża C‑626/19 PPU).

–      Jekk, fil-każ li tali reviżjoni tkun ifformalizzata f’rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, huwa biżżejjed li dan ir-rimedju jkun jista’ jiġi ppreżentat wara l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni (it-tieni domanda fil-Kawża C‑626/19 PPU).

22.      Sabiex tingħata risposta lill-qorti Lussemburgiża (Kawża C‑566/19), huwa neċessarju li wieħed jibbaża fuq il-motivazzjoni tas-sentenzi OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) u ta’ NJ (Prosekutur ta’ Vjenna). Is-soluzzjoni fil-Kawża C‑626/19 PPU titlob xogħol eżegetiku li jsib bilanċ fil-punti 68 u 75 tal-ewwel waħda minn dawn is-sentenzi.

B.      Fuq l-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur fi Franza

23.      Fil-fehma tiegħi, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ma jistax jiġi kklassifikat bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas, għar-raġunijiet li diġà esponejt dak iż-żmien, essenzjalment, għas-salvagwardja tal-libertà taċ-ċittadini, suġġetta għal restrizzjonijiet biss meta l-qorti tiddeċiedi fuqhom (9). Konsegwentement, la l-prosekuturi Ġermaniżi u lanqas il-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja, u lanqas issa l-Uffiċċju tal-Prosekutur Franċiż ma jistgħu joħorġu MAE.

24.      Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja titlaq ukoll mill-premessa li l-awtorità emittenti ta’ MAE għandha tkun indipendenti, hija madankollu adottat approċċ differenti, li, fil-fehma tiegħi, ivarja skont jekk wieħed isegwix is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (10) jew dik tas‑27 ta’ Mejju 2019, fil-kawżi OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) u PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja) (11).

25.      Għalhekk huwa opportun li jiġu riflessi t-termini li fihom ingħatat din il-ġurisprudenza.

1.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni

26.      Għall-Qorti tal-Ġustizzja, huwa biżżejjed li l-awtorità ġudizzjarja emittenti “tkun tista’ teżerċita dik il-funzjoni oġġettivament, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-provi kollha inkriminanti u skaġunanti, u mingħajr ma tkun esposta għar-riskju li s-setgħa deċiżjonali tagħha tista’ tkun suġġetta għal ordnijiet jew struzzjonijiet esterni, b’mod partikolari mill-poter eżekuttiv, sabiex ma jkun hemm l-ebda dubju dwar il-fatt li d-deċiżjoni li jinħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew tkun ta’ dik l-awtorità u mhux, finalment, ta’ dak il-poter” (12).

27.      Skont din il-linja ta’ argumenti:

–      L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun tista’ “tagħti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni l-assigurazzjoni li, fid-dawl tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru emittenti, hija qed taġixxi b’mod indipendenti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha inerenti fir-rigward tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew”.

–      Hija tippreċiża “li [għandu] jkun hemm regoli statutorji u organizzattivi sabiex jiġi żgurat li l-awtorita ġudizzjarja emittenti ma tkunx esposta, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni biex jinħareġ tali mandat ta’ arrest, għal xi riskju li tkun suġġetta b’mod partikolari għal struzzjonijiet individwali mill-poter eżekuttiv” (13).

–      Ir-riskju ta’ espożizzjoni għal eventwali istruzzjonijiet individwali tal-poter eżekuttiv jidher li huwa l-element prinċipali fl-evalwazzjoni tal-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur bħala awtorità ġudizzjarja emittenti.

28.      Fis-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau), il-fattur determinanti kien li l-Ministru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jew il-kontropartijiet tiegħu fil-Länder, jistgħu jordnaw istruzzjonijiet lill-prosekuturi (14). Din iċ-ċirkustanza kienet iktar importanti mill-konstatazzjoni li “l-Uffiċċji tal-Prosekutur Ġermaniżi huma marbuta bl-oġġettività u għandhom jinvestigaw mhux biss biex jinkriminaw iżda ukoll biex jiskaġunaw” (15).

29.      Fis-sentenza NJ (Prosekutur ta’ Vjenna), ġie deċiż, għal raġunijiet simili, li l-prosekuturi Awstrijaċi ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti inerenti għall-indipendenza meħtieġa għall-ħruġ ta’ MAE (16).

30.      Min-naħa l-oħra, għall-Qorti tal-Ġustizzja, il-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja jista’ jkun “awtorità ġudizzjarja emittenti”, peress li billi huwa għandu r-responsabbiltà għall-ħruġ tal-MAE, huwa jibbenefika minn indipendenza fir-rigward tal-poter eżekuttiv iggarantit mill-Kostituzzjoni nazzjonali stess (17).

31.      Nenfasizza li, sal-lum, il-ġurisprudenza ma ddeċidietx b’mod ċar fuq id-dipendenza jew l-indipendenza ta’ kull wieħed mill-prosekuturi, suġġett għal istruzzjonijiet tas-superjuri ġerarkiċi tiegħu (18).

2.      L-Uffiċċju tal-Prosekutur fi Franza

32.      Skont l-informazzjoni pprovduta fil-proċess, sas-sena 2013 il-Ministru tal-Ġustizzja seta’ jagħti istruzzjonijiet lill-prosekuturi fil-kawżi individwali. Il-kummentarji għas-sentenzi OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) u NJ (Prosekutur ta’ Vjenna) iwasslu, għalhekk, sabiex jiġi ddikjarat li, qabel din id-data, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ dan l-Istat Membru ma setax jiġi kklassifikat bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti”.

33.      L-issuġġettar tal-Prosekutur Franċiż għall-istruzzjonijiet individwali eventwali tal-poter eżekuttiv sparixxiet mar-riforma tal-KPK mill‑2014. Madankollu, il-possibbiltà li l-Ministru tal-Ġustizzja jagħti istruzzjonijiet ġenerali (Artikolu 30 tal-KPK) baqgħet fis-seħħ. Għad teżisti wkoll l-istruttura ġerarkika karatteristika tal-Prosekutur, bil-konsegwenza li l-membri tagħha huma suġġetti, fuq livell ta’ organizzazzjoni u funzjonali, għall-Prosekutur Ġenerali quddiem il-qrati rispettivi. Kull wieħed minn dawn il-prosekuturi għalhekk huwa “taħt id-direzzjoni u l-kontroll tas-superjuri ġerarkiċi tiegħu” (19).

34.      Għalhekk iqumu żewġ problemi:

–      L-ewwel wieħed, jekk il-possibbiltà li l-poter eżekuttiv jagħti istruzzjonijiet ġenerali lill-prosekuturi jista’ jaffettwa l-indipendenza tagħhom.

–      It-tieni wieħed, jekk l-istruttura ġerarkika karatteristika tal-prosekuturi hija mingħajr effett f’dak li jirrigwarda l-indipendenza tal-membri tiegħu;

a)      Istruzzjonijiet individwali u istruzzjonijiet ġenerali

35.      Fid-dispożittiv tas-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet espressament biss l-istruzzjonijiet individwali. Madankollu, huwa eskluda, fil-punt 73 tiegħu, li s-setgħa deċiżjonali tal-prosekutur tista’ tkun “suġġetta għal ordnijiet jew struzzjonijiet esterni”, mingħajr ebda preċiżazzjoni oħra.

36.      F’każ bħal dan, il-possibbiltà ta’ istruzzjonijiet individwali tal-Ministru tal-Ġustizzja lill-prosekuturi Ġermaniżi tkun ovvja, ma kienx neċessarju li tittieħed deċiżjoni fuq l-effett tal-istruzzjonijiet ġenerali fuq l-azzjoni tiegħu.

37.      Madankollu, jidhirli li dan l-aħħar tip ta’ istruzzjonijiet jista’ wkoll ikun rilevanti. Fil-konklużjonijiet tiegħi OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), fakkart it-termini, li kienu fondati, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), fuq l-indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja li ħarġet il-MAE. Din l-indipendenza tippresupponi li “l-istanza kkonċernata teżerċita l-attivitajiet ġudizzjarji tagħha b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda rabta ġerarkika jew ta’ subordinazzjoni fil-konfront ta’ xi ħadd u mingħajr ma tirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors li jkun, u b’tali mod li b’hekk tkun protetta kontra l-interventi jew il-pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza tal-ġudizzju tal-membri tagħha u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom” (20).

38.      Huwa inkonċepibbli li mħallef (indipendenti) għandu jikkonforma ruħu ma’ istruzzjonijiet maħruġa mill-poter eżekuttiv, anki jekk dawn ikunu ġenerali, meta jintalab jagħti deċiżjoni dwar xi ħaġa hekk prezzjuża bħal-libertà tal-konċittadini tiegħu. L-Imħallef huwa suġġett biss għal-liġi, mhux għall-orjentazzjonijiet ta’ politika penali mogħtija minn gvern (permezz tal-Ministru tal-Ġustizzja).

39.      Dawn il-linji gwida jistgħu, ġustament, jorbtu lill-prosekuturi fl-Istati Membri li jagħżlu li jaċċettaw dan it-tip ta’ istruzzjonijiet ġenerali. Hija ġustament din ir-raġuni – jiġifieri r-restrizzjoni tal-kapaċità li jaġixxi b’mod awtonomu, mingħajr ebda riżerva oħra minbarra dik dovuta mil-liġi – li timpedixxi r-rikonoxximent tal-istatus ta’ awtorità ġudizzjarja emittenti lill-membri tal-Uffiċċju tal-Prosekutur li għandhom jikkonformaw ruħhom mal-istruzzjonijiet ġenerali tal-Gvern sabiex jiġi ddeterminat jekk huma jistgħux joħorġu MAE jew le.

40.      Ma huwiex eskluż li dawn l-istruzzjonijiet ġenerali jispeċifikaw il-politika penali ta’ gvern partikolari (21) li jimponi fuq il-membri tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, pereżempju, id-dmir li joħorġu MAE għal ċerti reati, jew fi kwalunkwe każ, jew għal ċerti kategoriji ta’ kriminali. Kif jista’ wieħed jitkellem dwar l-indipendenza f’deċiżjoni adottata minn dawk li bilfors għandhom jirrispettaw, anki kontra l-opinjoni tagħhom stess, dawk l-istruzzjonijiet (ġenerali) tal-Gvern għall-ħruġ ta’ MAE?

41.      Wieħed jista’ jirribatti li din l-ipoteżi ma hijiex ħaġa mhux tas-soltu, iżda, ninsisti, meta tkun involuta ċ-ċaħda tal-libertà, is-salvagwardja kontra l-istruzzjonijiet vinkolanti tal-poter eżekuttiv (kemm ġenerali kif ukoll, a fortiori, individwali) fil-qasam tal-MAE teħtieġ li min jiddeċiedi dwar il-libertà ta’ persuna, jagħmel dan minn pożizzjoni ta’ indipendenza assoluta, suġġetta biss għal-liġi u mhux għal indikazzjonijiet jew għal-linji gwida, partikolari jew ġenerali, tal-poter eżekuttiv.

42.      Għaldaqstant, nifhem li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrikorri mill-ġdid għat-teżi stabbilita fil-punt 63 tas-sentenza Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) sabiex tikkorrobora li l-korp li joħroġ MAE ma jistax jiġi sottomess għal kwalunkwe rabta ġerarkika jew ta’ subordinazzjoni fir-rigward ta’ terzi jew li “ma tirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors li jkun”.

b)      Is-subordinazzjoni ġerarkika tal-Uffiċċju tal-Prosekutur fi Franza

43.      Skont kif sostnut fil-konklużjonijiet OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau”), mill-ġdid b’ċitazzjoni tas-sentenza Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), “[l]-indipendenza […] hija inkompatibbli ma’ kwalunkwe ‘rabta ġerarkika jew ta’ subordinazzjoni fil-konfront ta’ terzi’”. B’riferiment għall-imħallfin u l-qrati, dan jissoponi li “[d]-detenturi tal-poter ġudizzjarju huma wkoll indipendenti mill-istanzi ġudizzjarji superjuri, li, għalkemm jistgħu jirrevedu u jannullaw is-sentenzi tagħhom a posteriori, ma jistgħux, madankollu jimponu fuqhom kif għandhom jiddeċiedu” (22).

44.      Fil-fehma tiegħi, din il-karatteristika tal-indipendenza għandha wkoll tikkaratterizza l-Uffiċċju tal-Prosekutur bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti” fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas. Għalhekk, jekk, kif jidher stabbilit, il-prosekuturi Franċiżi, minbarra li huma konformi mal-istruzzjonijiet ġenerali mogħtija mill-Ministru tal-Ġustizzja, għandhom ukoll iżommu mal-ordnijiet tas-superjuri ġerarkiċi tagħhom fil-kuntest tal-istruttura tal-Uffiċċju tal-Prosekutur (23), huma diffiċilment jistgħu jiġu kklassifikati bħala indipendenti sabiex jaġixxu bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti” ta’ MAE.

45.      Dan huwa, barra minn hekk, l-approċċ adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Margarit Panicello (punti 41 u 42), meta ċaħdet il-possibbiltà li uffiċjal ieħor (reġistratur) li jintervjeni fuq bażi anċillari fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, jista’ jagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. L-assenza ta’ indipendenza tiegħu kienet dovuta, eżattament, peress li “huwa obbligat li josserva, l-istruzzjonijiet tas-superjur ġerarkiku tiegħu” (24).

46.      Minkejja li l-kriterji ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE (25) ma jaqblux f’kollox ma’ dawk li jikkonċernaw l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas, nemmen li l-fuq il-mertu jesprimu l-istess tħassib.

47.      Infakkar, għal darba oħra, il-punt 63 tas-sentenza Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) fuq l-assenza ta’ “rabtiet ġerarkiċi jew ta’ subordinazzjoni”, bħala komponent essenzjali u inseparabbli tal-indipendenza.

48.      Fil-kawża li tat lok għas-sentenza PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja), il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja seta’ jiġi kklassifikat bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti” inkwantu għandu status kostituzzjonali li jagħtih garanzija ta’ indipendenza fil-konfront tal-poter eżekuttiv fir-rigward tal-ħruġ tal-MAE. Min-naħa l-oħra, ma hemmx garanzija kostituzzjonali ekwivalenti fir-Repubblika Franċiża.

c)      L-imparzjalità tal-Uffiċċju tal-Prosekutur

49.      Il-qorti tar-rinviju Lussemburgiża tesprimi dubji fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Franċiż bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti” ta’ MAE, mhux biss minħabba l-istatus ta’ din l-istituzzjoni, iżda wkoll minħabba li l-prosekuturi “[…] filwaqt li jivverifika[w] l-osservanza tal-kundizzjonijiet neċessarji għall-ħruġ ta’ [MAE] u jeżamina[w] n-natura proporzjonata tiegħu fid-dawl tal-fatti tal-fajl kriminali, [huma] fl-istess ħin l-awtorità responsabbli għat-tressiq ta’ proċeduri kriminali fl-istess kawża”.

50.      Fil-fehma tiegħi, dawn l-oġġezzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jaqgħu wkoll taħt l-imparzjalità tal-Uffiċċju tal-Prosekutur kif ukoll tal-indipendenza tiegħu.

51.      L-Uffiċċju tal-Prosekutur huwa, mid-definizzjoni tiegħu, il-“parti li tipproċedi bil-prosekuzzjoni fil-proċeduri kriminali” (26). Bħala parti li qiegħda tipproċed fi proċeduri kriminali kontra parti oħra (is-suspettat jew l-akkużat), ma għandhiex tikkorrispondi lilu, iżda fuq il-qorti adita sabiex tiddeċiedi, li tikkundizzjona s-sitwazzjoni personali tal-parti avversarja, sal-punt li ċċaħħadha mil-libertà tagħha.

52.      Din il-premessa tista’ madankollu tiġi kkwalifikata fil-każ fejn il-liġi tobbliga lill-Uffiċċju tal-Prosekutur jaġixxi b’oġġettività sħiħa, billi jevalwa u jipprovdi lill-qorti kemm il-provi li jinkriminaw kif ukoll li jiskaġunaw, kontra jew favur persuna ssuspettata jew akkużata.

53.      B’mod partikolari, jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur ikun obbligat li jikkonforma ruħu ma’ dan id-dmir ta’ oġġettività waqt l-istruttorja ta’ proċedura kriminali, il-pożizzjoni tiegħu hija simili għal dik ta’ qorti istruttorja (fil-pajjiżi fejn din l-istituzzjoni teżisti), fosthom dik li toħroġ MAE meta dan huwa previst mid-dritt intern tagħha.

54.      Għalhekk jidhirli li n-natura ta’ parti fil-proċeduri kriminali, li l-Uffiċċju tal-Prosekutur għandu minn perspettiva formali, ma hijiex inkompatibbli mar-rikonoxximent ta’ status ta’ imparzjalità, bħala regola (mhux biss deontoloġika, iżda ġuridika) ta’ kondotta fil-proċeduri. F’dan ir-rigward, il-liġi nazzjonali tista’ tippreċiża, u dan huwa l-każ fi Franza, li l-Uffiċċju tal-Prosekutur jeżerċita l-prosekuzzjoni u jeħtieġ l-applikazzjoni tal-liġi kriminali “fl-osservanza tal-prinċipju ta’ imparzjalità li huwa għandu” (27).

55.      Fi kwalunkwe każ, sa fejn, fil-fehma tiegħi, id-disinn istituzzjonali tal-prosekutur Franċiż ma jiżgurax li l-azzjoni tiegħu hija ħielsa minn kull influwenza tal-poter eżekuttiv waqt il-ħruġ ta’ MAE, inqis li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑566/19 għandha tingħata risposta negattiva.

56.      Jekk dan ikun il-każ, din l-istess risposta tagħmel inutli r-risposta għad-domandi tal-qorti Olandiża fil-Kawża C‑626/19 PPU, sa fejn din hija intiża fuq l-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur fi Franza, ħaġa li neskludi. Sussidjarjament, ser neżaminahom b’mod sussidjarju.

C.      Fuq l-istħarriġ ġudizzjarju tal-MAE maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prosekutur

1.      Kunsiderazzjonijiet preliminari

57.      Ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) tiddubita l-osservanza tat-tielet rekwiżit stabbilit fis-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) sabiex awtorità li, mingħajr ma tkun imħallef jew qorti, tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja u taġixxi b’mod indipendenti, tista’ toħroġ MAE, jiġifieri: li d-deċiżjoni tagħha hija suġġetta għal rimedju ġudizzjarju.

58.      Skont il-punt 75 tas-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau), “meta d-dritt tal-Istat Membru emittenti jagħti s-setgħa sabiex jinħareġ [MAE] lil awtorità li, waqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dak l-Istat Membru, ma hijiex fiha nfisha qorti, id-deċiżjoni li jinħareġ [MAE] bħal dan u, b’mod partikolari, il-proporzjonalità ta’ deċiżjoni bħal din għandhom ikunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju, f’dak l-Istat Membru, li jissodisfa bis-sħiħ ir-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva”.

59.      L-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li r-rimedju msemmi fil-punt 75 tas-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau) ma japplikax meta, fl-ewwel wieħed miż-żewġ livelli ta’ protezzjoni li fihom hija bbażata l-istruttura tad-Deċiżjoni Qafas, kienet diġà ġiet adottata deċiżjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (28).

60.      Skont dan l-approċċ, ir-rekwiżiti msemmija fil-punti 68 u 75 tas-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau) huma għalhekk esklużi. Madankollu, għall-qorti tar-rinviju, dawn ir-rekwiżiti jikkoeżistu u, għaldaqstant, huma fl-istess ħin applikabbli. Jiena naqbel ma’ din il-pożizzjoni.

61.      Ir-rekwiżiti msemmija fil-punti 68 u 75 tas-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau) ċertament iqajmu ċerti mistoqsijiet.

62.      Il-punt 68 jindika li l-protezzjoni fuq żewġ livelli tas-sistema tal-MAE “timplika li deċiżjoni li tissodisfa r-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandha tiġi adottata, għall-inqas, f’wieħed miż-żewġ livelli ta’ dik il-protezzjoni” (29). Dawn il-livelli huma:

–      Dik li tirregola “fil-kuntest ta l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali, bħal mandat ta’ arrest nazzjonali [iktar ’il quddiem il-“MAN”]” (30).

–      Dik li topera fil-kuntest tal-ħruġ tal-MAE nnifsu (31).

63.      Is-sens korrett tal-espressjoni “għall-inqas, f’wieħed miż-żewġ livelli ta’ dik il-protezzjoni”, li hija użata fil-punt 68 tas-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau), tirrigwarda biss il-qari tal-punti li ġejjin.

64.      Skont il-punt 69, mill-punt 68 jirriżulta li “[m]inn dan isegwi li”, meta d-dritt nazzjonali jattribwixxi l-kompetenza li jinħareġ MAE lil awtorità li, bħall-Uffiċċju tal-Prosekutur, jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, iżda ma huwiex imħallef jew tribunal, il-MAE għandu jkun ibbażat fuq “deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali, bħal mandat ta’ arrest nazzjonali”. Dan tal-aħħar (il-MAN) għandu jissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-punt 68: “ir-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva”.

65.      Il-MAE maħruġ minn prosekutur għandu għalhekk jibbaża ruħu fuq MAN maħruġ minn imħallef jew minn qorti, fi kliem ieħor minn awtorità ġudizzjarja fis-sens strett. Għalhekk hemm lok li jiġi kkunsidrat li “deċiżjoni li tissodisfa r-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva”, fis-sens tal-punt 68 tas-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau), hija dik adottata minn imħallef jew qorti.

66.      It-tieni livell ta’ protezzjoni jimplika, skont il-punt 71 tas-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau), li l-awtorità kompetenti li toħroġ il-MAE “għandha […] tivverifika l-osservanza tal-kundizzjonijiet neċessarji għal dan il-ħruġ u għandha teżamina l-punt ta’ jekk, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet ta’ kull każ, l-imsemmi ħruġ huwiex ta’ natura proporzjonata”.

67.      Għaldaqstant il-MAE li l-bażi tiegħu hija MAN maqbul minn imħallef jew qorti jista’ jinħareġ mill-Uffiċċju tal-Prosekutur fl-Istati Membri fejn din l-istituzzjoni tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja u tagħmel hekk b’indipendenza sħiħa.

68.      F’dan il-każ, ir-“rekwiżiti inerenti għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva” (jiġifieri l-intervent ta’ qorti fis-sens strett) huma diġà żgurati fl-ewwel livell ta’ protezzjoni, mal-ħruġ tal-MAN li fuqu huwa bbażat il-MAE.

69.      Issa, skont il-punt 75 tas-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau), id-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur li joħroġ il-MAE għandha “[t]kun suġġett[a] għal rimedju ġudizzjarju, f’dak l-Istat Membru, li jissodisfa bis-sħiħ ir-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva”.

70.      In-neċessità tal-imsemmi rimedju ma jwassalx għal kundizzjoni sabiex l-Uffiċċju tal-Prosekutur ikun jista’ joħroġ MAE, jiġifieri sabiex jiġi rreġistrat bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas. Iżda din hija pjuttost kundizzjoni li tikkonċerna r-regolarità tal-ħruġ tal-MAE min-naħa tal-Uffiċċju tal-Prosekutur u, għaldaqstant, l-effikaċja tiegħu (32).

71.      Dan jirriżulta mis-sentenza PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja), li fih il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li kkonstatat li l-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja seta’ jiġi kklassifikat bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti” sabiex jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja u li tiġi żgurata l-indipendenza fir-rigward tal-poter eżekuttiv, ikkonstatat li ma kienx possibbli li jiġi ddeterminat jekk id-deċiżjonijiet tagħha li joħorġu MAE jistgħux ikunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju (33). Dan l-aħħar fatt ma pprekludiex lil din tal-aħħar milli tiddeċiedi li l-Prosekutur Ġenerali jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti” li jinsab fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas.

72.      Fi kliem ieħor, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Uffiċċju tal-Prosekutur jista’ jiġi kklassifikat bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas, jekk ikunu ssodisfatti żewġ karatteristiċi: a) jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja; u b) igawdi minn status, fuq livell ta’ organizzazzjoni u funzjonali, li jiżgura l-indipendenza tiegħu.

73.      Fil-każ ta’ ġbir ta’ dawn iż-żewġ karatteristiċi, l-Uffiċċju tal-Prosekutur jista’ joħroġ MAE. Issa, il-MAE hekk maħruġ għandu jkun jista’ jiġi suġġett għal appell quddiem qorti jew tribunal fis-sens proprju tiegħu. Fil-fatt, l-assenza ta’ tali rimedju ma tirrigwardax il-kwalità tiegħu ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, iżda dwar l-effikaċja tal-MAE li huwa jkun ħareġ.

2.      Dwar l-ewwel domanda preliminari fil-Kawża C626/19 PPU

74.      Jekk din l-interpretazzjoni kienet korretta, l-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tiġi fformulata mill-ġdid.

75.      Ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) tistaqsi jekk “l-awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas, tistax tiġi kkunsidrata bħala prosekutur li jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja u li jaġixxi b’mod indipendenti jekk id-deċiżjoni tagħha li toħroġ MAE tkun ippreċeduta minn eżami ġudizzjarju.

76.      Jidhirli, għar-raġunijiet preċedenti, li dak li huwa importanti ma huwiex iktar il-punt dwar jekk, fil-kundizzjonijiet stabbiliti, il-prosekutur huwiex “awtorità ġudizzjarja emittenti”, iżda jekk il-MAE li ħareġ jistax isir effettiv fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. L-eżami għandu għalhekk jirrigwarda r-regolarità tal-proċess ta’ adozzjoni tal-MAE u mhux il-kwalità ta’ min joħroġ il-MAE.

77.      Id-domanda għalhekk għandha tiġi fformulata mill-ġdid b’dan il-mod: “L-eżami tal-osservanza tal-kundizzjonijiet dwar il-ħruġ ta’ MAE adottata minn prosekutur li jistħoqqlu t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ‘awtorità ġudizzjarja emittenti’ fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas jista’ jseħħ qabel il-ħruġ tal-MAE?”

78.      Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, il-MAE f’dan il-każ inħareġ minn prosekutur Franċiż bħala riżultat tat-talba mressqa mill-qorti li tkun għadha kif ħarġet il-MAN. Fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan il-MAN, din il-qorti eżaminat għalhekk il-kundizzjonijiet tal-ħruġ tal-MAE u, b’mod partikolari, il-proporzjonalità tiegħu.

79.      Huwa minnu li, il-fatt li l-qorti adita mill-MAN diġà tipproċedi, f’dan l-istadju, għall-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex il-prosekutur jiddeċiedi dwar il-ħruġ ta’ MAE (b’mod partikolari jekk il-ħruġ huwiex proporzjonat) humiex issodisfatti jikkostitwixxi garanzija importanti għall-implimentazzjoni korretta tal-mekkaniżmu tad-Deċiżjoni Qafas.

80.      Jekk il-MAN u l-MAE jiġu adottati simultanjament jew kważi immedjatament, ir-riskju li l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-MAE tkun tardiva hija eskluża. Dan ir-riskju, min-naħa l-oħra, jista’ jitnissel jekk il-MAE jinħareġ ħafna żmien wara l-MAN: huwa possibbli li, f’din is-sitwazzjoni, l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità magħmula mill-qorti tkun skadiet u jista’ jkun hemm biżżejjed ċirkustanzi ulterjuri sabiex jiġi emendat.

81.      Hija għal din l-eventwalità li tirreferi l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza NJ (Prosekutur ta’ Vjenna) peress li hija tenfasizza li l-istħarriġ tal-proporzjonalità li l-imħallef wettaq (34) għandu jaffettwa wkoll il-ksur tad-drittijiet tal-persuna rikjesta, li jmur lil hinn mill-preġudizzju għad-dritt tal-libertà tagħha, għalhekk għandhom jiġu evalwati l-effetti tal-MAE fir-rapporti soċjali u fuq il-familja stabbiliti minn dawk li jkunu diġà jinsabu fi Stat Membru ieħor differenti minn dak emittenti.

82.      Indipendentement minn dan l-eżami ex officio tal-kundizzjonijiet ta’ stabbiliment ta’ MAE, il-punt 75 tas-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau) isemmi espressament “rimedju ġudizzjarju”, jiġifieri eżami mill-ġdid stabbilit mill-persuna msemmija mill-MAE.

83.      Fil-mument tal-adozzjoni tal-MAN, l-imħallef iwettaq l-evalwazzjoni tiegħu (ex officio) fuq iċ-ċirkustanzi li wassluh sabiex joħroġ il-MAN, li ser jiġi eventwalment segwit mill-MAE. Kif irrileva l-Prosekutur Ġenerali Lussemburgiż, f’din il-proċedura, għal raġunijiet evidenti, ma kienx hemm parteċipazzjoni mill-persuna rikjesta (35).

84.      Madankollu, din l-attività ġudizzjarja ma tistax, min-natura tagħha stess, tissodisfa “r-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva”, iċċitati fil-punt 75 tas-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau). Din tal-aħħar hija dejjem protezzjoni mitluba mill-persuna rikjesta u tissarraf fi proċedura li fiha din il-persuna setgħet tintervjeni u tipparteċipa, billi teżerċita d-dritt ta’ difiża tagħha.

85.      Għalhekk, ir-rimedju ċċitat fil-punt 75 tas-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau) ma jistax jissostitwixxi stħarriġ ġudizzjarju bħal dak imwettaq fil-mument tal-adozzjoni tal-MAN. Bħala “rimedju”, l-għan tiegħu jista’ biss ikun il-MAE wara li jkun inħareġ, li jwassal sabiex jiġi eżaminat meta għandu jkun possibbli li jitressaq. Huwa fuq dan il-punt li tirrigwarda t-tieni domanda fil-Kawża C‑626/19 PPU.

3.      Dwar it-tieni domanda preliminari fil-Kawża C626/19 PPU

86.      Il-qorti tar-rinviju tieħu bħala premessa li għandha teżisti l-possibbiltà ta’ rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur li joħroġ MAE. Fuq il-bażi ta’ dan hija tixtieq tkun taf jekk it-tressiq ta’ tali rimedju għandux ikun possibbli qabel l-eżekuzzjoni tal-MAE jew huwa biżżejjed li dan jista’ jiġi ppreżentat wara l-konsenja effettiva tal-persuna rikjesta.

87.      Is-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau) ma tiddeċidix espressament fuq din il-kwistjoni. Madankollu, naqbel mal-Kummissjoni li, minħabba r-riskju li taffettwa d-dritt għal-libertà, inerenti mal-ħruġ ta’ MAE, il-possibbiltà li tiġi kkontestata permezz ta’ rimedju ġudizzjarju għandha tkun fattibbli malli jkun sar qbil li jinħareġ (36). Madankollu, dan huwa bla ħsara għal dawk il-każijiet li fihom, għal raġunijiet ta’ segretezza tal-investigazzjoni jew sabiex jiġi evitat li l-persuna rikjesta taħrab, in-notifika immedjata tal-MAE ma hijiex opportuna, sakemm il-persuna tkun arrestata.

88.      Rimedju mibdi wara l-konsenja tal-persuna rikjesta jippermettilha tikseb protezzjoni ġudizzjarja, iżda ta’ portata inqas minn dik li setgħet tibbenefika minnha li kieku hija kienet f’pożizzjoni li tikkontesta l-miżura, sabiex tevita d-danni inerenti għall-eżekuzzjoni ta’ MAE (b’mod partikolari ċ-ċaħda tal-libertà).

89.      Fi kwalunkwe każ, kif irreleva l-Prosekutur Ġenerali tal-Lussemburgu (37), id-Direttiva 2013/48/UE (38) tipprovdi fl-Artikolu 10(5) tagħha, li l-Istat Membru emittenti tal-MAE huwa obbligat li jipprovdi lill-persuna rikjesta b’għajnuna fil-ħatra ta’ avukat mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, sabiex hekk manifestament jiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva quddiem il-qrati tal-Istat Membru emittenti mingħajr ma jkun neċessarju li tistenna l-konsenja tagħha.

90.      Il-fatt li l-punt 75 tas-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau) ma jitkellimx dwar il-mument li fih huwa għandu jkun jista’ juża l-MAE fl-Istat Membru emittenti ma għandux għalhekk jiġi interpretat bħala li huwa suffiċjenti, sabiex ikun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, sempliċi rimedju sussegwenti għall-konsenja tal-persuna rikjesta wara l-MAE.

91.      Fil-fehma tiegħi, sistema nazzjonali li tirrigwarda biss dan ir-rimedju ex post u ma tippermettix li jiġi kkontestat il-MAE fl-oriġini tiegħu (39) ma tissodisfax “ir-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva” fl-Istat Membru emittenti, li għalihom tirreferi l-Qorti tal-Ġustizzja. Il-persuna rikjesta għandu jkollha rimedju li jista’ jiggarantixxi protezzjoni ġudizzjarja sħiħa, minħabba l-involviment serju tad-dritt ta’ libertà tagħha.

92.      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat, bi qbil mal-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni (40), li rimedju mibdi quddiem l-Istat Membru emittenti ma jistax jippreġudika t-trattatament tal-MAE fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, li l-awtorità ġudizzjarja tagħha hija obbligata li tikkonforma mal-kundizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas u li tosserva t-termini stabbiliti. Dawn l-elementi kollha, finalment, jiffavorixxu wkoll lill-persuna rikjesta li tkun imċaħħda mil-libertà tagħha matul il-proċedura ta’ konsenja.

93.      Fil-qosor, għandha biss tingħata risposta liż-żewġ domandi preliminari magħmula mill-qorti Olandiża, li għandha tenfasizza li jeħtieġ, fi kwalunkwe każ, li tiġi ggarantita l-possibbiltà li l-persuna rikjesta tkun tista’ tagħti bidu għal rimedju quddiem imħallef jew qorti fis-sens strett fir-rigward tal-MAE maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, anki jekk qabel dan inħareġ MAN miftiehem minn imħallef.

4.      Kunsiderazzjoni finali

94.      Fil-fehma tiegħi, hija l-konklużjoni preċedenti li hija meħtieġa inevitabbilment mir-rekwiżit stabbilit fil-punt 75 tas-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau).

95.      Dan ir-rekwiżit ma huwiex kundizzjoni neċessarja sabiex l-Uffiċċju tal-Prosekutur ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti” fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas, kif diġà esponejt. Madankollu, huwa minnu li, anki jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur kien hekk ikklassifikat, il-MAE li kontrih ikun impossibbli li jitressaq rimedju ġudizzjarju jkun ivvizzjat minn nuqqas serju.

96.      Fl-aħħar nett, ftit huwa siewi li jkun irrikonoxxut l-istatus ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti” lill-Uffiċċju tal-Prosekutur jekk il-MAE li huwa ħareġ ma setax jiġi eżegwit, peress li ġej minn sistema nazzjonali li ma tirrikonoxxix l-eżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju kontrih.

97.      Sabiex jiġi evitat tali effett mhux mixtieq, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkonstata li, fl-istennija ta’ riformi leġiżlattivi xierqa (41), il-qrati tal-Istati Membri emittenti li r-regoli tagħhom jawtorizzaw lill-prosekuturi tagħhom biex joħorġu MAE għandhom jinterpretaw id-dritt proċedurali tagħhom b’tali mod li rimedju bħal dak imsemmi fil-punt 75 tas-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau) ikun possibbli.

98.      Jekk tali interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni ma tkunx possibbli (minħabba li hija contra legem fl-ordinament ġuridiku nazzjonali), fil-fehma tiegħi, xorta jkun għad hemm rimedju ieħor, sabiex ma titfixkilx l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas.

99.      Il-prinċipju ta’ fiduċja bejn l-Istati Membri u l-korollarju tiegħu tar-rikonoxximent reċiproku jimmilita favur is-semplifikazzjoni tal-modalitajiet tal-proċedura tad-Deċiżjoni Qafas. F’din il-perspettiva, ma naħsibx li wieħed jista’ jżid mar-rekwiżiti ta’ “rifjut ta’ eżekuzzjoni” ta’ MAE, motiv ieħor, mhux espressament previst mid-Deċiżjoni Qafas, li jikkonsisti fil-fatt li jiġi impost, għal dawk il-MAE maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, li jiġi pprovat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat emittenti jippermettu rimedju quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ dan l-Istat.

100. Jekk dan ir-rekwiżit jiġi impost fuq l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, it-trattament tal-MAE jkun saħansitra iktar kumpless, peress li din l-awtorità għandha tkun konxja (b’mod iddettaljat) tal-partikolaritajiet tas-sistemi proċedurali tal-Istati Membri l-oħra jew tkun tirrikjedi informazzjoni addizzjonali (42).

101. F’dan il-kuntest, għandhom ikunu l-istess qrati tal-Istat emittenti li, wara l-eżekuzzjoni tal-MAE, jisiltu l-konsegwenzi xierqa li, fid-dritt nazzjonali tagħhom u fid-dawl tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżultaw mill-fatt li ma kienx possibbli li jinbeda rimedju kontra l-MAE skont id-dritt nazzjonali tagħhom.

102. Fil-qosor, jekk prosekutur indipendenti u li ma jkunx suġġett għall-istruzzjonijiet tal-poter eżekuttiv f’dan il-qasam joħroġ MAE, tali mandat, sa fejn dan huwa ddettat minn “awtorità ġudizzjarja emittenti” fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas, għandu jiġi eżegwit mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, anki jekk ma jkunx stabbilit li l-ħruġ tiegħu jista’ jkun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju fl-Istat Membru emittenti.

V.      Konklużjoni

103. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Cour d’Appel (Chambre du conseil) (il-Qorti tal-Appell (Awla tal-Kunsill), il-Lussemburgu) u lir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej:

“L-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill Nru 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

Ma jistax jiġi kklassifikat bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti” l-Uffiċċju tal-Prosekutur jekk, meta jiddeċiedi fuq mandat ta’ arrest Ewropew, il-membri tiegħu kkonformaw mal-istruzzjonijiet ġenerali ta’ politika penali maħruġa mill-Ministru tal-Ġustizzja li huma mandatorji f’dak li jirrigwarda dan it-tip ta’ ordni u l-istruzzjonijiet mogħtija lilhom mis-superjuri ġerarkiċi tagħhom.

B’mod sussidjarju:

Il-persuna rikjesta bis-saħħa ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Stat Membru, li jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja u li jgawdi minn status li jiżgura l-indipendenza tiegħu, għandha tkun tista’ tikkontestaha quddiem imħallef jew qorti ta’ dan l-Istat, mingħajr ma jkun neċessarju li tistenna l-konsenja tagħha (ħlief jekk dan iqiegħed il-proċedura kriminali f’periklu) jew meta din tkun ġiet innotifikata lilu”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”).


3      Sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019 (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, iktar ’il quddiem is-“sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau)”).


4      Kawżi C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:337, iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau)”).


5      Kawża C‑509/18 (EU:C:2019:338, iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja)”).


6      Kawża C‑489/19 PPU, NJ (Prosekutur ta’ Vjenna) (EU:C:2019:849, iktar ’il quddiem is-“sentenza NJ (Prosekutur ta’ Vjenna)”).


7      Il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali (iktar ’il quddiem il-“KPK”);


8      Sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), punt 90.


9      Konklużjonijiet PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja) u OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau).


10      Kawża C‑216/18 PPU (EU:C:2018:586, iktar ’il quddiem is-“sentenza Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja)”).


11      Kawża C‑509/18 (EU:C:2019:457, iktar ’il quddiem is-“sentenza PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja)”).


12      Sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), punt 73. Enfasi miżjuda minni.


13      Ibidem, punt 74.


14      Ibidem, punt 76.


15      Loc. ult. cit.


16      Sentenza NJ (Prosekutur ta’ Vjenna,) punt 40, in fine.


17      Sentenza PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja), punti 55 u 56.


18      Il-punt 40 tas-sentenza NJ (Prosekutur ta’ Vjenna jirreferi għas-subordinazzjoni tal-prosekuturi lis-superjuri ġerarkiċi tagħhom: “jirriżulta li dawn jirrispondu direttament lill-Uffiċċji tal-Prosekutur Ġenerali u huma suġġetti għall-ordnijiet tagħhom u li dawn tal-aħħar huma, min-naħa tagħhom, subordinati għall-Ministru Federali għall-Ġustizzja”.


19      Artikolu 5 tal-ordonnance no 58‑1270 du 22 décembre 1958 portant loi organique relative au statut de la magistrature (id-Digriet Nru 58‑1270 tat‑22 ta’ Diċembru 1958 dwar il-Liġi Bażika fuq l-Istatus tal-Ġudikatura).


20      Konklużjonijiet OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau), punt 87, li jittraskrivi l-punt 63 tas-sentenza Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), punt 87. Enfasi miżjud.


21      Fid-deċiżjoni Nru 2017–680 QPC, tat‑8 ta’ Diċembru 2017, il-Conseil Constitutionnel (il-Kunsill Kostituzzjonali, Franza) ikkorroborat li “l-Gvern [Franċiż] jiddetermina u jmexxi l-politika tan-Nazzjon, b’mod partikolari fir-rigward tal-oqsma ta’ azzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur” (punt 5).


22      Konklużjonijiet OG u PI (Proseukuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), punt 96.


23      L-Artikolu 36 tal-KPK jipprevedi, fil-fatt, li l-prosekuturi “għandhom isegwu l-istruzzjonijiet mogħtija lilhom mis-superjuri ġerarkiċi tagħhom”, ħlief fl-interventi orali tagħhom (osservazzjonijiet tal-Gvern Franċiż, punt 16). Il-ħruġ ta’ MAE ma jeħtieġx interventi orali u huwa, għalhekk, suġġett għar-regola ġenerali.


24      Kawża C‑503/15, EU:C:2017:126.


25      Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet, fis-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 1996, X (Kawżi C‑74/95 u C‑129/95, EU:C:1996:497), li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Taljan kellu d-dritt jagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-funzjoni tiegħu “ma hijiex li jsolvi tilwima b’indipendenza sħiħa, iżda li jissottometiha, jekk ikun il-każ, lill-qorti kompetenti, bħala parti mill-proċess li jeżerċita l-azzjoni kriminali” (punt 19).


26      Sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 1996, X (Kawżi C‑74/95 u C‑129/95, EU:C:1996:497, punt 19). Mingħajr korsiv fl-oriġinal.


27      Artikolu 31 tal-KPK, wara r-riforma tiegħu tal‑25 ta’ Lulju 2013.


28      Ir-raba’ paragrafu tal-punt 2.10 tad-digriet tar-rinviju.


29      Enfasi miżjuda.


30      Sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau), punt 67.


31      Loc. ult. cit.


32      Dan huwa mifhum ukoll mill-Kummissjoni (punti 23 sa 26 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha) u mill-Prosekutur Ġenerali tal-Lussemburgu (p. 4 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu).


33      Sentenza PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja), punt 56.


34      L-istħarriġ ta’ proporzjonalità “jirrigwarda, fil-kuntest tal-approvazzjoni ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali, unikament l-effetti ta’ ċaħda ta’ libertà pprovokati minnu kif ukoll, fil-kuntest tal-approvazzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, il-preġudizzju għad-drittijiet tal-persuna kkonċernata li jmur lil hinn mid-dannu għad-dritt għal-libertà tagħha diġà eżaminat. Fil-fatt, il-qorti responsabbli mill-approvazzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew hija obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-effetti tal-proċedura ta’ konsenja u tat-trasferiment tal-persuna kkonċernata li tibqa’ fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika tal-Awstrija fuq ir-relazzjonijiet soċjali u tal-familja ta’ din il-persuna” (punt 44).


35      Osservazzjonijiet bil-miktub tal-Prosekutur Ġenerali tal-Lussemburgu, p. 5.


36      Punti 30 sa 32 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.


37      Osservazzjonijiet bil-miktub tal-Prosekutur Ġenerali tal-Lussemburgu, p. 5 in fine.


38      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU 2013, L 294, , p. 1).


39      Fil-fatt, bħalma huwa fid-dritt Franċiż, huwa jillimita l-possibbiltà li jintalab dan ir-rimedju mill-intimat li jkun diġà għamel parti mill-proċedura kriminali kkonċernata, kif jiddikjara l-Gvern Franċiż fil-punti 35 sa 37 tan-nota ta’ osservazzjonijiet tiegħu.


40      Osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, punt 33.


41      Matul is-seduta, il-Gvern Franċiż, Olandiż u Svediż sostnew li, għalkemm l-eżami mill-ġdid tal-leġiżlazzjonijiet tagħhom huwa neċessarju bħala riżultat tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-effikaċja fiż-żmien ta’ dan tal-aħħar hija limitata. Jiena opponejt talba simili fil-konklużjonijiet għall-kawża Poltorak (C‑452/16 PPU, EU:C:2016:782), li għaliha nirreferi (punti 69 u 70).


42      Matul is-seduta, deher li l-ordinamenti tal-Istati Membri jistgħu jipproponu mezzi indiretti – kultant ferm ikkumplikati – għal reviżjoni ġudizzjarja tal-ħruġ tal-MAE. F’kull każ, għandu jiġi ddeterminat jekk tali kontestazzjoni tistax tirriżulta minn għarfien tad-dritt proċedurali tal-Istat Membru emittenti li ma jkunx raġonevoli li jintalab mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni.