Language of document : ECLI:EU:C:2009:510

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fit-3 ta’ Settembru 2009 1(1)

Kawża C-230/08

Dansk Transport og Logistik

vs

Skatteministeriet

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret (Danimarka)]

“Importazzjoni irregolari ta’ merkanzija – Qbid u qerda – Determinazzjoni tal-Istat Membru li fih jitnisslu d-dejn doganali u d-djun tad-dazju tas-sisa u tal-VAT – Estinzjoni tad-djun doganali u fiskali – Trasport ta’ merkanzija taħt il-carnet TIR – Kodiċi Doganali tal-Komunità – Artikoli 202, 215(1) u (3), 217(1) u 233(d) – Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali – Artikolu 867(a)(1) – Direttiva 92/12/KEE – Artikoli 5(1) u 5(2), 6, 7(1), 7(8) u 7(9) – Sitt Direttiva tal-VAT – Artikoli 2(2), 7, 10(3) u 16(1)”







Werrej


I –   Introduzzjoni

II – Il-kuntest ġuridiku

A –   Id-dritt Komunitarju

1.     Il-Kodiċi Doganali tal-Komunità u r-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali

2.     Id-Direttiva 92/12 

3.     Is-Sitt Direttiva tal-VAT 

B –   Id-dritt nazzjonali

1.     Il-leġiżlazzjoni doganali nazzjonali

2.     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar id-dazju tas-sisa

3.     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud

C –   Il-Konvenzjoni TIR

III – Il-fatti tal-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

IV – Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

V –   L-argumenti tal-partijiet

A –   Fuq l-ewwel domanda preliminari

B –   Fuq it-tieni domanda preliminari

C –   Fuq it-tielet domanda preliminari

D –   Fuq ir-raba’ domanda preliminari

VI – Kunsiderazzjonijiet ġuridiċi

A –   Fuq l-ewwel domanda preliminari

1.     Osservazzjonijiet ġenerali

2.     Is-sentenza Elshani

3.     Il-każ ta’ estinzjoni previst fl-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali jippreżupponi qbid fi fruntiera esterna tal-Komunitŕ

4.     Il-qbid u l-konfiska fis-sens tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali

5.     Konklużjoni

B –   Fuq it-tieni domanda preliminari

1.     Osservazzjonijiet ġenerali

2.     Il-qbid fi fruntiera esterna tal-Komunità, akkumpanjat bil-qerda fl-istess waqt jew sussegwenti

3.     Il-qbid mal-importazzjoni minn fruntiera interna, akkumpanjat bil-konfiska fl-istess waqt jew sussegwenti

a)     Bis-saħħa tal-paragrafu (ċ) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 92/12, il-prodotti ta’ kuntrabandu jitqiesu bħala rilaxxati għall-konsum mill-mument li huma jiġu introdotti illegalment fil-Komunità.

b)     Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 92/12, id-dazji tas-sisa li jolqtu l-prodotti introdotti illegalment u għal għanijiet kummerċjali fil-Komunità, jinġabru fl-Istat Membru li fih dawn il-prodotti jinżammu fil-mument li fih jinqabdu

c)     Il-qbid akkumpanjat bil-konfiska fl-istess waqt jew sussegwenti ta’ prodotti ta’ kuntrabandu fil-fruntiera interna tal-Komunità ma jwassalx għas-sospensjoni tad-dazji skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/12

4.     Fuq ir-rapport bejn l-estinzjoni tad-dejn doganali skont l-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali u l-eżiġibbiltŕ jew in-nuqqas tagħha tad-dazju tas-sisa

5.     Konklużjoni

C –   Fuq it-tielet domanda preliminari

1.     Osservazzjonijiet ġenerali

2.     Il-qbid akkumpanjat bil-konfiska fl-istess waqt jew sussegwenti, ta‘ merkanzija ta’ kuntrabandu fi fruntiera esterna tal-Komunità

3.     Il-qbid akkumpanjat bil-konfiska fl-istess waqt jew sussegwenti, ta’ merkanzija ta’ kuntrabandu fi fruntiera interna tal-Komunità

4.     Fuq ir-rapport bejn l-estinzjoni tad-dejn doganali skont l-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali u l-eżiġibbiltŕ tal-VAT jew in-nuqqas tagħha

5.     Konklużjoni

D –   Fuq ir-raba’ domanda preliminari

1.     Il-kompetenza għall-ġbir tad-dejn doganali

2.     Il-kompetenza għall-impożizzjoni tad-dazju tas-sisa

3.     Il-kompetenza għall-irkuprar tal-VAT

4.     Konklużjoni

VII – Konklużjoni


I –    Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Østre Landsret (Danimarka) tressqet fil-kuntest ta’ tliet proċeduri bejn Dansk Transport og Logistik (iktar ’il quddiem “DTL”) kontra l-iSkatteministeriet (il-ministeru tal-finanzi) u li jirrigwardaw il-ġabra ta’ dazji doganali, dazji tas-sisa u tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq is-sigaretti li nqabdu u nqerdu fid-Danimarka mill-awtoritajiet doganali u fiskali, wara li ddaħħlu b’kuntrabandu f’dan it-territorju permezz ta’ tliet vjaġġi bit-TIR li għalihom id-DTL kienet ikkunsinnat il-carnets TIR u ħallset il-garanzija.

2.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna, minn naħa, id-determinazzjoni tad-data u tal-post li fihom jitnisslu l-obbligi tal-ħlas tad-dazji doganali, tas-sisa u tal-VAT fuq merkanzija mdaħħla illegalment fit-territorju tal-Komunità, kif ukoll id-determinazzjoni tal-Istat Membru kompetenti biex jiġbor id-dazji u t-taxxi. Min-naħa l-oħra, tqum il-kwistjoni dwar f’liema kundizzjonijiet il-qbid segwit mill-qerda ta’ merkanzija mdaħħla illegalment jista’ jwassal għall-estinzjoni tal-obbligi tal-ħlas tad-dazji doganali, tas-sisa u tal-VAT diġà maħluqa. Fil-kuntest tal-analiżi ta’ dawn iż-żewġ domandi kbar, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-każijiet li fihom il-merkanzija tinqabad u tinqered fl-ewwel Stat Membru tal-importazzjoni u l-każijiet fejn il-qbid u l-qerda jkunu seħħew biss wara li l-merkanzija tkun ġiet ittrasportata fi Stat Membru ieħor.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt Komunitarju

1.      Il-Kodiċi Doganali tal-Komunità u r-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali

3.        L-Artikolu 84 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2), fil-verżjoni li kienet tapplika fiż-żmien tal-fatti, huwa redatt skont kif ġej:

“(1)  Fl-Artikoli 85 sa 90:

a)       meta jintuża t-terminu ‘proċedura’, jiġi miftiehem bħala li japplika, fil-każ ta’ merkanzija mhux tal-Komunità, għall-arranġamenti segwenti:

[…]

?      magażinaġġ doganali,

[…]”

4.        L-Artikolu 98 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“(1)  Il-proċedura ta’ magażinaġġ doganali għandha tippermetti l-ħażna f’maħżen doganali ta’:

a)       merkanzija mhux tal-Komunità, mingħajr ma dik il-merkanzija tkun soġġetta għal dazji ta’ l-importazzjoni jew miżuri ta’ politika kummerċjali;

[…]

(2)      Maħżen doganali ifisser kull post approvat minn u taħt is-sorveljanza ta’ l-awtoritajiet doganali fejn merkanzija tista’ tinħażen taħt il-kondizzjonijiet stipulati.

[…]”.

5.        L-Artikolu 202 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“(1)      Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz ta’:

a)       l-introduzzjoni kontra l-liġi [importazzjoni irregolari] fit-territorju doganali tal-Komunità ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, jew

[...]

Għall-iskop ta’ dan l-Artikolu, introduzzjoni kontra l-liġi tfisser kull introduzzjoni li tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 38 sa 41 u t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 177.

(2)      Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji jiġu introdotti kontra l-liġi.

[…]”

6.        L-Artikolu 215 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“(1)      Dejn doganali għandu jseħħ:.

–        fil-post fejn il-ġrajjiet li minnhom joħroġ ikunu saru,

–        jekk ma jkunx possibbli li jiġi stabbilit dak il-post, fil-post fejn l-awtoritajiet doganali jikkonkludu illi l-prodotti huma f’sitwazzjoni li fiha iseħħ id-dejn doganali,

[…]

(3)      L-awtoritajiet doganali msemmija fl-Artikolu 217(1) huma dawk ta’ l-Istat Membru fejn id-dejn doganali jkun sar jew meqjus li jkun sar skond dan l-Artikolu”.

7.        L-Artikolu 217(1) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“(1)      Kull ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni jew dazju fuq l-esportazzjoni li jirriżulta minn dejn doganali, minn hawn ‘l isfel imsejjaħ "ammont ta’ dazju", għandu jiġi kalkolat mill-awtoritajiet doganali malli jkollhom id-dettalji neċessarji, u għandu jiddaħħal minn dawk l-awtoritajiet fil-kotba tal-kontijiet jew f’kull mezz ieħor ekwivalenti (dħul fil-kontijiet).

[…]”

8.        L-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jirrigwardaw il-preskrizzjoni ta’ dazju doganali u nuqqas ta’ rkupru ta’ dak id-dejn fil-każ tal-falliment legalment stabbilit tad-debitur, dejn doganali għandu jingħalaq:

[…]

ċ)       fejn, fir-rigward ta’ merkanziji dikjarati għal proċedura doganali li tinvolvi l-obbligazzjoni għall-ħlas ta’ dazji:

–        id-dikjarazzjoni doganali tiġi invalidata skond l-Artikolu 66,

–        il-merkanziji, qabel il-ħelsien tagħhom, jew jinqabdu u fl-istess ħin jew sussegwentement jiġu konfiskati, meqruda fuq l-istruzzjonijiet ta’ l-awtoritajiet doganali, meqruda jew abbandunati skond l-Artikolu 182, meqruda jew mitlufa għal kollox b’riżultat tan-natura reali tagħhom jew ta’ ċirkostanzi imprevedibbli jew forza maġġuri;

d)      fejn merkanziji li fir-rigward tagħhom ġie inkors dejn doganali skond l-Artikolu 202 jinqabdu ma’ l-introduzzjoni kontra l-ligi tagħhom u jiġu fl-istess waqt jew sussegwentement konfiskati.

Fil-każ ta’ qbid u konfiska, d-dejn doganali għandu xorta waħda għall-iskopijiet tal-liġi kriminali applikabbli għal offiżi doganali, jitqies li ma ġiex magħluq fejn, taħt il-liġi kriminali ta’ Stat Membru, dazji doganali jipprovdu l-bażi biex jiġu stabbiliti pieni jew l-eżistenza ta’ dejn ta’ dwana tkun raġuni sabiex jittieħdu proċeduri kriminali”.

9.        L-Artikolu 454 tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali (3) huwa redatt skont kif ġej:

“(1)      Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Konvenzjonijiet TIR u ATA li jikkonċernaw ir-responsabbiltà ta’ l-assoċjazzjonijiet garanti meta jintuża [c]arnet TIR jew ATA.

(2)      Meta jinstab li, matul jew in konnessjoni ma’ operazzjoni tat-trasport imwettqa taħt kopertura ta’ carnet TIR jew operazzjoni ta’ transitu mwettqa taħt kopertura ta’ carnet ATA, ikun sar ksur jew irregolarità f’ xi Stat Membru partikolari, l-irkupru tad-dazjio u piżijiet oħrajn li jistgħu ikunu pagabbli għandu jsir minn dak l-Istat Membru skond id-disposizzjonijeit Komunitarji jew nazzjonali, mingħajr preġudizzjku għall-proċeduri kriminali.

(3)      Meta ma jkunx possibli li jkun iddeterminat it-territorju li fih ikunu saru il-ksur jew l-irregolarità, dan il-ksur jew irregolarità għandhom jitqiesu bħala li saru fl-Istat Membru fejn inkixfu sakemm fit-terminu stabbilit fl-Artikolu 455(1), ma tiġix ippruvata li l-operazzjoni kienet regolari jew fejn il-ksur jew l-irregolarità ikunu ġew kommessi għas-sodisfazzjon ta’ l-awtoritajiet doganali.

Meta l-ebda prova bħal din ma tingħata u l-imsemmija offiża jew irregolarità b’ hekk jitqiesu li saru fl-Istat Membru li fih ikunu nkixfu, id-dazji u l-piżijiet lġ-oħrajn li jirrelataw għall-merkanzija kkonċernata għandhom jiġu mposti minn dak l-istat Membru skond id-dispożizzjonijiet Komunitarji jew nazzjonali.

Jekk l-Istat Membru fejn l-imsemmija ksur jew irregolarità ġew attwalment kommessi jiġi sussegwentement iddeterminat, id-dazji u l-piżijiet l-oħra (barra minn dawk miġbura skond it-tieni subparagrafu bħala riżorsi proprji tal-Komunità) li għalihom il-merkanzija tkun soġġetta f’dak l-Istat Membru għandhom jiġu rritornati mill-Istat Membru li jkun oriġinarjament irċevihom. F’dak il-każ, kull ħlas żejjed għandu jitħallas lura lill-persuna li kienet oriġinarjament ħallset il-piżijiet.

[…]”

10.      L-Artikolu 867 tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“Il-konfiska ta’ merkanzija fis-sens ta’ l-Artikolu 233(c) u (d) tal-Kodiċi m’għandiex taffettwa l-istatus doganali tal-merkanzija in kwestjoni”.

11.      L-Artikolu 867(a) tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“(1)      Il-merkanzija mhux tal-Komunità li tiġi abbandunata favur it-Teżor pubbliku, maqbuda jew ikkonfiskata, għandha titqies li tqiegħdet taħt il-proċedura tal-magażinaġġ doganali.

(2)      Il-merkanzija msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tinbiegħ mill-awtoritajiet doganali biss jekk l-akkwirent josserva bla dewmien il-formalitajiet biex jagħtiha destinazzjoni doganali.

[…]”

2.      Id-Direttiva 92/12 (4)

12.      Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/12, din tapplika, fuq il-livell Komunitarju għaż-żjut minerali, għall-alkoħol u xorb alkoħoliku kif ukoll għat-tabakk maħdum.

13.      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 92/12 jipprovdi:

“(1) Il-prodotti riferiti fl-Artikolu 3(1) għandhom ikunu soġġetti għad-dazju tas-sisa fiż-żmien tal-produzzjoni tagħhom ġewwa t-territorju tal-Komunità kif definit fl-Artikolu 2 jew ta’ l-importazzjoni tagħhom f’dak it-territorju.

“Importazzjoni ta’ prodott soġġett għad-dazju tas-sisa” għandha tfisser id-dħul ta’ dak il-prodott fit-territorju tal-Komunità, inkluż id-dħul ta’ prodott bħal dak minn territorju kopert bl-Artikolu 2(1), (2) u (3) jew miċ-Channel Islands.

Iżda, meta l-prodott jitqiegħed taħt proċedura tad-dwana tal-Komunità mad-dħul fit-territorju tal-Komunità, l-importazzjoni għandha titqies li seħħ meta jkun għadda mill-proċedura tad-dwana tal-Komunità.

(2)      Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet nazzjonali u Komunitarji dwar kwistjonijiet tad-dwana, meta prodotti jkunu soġġetti għal sisa:

–        huma ġejjin minn, jew sejrin lejn, pajjiżi terzi jew territorji msemmija fl-Artikolu 2(1), (2) u (3) jew il-Gżejjer tal-Kanal u jew qegħdin taħt proċedura tad-dwana Komunitarja li mhix ir-rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa jew jitqiegħdu f’żona ħielsa jew maħżen ħieles,

[…]”

14.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/12 jipprovdi:

“(1)      Id-dazju tas-sisa għandu jsir dovut fiż-żmien tar-rilaxx għall-konsum jew meta jiġu rekordjati nuqqasijiet li għandhom ikunu soġġetti għad-dazju tas-sisa skond l-Artikolu 14(3).

Rilaxx għall-konsum ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għandha tfisser:

[…]

ċ)       kull importazzjoni ta’ dawk il-prodotti, inkluża importazzjoni kontra l-liġi, meta dawk il-prodotti ma jkunux tqiegħedu taħt arranġament ta’ sospensjoni.

(2)      Il-kondizzjonijiet ta’ meta għandu jitħallas u-rata ta’ dazju tas-sisa li għandhom jiġu addottati għandhom ikunu dawk fis-seħħ fid-data li fiha jkollu jitħallas id-dazju fl-Istat Membru fejn iseħħ ir-rilaxx għall-konsum jew jiġu rekordjati n-nuqqasijiet. Id-dazju tas-sisa għandu jiġi mpost u miġbur skond il-proċedura stabbilita mnn kull Stat membru, b’dan jiġi miftiehem li l-Istati Membri għandhom japplikaw l-istess proċeduri għall-imposizzjoni u ġbir għall-prodotti nazzjonali u għal dawk minn Stati Membri oħra”.

15.      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 92/12 jipprovdi:

“Fil-każ ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u ġa rilaxxati għall-konsum fi Stat Membru wieħed waqt li jkunu miżmuma għal għanijiet kummerċjali fi Stat Membru ieħor, id-dazju tas-sisa għandu jiġi mpost fl-Istat Membru li fih ikunu miżmuma dawk il-prodotti”.

16.      L-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/12 jipprovdi:

“Fir-rigward ta’ prodotti akkwistati minn individwi privati għall-użu proprju tagħhom u trasportati minnhom, il-prinċipju li jirregola s-suq intern jipprovdi li d-dazju tas-sisa għandu jkun dovut fl-Istat membru li fih ikunu ġew akkwistati”.

3.      Is-Sitt Direttiva tal-VAT (5)

17.      L-Artikolu 2 tad-Sitt Direttiva jipprovdi:

“Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud:

1.      il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

2.      l-importazzjoni ta’ oġġetti”.

18.      L-Artikolu 7 tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

“(1)      ‘Importazzjoni ta’ merkanzija’ tfisser:

a)       id-dħul fil-Komunità ta’ merkanzija li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 9 u 10 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea jew,

[…]

(2)      jew mill-Gżejjer tal-Kanal Ingliż [L-importazzjoni ta’ merkanzija sseħħ fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinstab l-istess merkanzija fil-mument li hija tidħol fil-Komunità.]

(3)      Minkejja l-paragrafu 2, fejn merkanzija msemmija fil-paragrafu 1(a) malli tidħol fil-Komunità titqiegħed f’wieħed mill-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 16(1)(B), (a), (b), (ċ) u (d) taħt arranġamenti għal importazzjoni temporanja b’eżenzjoni totali minn dazju ta’ importazzjoni jew taħt arranġamenti ta’ transitu, il-post ta’ importazzjoni ta’ merkanzija ta’ dan it-tip ikun it-territorju fl-Istat Membru fejn ma jibqgħux jgħoddu dawn l-arranġamenti.

[…]”

19.      L-Artikolu 10 tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

“(1)

(a)       ‘Fatt taxxabbli’ tfisser fatt li permezz tiegħu il-kondizzjonijet legali neċessarji biex ikun hemm taxxa jiġu sodisfatti.

(b)       Ikun hemm taxxa meta l-awtorità tat-taxxa ssir intitolata bil-liġi f’mument partikolari biex tiġbor it-taxxa mill-persuna suġġetta li tħallasha, għalkemm iż-żmien għall-ħlas jista’ jkun pospost.

[…]

(3)      L-event li għandu jsir ħlas tiegħu isir u t-taxxa ssir dovuta malli l-merkanzija tkun impurtata. Meta l-merkanzija titqiegħed taħt wieħed mill-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 7(3) malli tidħol fil-Komunità, iseħħ l-event li għandu jsir ħlas fuqu u t-taxxa ssir dovuta biss meta l-merkanzija ma tibqax taħt dawk l-arranġamenti.

Madankollu, meta l-merkanzija impurtata tkun suġġetta għal dazju mid-dwana, jew levi agrikulturali jew għal xi spejjeż li jkollhom effett simili li jkunu stabbiliti b’politika komuni, l-event li għandu jsir ħlas fuqu iseħħ u t-taxxa ssir dovuta malli jseħħ l-event li għandu jsir ħlas fuqu għal dawk id-dazji Komunitarji u dawk id-dazji isiru dovuti.

[…]”

20.      L-Artikolu 16 tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

“(1)      Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet l-oħra tal-Komunità, l-Istati Membri jistgħu, soġġetti għall-konsultazzjonjiet pprovduti fl-Artikolu 29, jieħdu l-miżuri speċjali maħsuba biex itaffu mit-taxxa fuq il-valur miżjud t-transazzjonijiet li ġejjin kollha jew xi wħud minnhom, dejjem jekk m’humiex indirizzati għall-użu finali u/jew konsum u l-ammont tat-taxxa fuq il-valur miżjud miżmuma fid-dħul għall-użu domestiku li tikkorrispondi ma’ l-ammont tat-taxxa li għandha tkun miżmuma li kieku kull waħda minn dawn it-transazzjonijiet ġew taxxati fuq l-importazzjoni jew fit-territorju tal-pajjiż:

[…]

B. merkanzija maħsuba biex:

a)       jintwerew lid-dwana u, fejn jgħodd, jinħażnu temporanjament;

b)      titpoġġa f’żona ħielsa jew maħżen ħieles;

ċ)      titpoġġa farranġamenti ta’ħażna tad-dwana jew arranġamenti ta’ ipproċessar interni;

[…]”

B –    Id-dritt nazzjonali

1.      Il-leġiżlazzjoni doganali nazzjonali

21.      Id-dispożizzjonijiet doganali Daniżi rilevanti, li jirrigwardaw it-trattament tal-merkanzija f’każ ta’ kuntrabandu jew attentat ta’ kuntrabandu, jinsabu fl-Artikolu 83 tal-liġi doganali li kienet fis-seħħ dak iż-żmien (liġi ppubblikata bin-Nru 113, fis-27 ta’ Frar 1996, fil-verżjoni emendata tagħha; iktar ’il quddiem il-“liġi doganali Daniża”).

22.      Skont il-qorti tar-rinviju, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 83(1) tal-liġi doganali Daniża tipprevedi li l-merkanzija li tinstab f’każ ta’ kuntrabandu jew attentat ta’ kuntrabandu u l-merkanzija li l-vjaġġaturi jaħbu jew jippruvaw jaħbu mit-taxxi fuq l-importazzjoni għandhom “jinqabdu” mill-awtoritajiet doganali u fiskali statali jew mill-pulizija f’isem l-awtoritajiet doganali u fiskali statali. Barra minn hekk, skont it-tieni sentenza tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, il-merkanzija importata b’kuntrabandu u l-merkanzija l-oħra li l-ħlas tad-dazji doganali jew tat-taxxi għaliha jkun ġie evitat jew li wieħed ikun ipprova jevita l-istess ħlas għandhom “jinqabdu jew jiġu kkonfiskati” mill-awtoritajiet inkwistjoni skont ir-regoli tal-Kapitolu 75b tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Daniża, dwar il-konfiska.

23.      L-Artikolu 83(2) tal-liġi doganali huwa redatt skont kif ġej:

“Meta l-ammont ta’ dazji doganali, taxxi u multi dovuti, kif ukoll l-ispejjeż tal-proċedura, jkunu tħallsu, il-merkanzija li tkun ġiet maqbuda jew ikkonfiskata tingħata lura, skont ir-regoli ordinarji fil-qasam tal-importazzjoni, lil dak li minn għandu din tkun ġiet maqbuda jew kkonfiskata jew lil kwalunkwe persuna li jipprova li għandu dritt għall-merkanzija. Jekk il-merkanzija ma tiġix irtirata fi żmien xahrejn mill-iskadenza tax-xahar li fih il-kawża tingħalaq definittivament, il-merkanzija għandha tinbiegħ mill-awtoritajiet doganali u fiskali statali permezz ta’ bejgħ bl-irkant pubbliku debitament irreklamat. Il-merkanzija li, skont l-awtoritajiet doganali u fiskali statali ma tistax tinbiegħ fis-suq faċilment jew mhijiex tajba għall-beigħ, tista’ madankollu tiġi meqruda taħt il-kontroll tad-dwana wara l-iskadenza tat-terminu. Ir-rikavat mill-bejgħ bl-irkant għandu jkopri l-ewwel nett l-ispejjeż tal-awtoritajiet pubbliċi sabiex iżommu u jbiegħu l-merkanzija, imbagħad l-ammont ta’ dazji doganali, taxxi u multi dovuti, kif ukoll l-ispejjeż tal-proċedura. Il-bilanċ li jibqa’ għandu jitħallas lill-proprjetarju jekk dan jippreżenta ruħu fi żmien tliet snin wara l-bejgħ bl-irkant u jiġġustifika kif meħtieġ id-dritt tiegħu ta’ proprjetarju tal-merkanzija mibjugħa”.

2.      Il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar id-dazju tas-sisa

24.      Id-dispożizzjonijiet Daniżi dwar id-dazju tas-sisa fuq it-tabakk jinsabu fil-liġi dwar id-dazju tas-sisa fuq it-tabakk (ippubblikata fil-21 ta’ Awwissu 1998 bin-Nru 635, fil-verżjoni emendata tagħha; iktar ’il quddiem il-“liġi dwar id-dazju tas-sisa fuq it-tabakk”).

25.      Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 2(1) tal-liġi dwar id-dazju tas-sisa fuq it-tabakk fil-verżjoni tagħha, li kienet fis-seħħ fil-mument tal-importazzjoni tas-sigaretti, kienet tipprovdi li d-dazju tas-sisa dovut fuq il-prodotti ddestinati li jintużaw fid-Danimarka kellu jitħallas iktar tard meta wieħed jirċievi minn barra l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa. Skont l-Artikolu 12(1) tal-liġi dwar id-dazju tas-sisa fuq it-tabakk, fil-verżjoni li kienet tapplika dak iż-żmien, id-dazju tas-sisa kien jitħallas fuq prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa li kienu ġew importati minn postijiet barra mill-Unjoni Ewropea.

26.      Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-liġi dwar id-dazju tas-sisa fuq it-tabakk ma tinkludix, madankollu, dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-trattament fiskali f’każ ta’ kuntrabandu jew attentat ta’ kuntrabandu ta’ prodotti tat-tabakk, u lanqas dispożizzjonijiet dwar il-qbid u l-konfiska jew il-qerda ta’ dawn il-prodotti.

3.      Il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud

27.      Id-dispożizzjonijiet Daniżi rilevanti fil-qasam tal-VAT jinsabu fil-liġi dwar il-VAT li kienet fis-seħħ dak iż-żmien (ippubblikata bin-Nru 422, fit-2 ta’ Ġunju 1999, fil-verżjoni emendata tagħha; iktar ’il quddiem il-“liġi Daniża dwar il-VAT”).

28.      Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li, skont l-Artikolu 12(1) tal-liġi Daniża dwar il-VAT, fil-verżjoni li kienet fis-seħħ dak iż-żmien, it-taxxa għandha titħallas fuq prodotti li jiġu importati fid-Danimarka minn postijiet barra mill-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 12(2) ta’ din il-liġi, jekk fil-mument tal-importazzjoni, il-merkanzija tiġi ddepożitata fil-freeport ta’ Kopenħagen, f’maħżen frank jew f’maħżen doganali, il-fatt li jagħti lok għall-obbligu tal-ħlas tat-taxxa jseħħ biss meta l-merkanzija ma tibqax koperta minn wieħed minn dawn l-arranġamenti.

29.      Jirriżulta mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 26 tal-liġi Daniża dwar il-VAT li l-fatt li jagħti lok għall-obbligu tal-ħlas tat-taxxa jseħħ fil-mument tal-importazzjoni tal-merkanzija. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 26, il-fatt li jagħti lok għall-obbligu tal-ħlas tat-taxxa, fir-rigward tal-merkanzija li taqa’ taħt wieħed mill-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 12(2) tal-liġi, iseħħ biss, madankollu, meta l-merkanzija ma tibqax koperta mill-arranġament inkwistjoni.

30.      Il-liġi Daniża dwar il-VAT ma kienx fiha dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-trattament fiskali f’każ ta’ kuntrabandu jew attentat ta’ kuntrabandu ta’ prodotti tat-tabakk, u lanqas dispożizzjonijiet dwar il-qbid, il-konfiska jew il-qerda ta’ dawn il-prodotti.

C –    Il-Konvenzjoni TIR

31.      Il-Konvenzjoni Doganali dwar it-trasport internazzjonali ta’ merkanzija li taqa’ taħt il-carnets TIR (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni TIR”) ġiet iffirmata f’Ġinevra (l-Isvizzera) fl-14 ta’ Novembru 1975. Il-Komunità Ewropea approvat din il-konvenzjoni bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2112/78, tal-25 ta’ Lulju 1978, dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Doganali fuq it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti taħt il-carnets TIR (Konvenzjoni TIR) tal-14 ta’ Novembru 1975 f’Ġinevra (6). L-Istati Membri kollha aderew mal-Konvenzjoni.

32.      Skont l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni TIR, il-merkanzija li tiġi ttrasportata skont il-proċedura TIR stabbilita mill-Konvenzjoni m’għandiex tkun suġġetta għall-pagament jew għad-depożitu ta’ dazji u ta’ taxxi fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni fl-uffiċċji doganali en route.

33.      Biex jibbenefika minn dawn il-vantaġġi, it-trasport b’mod partikolari għandu, skont l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni TIR, isir taħt il-carnet TIR u jseħħ taħt il-garanzija tal-assoċjazzjonijiet miftehma skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni.

34.      Skont l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni TIR, kull parti kontraenti tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, tawtorizza lill-assoċjazzjonijiet sabiex joħorġu carnets TIR, jew direttament jew permezz ta’ assoċjazzjonijiet korrispondenti, u biex jagħmluha ta’ garanti.

35.      L-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni TIR jipprovdi:

“(1)      L-assoċjazzjoni garanti għandha timpenja ruħha li tħallas id-dazji u t-taxxi fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni, flimkien ma’ kwalunkwe imgħax awtomatiku, dovut skond il-liġijiet u r-regolamenti doganali tal-pajjiż fejn ġiet innotata irregolarità b’konnessjoni ma’ operazzjoni TIR. Għandha tkun responsabbli, b’mod konġunt u individwali flimkien mal-persuni li għandhom iħallsu s-somom li ssemmew aktar ’il fuq, għall-pagament ta’ tali somom.

(2)      F’każi fejn il-liġijiet u r-regolamenti ta’ Parti Kontraenti ma jipprovdux għall-pagament tad-dazji u tat-taxxi fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni kif inhu pprovdut fil-paragrafu 1 t’aktar ’il fuq, l-assoċjazzjoni garanti għandha timpenja ruħha li tħallas, fl-istess kundizzjonijiet, somma daqs l-ammont tad-dazji u tat-taxxi fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni u kwalunkwe imgħax awtomatiku.

(3)      Kull Parti Kontraenti għandha tiddetermina s-somma massima għal kull Carnet TIR, li tista’ tkun pretiża mill-assoċjazzjoni garanti fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 t’ aktar ’il fuq.

(4)      Ir-responsabbiltà ta’ l-assoċjazzjoni garanti fil-konfront ta’ l-awtoritajiet tal-pajjiż fejn jinsab l-uffiċċju doganali ta’ tluq għandha tibda fil-ħin meta l-Carnet TIR jiġi aċċettat mill-uffiċċju doganali. Fil-pajjiżi suċċessivi li minnhom tiġi ttrasportata l-merkanzija skond il-proċedura TIR, din ir-responsabbiltà għandha tibda fil-ħin meta l-merkanzija tidħol [...]

(5)      Ir-responabbiltà ta’ l-assoċjazzjoni garanti għandha tkopri mhux biss il-merkanzija li hija enumerata fil-Carnet TIR imma wkoll kwalunkwe merkanzija, li għalkemm ma tkunx enumerata hemmhekk, tista’ tinsab fit-taqsima ssiġillata tal-vettura tat-triq jew fil-kontejner issiġillat. Din ir-responsabbiltà m’għandha tkun estiża għall-ebda merkanzija oħra.

(6)      Sabiex ikunu ddeterminati d-dazji u t-taxxi li jissemmew fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, wieħed għandu jassumi, fin-nuqqas ta’ evidenza li tgħid il-kontra, li l-partikolaritajiet tal-merkanzija kif tniżżlu fil-Carnet TIR huma korretti.

(7)      Meta jasal iż-żmien biex jitħallsu s-somom li jissemmew fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti, sakemm ikun possibbli, għandhom jeħtieġu l-pagament mingħand il-persuna jew il-persuni direttament responsabbli qabel ma jippretendu l-pagament mingħand l-assoċjazzjoni garanti”.

III – Il-fatti tal-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

36.      Il-qorti tar-rinviju kellha quddiemha tliet kawżi li jirrigwardaw il-qasam doganali u fiskali relattivi għall-kuntrabandu ta’ sigaretti fil-kuntest ta’ trasport skont il-proċedura TIR li għalih DTL, li skont l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet doganali u fiskali Daniżi skont l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni TIR, kienet awtorizzata toħroġ carnets TIR u tintervjeni bħala assoċjazzjoni garanti fil-kuntest tal-operazzjonijiet TIR, kienet ħarġet carnets TIR u kienet ipprovdiet garanzija.

37.      L-ewwel żewġ tentattivi ta’ kuntrabandu seħħew permezz tal-baħar u ġew skoperti fit-2 ta’ Mejju 2000 malli wasal il-vapur minn Klaipeda (il-Litwanja) f’Åbenrå (id-Danimarka) mill-awtoritajiet doganali u fiskali lokali. 537 200 sigarett tad-ditta “West” instabu fl-ewwel trakk Litwaniż u 431 000 sigarett tad-ditta “Regal” instabu fit-tieni trakk Litwan; f’kull każ, is-sigaretti kienu moħbija f’qiegħ falz u ġenb falz tat-trakk.

38.      Fil-każ tat-tielet tentattiv ta’ kuntrabandu, 1 005 840 sigarett tad-ditta “Prince” iddaħħlu permezz ta’ trasport tal-art fid-Danimarka, min-nofs il-Polonja u l-Ġermanja. Dawn is-sigaretti kienu moħbija fi trakk Litwan u ddaħħlu għall-ewwel darba fit-territorju doganali tal-Komunità mill-fruntiera bejn il-Polonja u l-Ġermanja, mingħajr ma ndunaw bihom l-awtoritajiet Ġermaniżi. Fil-11 ta’ Ottubru 2000, is-sigaretti nstabu fi Frøslev, fil-fruntiera bejn il-Ġermanja u d-Danimarka, fil-kuntest ta’ kontroll doganali tal-awtoritajiet Daniżi; huma kienu moħbija f’toqob imħaffra fil-qiegħ tal-pjattaformi għall-ġarr tal-merkanzija. Is-siġilli tat-trakk u tat-trailer ma kinux mimsusa qabel il-kontroll doganali fid-Danimarka. Dan seħħ biss matul dan il-kontroll innifsu.

39.      Fit-tliet każijiet, l-awtoritajiet Daniżi qabdu s-sigaretti – li ma kinux imsemmija fil-carnets TIR – u qerduhom bejn Novembru 2004 u Marzu 2005, wara li żammewhom għal żmien biżżejjed. Is-sigaretti kienu baqgħu fil-pussess tal-awtoritajiet doganali wara li nqabdu.

40.      L-awtoritajiet Daniżi għamlu talba bil-miktub lit-titulari tal-carnets TIR, li kienu kollha impriżi Litwani, sabiex iħallsu d-dazji doganali, id-dazji tas-sisa u tal-VAT fuq is-sigaretti maqbuda. L-impriżi Litwani kkonċernati rrifjutaw din it-talba għall-ħlas li jammonta għal DKK 699 613.99 għall-537 200 sigarett tad-ditta “West”, DKK 561 305.85 għall-431 000 sigarett tad-ditta “Regal” u DKK 1 349 719.60 għall-1 005 840 sigarett tad-ditta “Prince”.

41.      L-awtoritajiet doganali u fiskali lokali kompetenti adottaw għalhekk tliet deċiżjonijiet kontra DTL fil-kwalità tagħha ta’ assoċjazzjoni garanti fis-sens tal-Konvenzjoni TIR. Fid-dawl tal-konstatazzjoni li DTL kellha tħallas xi dazji doganali, taxxi tas-sisa fuq it-tabakk u l-VAT mitluba mill-awtoritajiet Daniżi minn persuni li kellhom il-carnets TIR inkwistjoni fir-rigward ta’ kuntrabandu ta’ sigaretti, DTL intalbet tħallas, skont l-obbligu massimu tagħha skont il-carnets TIR li hija kienet ħarġet għal dawn il-kunsinni, total ta’ DKK 407 463 għall-537 200 sigarett tad-ditta “West” (deċiżjoni tas-16 ta’ April 2002), DKK 407 463 għall-431 000 sigarett tad-ditta “Regal” (deċiżjoni tat-30 ta’ Mejju 2002) u DKK 376 643 għall-1 005 840 sigarett tad-ditta “Prince” (deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2003). DTL ħallset l-aħħar żewġ ammonti bla preġudizzju, iżda ma ħallsitx l-ewwel ammont.

42.      DTL appellat kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Landsskatteret, li ċaħditu u kkonfermat id-deċiżjonijiet ikkontestati. DTL reġgħet appellat minn dawn is-sentenzi quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Østre Landsret.

43.      L-Østre Landsret irrilevat li kien paċifiku bejn l-iSkatteministeriet u DTL fit-tliet kawżi prinċipali li DTL ma kinitx waħda mill-persuni li kienu suġġetti direttament għad-dazji u għat-taxxi skont il-leġiżlazzjoni doganali u fiskali. Konsegwentement, ma kienx hemm kontestazzjoni, skont il-qorti tar-rinviju, li obbligu eventwali ta’ DTL seta’ biss joħroġ mill-Konvenzjoni TIR, mill-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni ta’ DTL fil-kwalità tagħha ta’ assoċjazzjoni garanti u mill-carnets TIR użati għat-trasport inkwistjoni. Barra minn hekk, l-iSkatteministeriet u DTL kienu qablu li l-obbligu ta’ DTL f’dan ir-rigward kien jixbaħ “garanzija” fis-sens li DTL ma kinitx obbligata tħallas jekk ma jkunux eżiġibbli dazji doganali, taxxi tas-sisa jew il-VAT kontra dak li kien obbligat direttament iħallas il-krediti doganali u fiskali skont il-leġiżlazzjoni doganali u fiskali.

44.      Il-qorti tar-rinviju għandha għalhekk tiddeċiedi, fit-tliet kawzi prinċipali, fuq il-kwistjoni dwar jekk, minkejja l-qbid u l-qerda sussegwenti tas-sigaretti ta’ kuntrabandu, jitnisslux l-obbligi għall-ħlas ta’ dazji doganali, taxxi tas-sisa u l-VAT fil-konfront tal-impriżi Litwani kkonċernati u jekk – f’każ ta’ risposta fl-affermattiv – l-istess krediti spiċċawx minħabba l-qerda tas-sigaretti. Jekk il-krediti ta’ dazji doganali, ta’ taxxi tas-sisa u tal-VAT ma spiċċawx, l-Østre Landsret għandha tiddeċiedi wkoll fuq il-kwistjoni dwar jekk l-awtoritajiet doganali u fiskali Daniżi għandhomx il-kompetenza biex jitolbu l-ħlas ta’ dazji doganali, kif ukoll it-taxxi tas-sisa u l-VAT.

45.      F’dan il-kuntest, l-Østre Landsret staqsiet dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi Doganali, tad-Direttiva 92/12 u tas-Sitt Direttiva u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi segwenti sabiex tingħata deċiżjoni preliminari:

“1.      L-espressjoni “jinqabdu [...] u jiġu fl-istess waqt jew sussegwentement konfiskati”, li tinsab fl-Artikolu 233d tal-Kodiċi Doganali għandha tiġi interpretata li tfisser li d-dispożizzjoni tkopri sitwazzjonijiet li fihom merkanziji miżmuma taħt l-ewwel sentenza tal-Paragrafu [Artikolu] 83(1) tal-Liġi Doganali dwar importazzjoni illegali huma fl-istess waqt jew sussegwentement meqruda mill-awtoritajiet doganali meta jkunu għadhom fil-pussess ta’ l-awtoritajiet?

2.      Id-Direttiva [fuq is-sisa] għandha tiġi interpretata li tfisser li merkanzij[i] importati illegalment li jinqabdu meta jiġu importati jew jiġu fl-istess waqt jew sussegwentement meqruda għandhom jiġu meqjusa li tpoġġew taħt ‘arranġament ta’ sospensjoni’ bl-effett li d-dazju tas-sisa m’huwiex inkors jew jingħalaq (ara l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva [fuq is-sisa], moqrija flimkien ma’ l-Artikoli 84(1) u 98 tal-Kodiċi Doganali, u l-Artikolu 876a tad-dispożizzjonijiet implimentattivi)?

Ir-risposta hija affettwata mill-fatt jekk dejn doganali inkors fuq tali importazzjoni illegali jingħalaqx jew le taħt l-Artikolu 233d tal-Kodiċi Doganali?

3.      Is-Sitt Direttiva għandha tiġi interpretata li tfisser li merkanziji importati illegalment li jinqabdu meta jiġu importati u li jiġu fl-istess waqt jew sussegwentement meqruda mill-awtoritajiet għandhom jiġu meqjusa li tpoġġew taħt ‘proċedura ta’ magazzinaġġ doganali’ bl-effett li d-dejn tal-VAT m’huwiex inkors jew jingħalaq (Ara l-Artikoli 7(3), 10(3) u 16(1)(B)(c) tas-Sitt Direttiva u l-Artikolu 876a tad-dispożizzjonijiet implementattivi)?

Ir-risposta hija affettwata mill-fatt jekk id-dejn doganali inkors fuq tali importazzjoni illegali jingħalaqx jew le taħt l-Artikolu 233d tal-Kodiċi Doganali?

4.      Il-Kodiċi Doganali, id-dispożizzjonijiet implimentattivi u s-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati li jfissru li l-awtoritajiet doganali, fl-Istat Membru fejn importazzjoni illegali ta’ merkanzija matul operazzjoni TIR hija skoperta, huma kompetenti li jimponu d-dazju doganali, id-dazju tas-sisa u l-VAT fuq l-operazzjoni meta l-awtoritajiet fi Stat Membru ieħor, fejn seħħet l-importazzjoni illegali lejn il-Komunità, ma skoprewx l-irregolarità u konsegwentement ma mponewx dazju doganali, dazju tas-sisa u l-VAT (ara l-Artikolu 215 tal-Kodiċi Doganali, moqri flimkien mal-Artikolu 217 tiegħu, l-Artikolu 454(2) u (3) tad-dispożizzjonijiet implimentattivi fis-seħħ dak iż-żmien, u l-Artikolu 7 tas-Sitt Direttiva)?”

IV – Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

46.      It-talba għal deċiżjoni preliminari, tal-20 ta’ Mejju 2008, waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Mejju 2008. Fil-kuntest tal-proċedura bil-miktub, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-gvern Daniż u l-gvern Olandiż, kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Ir-rappreżentanti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-gvern Daniż u l-gvern Taljan, kif ukoll il-Kummissjoni, ipparteċipaw fis-seduta tat-13 ta’ Mejju 2009 billi ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

V –    L-argumenti tal-partijiet

A –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

47.      F’dak li jikkonċerna l-ewwel domanda preliminari, DTL, il-gvern Olandiż u l-Kummissjoni jsostnu li l-qbid u l-qerda sussegwenti ta’ merkanzija skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 83(1) tal-liġi doganali Daniża jikkostitwixxu, fil-prinċipju, il-qbid u l-konfiska sussegwenti fis-sens tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali. Il-gvern Daniż isostni, min-naħa l-oħra, li l-qerda ta’ merkanzija ma tistax issarraf ta’ “konfiska” fis-sens tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali.

48.      Il-gvern Daniż jesponi li l-“konfiska” fis-sens tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali ma tistax titqabbel mal-qerda ta’ merkanzija taħt l-ewwel sentenza tal-Artikolu 83(1) tal-liġi doganali Daniża. Fid-dritt Daniż, l-istess bħad-dritt ta’ diversi Stati Membri oħra, il-“konfiska” tippreżupponi dejjem it-trasferiment tal-oġġetti lill-Istat. Din il-kundizzjoni tapplika wkoll għall-“konfiska” fis-sens tal-Kodiċi Doganali. Peress li, fil-każ ta’ qbid u s-sussegwenti qerda tal-merkanzija taħt l-ewwel sentenza tal-Artikolu 83(1) tal-liġi doganali Daniża, l-Istat Daniż ma jkun fl-ebda mument proprjetarju tal-merkanzija inkwistjoni, din il-proċedura ma tistax tiġi kkwalifikata bħala “konfiska” fis-sens tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali.

49.      Il-gvern Daniż jirrileva, barra minn hekk, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 233(ċ) tal-Kodiċi Doganali jipprevedi l-qerda ta’ merkanzija ddikjarata għal proċedura doganali li tinvolvi l-obbligu għall-ħlas tad-dazji bħala li huwa każ distint ta’ estinzjoni, b’mod parallel mal-qbid u l-konfiska fl-istess waqt jew sussegwenti. Minn dan jirriżulta li l-konfiska u l-qerda ta’ merkanzija ma jistgħux jitqabblu bħala kunċett. Barra minn hekk, fid-dritt Komunitarju ma jeżisti l-ebda prinċipju ġenerali regolatorju doganali u fiskali li bih id-dazji u t-taxxi jkunu dovuti biss jekk il-merkanzija tkun tpoġġiet fis-suq u biss jekk wieħed jista’ jikkonstata, konsegwentement, b’hekk li l-awtoritajiet kienu sofrew telf.

50.      DTL, il-gvern Olandiż u l-Kummissjoni jsostnu, min-naħa l-oħra, li jkun hemm konfiska fis-sens tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali meta l-proprjetarju tal-merkanzija ma jibqax il-proprjetarju tagħha wara li tinqered mill-awtoritajiet, u dan indipendentement mill-punt dwar jekk l-awtoritajiet isirux propjetarji ta’ din il-merkanzija f’xi mument.

51.      Skont DTL, jirriżulta mid-diċitura tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali li l-“qbid” huwa miżura inqas invażiva mill-“konfiska” li sseħħ wara u li hija differenti minnha b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-proprjetarju jittieħidlu provviżorjament il-pussess tagħha u s-setgħa li jiddisponi mill-merkanzija inkwistjoni. Il-“konfiska” tal-merkanzija sseħħ mill-mument li fih il-proprjetarju oriġinali jkun tilef id-dritt tiegħu ta’ proprjetà fuq il-merkanzija maqbuda u dan indipendentement mill-punt dwar jekk id-dritt ta’ proprjetà jkunx intilef minħabba att amministrattiv jew minħabba deċiżjoni ġudizzjarja. Minn interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li l-punt dwar jekk l-Istat sarx f’xi mument proprjetarju tal-merkanzija meqruda ma jistax ikun deċiżiv f’dan ir-rigward.

52.      L-argument li l-gvern Daniż jislet mill-paragun testwali bejn il-każijiet ta’ estinzjoni previsti taħt it-tieni subparagrafu tal-paragrafu (ċ) u taħt il-paragrafu (d) tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali huwa żbaljat ukoll. Il-fatt li l-qerda tal-merkanzija qabel il-ħelsien tagħha, fuq l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet doganali, hija msemmija espressament fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu (ċ) bħala każ ta’ estinzjoni jsib spjegazzjoni fil-fatt li din id-dispożizzjoni telenka l-każijiet ta’ estinzjoni bil-qbid jew mingħajru min-naħa tal-awtoritajiet doganali, filwaqt li l-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali jipprevedi biss il-fatti li jseħħu qabel il-qbid. Peress li l-qerda tal-merkanzija, qabel il-ħelsien tagħha, fuq l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet doganali fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 233(ċ) tal-Kodiċi Doganali tista’ fil-prinċipju sseħħ biss fil-każijiet fejn ma jkunx sar qbid minn qabel mill-awtoritajiet doganali, dan il-każ ta’ estinzjoni ma jwassalx għall-konklużjoni a contrario li jislet il-gvern Daniż fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali.

53.      Il-Kummissjoni ssostni li d-dejn doganali jispiċċa minħabba r-raġuni msemmija fl-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali meta tkun inqabdet il-merkanzija waqt l-importazzjoni irregolari tagħha fit-territorju doganali u tkun ġiet sussegwentement meqruda, mingħajr ma tkun inħarġet mill-pussess tal-awtoritajiet. L-għan tad-dazji doganali huwa li tkun protetta l-produzzjoni Komunitarja fil-kuntest tal-politika kummerċjali komuni. Skont l-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali, ma jistax ikun għalhekk deċiżiv il-punt dwar jekk il-proprjetà tal-merkanzija tkunx ġiet ittrasferita lill-Istat jew jekk ikunx sar it-trasferiment tal-oġġetti lit-Teżor pubbliku. Id-dejn doganali għandu jitqies li jkun spiċċa skont l-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali jekk ikun hemm deċiżjoni ġudizzjarja jew att amministrattiv li jkollhom, bħala effett, iċaħħdu definittivament lill-importatur mit-tgawdija de facto u de jure tal-merkanzija inkwistjoni u li jimpedixxu definittivament id-dħul ta’ dik il-merkanzija fir-ċirkwit ekonomiku.

54.      Il-paragun testwali bejn it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 233(ċ) u l-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali, li għamel il-gvern Daniż, huwa miċħud bħala sostantivament żbaljat mill-Kummissjoni għall-istess raġunijiet li ġew invokati minn DTL. Il-Kummissjoni ssostni, barra minn hekk, li l-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali jiddisponi li d-dejn doganali jispiċċa meta l-qbid ikun seħħ “ma’ l-introduzzjoni kontra l-liġi [importazzjoni irregolari]” tal-merkanzija inkwistjoni. Dan jipprevedi biss, għalhekk, il-qbid tal-merkanzija ta’ kuntrabandu hija u taqsam il-fruntiera esterna tal-Komunità u, l-iktar tard, meta hija toħroġ mill-ewwel uffiċċju doganali fil-fruntiera.

55.      Il-gvern Olandiż jirrileva l-ewwel nett li t-terminu “qbid” ma jintużax fil-Kodiċi Doganali. Jirriżulta mid-digriet tar-rinviju li l-qbid fis-sens tal-liġi doganali Daniża jikkostitwixxi miżura inqas invażiva mill-qbid u l-konfiska sussegwenti fis-sens tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali. Filwaqt li l-qbid jikkostitwixxi miżura temporanja li ma taffettwax id-dritt ta’ proprjetà u filwaqt li l-merkanzija tkun tista’ tingħata lura wara l-qbid, il-qbid bil-konfiska sussegwenti jippreżupponi t-trasferiment tad-dritt tal-proprjetà lill-awtoritajiet doganali.

56.      Madankollu, il-gvern Olandiż jasal ukoll għall-konklużjoni li d-dejn doganali jispiċċa skont l-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali inkwantu d-dazju doganali Daniż jippermetti l-qerda ta’ merkanzija mill-awtoritajiet (doganali) kompetenti jew fuq struzzjonijiet tagħhom mingħajr konfiska preċedenti. Fil-fatt, il-qerda ta’ merkanzija tmur lil hinn mis-sempliċi konfiska, anki jekk l-interpretazzjoni raġonevoli tad-dritt doganali tal-Komunità titlob li f’dan il-każ id-dejn doganali jitqies bħala li spiċċa skont l-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali.

57.      Il-gvern Taljan isostni, fl-aħħar nett, li r-raġunijiet għall-estinzjoni tad-dejn doganali elenkati fl-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, anki jekk il-qbid, akkumpanjat bil-konfiska, ta’ merkanzija ta’ kuntrabandu jista’ jwassal għall-estinzjoni tad-dejn doganali biss jekk il-qbid ikun seħħ qabel ma l-merkanzija toħroġ mill-ewwel uffiċċju doganali li jkun jinsab fil-fruntiera esterna tal-Komunità. Dan japplika wkoll għall-kuntrabandu ta’ merkanzija fil-kuntest ta’ trasport skont il-proċedura TIR peress li d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni TIR għandhom ikunu interpretati skont il-Kodiċi Doganali.

B –    Fuq it-tieni domanda preliminari

58.      F’dak li jikkonċerna t-tieni domanda preliminari hemm nuqqas ta’ qbil kbir bejn l-analiżi ġuridiċi proposti minn DTL, il-gvern Daniż, il-gvern Olandiż u l-Kummissjoni. Fl-osservazzjonijiet orali tiegħu, il-gvern Taljan qabel essenzjalment mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni.

59.      Fil-fehma tal-gvern Daniż, il-qbid segwit bil-qerda tal-merkanzija introdotta illegalment ma tirriżulta qatt fis-sospensjoni tal-obbligu għall-ħlas tad-dazji tas-sisa skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/12. Insostenn ta’ din il-fehma, il-gvern Daniż jinvoka, l-ewwel nett, id-diċitura tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/12, li bih id-dazju tas-sisa fuq il-merkanzija jista’ jitqies li huwa sospiż biss jekk l-istess merkanzija tkun taqa’ taħt waħda mill-proċeduri sospensivi elenkati fl-Artikolu 84(1)(a) tal-Kodiċi Doganali. Minn dan jirriżulta li l-merkanzija trid tkun diġà taqa’ taħt waħda minn dawn il-proċeduri fil-mument tal-importazzjoni stess, ħaġa li ma tapplikax fil-każ ta’ qbid ta’ merkanzija introdotta illegalment. Din l-interpretazzjoni litterali tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/12 hija kkorroborata mill-Artikolu 6(1)(ċ) tal-istess direttiva, li jipprevedi wkoll kull importazzjoni ta' dawk il-prodotti, inkluża importazzjoni illegali, meta dawn il-prodotti “ma jkunux tqiegħedu taħt arranġament ta' sospensjoni”.

60.      Skont il-gvern Daniż, anki jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/12 kellu jiġi interpretat fis-sens li d-dazji tas-sisa jistgħu jiġu sospiżi wkoll meta l-merkanzija titqiegħed taħt arranġament ta’ sospensjoni biss wara l-importazzjoni, dan ma jfissirx li d-dazji tas-sisa jiġu sospiżi f’każ li tinqabad merkanzija ta’ kuntrabandu. Il-fatt li l-Artikolu 867(a) tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali japplika għall-merkanzija maqbuda wara l-importazzjoni tagħha, jimplika biss li dik il-merkanzija introdotta illegalment ma tibdilx l-istat doganali tagħha. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 867(a) tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali ma jbiddel xejn mill-fatt li l-awtoritajiet doganali jistgħu – meta tinqabad il-merkanzija – ikomplu jiġru wara d-djun doganali fil-konfront tad-debitur tad-dejn doganali (f’dan il-każ, it-titulari tal-carnet TIR), u, sussidjarjament, ta’ DTL bħala assoċjazzjoni garanti fis-sens tal-Konvenzjoni TIR. Din l-interpretazzjoni hija bbazata b’mod partikolari fuq l-Artikolu 867(a) tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali li minnu jirriżulta, tal-inqas b’mod impliċitu, li d-dejn doganali jeżisti dejjem, anki f’każ ta’ qbid ta’ merkanzija ta’ kuntrabandu. Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 867(a) tar-regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali hija kkorroborata, barra minn hekk, mill-fatt li fil-każ invers, ikun hemm protezzjoni sproporzjonata ta’ dak li jintroduċi l-merkanzija b’mod illegali jew tad-debituri l-oħra, bħalma hija l-assoċjazzjoni garanti. Id-dejn doganali u d-dazji tas-sisa eżiġibbli jistgħu, fil-prinċipju, f’dan il-każ jiġu posposti għal data indeterminata, sakemm id-debitur ikkonċernat stess jidhirlu li huwa opportun li jitħallsu d-dazji doganali.

61.      DTL issostni li s-soluzzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali f’dak li jikkonċerna l-estinzjoni tad-dejn doganali f’każ ta’ qbid u konfiska fl-istess waqt jew sussegwenti ta’ merkanzija introdotta illegalment għandha tapplika wkoll għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/12 dwar is-sospensjoni tad-dazji tas-sisa, u għaldaqstant id-dazju tas-sisa lanqas ma jista’ jkun dovut fuq merkanzija li għaliha d-dejn doganali jkun spiċċa skont l-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali.

62.      F’dan il-kuntest, DTL issostni li l-merkanzija li tinqabad skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 83(1) tal-liġi doganali Daniża waqt l-importazzjoni tagħha u li sussegwentement tiġi meqruda mill-awtoritajiet, filwaqt li tkun baqgħet dejjem fil-pussess tal-awtoritajiet, għandha titqies bħala li tpoġġiet f’arranġamenti ta’ ħażna fid-dwana skont l-Artikolu 867(a) tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali. Peress li l-proċedura ta’ ħżin fid-dwana huwa wieħed mill-proċeduri previsti fl-Artikolu 84(1)(a) tal-Kodiċi Doganali, għandu jiġi kkunsidrat li d-dazji tas-sisa jiġu sospiżi bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) fil-każ bħalma huwa dak tal-kawża prinċipali. Din is-sospensjoni tieqaf biss meta l-merkanzija toħroġ mis-sistema doganali Komunitarja. Barra minn hekk, is-sisa tkun eżiġibbli biss waqt li l-prodott jiġi rrilaxxat għall-konsum, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 92/12. F’każ li l-merkanzija li tinqabad waqt l-importazzjoni illegali tagħha tinqered, din il-merkanzija ma tkunx eżattament ġiet irrilaxxata għall-konsum u, għalhekk, is-sospensjoni tal-obbligu għall-ħlas tad-dazju tas-sisa lanqas ma tkun tista’ tiġi rrevokata u dan l-obbligu jiġi definittivament xolt. Fil-fatt, skont il-prinċipju fundamentali tal-leġiżlazzjoni doganali u fiskali tal-Komunità, id-dazji u t-taxxi ġeneralment ikunu dovuti biss meta jkun jista’ jiġi affermat li l-awtoritajiet sofrew telf fis-sens li l-merkanzija tkun ġiet irrilaxxata għall-konsum. Dan il-prinċipju fundamentali huwa rifless b’mod partikolari fl-Artikoli 206 u 233(d) tal-Kodiċi Doganali, kif ukoll fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 92/12.

63.      Il-Kummissjoni tesponi li hemm bżonn issir distinzjoni, fil-kuntest tar-risposta għat-tieni domanda preliminari, bejn il-ħolqien tal-obbligu tal-ħlas tad-dazju tas-sisa fuq il-merkanzija skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/12 u d-domanda sussegwenti dwar l-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.

64.      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva  92/12, il-prodotti li jaqgħu taħt din id-direttiva għandhom ikunu suġġetti għad-dazju tas-sisa waqt l-importazzjoni tagħhom f’dak it-territorju tal-Komunità, fejn l-“importazzjoni” għandha tfisser, skont it-tieni subparagrafu, bħala d-dħul ta’ dak il-prodott fit-territorju tal-Komunità. F’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ “dħul” tal-prodott għandu jiġi interpretat bl-istess mod bħall-kunċett ta’ “introduzzjoni [importazzjoni irregolari]” li tinsab fl-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali. Minn dan isegwi li l-merkanzija tkun fil-prinċipju suġġetta għad-dazju tas-sisa fil-mument li fih hija taqsam il-fruntiera tat-territorju doganali. Min-naħa l-oħra, meta l-merkanzija titqiegħed taħt proċedura tad-dwana tal-Komunità fil-mument tad-dħul tagħha fit-territorju tal-Komunità, l-importazzjoni titqies, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/12, bħala li seħħet biss fil-mument li fih hija toħroġ barra minn din il-proċedura.

65.      Din l-aħħar dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mal-Artikolu 867(a) tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali, li bih il-merkanzija mhux Komunitarja li tinqabad jew tiġi kkonfiskata titqies bħala li tqiegħdet taħt il-proċedura tal-ħżin doganali. Peress li din il-proċedura tal-ħżin doganali – li hija bbażata fuq invenzjoni ġuridika – hija proċedura tad-dwana tal-Komunità fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/12, il-merkanzija li tkun ġiet maqbuda mill-awtoritajiet waqt id-dħul tagħha fil-Komunità titqies li ma tkunx ġiet importata għal tul iż-żmien tal-qbid. Jekk il-merkanzija maqbuda tkun ġiet sussegwentement meqruda, hija tkun intilfet qabel ma tkun ħarġet mill-proċedura tad-dwana tal-Komunità, tant li l-obbligu għall-ħlas tad-dazju tas-sisa ma jitnissel qatt.

66.      Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-għan tad-Direttiva 92/12 u tiggarantixxi, barra minn hekk, li qbid akkumpanjat bil-konfiska fl-istess waqt jew sussegwenti ta’ merkanzija ta’ kuntrabandu waqt l-importazzjoni irregolari tagħha fil-Komunità twassal għall-istess riżultat skont id-dritt doganali u skont il-leġiżlazzjoni dwar id-dazji tas-sisa.

67.      Min-naħa oħra, jekk il-merkanzija tkun inqabdet biss wara l-importazzjoni irregolari tagħha fit-territorju doganali u, għaldaqstant, wara li tkun ħarġet mill-ewwel uffiċċju doganali fit-territorju tad-dwana tal-Komunità, hija tkun suġġetta għad-dazju tas-sisa taħt l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/12. Barra minn hekk, id-dazju tas-sisa jsir effettivament eżiġibbli minħabba l-importazzjoni illegali taħt tal-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva 92/12, fejn il-qbid sussegwenti ma jkunx jista’ jwassal għas-sospensjoni tad-dazju tas-sisa skont l-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva.

68.      Il-gvern Taljan jaqbel essenzjalment ma’ dan l-argument tal-Kummissjoni. Mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/12 flimkien mal-Artikolu 867(a) tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li l-obbligu għall-ħlas tad-dazju tas-sisa ma jitnissilx meta l-merkanzija tkun inqabdet qabel ma tkun ħarġet mill-ewwel uffiċċju tad-dwana li jinsab fil-fruntiera esterna tal-Komunità u tkun ġiet sussegwentement meqruda. Min-naħa l-oħra, jekk il-merkanzija tinqabad u tinqered wara li tkun ħarġet minn dan l-ewwel uffiċċju doganali fil-fruntiera, ikun hemm ir-riskju li l-merkanzija tidħol fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Komunità u d-dazju tas-sisa jkun eżiġibbli, indipendentement mill-punt dwar jekk il-merkanzija ta’ kuntrabandu tkunx inqabdet u sussegwentement meqruda.

69.      Fil-fehma tal-gvern Olandiż, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/12 dwar is-sospensjoni tad-dazji tas-sisa jsibu spjegazzjoni għall-fatt li jista’ jgħaddi ċertu żmien bejn il-ħolqien tal-obbligu għall-ħlas tad-dazju tas-sisa fuq il-merkanzija u l-eżiġibbiltà effettiva tiegħu. Fil-kuntest ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, id-dazji jistgħu jintalbu biss b’effett mir-rilaxx tal-merkanzija għall-konsum. L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/12 jipprevedi li d-dazji tas-sisa fuq il-prodotti jitqiesu sospiżi meta dawn jinsabu taħt waħda mill-proċeduri elenkati fl-Artikolu 84(1)(a) tal-Kodiċi Doganali. Il-kuntrabandu ta’ merkanzija ma jistax, madankollu, jiġi kklassifikat bħala proċedura sospensiva f’dan is-sens, bil-konsegwenza li l-merkanzija li tinqabad waqt l-importazzjoni irregolari u fl-istess waqt jew sussegwentement ikkonfiskata ma tkunx taqa’ taħt waħda mill-proċeduri sospensivi u għaldaqstant lanqas id-dazji tas-sisa ma jkunu sospiżi.

70.      F’dak li jikkonċerna l-merkanzija li tkun inqabdet waqt l-importazzjoni irregolari tagħha fit-territorju tad-dwana tal-Komunità, id-dazju tas-sisa jkun jista’ konsegwentement jinġabar skont id-dispożizzjonijiet li japplikaw għall-ġbir tad-dazji doganali. Jekk il-merkanzija tiġi skoperta u maqbuda biss fi fruntiera interna wara l-importazzjoni irregolari fit-territorju doganali tal-Komunità, hija tkun diġà ġiet irrilaxxata għall-konsum skont l-Artikolu 6(1) tad-direttiva, u għaldaqstant id-dazju tas-sisa jkun ġie dovut.

C –    Fuq it-tielet domanda preliminari

71.      F’dak li jikkonċerna t-tielet domanda preliminari, il-fehmiet ta’ DTL, tal-gvern Daniż, tal-gvern Olandiż u tal-Kummissjoni huma diverġenti ħafna u jkopru firxa wiesa’ ta’ risposti possibbli. Fl-osservazzjonijiet orali tiegħu, il-gvern Taljan qabel essenzjalment mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni.

72.      DTL ittenni, l-ewwel nett, li l-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dejn doganali jispiċċa meta l-merkanzija li tkun inqabdet jew li l-awtoritajiet ikunu ħadu l-pussess tagħha skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 83(1) tal-liġi doganali, tiġi meqruda. DTL issostni li huwa naturali u razzjonali li d-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva jiġu interpretati skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali, tant li, fiċ-ċirkustanzi deskritti, il-VAT ma tkunx tista’ tiġi mitluba fuq is-sigaretti introdotti illegalment, meta dawn ikunu ġew maqbuda mill-awtoritajiet jew li l-istess awtoritajiet ikunu ħadu l-pussess tagħhom waqt l-importazzjoni u li jkunu ġew meqruda sussegwentement, filwaqt li jkunu baqgħu dejjem fil-pussess tal-awtoritajiet. Skont DTL, iż-żewġ leġiżlazzjonijiet għandhom jaqblu f’dan ir-rigward.

73.      DTL tafferma mbagħad li jirriżulta mill-Artikolu 10(3) tas-Sitt Direttiva li jkun hemm fatt taxxabbli u jkun hemm taxxa eżiġibbli meta l-merkanzija tidħol fit-territorju tal-pajjiż. Jekk il-merkanzija, malli tidħol fit-territorju tal-Komunità, titqiegħed taħt proċedura tad-dwana tal-Komunità, ma jkunx hemm fatt taxxabbli u t-taxxa ssir eżiġibbli biss malli l-merkanzija toħroġ mill-proċedura tal-ħżin doganali tal-Komunità. Peress li l-merkanzija li tinqabad jew li l-awtoritajiet jieħdu l-pussess tagħha skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 83(1) tal-liġi doganali Daniża waqt l-importazzjoni u li sussegwentement tinqered mill-awtoritajiet, filwaqt li tkun baqgħet dejjem fil-pussess tagħhom, għandha titqies, skont l-Artikolu 867(a) tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali, bħala li hija mpoġġija taħt proċedura tad-dwana, il-VAT ma tkunx tista’ tintalab fil-kawżi quddiem il-qorti tar-rinviju, u dan b’applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) tas-Sitt Direttiva.

74.      Il-gvern Daniż jesponi li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(3) tas-Sitt Direttiva jipprevedi li f’dak li jikkonċerna l-merkanzija mhux tal-Komunità li malli tidħol fit-territorju tal-Komunità, titqiegħed taħt wieħed mill-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 7(3), iseħħ l-event li għandu jsir ħlas fuqu u t-taxxa ssir dovuta biss meta l-merkanzija ma tibqax taħt dawk l-arranġamenti. L-Artikolu 7(3) jirreferi għall-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 16(1), punt B(a), (b), (ċ) u (d) jiġifieri, b’mod partikolari, l-“arranġament ta’ ħażna fid-dwana”. Biex jindika wieħed x’irid jifhem eżattament bl-“arranġament ta’ ħażna fid-dwana”, l-Artikolu 16(B) jirreferi għad-“dispożizzjonijiet tad-dwana tal-Komunità fis-seħħ”.

75.      L-unika bażi li tippermetti li jiġi kkunsidrat li s-sigaretti tqiegħdu taħt arranġament ta’ ħżin fid-dwana hija kkostitwita mill-Artikolu 867(a) tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali. Din id-dispożizzjoni ma tistax, madankollu timplika, fil-fehma tal-gvern Daniż, li l-merkanzija li tinqabad tista’ titqies bħala li taqa’ taħt proċedura doganali sospensiva li taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet iċċitati tas-Sitt Direttiva u dan indipendentement mill-punt dwar jekk il-merkanzija kinitx inqerdet jew le wara li nqabdet.

76.      L-argument tal-gvern Olandiż huwa fl-istess sens; huwa jenfasizza li l-Artikolu 16(1), punt B tas-Sitt Direttiva jsemmi ċertament ukoll it-tpoġġija f’arranġament ta’ ħżin fid-dwana, iżda li l-Kodiċi Doganali ma jipprevedix it-tpoġġija ta’ merkanzija introdotta illegalment f’arranġament ta’ ħżin fid-dwana. Barra minn hekk, tali tpoġġija tippreżupponi, skont l-Artikolu 85 tal-Kodiċi Doganali, l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet doganali, li fil-kawża li kellha quddiemha l-qorti tar-rinviju żgur li ma ngħatatx. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 867(a) tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali jikkostitwixxi biss dispożizzjoni intiża għall-implementazzjoni li ma tistax konsegwentement tiddevja mill-kuntest regolatorju ċar kostitwit mill-Kodiċi Doganali. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 867(a) tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali ma jistax japplika għall-merkanzija “maqbuda”.

77.      Fil-fehma tal-gvern Olandiż, il-VAT tista’ tintalab, skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni doganali, f’każ li merkanzija tiġi introdotta minn fruntiera esterna tal-Komunità. Jekk id-dejn doganali jispiċċa b’applikazzjoni tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali, l-istess japplika għad-dejn tal-VAT (Artikolu 10(3) tas-Sitt Direttiva). Min-naħa l-oħra, jekk il-merkanzija introdotta illegalment taqsam fruntiera interna tal-Komunità u tiġi skoperta u maqbuda f’dak il-mument, tkun dovuta l-VAT skont l-Artikolu 7(2) tas-Sitt Direttiva, fl-Istat li fit-territorju tiegħu tkun tinstab il-merkanzija fil-mument li hija tidħol fit-territorju tal-Komunità.

78.      Għall-finijiet tal-proposta ta’ risposta għat-tielet domanda preliminari, il-Kummissjoni tagħmel distinzjoni wkoll bejn il-kawżi prinċipali li fihom il-merkanzija ġiet introdotta illegalment minn fruntiera esterna tal-Komunità u l-kawża prinċipali li fiha l-merkanzija introdotta illegalment fit-territorju tal-Komunità qasmet fruntiera interna tal-Komunità.

79.      Mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 2, 7(1)(a) u (2), u 10(3) tas-Sitt Direttiva, il-Kummissjoni tiddeduċi li l-VAT issir eżiġibbli, fil-prinċipju, fil-mument li fih il-merkanzija inkwistjoni tiġi introdotta fil-Komunità. Il-kreditur, f’dan il-każ, ikun l-ewwel Stat Membru tal-importazzjoni. Madankollu, meta l-oġġetti wara li jidħlu fit-territorju tal-Komunità, jitpoġġew taħt arranġament tad-dwana, l-Artikolu 10(3) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li jkun hemm fatt taxxabbli u jkun hemm taxxa biss fil-mument li fih dawn l-oġġetti ma jibqgħux taħt dak l-arranġament. Id-diċitura “malli tidħol fil-Komunità” tieħu f’dan ir-rigward, l-istess sinjifikat bħal “mal-introduzzjoni [importazzjoni]”, fis-sens tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali” u bħal “fiż-żmien [...] tal-importazzjoni tagħhom”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/12.

80.      F’dan il-kuntest, jirriżulta mill-Artikolu 867(a) tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali li l-merkanzija li tinqabad mill-awtoritajiet doganali qabel ma toħroġ mill-ewwel uffiċċju doganali li jkun jinsab fit-territorju doganali tal-Komunità titpoġġa taħt proċedura doganali. Fil-każ fejn din il-merkanzija tinqered wara li tinqabad, il-VAT ma tibqax għalhekk iktar eżiġibbli. Min-naħa l-oħra, jekk il-merkanzija tinqabad mill-awtoritajiet doganali wara li tkun ħarġet mill-ewwel uffiċċju doganali li jkun jinsab fit-territorju doganali tal-Komunità, hija ma titpoġġiex taħt proċedura doganali malli tidħol fil-Komunità. F’dan il-każ partikolari, ikun seħħ il-fatt taxxabbli u, fil-prinċipju, tkun dovuta t-taxxa.

D –    Fuq ir-raba’ domanda preliminari

81.      Il-partijiet kollha li pparteċipaw fil-proċedura jaqblu li r-raba’ domanda preliminari tikkonċerna biss il-kawza prinċipali fejn is-sigaretti introdotti illegalment fil-Komunità nqabdu mill-awtoritajiet Daniżi wara li qasmu l-fruntiera bejn il-Ġermanja u d-Danimarka.

82.      DTL tesponi li, f’dan il-każ, mhumiex l-awtoritajiet doganali u fiskali Daniżi, iżda l-awtoritajiet tal-ewwel Stat tal-importazzjoni li huma kompetenti biex jiġbru d-dazji doganali, id-dazji tas-sisa u l-VAT, anki jekk dawn tal-aħħar ma skoprewx l-importazzjoni illegali.

83.      Mill-aspett doganali, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 217 flimkien mal-Artikolu 215(3) tal-Kodiċi Doganali, huma l-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru fejn inħoloq jew ikun meqjus li nħoloq id-dejn doganali li għandhom jikkalkolaw u jieħdu akkont tad-dejn doganali. Ir-responsabbilità għall-ġbir tad-dejn doganali taqa’ wkoll fuq dawn l-awtoritajiet. F’dak li jikkonċerna t-trasport taħt il-proċedura TIR, għandha ssir referenza wkoll għall-Artikolu 454 tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali, li jikkonferma l-kompetenza prinċipali tal-awtoritajiet tal-Istat li fih il-merkanzija tkun ġiet introdotta illegalment fil-Komunità.

84.      L-istess għandu japplika, skont DTL, għall-ġbir tad-dazju tas-sisa u tal-VAT. Dan jirriżulta direttament mill-Artikolu 454(2) tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali, li jikkonċerna l-irkupri ta’ dazji u taxxi oħra eventwalment dovuti. F’dak li jirrigwarda l-VAT, DTL tinvoka wkoll l-Artikolu 7(2) tas-Sitt Direttiva, fejn jirriżulta li l-merkanzija titqies li ġiet importata fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu hija tkun tinsab mad-dħul tagħha ġewwa l-Komunità. Għaldaqstant, huwa l-ewwel Stat li fih isseħħ l-importazzjoni li għandu l-kompetenza li jiġbor il-VAT.

85.      Il-gvern Daniż isostni li l-awtoritajiet doganali u fiskali Daniżi għandhom il-kompetenza, f’każ bħalma huwa dan tal-proċeduri prinċipali li għandna quddiemna, biex jiġbru d-dazji doganali, id-dazji tas-sisa u l-VAT, meta l-illegalità tkun ġiet ikkonstatata fid-Danimarka.

86.      Fil-fehma tal-gvern Daniż, il-kwistjoni tal-kompetenza għandha tiġi solvuta b’mod parallel mad-dazji doganali, id-dazji tas-sisa u l-VAT. Huwa jsostni li la jista’ jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 215 flimkien mal-Artikolu 217 tal-Kodiċi Doganali, la minn dawk tal-Artikolu 454 tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali u lanqas minn dawk tal-Artikolu 7 tas-Sitt Direttiva li d-dejn doganali, id-dazju tas-sisa fuq it-tabakk u l-VAT għandhom jitqiesu li jitnisslu fl-Istat Membru li fih tkun seħħet l-importazzjoni irregolari fil-Komunità, li iżda ma tkunx ġiet skoperta. Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li l-krediti jitqiesu li nħolqu fl-Istat Membru fejn l-illegalità tkun ġiet ikkonstatata.

87.      Il-gvern Daniż jibbaża ruħu, f’dan ir-rigward, fuq il-prinċipji ta’ proċedura TIR. Il-prinċipju fundamentali ta’ proċedura TIR jikkonsisti preċiżament fil-ħolqien ta’ “kuridur” liberu għat-trasport bit-triq taħt il-proċedura TIR taħt siġill bejn l-uffiċċju doganali tat-tluq u l-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni. It-trasport taħt il-proċedura TIR isir kemm bħala operazzjoni ta’ tranżitu Komunitarju estern, li jimplika li l-merkanzija tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet doganali biss fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni u mhux fil-punt tad-dħul fil-Komunità. Jirriżulta mill-Artikoli 4 u 5 tal-Konvenzjoni TIR li huwa fil-mument li jiġi kkonstatat, fil-kuntest ta’ kontroll fil-fruntiera interna tal-Komunità, il-fatt li l-merkanzija ssiġillata ma tikkorrispondix mal-merkanzija indikata fil-carnet TIR li wieħed jista’ jgħid li seħħ ksur jew illegalità fil-Komunità. Għaldaqstant, għandu jingħad li l-importazzjoni irregolari tkun seħħet f’dan il-każ fil-fruntiera interna, bil-konsegwenza li d-dejn doganali, id-dazju tas-sisa u l-VAT jitnisslu fl-Istat Membru kkonċernat. Din is-soluzzjoni għandha tapplika wkoll għal raġunijiet ta’ effettività, peress li huma l-awtoritajiet li jiskopru illegalità fil-kuntest ta’ trasport bit-triq skont il-proċedura TIR li jkunu fl-aħjar pożizzjoni biex jippenalizzaw tali illegalità u jirkupraw id-dazji u t-taxxi dovuti sabiex jipproteġu l-interessi ekonomiċi tal-Komunità.

88.      Il-gvern Olandiż jagħmel distinzjoni bejn il-kompetenza għall-ġbir tad-dazji tas-sisa u l-kompetenza għall-ġbir tad-dazji doganali u l-VAT. L-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-importazzjoni jkollhom spiss il-kompetenza biex jiġbru d-dazji tas-sisa jekk l-importazzjoni irregolari tal-merkanzija ma tkunx ġiet skoperta fl-ewwel Stat Membru tal-importazzjoni. Minn naħa l-oħra, id-dazji doganali u l-VAT iridu jinġabru mill-awtoritajiet tal-ewwel Stat Membru tal-importazzjoni. Fir-rigward tad-dejn doganali, din is-soluzzjoni tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 202(2) flimkien mal-Artikolu 215 tal-Kodiċi Doganali; fir-rigward tal-VAT, hija tirriżulta mill-Artikolu 7(2) tas-Sitt Direttiva.

89.      Il-Kummissjoni hija tal-fehma wkoll li, f’każ bħalma huwa dak tal-kawża prinċipali li għandna quddiemna, jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 215 flimkien mal-Artikolu 217(1) tal-Kodiċi Doganali, kif ukoll mill-Artikolu 454(2) tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali, li l-awtoritajiet kompetenti biex jiġbru d-dazji doganali huma l-awtoritajiet tal-ewwel Stat Membru ta’ importazzjoni. Skont l-Artikolu 7(2) tas-Sitt Direttiva, dawn l-awtoritajiet ikollhom kompetenza wkoll biex jiġbru l-VAT.

90.      F’dak li jikkonċerna l-ġbir tad-dazju tas-sisa, il-Kummissjoni ssostni li – sakemm il-qorti tar-rinviju ma tasalx għall-konklużjoni li s-sigaretti maqbuda kienu ddestinati għall-bżonnijiet proprji – id-dazju tas-sisa jsir dovut, skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/12, fl-Istat Membru fejn il-merkanzija introdotta illegalment tkun ġiet fl-aħħar nett skoperta.

91.      Dan ir-rikonoxximent tal-prinċipju tal-kompetenza fil-qasam tad-dazji tas-sisa tal-Istat Membru li fih il-merkanzija introdotta illegalment tkun ġiet skoperta ma jfissirx, madankollu, skont il-Kummissjoni, li dan l-Istat Membru jista’ effettivament jiġbor id-dazju tas-sisa. Għalkemm l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/12 jiddisponi li d-dazju tas-sisa għandu jiġi impost u miġbur skont il-proċeduri stabbiliti minn kull Stat Membru, il-kuntest leġiżlattiv Komunitarju għandu jiġi rrispettat. L-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom b’osservanza tad-dritt Komunitarju u tal-prinċipji ġenerali li huma jistabbilixxu, b’mod partikolari l-prinċipju tal-proporzjonalità. Meta l-merkanzija introdotta illegalment tinqabad waqt li tkun qed taqsam xi fruntiera interna tal-Komunità u sussegwentement tinqered, mingħajr ma tkun ħarġet mill-pussess tal-awtoritajiet, ma jkun hemm l-ebda riskju reali li hija tiġi rrilaxxata għall-konsum fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. Il-qerda tal-merkanzija telimina kull possibbiltà li hija tiġi rrilaxxata għall-konsum f’dan l-Istat Membru. L-irkupru effettiv tad-dazju tas-sisa li, skont l-iskema tad-Direttiva 92/12, għandu jitqies bħala taxxa marbuta mat-territorju ta’ kull Stat Membru, ikun f’dan il-każ inkoerenti u jmur lil hinn mill-għan tad-dazji tas-sisa, li jinsabu parzjalment armonizzati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-irkupru tad-dazju tas-sisa minn dak l-Istat Membru jkun, fil-fehma tal-Kummissjoni, inkompatibbli mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Dan ma jfissirx li l-Istati Membri ma jistgħux jimponu pieni f’każ ta’ importazzjoni irregolari ta’ merkanzija suġġetta għad-dazju tas-sisa li tkun ġejja minn Stat Membru ieħor. L-irkupru tad-dazju tas-sisa mill-Istat Membru li jkun ikkonstata l-ksur u sussegwentement qered il-merkanzija jkun madankollu sproporzjonat, skont il-Kummissjoni, f’każ bħalma huwa dan tal-kawża prinċipali li għandna quddiemna.

92.      Il-gvern Taljan isostni li, f’każ bħal dan tal-kawża prinċipali li għandna quddiemna, l-ewwel Stat Membru tal-importazzjoni għandu l-kompetenza biex jiġbor kemm id-dejn doganali kif ukoll il-VAT u d-dazju tas-sisa. Madankollu, l-Istat Membru tal-importazzjoni sussegwenti jkollu l-kompetenza wkoll biex jiġbor id-dazju tas-sisa, u għaldaqstant ikollu kompetenza parallela f’dan il-qasam. F’dan il-kuntest, il-gvern Taljan jiċħad l-argument tal-Kummissjoni dwar in-natura sproporzjonata tal-ġbir tad-dazju tas-sisa mill-Istat Membru tal-importazzjoni sussegwenti billi jsostni li l-kwistjoni dwar il-kompetenza hija ta’ natura formali, iżda ma tikkonċernax id-dritt sostantiv.

VI – Kunsiderazzjonijiet ġuridiċi

A –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

1.      Osservazzjonijiet ġenerali

93.      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob kjarifika fuq l-interpretazzjoni tal-frażi “jinqabdu [...] u jiġu fl-istess waqt jew sussegwentement konfiskati”, fis-sens tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali. Jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari li lill-Qorti tal-Ġustizzja għamlulha domanda b’mod partikolari fuq il-punt dwar jekk il-qbid ta’ merkanzija ta’ kuntrabandu skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 83(1) tal-liġi doganali Daniża jikkostitwixxix qbid fis-sens tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali u jekk il-qerda sussegwenti tal-merkanzija ta’ kuntrabandu mill-awtoritajiet Daniżi tistax titqabbel mal-konfiska ta’ dik il-merkanzija fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

94.      Ir-risposta għall-ewwel parti tal-ewwel domanda preliminari, konsistenti fil-punt dwar jekk il-qbid skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 83(1) tal-liġi doganali Daniża jikkorrispondix għall-qbid fis-sens tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali, tippreżupponi interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex kompetenza. Fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “qbid” fis-sens tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ madankollu tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-informazzjoni kollha meħtieġa biex din il-qorti tkun tista’ tevalwa hija stess, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, jekk il-qbid tas-sigaretti ta’ kuntrabandu li jkun seħħ skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu  83(1) tal-liġi doganali Daniża għandux il-karatteristiċi ta’ qbid fis-sens tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali.

95.      F’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tat-termini “jinqabdu [...] u jiġu fl-istess waqt jew sussegwentement konfiskati” fis-sens tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali, jiġi mfakkar, barra minn hekk, li d-definizzjoni tagħhom taqa’ fl-ambitu tad-dritt Komunitarju. Is-sistema legali Komunitarja bħala regola m’għandhiex l-għan li tiddefinixxi l-kunċetti billi tispira ruħha minn sistema legali nazzjonali jew minn bosta sistemi legali mingħajr dispożizzjoni espressa li tipprovdi dan (7). Konsegwentement, l-argumenti tal-gvern Daniż fuq l-istituzzjoni tal-konfiska fid-diversi sistemi legali nazzjonali tal-Istati Membri mhumiex rilevanti. Il-kontenut preċiż tal-kunċetti ta’ qbid u konfiska fl-istess waqt jew sussegwenti fis-sens tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali għandu, min-naħa l-oħra, jiġi dedott minn interpretazzjoni sistematika u teleoloġika ta’ din ir-raġuni ta’ estinzjoni.

96.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tat tali interpretazzjoni sistematika u teleoloġika tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali fis-sentenza tagħha tat-2 ta’ April 2009, Elshani (8). Din is-sentenza tipprovdi, konsegwentement, elementi importanti għar-risposta f’dak li jikkonċerna l-ewwel domanda preliminari.

2.      Is-sentenza Elshani

97.      Fis-sentenza Elshani, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mitluba tiddeċiedi, b’mod partikolari, fuq l-interpretazzjoni tal-kliem “mal-introduzzjoni kontra l-liġi [importazzjoni irregolari]” fis-sens tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali. Hija enfasizzat f’dan ir-rigward li l-każ ta’ estinzjoni previst fl-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali jikkostitwixxi raġuni għall-estinzjoni tad-dejn doganali li għandu jiġi interpretat b’mod strett (9). L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ dazju fuq merkanzija li setgħet tinqabad f’ħin tajjeb mill-awtoritajiet malli ġiet introdotta illegalment fit-territorju Komunitarju u b’hekk ma setgħetx titqiegħed fis-suq u għaldaqstant ma kkostitwixxietx theddida, f’termini ta’ kompetizzjoni, għall-merkanzija Komunitarja (10).

98.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Elshani, interpretat l-“introduzzjoni kontra l-liġi [importazzjoni irregolari]” skont l-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali fis-sens li din isseħħ qabel ma l-merkanzija tgħaddi l-ewwel uffiċċju doganali li jinsab ġewwa t-territorju doganali tal-Komunità (11).

99.      Din l-interpretazzjoni stretta tar-rekwiżit tal-importazzjoni irregolari (12) ġiet iġġustifikata b’mod partikolari bir-riskju tal-preżenza – mill-aspett tal-kompetizzjoni – ta’ merkanzija introdotta illegalment fit-territorju doganali tal-Komunità. Ladarba tkun għaddiet miż-żona li fiha jinsab l-ewwel uffiċċju doganali ġewwa l-imsemmi territorju, ikun hemm inqas probabbiltà li hija tiġi skoperta b’kumbinazzjoni mill-awtoritajiet doganali fil-kuntest ta’ kontrolli għall-għarrieda. Minn dan il-mument ikun hemm riskju għoli ferm li din il-merkanzija tispiċċa biex tiġi integrata fiċ-ċirkwit ekonomiku (13). Huwa, fil-fatt, fl-uffiċċji doganali, imqiegħda strateġikament fil-punti ta’ dħul tul il-fruntieri esterni, li l-awtoritajiet huma fl-aħjar pożizzjoni sabiex jeżerċitaw livell ta’ kontroll għoli fuq il-merkanzija li tidħol fit-territorju doganali tal-Komunità, sabiex jevitaw kemm il-kompetizzjoni żleali fil-konfront tal-produtturi Komunitarji kif ukoll it-telf ta’ dħul fiskali li jinvolvi l-importazzjoni bi frodi (14).

100. Fil-fehma tal-gvern Daniż, l-analiżi li fuqha hija bbażata s-sentenza Elshani ma tistax, madankollu, tiġi trasposta għall-każijiet ta’ kuntrabandu fil-kuntest ta’ trasport ta’ merkanzija kopert mill-carnets TIR. Għandu jingħad b’mod partikolari f’dan ir-rigward li, fil-każ tat-trasport skont il-proċedura TIR, il-merkanzija m’għandhiex tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet fl-uffiċċju doganali (ta’ tranżitu) fil-fruntiera esterna tal-Komunità, iżda biss fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni. Jekk, fil-kuntest ta’ trasport skont il-proċedura TIR, tiġi skoperta u tinqabad merkanzija ta’ kuntrabandu fil-fruntiera (interna) ta’ Stat Membru tal-importazzjoni sussegwenti, l-“introduzzjoni kontra l-liġi [importazzjoni irregolari]” ma tkux seħħet, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tas-sistema TIR, fl-ewwel Stat Membru tal-importazzjoni, imma fl-Istat Membru li fih tiġi skoperta l-merkanzija, u b’hekk jitnissel hemmhekk ukoll id-dejn doganali.

101. Dan l-argument tal-gvern Daniż mhuwiex konvinċenti.

102. Meta l-merkanzija tiġi introdotta fil-Komunità taħt is-sistema TIR, il-carnet TIR jiġi, fil-prinċipju, ikkontrollat fl-uffiċċju doganali (ta’ tranżitu) li jkun jinsab fil-fruntiera esterna tal-Komunità u jiġi vverifikat ukoll jekk is-siġilli doganali barranin ikunux għadhom intatti. Għal dan il-għan, il-vettura, bit-tagħbija u l-carnet TIR relattivi, għandha tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet doganali. L-awtoritajiet doganali jistgħu jeżerċitaw is-setgħat kollha tagħhom f’dak il-mument. Jekk ikun hemm suspett ta’ frodi, jekk is-siġilli doganali jkunu miksura jew jekk ikun hemm suspett li l-carnet TIR ikun ġie ffalsifikat, l-awtoritajiet doganali għandhom jispezzjonaw il-merkanzija ex officio. Konsegwentement, anki fil-każijiet taۥ kuntrabandu ta’ merkanzija fil-kuntest ta’ trasport skont il-proċedura TIR, għandu jiġi rrilevat li ladarba hija tkun għaddiet miż-żona li fiha jinsab l-ewwel uffiċċju doganali ġewwa t-territorju tal-Komunità, ikun hemm inqas probabbiltà li hija tiġi skoperta b’kumbinazzjoni mill-awtoritajiet doganali fil-kuntest ta’ kontrolli għall-għarrieda. Anki f’każ ta’ kuntrabandu fil-kuntest ta’ trasport skont il-proċedura TIR, ikun hemm riskju għoli ferm li, minn dan il-mument, din il-merkanzija ta’ kuntrabandu tispiċċa biex tiġi integrata fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Komunità.

103. Konsegwentement, għandu jingħad ukoll li, fil-fehma tiegħi, f’każ ta’ kuntrabandu ta’ merkanzija fil-kuntest ta’ trasport skont il-proċedura TIR, ikun hemm “introduzzjoni kontra l-liġi [importazzjoni irregolari]” fis-sens tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali malli l-merkanzija tgħaddi l-ewwel uffiċċju doganali li jkun jinsab fit-territorju doganali tal-Komunità.

3.      Il-każ ta’ estinzjoni previst fl-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali jippreżupponi qbid fi fruntiera esterna tal-Komunità

104. B’risposta għall-ewwel domanda preliminari, is-sentenza Elshani tippermetti l-ewwel nett li jiġi affermat li l-qbid akkumpanjat bil-konfiska fl-istess waqt jew sussegwenti fis-sens tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali jista’ jwassal għall-estinzjoni tad-dejn doganali biss jekk il-qbid ikun seħħ fi fruntiera esterna tal-Komunità u, b’mod partikolari, qabel ma l-merkanzija tkun ħarġet mit-territorju tal-ewwel uffiċċju doganali fil-fruntiera esterna.

105. Peress li l-fatti li wasslu għat-tliet kawzi prinċipali pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju huma differenti, il-każ ta’ estinzjoni tad-dejn doganali previst fl-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali jista’ jkun rilevanti biss fiż-żewġ kawzi prinċipali fejn is-sigaretti ġew ittrasportati lejn id-Danimarka mil-Litwanja permezz tal-baħar u ġew skoperti u maqbuda mill-awtoritajiet doganali u fiskali lokali immedjatament wara li wasal il-vapur fid-Danimarka. Fil-fatt, huwa biss f’dawn il-kawżi li l-qbid seħħ fil-fruntiera – dak iż-żmien – esterna tal-Komunità.

106. Fil-kawza prinċipali fejn is-sigaretti ġew ittrasportati lejn id-Danimarka fuq l-art, mill-Polonja u l-Ġermanja, il-prodotti ta’ kuntrabandu, min-naħa l-oħra, ġew introdotti illegalment fit-territorju doganali tal-Komunità mill-fruntiera bejn il-Polonja u l-Ġermanja. Għaldaqstant il-qbid u l-qerda sussegwenti ta’ din il-merkanzija fil-fruntiera interna bejn il-Ġermanja u d-Danimarka ma seħħewx “mal-introduzzjoni kontra l-liġi [importazzjoni irregolari]” u konsegwentement lanqas ma jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali.

4.      Il-qbid u l-konfiska fis-sens tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali

107. Mis-sentenza Elshani huwa possibbli li jiġi dedott, bħala linja gwida għall-interpretazzjoni tar-rekwiżiti tal-“qbid” u “konfiska” fis-sens tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali, li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv, fejn id-dejn doganali jispiċċa biss fil-każ meta l-merkanzija maqbuda fi fruntiera esterna tal-Komunità ma tkunx ġabet magħha riskju, f’termini ta’ kompetizzjoni għall-produzzjoni tal-Komunità.

108. L-interpretazzjoni litterali u sistematika tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali tindika wkoll li għandha ssir distinzjoni loġika fil-frażi “jinqabdu [...] u jiġu fl-istess waqt jew sussegwentement konfiskati” bejn il-qbid u l-konfiska tal-merkanzija inkwistjoni, inkwantu dawn iż-żewġ operazzjonijiet jistgħu madankollu fil-prattika, jikkoinċidu flimkien.

109. Din id-differenza kunċettwali bejn il-qbid u l-konfiska ta’ merkanzija ssib spjegazzjoni fil-fatt li l-protezzjoni tal-produzzjoni tal-Komunità kontra l-prodotti ta’ kuntrabandu tippreżupponi, mill-aspett prattiku, kemm il-qbid materjali tal-merkanzija inkwistjoni mill-awtoritajiet kompetenti kif ukoll it-teħid ġuridiku tas-setgħa tal-proprjetarju milli jiddisponi mill-prodotti ta’ kuntrabandu.

110. F’dan il-kuntest, bit-terminu “qbid” tal-merkanzija fis-sens tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali għandu jinftiehem l-intervent materjali tal-awtoritajiet kompetenti biex jieħdu l-pussess tal-merkanzija f’idejhom, sabiex jikkustoduha u jimpedixxu li hija tidħol fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Istati Membri. Il-konfiska fl-istess waqt jew sussegwenti ta’ din il-merkanzija maqbuda għandha mbagħad l-effett li tikkonsolida ġuridikament il-protezzjoni de facto tal-produzzjoni tal-Komunità riżultanti mill-qbid billi jittieħed b’mod definittiv mill-proprjetarju oriġinali jew ta’ dak li oriġinarjament kellu d-dritt li jiddisponi mill-istess merkanzija, id-dritt li hekk jiddisponi mill-merkanzija maqbuda (15).

111. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika, fil-kuntest tar-raġunament tagħha, jekk l-awtoritajiet kompetenti, bil-qbid li huma jkunu għamlu, jkunux żammew is-sigaretti ta’ kuntrabandu fis-sens li akkwistaw id-detenzjoni fiżika ta’ din il-merkanzija u li impedew b’hekk de facto d-dħul tagħha fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Istati Membri sal-mument tal-konfiska definittiva.

112. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta fl-affermattiv għat-tieni parti tal-ewwel domanda preliminari, konsistenti fil-punt dwar jekk il-qerda, min-naħa tal-awtoritajiet, ta’ merkanzija maqbuda tikkostitwixxix konfiska fis-sens tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali.

113. F’dan il-kuntest, il-punt prinċipali ta’ diverġenza bejn il-partijiet fil-proċedura huwa dwar jekk il-konfiska ta’ merkanzija skont l-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali tippreżupponix mhux biss li l-proprjetarju oriġinali jitlef id-dritt ta’ proprjetà tiegħu wara deċiżjoni ġudizzjarja jew xi intervent statali ieħor, imma teħtieġ ukoll li l-Istat jakkwista jew ikun akkwista l-proprjetà – tal-inqas għall-perijodu qasir – tal-merkanzija kkonfiskata.

114. Fil-fehma tiegħi, il-“konfiska” fis-sens tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali mhijiex bilfors tippreżupponi li l-Istat ikun akkwista l-proprjetà tal-merkanzija inkwistjoni f’xi mument kwalunkwe. Huwa meħtieġ biss li tkun ittieħdet b’mod definittiv is-setgħa li l-proprjetarju oriġinali jiddisponi mill-merkanzija. Il-“konfiska” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni teħtieġ konsegwentement li l-proprjetarju oriġinali jitlef id-dritt ta’ proprjetà, imma mhux li l-proprjetà tiġi ttrasferita lill-Istat. Fil-fatt, fid-dawl tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, ftit jimporta li l-Istat jakkwista drittijiet reali fuq il-merkanzija inkwistjoni; dak li huwa importanti hu li wara l-intervent statali jiġi definittivament evitat id-dħul ta’ din il-merkanzija fiċ-ċirkwit ekonomiku.

115. Il-qerda ta’ merkanzija taħt il-kontroll tal-Istat, li jimpedixxi definittivament id-dħul ta’ dik il-merkanzija fiċ-ċirkwit ekonomiku, għandha titqies ukoll bħala “konfiska” fis-sens tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali meta l-Istat ma jkunx akkwista dritt reali fuq dik il-merkanzija qabel ma hija tinqered.

116. Il-gvern Daniż joġġezzjona għal din l-evalwazzjoni billi jsostni li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 233(ċ) tal-Kodiċi Doganali jipprevedi l-qerda ta’ merkanzija fuq l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet bħala raġuni għall-estinzjoni li hija differenti mill-qbid akkumpanjat bil-konfiska ta’ dik il-merkanzija. Il-gvern Daniż jiddeduċi minn dan li l-qerda ta’ merkanzija tikkostitwixxi neċessarjament raġuni għall-estinzjoni tad-dejn doganali li hija differenti mill-qbid akkumpanjat bil-konfiska ta’ merkanzija.

117. Dan l-argument litterali tal-gvern Daniż ma jistax ikun konvinċenti.

118. Għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li r-raġuni għall-estinzjoni tad-dejn doganali misjuba fl-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali tapplika biss għall-merkanzija li tkun inqabdet mill-awtoritajiet kompetenti u, għaldaqstant, miżmuma mal-importazzjoni irregolari. Min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet għall-estinzjoni previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 233(ċ) tal-Kodiċi Doganali japplikaw b’mod ġenerali għall-merkanzija ddikjarata għal proċedura doganali li ġġib magħha l-obbligu li jitħallas id-dazju. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni msemmija tipprevedi raġunijiet għall-estinzjoni tad-dejn doganali mhux biss għall-merkanzija ddikjarata u maqbuda qabel ma tkun ġiet irrilaxxata, imma wkoll għall-merkanzija ddikjarata li l-awtoritajiet doganali ma jkunux ħadu l-pussess tagħha. L-ewwel kategorija ta’ raġunijiet għall-estinzjoni tinkludi l-qbid akkumpanjat bil-konfiska ta’ dik il-merkanzija; l-aħħar kategorija ta’ raġunijiet għall-estinzjoni tinkludi l-qerda tal-merkanzija ddikjarata fuq l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet doganali.

119. Jidher għalhekk li d-distinzjoni magħmula bejn it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 233(ċ) tal-Kodiċi Doganali bejn ir-raġuni għall-estinzjoni li tinvolvi l-qbid akkumpanjat bil-konfiska ta’ merkanzija ddikjarata u dik li tirriżulta mill-qerda ta’ din il-merkanzija fuq l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet doganali mhijiex ibbażata fuq tifsira differenti tat-termini “konfiska” u “qerda” ta’ merkanzija. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 233(ċ) tal-Kodiċi Doganali, il-“konfiska” ta’ merkanzija maqbuda tippreżupponi wkoll fil-prinċipju li l-proprjetarju oriġinali jitlef id-dritt tal-proprjetà fuq il-merkanzija maqbuda, li tista’ tirriżulta kemm mit-trasferiment tal-proprjetà lill-Istat kif ukoll mill-qerda tal-merkanzija. Peress li l-qerda ordnata mill-awtoritajiet, ta’ merkanzija ddikjarata, imma li ma tkunx inqabdet, għandha twassal ukoll għall-estinzjoni tad-dejn doganali, din ir-raġuni ta’ estinzjoni ssemmiet espressament fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 233(ċ) tal-Kodiċi Doganali bħala każ ta’ estinzjoni indipendenti.

120. Fil-qosor, għalhekk, għandu jingħad li jirriżulta mill-interpretazzjoni kemm teleoloġika kif ukoll sistematika tal-każ ta’ estinzjoni tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali li l-qerda ta’ merkanzija maqbuda min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti għandha titqies bħala “konfiska” ta’ dik il-merkanzija fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

5.      Konklużjoni

121. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li nipproponi li tingħata għall-ewwel domanda preliminari hija li l-“qbid” fis-sens tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali jippreżupponi t-teħid tal-pussess mill-awtoritajiet nazzjonali mal-importazzjoni irregolari ġewwa l-Komunità, li bih il-merkanzija tinżamm sakemm tiġi kkonfiskata. Il-“konfiska” ta’ merkanzija fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni timplika t-telf irrimedjabbli tas-setgħa tal-proprjetarju oriġinali jew tal-persuna li għandha s-setgħa li tiddisponi mill-merkanzija, mis-setgħa li jiddisponu mill-istess merkanzija, u dan indipendentement minn dwar jekk dan huwiex marbut mat-trasferiment tal-proprjetà lill-Istat.

B –    Fuq it-tieni domanda preliminari

1.      Osservazzjonijiet ġenerali

122. Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) u tal-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva 92/12 flimkien mal-Artikoli 84(1)(a) u 98 tal-Kodiċi Doganali u flimkien, fl-aħħar nett mal-Artikolu 867(a) tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali, il-qbid akkumpanjat bil-konfiska fl-istess waqt jew sussegwenti ta’ merkanzija ta’ kuntrabandu jwassalx biex id-dazji tas-sisa fuq din il-merkanzija jitqiesu li huma sospiżi.

123. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk huwiex rilevanti, biex tingħata risposta għal din id-domanda, li jiġi stabbilit jekk id-dejn doganali li jkun inħoloq mal-importazzjoni irregolari jispiċċax bl-applikazzjoni tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali.

124. Biex tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari, għandha l-ewwel nett tiġi ċċarata d-distinzjoni magħmula mil-leġiżlatur bejn il-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tad-dazju tas-sisa skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/12 u l-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva (16).

125. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/12, il-prodotti li jaqgħu taħt din id-direttiva għandhom ikunu suġġetti għad-dazju tas-sisa fiż-żmien tal-produzzjoni tagħhom ġewwa t-territorju tal-Komunità jew fiż-żmien tal-importazzjoni tagħhom f’dak it-territorju. It-twettiq ta’ dan il-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tad-dazju tas-sisa jfisser biss, madankollu, li jista’ jitnissel id-dejn tad-dazju tas-sisa. Biex jitnissel effettivament tali dejn tad-dazju tas-sisa f’każ speċifiku, hemm bżonn ukoll li r-rekwiżit tal-eżiġibbiltà previst fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 92/12 ikun sodisfatt. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) id-dazju tas-sisa jsir dovut fiż-żmien tar-rilaxx tal-merkanzija għall-konsum jew meta jiġu rrekordjati nuqqasijiet li għandhom ikunu suġġetti għad-dazju tas-sisa skond l-Artikolu 14(3) tad-direttiva. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) jelenka mbagħad il-każijiet differenti li jitqiesu bħala rilaxx għall-konsum tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa. Is-sistema ta’ sospensjoni li hija prevista fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/12 tfisser f’dan il-kuntest li l-ħolqien tad-dejn tad-dazju tas-sisa jiġi pospost, f’dak li jikkonċerna l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, sakemm ir-rekwiżit tal-eżiġibbiltà jkun sodisfatt (17).

126. Għaldaqstant jidher li l-qorti tar-rinviju kkonċentrat, fil-kuntest tal-formulazzjoni tat-tieni domanda preliminari, fuq ir-rekwiżit tal-eżiġibbiltà li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) flimkien mal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/12 u staqsiet b’mod konkret jekk is-sigaretti introdotti illegalment li nqabdu mal-“importazzjoni” u fl-istess waqt jew sussegwentement ikkonfiskati jitqiesux li “id-dazju tas-sisa fuqhom għandu jitqies li jkun sospis”, mingħajr distinzjoni bejn l-“importazzjoni” minn fruntiera esterna tal-Komunità u l-“importazzjoni” sussegwenti minn fruntiera interna.

127. Madankollu, jirriżulta mill-proċess li s-sigaretti nqabdu fi fruntiera – f’dak iż-żmien – esterna tal-Komunità fi tnejn mit-tliet kawzi prinċipali, u b’hekk, f’dawn il-proċeduri m’għandhiex tkun ċentrali l-kwistjoni tal-konsegwenzi ta’ dan il-qbid għall-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 92/12, iżda l-kwistjoni iktar importanti tal-effetti ta’ dak il-qbid fuq il-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tad-dazju tas-sisa skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/12. Fil-fatt, l-importazzjoni minn fruntiera esterna tal-Komunità tikkostitwixxi “importazzjoni fit-territorju tal-Komunità” fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/12, u għaldaqstant għandu jiġi stabbilit l-ewwel nett, fil-kuntest tal-analiżi tal-konsegwenzi, mill-aspett tad-dazji tas-sisa, tal-qbid ta’ merkanzija ta’ kuntrabandu fil-fruntieri esterni tal-Komunità, jekk il-prodotti humiex effettivament suġġetti għad-dazju tas-sisa skont l-Artikolu 5(1) tad-direttiva minkejja l-qbid u l-konfiska fl-istess waqt jew sussegwenti. Huwa biss jekk din id-domanda għandha tingħata risposta fl-affermattiv li tista’ tqum il-kwistjoni tal-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa skont l-Artikolu 6(1) u tal-eventwali sospensjoni tad-dazji skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/12.

128. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex mitluba tevalwa hija stess il-fatti tal-kawża prinċipali, hija tista’, madankollu, tipprovdi lill-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-karatteristiċi ta’ dawn il-fatti, l-indikazzjonijiet utli kollha biex tiffaċilitalha xogħolha biex issib is-soluzzjoni għall-kawża prinċipali (18). Konsegwentement, fil-kuntest tar-risposta għat-tieni domanda preliminari, ser nitratta kemm il-konsegwenzi fuq id-dazju tas-sisa li jġib miegħu l-qbid flimkien mal-qerda fl-istess waqt jew sussegwenti ta’ merkanzija mal-importazzjoni minn fruntiera esterna tal-Komunità kif ukoll l-effetti ta’ dak il-qbid akkumpanjat bil-qerda f’każ ta’ importazzjoni minn fruntiera interna u ser nagħmel distinzjoni f’dan ir-rigward bejn il-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tad-dazju previst fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/12 u r-rekwiżit tal-eżiġibbiltà previst fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.

2.      Il-qbid fi fruntiera esterna tal-Komunità, akkumpanjat bil-qerda fl-istess waqt jew sussegwenti

129. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/12, huwa meqjus bħala “importazzjoni ta’ prodott”, id-dħul ta’ dak il-prodott fit-territorju tal-Komunità. Dak li wieħed għandu jifhem bil-kelma “dħul” u l-mument li fih isseħħ din l-operazzjoni, mhuwiex indikat espressament fid-Direttiva 92/12. Inkwantu dan il-kunċett ta’ “dħul” huwa wieħed mir-rekwiżiti biex il-merkanzija tkun suġġetta għad-dazju tas-sisa, huwa importanti, għall-interpretazzjoni teleoloġika tal-kunċett ta’ importazzjoni, li wieħed ikun jaf mil-liema mument il-merkanzija għandha tibda tkun suġġetta għad-dazju tas-sisa fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva 92/12.

130. Għandu jiġi mfakkar l-ewwel nett f’dan ir-rigward li d-dazji tas-sisa huma taxxi indiretti fuq il-konsum li jistgħu jkollhom għan doppju: fl-ewwel lok, jipprovdu dħul għat-teżor pubbliku, fit-tieni lok jiskoraġġixxu l-konsum ta’ ċerti prodotti (19). Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ġbir tad-dazju tas-sisa għandu jiggarantixxi wkoll, f’dan il-kuntest, li ma jkunx hemm kompetizzjoni bejn settur ekonomiku legali u settur illegali. Dan huwa intiż b’mod partikolari biex jiġi evitat li l-prodotti ta’ kuntrabandu li jaqgħu taħt id-Direttiva 92/12 ikunu jistgħu jinbiegħu irħas mill-prodotti legali (20). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll f’dan il-kuntest li s-suq tas-sigaretti huwa b’mod partikolari propizju għall-iżvilupp ta’ kummerċ illegali (21).

131. Fid-dawl ta’ dawn il-premessi, il-merkanzija għandha, b’mod ġenerali, titqies li hija suġġetta għad-dazju tas-sisa, skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/12, l-iktar tard sal-mument li fih id-dħul tagħha fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Komunità jkun imminenti jew ikun seħħ, u dan peress li, fil-każ ta’ kuntrabandu ta’ merkanzija mill-fruntieri esterni tal-Komunità, it-theddida gravi għas-settur ekonomiku legali għandha titqies li taħbat mal-mument tad-dħul fiċ-ċirkwit ekonomiku.

132. Is-sentenza Elshani, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat l-interpretazzjoni tal-frażi “introduzzjoni kontra l-liġi [importazzjoni irregolari]” fis-sens tal-Kodiċi Doganali, tipprovdi indikazzjonijiet estremament utli biex tiġi stabbilita d-data ta’ din it-theddida f’każ ta’ kuntrabandu ta’ merkanzija. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat f’din is-sentenza li r-riskju ta’ dħul ta’ merkanzija ta’ kuntrabandu fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Istati Membri jiżdied sew mill-mument li fih din il-merkanzija tkun għaddiet, mingħajr ma tiġi skoperta, miż-żona li fiha jinsab l-ewwel uffiċċju doganali ġewwa t-territorju tal-Komunità (22).

133. Fil-fehma tiegħi, irid ukoll jiġi interpretat l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/12 fis-sens li sseħħ l-“importazzjoni” ta’ merkanzija ta’ kuntrabandu mal-mument li fih il-merkanzija tkun għaddiet miż-żona li fiha jkun jinsab l-ewwel uffiċċju doganali ġewwa t-territorju tal-Komunità. Minn dan il-mument, din il-merkanzija tiġi introdotta b’mod definittiv fil-Komunità, u għaldaqstant tkun suġġetta għad-dazju tas-sisa fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/12.

134. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi li jkun hemm “importazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/12, ta’ merkanzija ta’ kuntrabandu, li twassal biex tissuġġetta lill-istess merkanzija għad-dazju tas-sisa, mill-mument li fih il-merkanzija tkun telqet miż-żona li fiha jinsab l-ewwel uffiċċju doganali li jinsab ġewwa t-territorju tal-Komunità. Meta l-merkanzija ta’ kuntrabandu li taqa’ taħt id-Direttiva 92/12 tinqabad u tinqered fl-istess waqt jew sussegwentement mill-awtoritajiet qabel ma titlaq mill-ewwel uffiċċju doganali li jinsab ġewwa t-territorju tal-Komunità, għandu jingħad li din il-merkanzija ma tkunx ġiet importata, u għaldaqstant il-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tad-dazju msemmi fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/12 ma seħħx u li l-merkanzija, għaldaqstant, mhix suġġetta għad-dazju tas-sisa. Jekk il-merkanzija ma tkunx suġġetta għad-dazju tas-sisa, l-istess dazju tas-sisa lanqas ma jkun jista’ jsir eżiġibbli skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.

3.      Il-qbid mal-importazzjoni minn fruntiera interna, akkumpanjat bil-konfiska fl-istess waqt jew sussegwenti

a)      Bis-saħħa tal-paragrafu (ċ) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 92/12, il-prodotti ta’ kuntrabandu jitqiesu bħala rilaxxati għall-konsum mill-mument li huma jiġu introdotti illegalment fil-Komunità.

135. Meta l-merkanzija ta’ kuntrabandu li taqa’ taħt id-Direttiva 92/12 tinqabad u fl-istess waqt jew sussegwentement tiġi kkonfiskata fi fruntiera interna tal-Komunità u dan ma jseħħx fl-ewwel Stat Membru tal-importazzjoni, imma fi Stat Membru sussegwenti, din il-merkanzija tkun diġà suġġetta għad-dazju tas-sisa, u dan b’applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/12, minħabba l-importazzjoni preċedenti irregolari tagħha fit-territorju tal-Komunità (23). Din l-impożizzjoni tad-dazju tas-sisa tapplika għat-territorju kollu tal-Komunità u dan mill-mument li fih il-merkanzija tkun ġiet introdotta fit-territorju tal-Komunità, mingħajr ma l-qbid sussegwenti jkun jista’ jelimina jew jissospendi din l-impożizzjoni. F’dan il-każ, jibqa’ biss li jiġi stabbilit jekk il-qbid akkumpanjat bil-konfiska fl-istess waqt jew sussegwenti, tal-merkanzija suġġetta għad-dazju tas-sisa, fi fruntiera interna taffettwax l-eżiġibbiltà skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 92/12.

136. B’kuntrast mat-twettiq tal-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tad-dazju previst fl-Artikolu 5(1), li għandu l-effett li jissuġġetta l-merkanzija għad-dazju tas-sisa fit-territorju kollu tal-Komunità, it-twettiq tar-rekwiżit tal-eżiġibbiltà tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jwassal biss, fil-prinċipju, għall-eżiġibbiltà fi Stat Membru speċifiku skont il-kundizzjonijiet li jkunu fis-seħħ fid-data li d-dejn doganali jkun eżiġibbli f’dak l-Istat Membru. L-Istat Membru li fih ikun fl-aħħar nett eżiġibbli d-dazju tas-sisa huwa rifless, fil-prinċipju, skont id-Direttiva 92/12, fl-Istat tad-destinazzjoni (24). Bħala regola ġenerali, il-merkanzija suġġetta għad-dazju tas-sisa tiġi ttrasportata, taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju, sal-Istat tad-destinazzjoni fejn id-dazju tas-sisa jsir eżiġibbli wara li hija toħroġ mill-istess arranġament ta’ sospensjoni, skont il-paragrafu (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 92/12.

137. Fil-każ ta‘ merkanzija ta’ kuntrabandu, ir-rilaxx għall-konsum, kontra r-regola ġenerali, ma jsegwix, b’mod prinċipali, il-prinċipju tal-Istat tad-destinazzjoni. Min-naħa l-oħra, skont il-paragrafu (ċ) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 92/12, kull importazzjoni illegali ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa għandha titqies bħala rilaxx għall-konsum ta’ dawk il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, meta dawk il-prodotti ma jkunux tqiegħdu taħt arranġament ta' sospensjoni.

138. It-terminu “importazzjoni” fis-sens tal-paragrafu (ċ) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 92/12 għandu jirċievi l-istess interpretazzjoni bħall-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/12 (25). Dan ifisser li jkun hemm importazzjoni illegali mal-mument li fih il-merkanzija tkun għaddiet iż-żona li fiha jkun jinsab l-ewwel uffiċċju doganali ġewwa t-territorju tal-Komunità.

139. Wara tali “importazzjoni” illegali, il-prodotti ta’ kuntrabandu jiġu rrilaxxati għall-konsum, u għaldaqstant id-dazju tas-sisa fuq il-prodotti ta’ kuntrabandu suġġetti għad-dazju tas-sisa jsir eżiġibbli skont il-paragrafu (ċ) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 92/12.

b)      Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 92/12, id-dazji tas-sisa li jolqtu l-prodotti introdotti illegalment u għal għanijiet kummerċjali fil-Komunità, jinġabru fl-Istat Membru li fih dawn il-prodotti jinżammu fil-mument li fih jinqabdu

140. Il-fatt li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva 92/12, id-dazju tas-sisa jsir eżiġibbli, f’dak li jikkonċerna l-prodotti ta’ kuntrabandu suġġetti għad-dazju tas-sisa, fl-Istat Membru li fih il-prodotti jkunu ġew introdotti fil-Komunità ma jfissirx, madankollu, li l-Istat Membru li fih ikollu jinġabar fl-aħħar nett id-dazju tas-sisa jkun ġie b’hekk definittivament stabbilit. Fil-fatt, b’applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 92/12, kull attraversament tal-fruntiera interna tal-Komunità jwassal għall-ispostament tal-kompetenza fil-qasam tal-ġbir tad-dazju f’idejn l-Istat Membru li fih il-prodotti ta’ kuntrabandu jiġu ttrasportati, sakemm dawn ma jkunux servew għall-bżonnijiet personali.

141. L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 92/12 jipprevedi b’mod partikolari li d-dazji tas-sisa li jolqtu l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa li jkunu ġew irrilaxxati għall-konsum f’xi Stat Membru u li jkunu ġew ittrasportati sussegwentement fi Stat Membru ieħor għal għanijiet kummerċjali, għandhom jiġu imposti fl-Istat Membru li fih ikunu miżmuma dawk il-prodotti (26). Bħalma kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha, tad-9 ta’ Settembru 2004, Meiland Azewijn (27), li l-post fejn jiġi ntaxxat il-prodott, skont dawn id-dispożizzjonijiet, huwa l-Istat Membru tad-destinazzjoni tal-prodott u mhux dak fejn il-prodott ġie rrilaxxat għall-konsum.

142. Fis-sentenza tagħha tat-23 ta’ Novembru 2006, Joustra (28), il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat b’mod partikolari wiesa’ l-kundizzjoni “għal għanijiet kummerċjali” li tinsab fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/12. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat b’mod partikolari f’dan ir-rigward li, għall-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, il-prodotti li mhumiex miżmuma għal għanijiet personali għandhom ikunu neċessarjament ikkunsidrati bħala li qed jinżammu għal għanijiet kummerċjali.

143. Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-prodotti introdotti illegalment fil-Komunità li jiġu ttrasportati mill-ewwel Stat Membru tal-importazzjoni għal Stat Membru ieħor minn fruntiera interna fil-kuntest ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija huma normalment miżmuma f’dan l-aħħar Stat Membru “għal għanijiet kummerċjali”. Huwa l-obbligu, madankollu, tal-qorti tar-rinviju li tevalwa, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, jekk il-1 005 840 sigarett li jkunu nqabdu, fil-kawża prinċipali f’dan il-każ, fil-fruntiera bejn il-Ġermanja u d-Danimarka ġewx ittrasportati lejn id-Danimarka għal għanijiet kummerċjali.

144. Meta l-prodotti ta’ kuntrabandu suġġetti għad-dazju tas-sisa jkunu qasmu, għal għanijiet kummerċjali, fruntiera interna tal-Komunità, l-Istat Membru li fih il-prodotti ta’ kuntrabandu jkunu ġew skoperti u maqbuda mill-awtoritajiet għandu l-kompetenza biex jimponi d-dazju tas-sisa skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 92/12.

145. Din l-interpretazzjoni hija, wara kollox, konformi mal-ispirtu u l-għan tad-Direttiva 92/12. L-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/12 huwa intiż li jiggarantixxi li d-dazju tas-sisa li jirrigwarda l-prodotti ttrasportati għal għanijiet kummerċjali jiġi fl-aħħar nett impost fl-Istat Membru li fih ikun jirrisjedi l-konsumatur finali (29). Mhuwiex rilevanti f’dan ir-rigward il-punt dwar jekk il-konsumatur finali jikkunsmax effettivament b’mod definittiv il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa (30).

146. Fil-każ ta’ prodotti ta’ kuntrabandu, normalment ikun kważi impossibbli li jiġi stabbilit il-post tar-residenza tal-konsumaturi finali inkwistjoni. Madankollu, m’hemmx dubju li r-riskju tal-integrazzjoni mhux ikkontrollata tal-istess prodotti fiċ-ċirkwit ekonomiku u, għaldaqstant, il-bejgħ lill-konsumaturi finali jsir partikolarment mifrux mill-mument li fih il-prodotti ta’ kuntrabandu jgħaddu miż-żona li fiha jkun jinsab l-ewwel uffiċċju doganali li jkun jinsab ġewwa t-territorju tal-Komunità. Dan ir-riskju jikkonċerna t-territorju kollu tal-Komunità, iżda jista’ jiġi konness, qabel ma tinqasam il-fruntiera interna l-ġdida, ma’ l-ewwel Stat Membru tal-importazzjoni, u għaldaqstant id-dazju tas-sisa jsir eżiġibbli fl-ewwel Stat Membru tal-importazzjoni u dan b’applikazzjoni tal-paragrafu (ċ) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 92/12. Jekk dawn il-prodotti ta’ kuntrabandu jiġu mbagħad ittrasportati, għal-għanijiet kummerċjali u minn ġo fruntiera interna tal-Komunità, fi Stat Membru ieħor, ir-riksju li jitnissel b’dawn il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa jiġi ttrasferit fuq l-Istat Membru tal-importazzjoni sussegwenti, ħaġa li tiġġustifika wkoll, meħud kont tal-interpretazzjoni teleoloġika tad-Direttiva 92/12, it-trasferiment tal-eżiġibbiltà tad-dazju.

147. Dan it-trasferiment tal-kompetenza biex jiġi impost id-dazju tas-sisa skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 92/12 iseħħ mill-mument li fih il-prodotti ta’ kuntrabandu jkunu qasmu fiżikament il-fruntiera interna. Konsegwentement, il-qbid li jseħħ fuq il-fruntiera (interna) u akkumpanjat bil-konfiska fl-istess waqt jew sussegwenti, ma jistax jimpedixxi li d-dazju tas-sisa jkun diġà sar eżiġibbli mal-mument tal-qbid, fejn l-Istat Membru kkonċernat ikun il-kreditur.

148. Nikkonkludi konsegwentement li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) u l-paragrafu (ċ) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) flimkien mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 92/12, id-dazju tas-sisa li jolqot il-merkanzija introdotta illegalment u – kif irid jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju – għal għanijiet kummerċjali fil-Komunità, li tiġi skoperta u maqbuda mill-awtoritajiet nazzjonali wara li tkun għaddiet minn fruntiera interna tal-Komunità, isir eżiġibbli fl-Istat Membru tal-importazzjoni li jiġi wara l-mument tal-qsim fiżiku tal-fruntiera interna, u għaldaqstant il-qbid akkumpanjat bil-konfiska fl-istess waqt jew sussegwenti tal-prodotti ta’ kuntrabandu wara li jgħaddu mill-fruntiera interna ma jistax ikun ta’ ostakolu għall-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa, fejn l-Istat Membru kkonċernat ikun effettivament il-kreditur.

c)      Il-qbid akkumpanjat bil-konfiska fl-istess waqt jew sussegwenti ta’ prodotti ta’ kuntrabandu fil-fruntiera interna tal-Komunità ma jwassalx għas-sospensjoni tad-dazji skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/12

149. Il-qbid akkumpanjat bil-konfiska fl-istess waqt jew sussegwenti, fil-fruntiera interna tal-Komunità, ta’ merkanzija introdotta illegalment fil-Komunità ma jistax ikun ta’ ostakolu għall-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa fl-Istat Membru tal-importazzjoni sussegwenti. Madankollu, jibqa’ biex jiġi vverifikat jekk, wara l-qbid, din il-merkanzija titqiesx li d-dazju fuqha huwa sospis b’applikazzjoni tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/12.

150. Fil-fehma tiegħi, din id-domanda għandha tingħatalha risposta negattiva.

151. Għandu jiġi eżaminat b’mod partikolari f’dan il-kuntest il-punt dwar jekk l-invenzjoni ġuridika maħluqa mill-Artikolu 867(a) tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali, li bih il-merkanzija mhux tal-Komunità maqbuda jew ikkonfiskata titqies li tqiegħdet taħt proċedura ta’ ħżin doganali, timplikax sewwasew li l-merkanzija maqbuda titqies dejjem bħala li d-dazju tagħha huwa sospis, u għaldaqstant, minħabba l-qerda sussegwenti tagħha, id-dejn tad-dazju tas-sisa ma jistax jitnissel jew jispiċċa. Il-qorti tar-rinviju tidher li kkontemplat din il-konklużjoni, meta hija tirreferi espressament, fid-domanda tagħha, għar-rapport bejn it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva 92/12, kif ukoll l-Artikoli 84(1)(a) u 98 tal-Kodiċi Doganali u fl-aħħar nett l-Artikolu 867(a) tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali.

152. Il-premessa li fuqha hija bbażata d-domanda li saret hija li l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa jitqiesu, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/12, li d-dazju fuqhom huwa sospis meta huma jkunu koperti b’waħda mill-proċeduri sospensivi elenkati fl-Artikolu 84(1)(a) tal-Kodiċi Doganali. Fid-dawl tal-fatt li, minn naħa, il-proċedura tal-magażinaġġ doganali tifforma parti mill-proċeduri sospensivi elenkati fl-Artikolu 84(1)(a) tal-Kodiċi Doganali u li, min-naħa l-oħra, il-merkanzija mhux Komunitarja li tinqabad titqies, skont l-Artikolu 867(a) tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali, li tqiegħdet taħt proċedura ta’ ħżin doganali, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-merkanzija ta’ kuntrabandu maqbuda mill-awtoritajiet kompetenti taqax bilfors taħt waħda mill-proċeduri sospensivi u konsegwentement, b’applikazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/12, titqiesx li d-dazju fuqha huwa sospis.

153. Tali interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tmur kontra l-ġerarkija u r-rapport bejn ir-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali u l-Kodiċi Doganali kif ukoll id-Direttiva 92/12. Għaldaqstant, din ma tistax tintlaqa’.

154. Ir-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali ġie adottat mill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi eżekuttivi mogħtija lilha mill-Kunsill bir-Regolament (KEE) Nru 2913/92 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità. Minn dan jirriżulta li l-Kodiċi Doganali, bħala regolament bażiku, jipprevali fuq ir-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali, u għaldaqstant, f’każ ta’ kunflitt, ir-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali, li huwa leġiżlazzjoni li jaqa’ fi skala inferjuri, għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali, li huwa l-leġiżlazzjoni fi skala superjuri (31).

155. Fid-dawl ta’ din ir-regola fundamentali tal-ġerarkija tal-leġiżlazzjoni tad-dritt Komunitarju, l-Avukat Ġenerali Mengozzi ċaħad ġustament, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Elshani ċċitata iktar ’il fuq, l-argument tal-gvern Pollakk li bih jgħid li mill-Artikolu 867(a) tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li dejn doganali ma jitnissel qatt f’każ ta’ qbid ta’ merkanzija ta’ kuntrabandu waqt l-importazzjoni irregolari. Il-gvern Pollakk kien sostna b’mod partikolari li l-merkanzija mhux Komunitarja li tinqabad titqies, skont l-Artikolu 867(a) tar-Regolament għall-implementazzjoni , bħala li tqiegħdet taħt proċedura ta’ ħżin doganali u għaldaqstant taħt arranġament ta’ sospensjoni. Minħabba li l-Artikolu 867(a) tar-Regolament għall-implementazzjoni huwa lex specialis fil-konfront tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali li jirregolaw il-ħolqien u l-estinzjoni tad-dejn doganali, id-dejn doganali ma jista’ qatt jitnissel fil-każijiet fejn ikun japplika l-Artikolu 867(a) (32).

156. Dan l-argument tal-gvern Pollakk ġie miċħud b’mod partikolari bl-osservazzjoni li din l-interpretazzjoni timplika b’mod definittiv li d-dispożizzjoni għall-implementazzjoni (l-Artikolu 867 (a)) tingħata l-effett li twaqqaf il-possibbiltà li tiġi applikata regola “prinċipali” – l-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali (33). F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni, fis-sentenza Elshani (34), l-Artikolu 867(a) tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali u lanqas l-argument tal-gvern Pollakk f’dan ir-rigward.

157. L-istess bħalma l-Artikolu 867(a) tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali, moqri flimkien mal-Artikolu 84(1) tal-Kodiċi Doganali, ma jistax, f’każ ta’ qbid akkumpanjat b’konfiska fl-istess waqt jew sussegwenti tal-merkanzija ta’ kuntrabandu, ixejjen il-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tad-dejn doganali previst fl-Artikolu 202 tal-Kodiċi Doganali, din id-dispożizzjoni għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali ma tistax, meta moqrija flimkien mal-Artikolu 84(1)(a) tal-Kodiċi Doganali u ma’ l-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/12, twaqqaf l-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (ċ) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) flimkien mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 92/12.

158. Minn dan nikkonkludi konsegwentement li l-qbid akkumpanjat bil-konfiska fl-istess waqt jew sussegwenti, ta’ merkanzija introdotta illegalment fil-Komunità minn fruntiera interna tal-Komunità m’għandhiex l-effett li dik il-merkanzija jkollha d-dazju tas-sisa fuqha sospis mill-mument li hija tinqabad.

4.      Fuq ir-rapport bejn l-estinzjoni tad-dejn doganali skont l-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali u l-eżiġibbiltà jew in-nuqqas tagħha tad-dazju tas-sisa

159. Fil-kuntest tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll biex jiġi ċċarat il-punt dwar jekk tiġix affettwata l-eżiġibbiltà jew in-nuqqas ta’ eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa bil-fatt li d-dejn doganali li jkun inħoloq mal-importazzjoni irregolari, ikun spiċċa jew ma spiċċax b’applikazzjoni tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali.

160. Kif esponejt fl-analiżi tiegħi tal-effetti fuq id-dazju tas-sisa tal-qbid ta’ merkanzija introdotta illegalment fi fruntiera esterna tal-Komunità (35), id-dazju tas-sisa ma jkunx eżiġibbli meta d-dejn doganali jkun spiċċa skont l-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali. Meta d-dejn doganali ma jispiċċax skont l-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali u, konsegwentement, il-merkanzija tkun inqabdet biss wara l-importazzjoni irregolari, il-merkanzija tkun suġġetta għad-dazju tas-sisa skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/12 u d-dazju tas-sisa jkun dovut skont il-paragrafu (ċ) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant ma jidhirlix li hemm sitwazzjonijiet fejn id-dejn doganali jispiċċa skont l-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali u d-dazju tas-sisa jkun sar dovut.

161. Konsegwentement, mhuwiex meħtieġ li tingħata risposta iktar dettaljata għat-tieni parti tat-tieni domanda preliminari.

5.      Konklużjoni

162. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li jeħtieġ li tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari fis-sens li l-merkanzija introdotta illegalment hija suġġetta għad-dazju tas-sisa taħt l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/12 biss mill-mument li fih hija titlaq miż-żona li fiha jkun jinsab l-ewwel uffiċċju doganali li jkun jinsab ġewwa t-territorju tal-Komunità. Il-qbid li jkun seħħ qabel dak il-mument u segwit bil-qerda tal-merkanzija jxekkel il-ħolqien tal-obbligu għall-ħlas tad-dazju tas-sisa. Meta tkun ħarġet minn dik iż-żona, il-merkanzija introdotta illegalment tkun suġġetta għad-dazju tas-sisa u d-dazju tas-sisa jsir dovut skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, mingħajr ma l-qbid sussegwenti segwit bil-qerda tal-merkanzija jkun jista’ jwassal għall-estinzjoni jew għas-sospensjoni tad-dazju tas-sisa.

C –    Fuq it-tielet domanda preliminari

1.      Osservazzjonijiet ġenerali

163. Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixteq tkun taf, minn naħa jekk l-invenzjoni ġuridika maħluqa mill-Artikolu 867(a) tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali, li biha l-merkanzija mhux Komunitarja li tinqabad jew tiġi kkonfiskata titqies bħala li tpoġġiet taħt proċedura ta’ ħżin doganali, għandhiex l-effett li l-merkanzija maqbuda mal-importazzjoni irregolari tkun dejjem suġġetta għall-proċedura ta’ ħżin doganali, u għaldaqstant skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 10(3), 7(3) u 16(1)(B) tas-Sitt Direttiva, il-fatt taxxabbli ma jitnissilx u t-taxxa ma ssirx dovuta.

164. Filwaqt li l-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 10(3) tas-Sitt Direttiva tippreżupponi li l-merkanzija “tidħol fil-Komunità”, filwaqt li mill-proċess jirriżulta li f’waħda mit-tliet kawżi prinċipali, is-sigaretti nqabdu waqt l-“importazzjoni” minn fruntiera interna tal-Komunità, jiena nsostni li huwa meħtieġ ukoll li jiġu analizzati, fil-kuntest tar-risposta għall-ewwel parti tat-tielet domanda preliminari, kemm il-konsegwenzi, mill-aspett tal-VAT, tal-qbid akkumpanjat bil-qerda, tal-istess jew sussegwenti, ta’ merkanzija waqt l-importazzjoni minn fruntiera esterna tal-Komunità kif ukoll l-effetti ta’ dak il-qbid segwit mill-qerda waqt il-qsim sussegwenti tal-merkanzija minn fruntiera interna (36).

165. Fil-kuntest tat-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, min-naħa l-oħra, jekk il-fatt li d-dejn doganali li jirrigwarda din il-merkanzija jkunx spiċċa jew le skont l-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali għandux effett fuq ir-risposta għall-ewwel parti ta’ din id-domanda.

2.      Il-qbid akkumpanjat bil-konfiska fl-istess waqt jew sussegwenti, ta‘ merkanzija ta’ kuntrabandu fi fruntiera esterna tal-Komunità

166. Skont l-Artikolu 2(2) tas-Sitt Direttiva, l-“importazzjoni” hija suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud. Jirriżulta mill-Artikolu 7(1)(a) ta’ din id-direttiva li l-importazzjoni sseħħ bid-“dħul fil-Komunità” tal-merkanzija inkwistjoni. Il-fatt taxxabbli li ssarraf l-“importazzjoni” fis-sens tas-Sitt Direttiva għandu għalhekk jitqies bħala li huwa d-dħul ta’ merkanzija fit-territorju tal-Komunità.

167. F’dan il-kuntest, is-Sitt Direttiva fiha dispożizzjonijiet pjuttost kumplessi li bihom il-fatt taxxabbli konsistenti fl-importazzjoni u l-eżiġibbiltà tat-taxxa huma marbutin mal-fatti li jwasslu għall-impożizzjoni tad-dejn doganali (37).

168. Din il-konnessjoni ssir, minn naħa, permezz tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(3) tas-Sitt Direttiva li jikkonstata li, meta l-merkanzija titqiegħed taħt wieħed mill-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 7(3) – flimkien mal-Artikolu 16(1)(B)(a), (b), (ċ) u (d) – iseħħ l-event li għandu jsir ħlas fuqu u t-taxxa ssir dovuta biss meta l-merkanzija ma tibqax taħt dawk l-arranġamenti. Min-naħa l-oħra, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu  10(3) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li, meta l-merkanzija importata tkun suġġetta għad-dazju mid-dwana, jew levi agrikulturali jew għal xi spejjeż li jkollhom effett simili li jkunu stabbiliti b’politika komuni, il-fatt li joħloq it-taxxa jseħħ u t-taxxa ssir dovuta biss malli jseħħ il-fatt li joħloq it-taxxa u l-eżiġibbiltà ta’ dawn id-drittijiet Komunitarji .

169. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fis-sentenza tagħha tat-28 ta’ Frar 1984, Einberger (38), fil-kuntest tal-analiżi tal-applikabbiltà tas-Sitt Direttiva għall-importazzjoni illegali ta’ drogi narkotiċi, li l-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tad-dazju doganali u l-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tal-VAT huma essenzjalment l-istess f’dawn il-każijiet (39). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat f’dan ir-rigward li ż-żewġ sistemi ta’ taxxa kellhom għan simili u indikat li ż-żewġ taxxi kellhom karatteristiċi essenzjali simili inkwantu jitnisslu mill-fatt tal-importazzjoni fil-Komunità u mill-importazzjoni sussegwenti fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Istati Membri (40).

170. Fid-dawl ta’ dan il-paralleliżmu bejn id-djun doganali u d-djun tal-VAT, l-Artikolu 10(3) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tal-VAT u l-eżiġibbiltà tal-VAT li tolqot il-merkanzija introdotta illegalment fil-Komunità jista’ jseħħ biss mill-mument li fih il-merkanzija tkun għaddiet miż-żona li fiha jkun jinsab l-ewwel uffiċċju doganali li jkun jinsab ġewwa t-territorju tal-Komunità.

171. Meta l-merkanzija li tkun taqa’ taħt is-Sitt Direttiva tinqabad u fl-istess waqt jew sussegwentement tinqered mill-awtoritajiet qabel ma tkun telqet mill-ewwel uffiċċju doganali li jkun jinsab ġewwa t-territorju tal-Komunità, għandu jiġi kkunsidrat għalhekk li l-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tat-taxxa li joħroġ mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(2) flimkien mal-Artikoli 7 u 10(3) tas-Sitt Direttiva, ma jkunx seħħ u li, għaldaqstant, il-VAT ma tkunx saret dovuta.

3.      Il-qbid akkumpanjat bil-konfiska fl-istess waqt jew sussegwenti, ta’ merkanzija ta’ kuntrabandu fi fruntiera interna tal-Komunità

172. Meta l-merkanzija ta’ kuntrabandu li taqa’ taħt is-Sitt Direttiva tkun inqabdet u fl-istess waqt jew sussegwentement ikkonfiskata fi fruntiera interna tal-Komunità mill-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-importazzjoni sussegwenti, il-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tat-taxxa jkun diġà seħħ u l-VAT tkun diġà saret dovuta skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(2) flimkien mal-Artikoli 7 u 10(3) tas-Sitt Direttiva. Fil-kuntest tat-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tixtieq li jiġi ċċarat il-punt dwar jekk l-invenzjoni ġuridika maħluqa mill-Artikolu 867(a) tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali, li biha l-merkanzija mhux Komunitarja li tinqabad u tiġi kkonfiskata titqies li tqiegħdet taħt proċedura ta’ ħżin doganali, għandhiex l-effet li d-dejn tal-VAT li jkun inħoloq diġà, jiġi f’dak il-każ estint.

173. Il-punt tat-tluq ta’ din id-domanda preliminari huwa li skont id-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(3) u tal-Artikoli 7(3) u 16(1)(B) tas-Sitt Direttiva, il-prodotti li mad-dħul tagħhom fil-Komunità jitpoġġew f’arranġament ta’ ħżin fid-dwana jkunu suġġetti għall-VAT biss mal-mument li fih joħorġu minn dan l-arranġament. Peress li, skont l-Artikolu 867(a) tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali, il-merkanzija mhux Komunitarja li tkun inqabdet titqies li tpoġġiet taħt proċedura ta’ ħżin doganali, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-qbid ta’ merkanzija ta’ kuntrabandu u l-qerda tagħha fl-istess waqt jew sussegwentement tipprekludix li jseħħ il-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tat-taxxa u l-eżiġibbiltà tal-VAT f’dak li jikkonċerna din il-merkanzija.

174. Fil-fehma tiegħi, din id-domanda għandha tingħatalha risposta negattiva wkoll.

175. Meta l-merkanzija tiġi skoperta mal-importazzjoni irregolari fi fruntiera esterna tal-Komunità, u mbagħad tinqabad u tiġi kkonfiskata, il-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tat-taxxa u l-eżiġibbiltà tat-taxxa ma jseħħux (41). F’dan il-każ, il-kwistjoni dwar l-effett potenzjali tal-invenzjoni ġuridika maħluqa mill-Artikolu 867(a) tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali fuq il-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tat-taxxa tal-VAT ma tibqax tqum.

176. Min-naħa l-oħra, meta l-merkanzija introdotta illegalment fil-Komunità tiġi skoperta, u mbagħad maqbuda u kkonfiskata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti wara li tkun għaddiet minn fruntiera interna tal-Komunità, is-sospensjoni msemmija fit-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(3) tas-Sitt Direttiva ma tibqax tapplika, peress li skont id-diċitura ta’ din id-dispożizzjoni, il-posponiment tal-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tat-taxxa u tal-eżiġibbiltà tippreżupponi li l-prodotti, mad-dħul tagħhom ġewwa l-Komunità, ikunu tpoġġew taħt wieħed mill-arranġamenti doganali rilevanti. Dan, fil-prinċipju, ma japplikax f’dak li jikkonċerna l-merkanzija introdotta illegalment fil-Komunità li tkun ġiet maqbuda hija u taqsam xi fruntiera interna.

177. Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 867(a) tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali ma jistax, f’każ ta’ qbid akkumpanjat bil-konfiska fl-istess waqt jew sussegwenti ta’ merkanzija ta’ kuntrabandu, ixejjen il-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tad-dejn doganali previst fl-Artikolu 202 tal-Kodiċi Doganali (42). Fid-dawl tal-konnessjoni, diġà msemmija, bejn il-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tat-taxxa u l-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tad-dazju doganali li ssir fl-Artikolu 10(3) tas-Sitt Direttiva, huwa eskluż ukoll li l-Artikolu 867(a) tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali jkun jista’ jimpedixxi l-VAT milli ssir dovuta meta d-dazji doganali jkunu fil-fatt dovuti.

178. Minn dan nikkonkludi, konsegwentement, li l-qbid akkumpanjat bil-konfiska fl-istess waqt jew sussegwenti, ta’ merkanzija introdotta illegalment fil-Komunità fi fruntiera interna tal-Komunità ma jwassalx għall-estinzjoni tal-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tat-taxxa u tal-eżiġibbiltà tal-VAT li jkunu diġà seħħew.

4.      Fuq ir-rapport bejn l-estinzjoni tad-dejn doganali skont l-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali u l-eżiġibbiltà tal-VAT jew in-nuqqas tagħha

179. Fil-kuntest tat-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll sabiex jiġi ċċarat il-punt dwar jekk il-fatt li d-dejn doganali li jitnissel mal-importazzjoni irregolari jkunx spiċċa jew le meta jiġi applikat l-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali, għandux effett fuq in-nuqqas ta’ eżiġibbiltà eventwali tal-VAT fil-kundizzjonijiet indikati iktar ’il fuq.

180. Kif esponejt fl-analiżi tiegħi tal-konsegwenzi li l-qbid ta’ merkanzija ta’ kuntrabandu fil-fruntiera esterna tal-Komunità jkollu fuq il-VAT, il-VAT ma tkunx dovuta meta d-dejn doganali jkun spiċċa skont l-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali (43). Meta d-dejn doganali ma jkunx spiċċa skont l-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali u, konsegwentement, il-merkanzija tkun inqabdet biss wara l-importazzjoni irregolari fil-Komunità, il-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tat-taxxa jkun seħħ u l-VAT tkun dovuta.

181. Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, ma jidhirlix li jeżistu każijiet li fihom id-dejn doganali jkun spiċċa skont l-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali u l-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tat-taxxa jkun seħħ u l-VAT tkun dovuta. Konsegwentement, mhuwiex meħtieġ li tingħata risposta iktar dettaljata għat-tieni parti tat-tielet domanda preliminari.

5.      Konklużjoni

182. Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li jeħtieġ li tingħata risposta għat-tielet domanda preliminari fis-sens li f’dak li jikkonċerna l-merkanzija introdotta illegalment, il-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tat-taxxa tal-VAT iseħħ biss, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(2) u tal-Artikoli 7 u 10(3) tas-Sitt Direttiva, fil-mument li fih din il-merkanzija tkun ħarġet miż-żona li fiha jkun jinsab l-ewwel uffiċċju doganali li jkun jinsab ġewwa t-territorju tal-Komunità. Il-qbid li jkun seħħ qabel dan il-mument u jkun segwit bil-qerda tal-merkanzija jimpedixxi l-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tat-taxxa milli jseħħ. I`-`irkustanza li l-merkanzija tkun ħarġet minn din iż-żona twassal biex iseħħ il-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tat-taxxa u biex tkun dovuta t-taxxa, u dan mingħajr ma l-qbid sussegwenti segwit bil-qerda tal-merkanzija jkun jista’ jwassal għall-estinzjoni tad-dejn tal-VAT.

D –    Fuq ir-raba’ domanda preliminari

183. Bir-raba’ domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, liema Stat Membru għandu l-kompetenza biex jirkupra d-dazji doganali, id-dazji tas-sisa u l-VAT f’dak li jikkonċerna l-merkanzija li ġiet introdotta illegalment fil-Komunità fil-kuntest ta’ trasport skont il-proċedura TIR, imma li ma ġietx skoperta, maqbuda u meqruda ħlief waqt li hija qasmet fruntiera interna tal-Komunità, u għaldaqstant, mhux fl-ewwel Stat Membru tal-importazzjoni, imma fl-Istat Membru tal-importazzjoni sussegwenti. Din id-domanda tikkonċerna biss il-kawża prinċipali li fiha s-sigaretti ġew introdotti fil-Komunità mill-art fil-fruntiera bejn il-Polonja u l-Ġermanja u ġew skoperti u sussegwentement maqbuda mill-awtoritajiet Danizi fil-fruntiera bejn il-Ġermanja u d-Danimarka.

1.      Il-kompetenza għall-ġbir tad-dejn doganali

184. F’każ bħal dan li għandna quddiemna, fejn l-awtoritajiet doganali ta’ Stat qabdu u qerdu l-merkanzija ta’ kuntrabandu li ġiet introdotta illegalment fit-territorju doganali tal-Komunità minn fruntiera ta’ Stat Membru ieħor, huwa pjuttost faċli li jiġi stabbilit, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali li kienu applikabbli f’dak iż-żmien, li l-Istat Membru għandu jkun kompetenti biex jiġbor id-dejn doganali.

185. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 215(1) tal-Kodiċi Doganali, id-dejn doganali għandu jseħħ fil-post fejn il-ġrajjiet li minnhom joħroġ ikunu saru. F’każ ta’ importazzjoni irregolari ta’ merkanzija fit-territorju doganali tal-Komunità, id-dejn doganali jitnissel fl-ewwel Stat Membru tal-importazzjoni, u dan skont l-Artikolu 202 tal-Kodiċi Doganali.

186. Skont l-Artikolu 215(3), l-awtoritajiet doganali msemmija fl-Artikolu 217(1) – li għandhom il-kompetenza biex jikkalkolaw l-ammont ta’ dejn doganali – huma dawk tal-Istat Membru fejn id-dejn doganali jkun sar (44).

187. Konsegwentement, jirriżulta direttament mid-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 215(1) flimkien mal-Artikoli 202, 215(3) u 217 tal-Kodiċi Doganali li l-awtoritajiet, tal-Istat Membru li fih tkun ġiet introdotta illegalment il-merkanzija fit-territorju doganali tal-Komunità permezz ta’ xi fruntiera, għandhom il-kompetenza biex jimponu d-dejn doganali, anki jekk il-merkanzija introdotta illegalment ma tkunx ġiet skoperta u maqbuda ħlief fi Stat Membru ieħor.

188. Barra minn hekk, jirriżulta biċ-ċar mill-Artikolu 454(2) u (3) tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali li dan it-tqassim ta’ kompetenza japplika wkoll fil-każ ta’ trasport skont il-proċedura TIR. Konsegwentement, f’każ ta’ prodotti importati b’kuntrabandu fil-kuntest ta’ trasport skont il-proċedura TIR, huwa wkoll l-ewwel Stat Membru tal-importazzjoni, li fih ikun seħħ il-ksur permezz tal-importazzjoni irregolari fis-sens tal-Artikolu 202 tal-Kodiċi Doganali, iżda li ma jkunx ġie skopert, li għandu l-kompetenza biex jimponi d-dazji.

2.      Il-kompetenza għall-impożizzjoni tad-dazju tas-sisa

189. Kif esponejt diġà, id-dazji tas-sisa, skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/12, għandhom jiġu imposti fl-Istat Membru li fih, il-prodotti jkunu ġew irrilaxxati għall-konsum fi Stat Membru ieħor, ikunu miżmuma għal għanijiet kummerċjali (45). F’każ ta’ prodotti importati b’kuntrabandu fil-kuntest ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija, normalment ikun mistenni li l-merkanzija introdotta illegalment tkun, għal għanijiet kummerċjali, fit-territorju tal-Istat Membru li fih tkun ġiet skoperta u maqbuda. Jekk dan huwa l-każ, jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 92/12, li l-awtoritajiet tal-Istat Membru li fih il-merkanzija introdotta illegalment fil-Komunità tkun ġiet skoperta u maqbuda għandhom il-kompetenza biex jimponu d-dazju tas-sisa.

190. Min-naħa l-oħra, kieku l-qorti tar-rinviju kellha tasal għall-konklużjoni li l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa introdotti bi frodi fil-kuntest ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija servew għall-bżonnijiet personali, l-ewwel Stat Membru tal-importazzjoni jibqagħlu l-kompetenza, skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/12, biex jimponi d-dazju tas-sisa, anki jekk il-prodotti introdotti illegalment ikunu ġew skoperti biss fl-Istat Membru tal-importazzjoni sussegwenti.

191. Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-eżerċizzju tal-kompetenza fil-qasam tal-impożizzjoni tad-dazji li toħroġ mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 7(1) tad-direttiva mill-Istat Membru tal-importazzjoni sussegwenti f’każ fejn il-prodotti introdotti illegalment jinżammu għal għanijiet kummerċjali fit-territorju tiegħu u jkunu ġew skoperti hemmhekk, imur kontra l-prinċipju ġenerali tal-proporzjonalità. Il-Kummissjoni tafferma f’dan ir-rigward li, għalkemm l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/12 jiddisponi effettivament li d-dazju tas-sisa għandu jiġi impost u miġbur skont il-metodi stabbiliti minn kull Stat Membru, l-Istati Membri għandhom, madankollu, jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom b’osservanza tal-prinċipju tal-proporzjonalità. Il-Kummissjoni ssostni li dan il-prinċipju jinkiser meta d-dazju tas-sisa jiġi impost fuq il-merkanzija introdotta illegalment li tinqabad, u mbagħad tinqered, addirittura qabel ma toħroġ mill-ewwel uffiċċju doganali li jkun jinsab – fi fruntiera interna tal-Komunità – fl-Istat Membru tal-importazzjoni sussegwenti. Insostenn tat-teżi tagħha, il-Kummissjoni tiċċita b’mod partikolari s-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001, Louloudakis (46), u tal-15 ta’ Ġunju 2006, Heintz Landewijck (47).

192. Dan l-argument tal-Kummissjoni mhuwiex konvinċenti.

193. L-ewwel nett għandu jiġi rrilevat li l-argumenti tal-Kummissjoni huma diretti, fis-sustanza, – b’kuntrast ma’ dak li hija tafferma – prinċipalment mhux kontra r-regoli nazzjonali fil-qasam tal-ġbir tad-dazju tas-sisa msemmija fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/12, imma kontra t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-impożizzjoni tad-dazji f’każ bħalma huwa dan li għandna quddiemna, tqassim li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 7(1) tad-direttiva.

194. Meta l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jimponu d-dazju tas-sisa fuq merkanzija introdotta illegalment fil-Komunità li tkun ġiet skoperta u maqbuda fi fruntiera interna tal-Komunità, huma jkunu qegħdin jeżerċitaw fil-fatt il-kompetenza fil-qasam tal-impożizzjoni tad-dazju li ngħatat lilhom mid-Direttiva 92/12. Inkwantu l-Kummissjoni ssostni li l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza hija sproporzjonata, hija ma tikkontestax b’hekk id-dispożizzjonijiet legali nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet, mhux armonizzati, għall-impożizzjoni u l-ġbir tad-dejn tad-dazju tas-sisa, skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/12 imma pjuttost tikkontesta t-tqassim tal-kompetenza fil-qasam tal-ġbir tad-dazji li hija imposta minn din id-direttiva u li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1) tad-direttiva (48).

195. F’dan ir-rigward, il-kawża prinċipali eżaminata hawnhekk hija differenti, fuq diversi punti essenzjali, minn dik li wasslet għas-sentenza Louloudakis (49), iċċitata mill-Kummissjoni. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet fil-fatt mitluba tiddeċiedi dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet tipprevedi diversi sanzjonijiet, mhux armonizzati, f’każ ta’ ksur tas-sistema stabbilita minn direttiva, kinitx kompatibbli mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Is-sentenza Louloudakis kienet tirrigwarda, konsegwentement, l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ sanzjonijiet nazzjonali li kienu japplikaw f’każ li ma jiġux osservati d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva, fejn dawn is-sanzjonijiet kienu magħżula liberament mil-leġiżlatur nazzjonali fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni Komunitarja f’dan il-qasam. Min-naħa l-oħra, id-diskussjoni ma kinitx tirrigwarda sistema prevista bħala tali minn direttiva jew dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ dik is-sistema.

196. Din il-konstatazzjoni tapplika wkoll għas-sentenza Heintz van Landewijck (50) li ġiet iċċitata wkoll mill-Kummissjoni. Din is-sentenza kienet tirrigwarda b’mod partikolari il-proporzjonalità tan-nuqqas ta’ rifużjoni tad-dazji tas-sisa fil-każ speċifiku fejn il-marki fiskali li kienu taw l-awtoritajiet nazzjonali ta’ Stat Membru kienu sparixxew qabel ma ġew użati. Peress li d-Direttiva 92/12 ma kellha l-ebda dispożizzjoni li tirrigwarda lil sitwazzjoni bħal din, ir-regoli adottati mill-Istati Membri biex jiġu stabbiliti l-konsegwenzi ta’ dan l-għajbien kienu jikkonċernaw mill-ġdid qasam mhux armonizzat tal-leġiżlazzjoni tad-dazji tas-sisa.

197. Kif indikajt diġà, il-Kummissjoni tikkontesta fil-fatt, f’dan il-każ, l-eżerċizzju tal-kompetenzi fil-qasam tal-impożizzjoni tad-dazji li huma previsti fl-Artikolu 6(1) u fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 92/12 bħala tali.

198. F’dak li jikkonċerna l-eżerċizzju, min-naħa tal-Istati Membri, ta’ dawn il-kompetenzi li huma previsti mid-Direttiva 92/12, il-Qorti tal-Ġustizzja tgħid f’ġurisprudenza stabbilita, li jirriżulta mis-sistema tad-direttiva, li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jaraw li d-dejn doganali jiġi effettivament irkuprat (51). Minn dan jirriżulta, għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 92/12, li l-awtoritajiet tal-Istat Membru li huma kompetenti, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/12, biex jiġbru d-dazju tas-sisa dovut, huma obbligati wkoll jirkupraw effettivament id-dejn fiskali.

199. Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jwassluni biex nikkonkludi li huwa l-Istat Membru li fih tinżamm, fil-mument tal-qbid u għal għanijiet kummerċjali, il-merkanzija suġġetta għad-dazju tas-sisa introdotta illegalment fit-territorju tal-Komunità li huwa kompetenti, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1), flimkien ma’ dawk tal-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 92/12, biex jiġbor id-dazju tas-sisa, anki jekk din il-merkanzija tkun inqabdet u fl-istess waqt jew sussegwentement tkun ġiet ikkonfiskata fl-ewwel uffiċċju doganali fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

3.      Il-kompetenza għall-irkuprar tal-VAT

200. L-Istat Membru kompetenti biex jiġbor id-dejn tal-VAT għandu jiġi ddeterminat, fiċ-ċirkustanzi bħal dawn tal-kawża prinċipali inkwistjoni, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 7(2) u 10(3) flimkien tas-Sitt Direttiva.

201. L-Artikolu 7(2) tas-Sitt Direttiva jipprevedi minn naħa li l-importazzjoni ta’ merkanzija sseħħ fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinstab il-merkanzija fil-mument li fih tidħol ġewwa l-Komunità. L-Artikolu 10(3) tas-Sitt Direttiva jassoċja, min-naħa l-oħra, il-fatt taxxabbli u l-eżiġibbiltà mal-ħolqien tad-dejn doganali (52).

202. Minn dan nikkonkludi konsegwentement li, fil-każ fejn il-merkanzija introdotta illegalment fil-Komunità tkun ġiet skoperta u maqbuda fi Stat Membru li huwa differenti mill-ewwel Stat Membru tal-importazzjoni, il-fatt taxxabbli jkun seħħ u l-VAT issir dovuta fl-Istat Membru li fih il-merkanzija tkun ġiet introdotta illegalment fil-Komunità. Konsegwentement, l-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru huma kompetenti biex jirkupraw il-VAT.

4.      Konklużjoni

203. Minn dan jirriżulta li għandha tingħata risposta għar-raba’ domanda preliminari fis-sens li l-Istat Membru li fih il-merkanzija tkun ġiet introdotta illegalment fil-Komunità huwa kompetenti biex jirkupra d-dejn doganali u l-VAT, anki jekk dik il-merkanzija tkun ġiet ittrasportata fi Stat Membru ieħor u ma tkunx ġiet skoperta u maqbuda ħlief f’dan l-Istat Membru l-ieħor. L-Istat Membru li għandu l-kompetenza biex jirkupra d-dejn tad-dazju tas-sisa huwa dak li fih il-merkanzija introdotta illegalment fit-territorju tal-Komunità tkun inżammet għal għanijiet kummerċjali fil-mument tal-qbid.

VII – Konklużjoni

204. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi lill-Østre Landsret bil-mod kif ġej:

“1.      ‘Qbid’ fis-sens tal-Artikolu 233(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata bir-Regolament (KE) Nru 955/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 1999, jippreżupponi t-teħid tal-pussess mill-awtoritajiet nazzjonali mal-importazzjoni irregolari ġewwa l-Komunità, li bih il-merkanzija tinżamm sakemm tiġi kkonfiskata. Il-‘konfiska’ ta’ merkanzija fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni timplika t-telf irrimedjabbli tas-setgħa tal-proprjetarju oriġinali jew tal-persuna li għandha s-setgħa li tiddisponi mill-merkanzija, mis-setgħa li jiddisponu mill-istess merkanzija, u dan indipendentement minn dwar jekk dan huwiex marbut mat-trasferiment tal-proprjetà lill-Istat.

2.      Il-merkanzija introdotta illegalment tkun suġġetta għad-dazju tas-sisa taħt l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta' dawn it-tipi ta' prodotti, fil-verżjoni tagħha emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 96/99/KE, tat-30 ta’ Diċembru 1996, biss mill-mument li fih hija titlaq miż-żona li fiha jkun jinsab l-ewwel uffiċċju doganali li jkun jinsab ġewwa t-territorju tal-Komunità. Qbid li jkun seħħ qabel dan il-mument u segwit bil-qerda tal-merkanzija jxekkel il-ħolqien tal-obbligu għall-ħlas tad-dazju tas-sisa. Meta tkun ħarġet minn dik iż-żona, il-merkanzija introdotta illegalment tkun suġġetta għad-dazju tas-sisa u d-dazju tas-sisa jsir dovut skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, mingħajr ma l-qbid sussegwenti segwit bil-qerda tal-merkanzija jkun jista’ jwassal għall-estinzjoni jew għas-sospensjoni tad-dazju tas-sisa.

3.      F’dak li jikkonċerna l-merkanzija introdotta illegalment, il-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tat-taxxa tal-VAT iseħħ, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(2) u tal-Artikoli 7 u 10(3) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, fil-verżjoni tagħha emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2000/17/KE, tat-30 ta’ Marzu 2000, biss fil-mument li fih din il-merkanzija tkun ħarġet miż-żona li fiha jkun jinsab l-ewwel uffiċċju doganali li jkun jinsab ġewwa t-territorju tal-Komunità. Il-qbid li jkun seħħ qabel dan il-mument u jkun segwit bil-qerda tal-merkanzija jimpedixxi l-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tat-taxxa milli jseħħ. Il-fatt li l-merkanzija tkun ħarġet minn din iż-żona jwassal biex iseħħ il-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tat-taxxa u biex tkun dovuta t-taxxa, u dan mingħajr ma l-qbid sussegwenti segwit bil-qerda tal-merkanzija jkun jista’ jwassal għall-estinzjoni tad-dejn tal-VAT.

4.      L-Istat Membru li fih il-merkanzija tkun ġiet introdotta illegalment fil-Komunità huwa kompetenti biex jirkupra d-dejn doganali u l-VAT, anki jekk dik il-merkanzija tkun ġiet ittrasportata fi Stat Membru ieħor u ma tkunx ġiet skoperta u maqbuda ħlief f’dan l-Istat Membru l-ieħor. L-Istat Membru li għandu l-kompetenza biex jirkupra d-dejn tad-dazju tas-sisa huwa dak li fih il-merkanzija introdotta illegalment fit-territorju tal-Komunità tkun inżammet għal għanijiet kummerċjali fil-mument tal-qbid.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), fil-verżjoni tiegħu emendata bir-Regolament (KE) Nru 955/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 1999, li jemenda r-Regolament Nru 2913/92 dwar il-proċedura ta' transitu estern (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 221), iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”.


3 – Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), fil-verżjoni tiegħu emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1662/1999, tat-28 ta’ Lulju 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 282), iktar ’il quddiem ir-“Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali”.


4 – Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179), fil-verżjoni tagħha emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 96/99/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 307).


5 – Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), fil-verżjoni tagħha emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2000/17/KE, tat-30 ta’ Marzu 2000, li temenda d-Direttiva 77/388/KEE dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud - disposizzjonijiet transitorji konċessi lir-Repubblika tal-Awstrija u lir-Repubblika Portugiża (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 333).


6 – ĠU L 252, p.1.


7 – Ara s-sentenzi tat-2 ta’ April 1998, EMU Tabac et (C‑296/95, Ġabra p. I‑1605, punt 30), tat-22 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑103/01, Ġabra p. I‑5369, punt 33) u tat-18 ta’ Diċembru 2007, Société Pipeline Méditerranée et Rhône (C‑314/06, Ġabra p. I‑12273, punt 21).


8 – C-459/07, Ġabra p. I‑2759, punt 30.


9 – Ibid., punt 30.


10 – Ibid, punt 29. Ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Elshani (sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 51) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Hamann International (sentenza tat-12 ta’ Frar 2004, C‑337/01, Ġabra p. I‑1791, punt 50).


11 – Sentenza Elshani (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 38).


12 – L-Avukat Ġenerali Mengozzi kien ċaħad, fil-konklużjonijiet li huwa ppreżenta f’dik il-kawża (punt 58), l-interpretazzjoni daqshekk stretta tal-kundizzjoni tal-importazzjoni irregolari minħabba li dik kienet applikazzjoni tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali li kienet ispirata minn spirtu ta’ “sanzjoni”. Huwa ppropona, min-naħa l-oħra, li l-frazi “mal-introduzzjoni kontra l-liġi [importazzjoni irregolari]”, li tinsab fl-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali għandha tiġi interpretata bħala li tirreferi għall-perijodu taż-żmien bejn il-mument li fih tgħaddi l-fruntiera sal-mument li fih il-merkanzija introdotta illegalment tilħaq l-ewwel destinazzjoni tagħha fit-territorju Komunitarju.


13 – Sentenza Elshani (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 32).


14 – Ibid, punt 33.


15 – Ara Witte, P., Zollkodex – Kommentar (Ir-4 Edizzjoni, Beck, München 2006), Artikolu 233, punti 15 et seq, li jikkwalifika l-qbid bħala miżura kawtelatorja temporanja u l-konfiska bħala irtirar permanenti tas-setgħa li jiddisponi mill-merkanzija. Ara wkoll Schwarz, D., u Wockenfoth, K., Zollrecht, it-3 Edizzjoni, ir-4 aġġornament/Novembru 1994, Köln et, Artikolu 233, punti 8 et seq., li jiddefinixxi l-qbid bħala ż-żamma ffurzata fil-kustodja tal-merkanzija, ordnata b’att amministrattiv, li twassal għas-setgħa ta’ sovranità statali fuq il-ħaġa. Il-konfiska hija differenti mill-qbid minħabba l-fatt li hija tbiddel l-istat ġuridiku.


16 – Fuq dan is-suġġett ara Friedrich, K., “Das neue Verbrauchsteuerrecht ab 1993”, Der Betrieb 1992, p. 2000 et seq; kif ukoll Birk, D., (taħt id-direzzjoni ta’), Handbuch des Europäischen Steuer- und Abgabenrechts, Herne/Berlin, 1995, p. 731 et seq.


17 – Il-proċedura ta’ sospensjoni hija għalhekk ikkaratterizzata bil-fatt li d-dazji tas-sisa li jirrigwardaw il-prodotti li jaqgħu taħt din is-sistema jkunu għadhom ma humiex dovuti, minkejja li l-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tat-taxxa jkun diġà seħħ; ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Cipriani (C‑395/00, Ġabra p. I‑11877, punt 42).


18 – Skont ġurisprudenza stabbilita, indipendentement mit-tqassim tal-funzjonijiet bejn il-qorti nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura preliminari tal-Artikolu 234 KE, jibqa’ l-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jkollha quddiemha domandi li jsiru eventwalment b’mod mhux xieraq, li tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tal-att li jwassal għar-rinviju, l-elementi tad-dritt Komunitarju li jeħtieġ li jiġu interpretati fid-dawl tas-suġġett tal-kawża. Ara, fuq is-setgħa proċedurali li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha sabiex tippreċiża jew iddawwar id-domandi preliminari fil-kuntest tal-proċedura tal-Artikolu 234 KE, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 1978, Redmond (83/78, Ġabra p. 2347, punt  26).


19 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Van de Water (sentenza tal-5 ta’ April 2001, C‑325/99, Ġabra p. I‑2729, punt 25).


20 – F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fis-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2000, Salumets et (C-455/98, Ġabra p. I‑4993, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata), li l-importazzjoni illegali ta’ merkanzija ma tistax tiġi ntaxxata meta, minħabba l-karatteristiċi partikolari ta’ dik il-merkanzija, kull kompetizzjoni tkun bejn settur ekonomiku legali u settur illegali.


21 – Ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, BATIG (C-374/06, Ġabra p. I-11271, punt  34).


22 – Sentenza Elshani (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 32).


23 – Ara l-punt 134 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24 – Fuq dan is-suġġett ara Takacs, P., Das Steuerrecht der Europäischen Union, Vjenna, 1998, p. 460 et seq.


25 – Interpretazzjoni differenti, fis-sens invers, tat-terminu “importazzjoni” fis-sens tal-punt (ċ) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 92/12, li biha dan it-terminu jirreferi mhux għall-importazzjoni ta’ merkanzija fit-territorju tal-Komunità, iżda għall-importazzjoni ta’ merkanzija fit-territorju ta’ kull Stat Membru, u għaldaqstant ikun hemm “importazzjoni” ma’ kull darba li tinqasam il-fruntiera interna, hija miċħuda mill-konstatazzjoni testwali u sistematika li biha l-merkanzija importata titqies bħala rrilaxxata għall-konsum skont il-punt (ċ) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1). Huwa inkompatibbli mas-sistema ġenerali tad-Direttiva 92/12 li jiġi deċiż li jkun hemm “importazzjoni” interna fil-Komunità u rilaxx mill-ġdid għall-konsum kull darba li l-merkanzija ta’ kuntrabandu taqsam fruntiera interna.


26 – Peress li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/12 jikkonċerna t-trasport kummerċjali intra-Komunitarju ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa ddestinati li jiġu kkunsinnati, l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva jinkludi dispożizzjonijiet simili għall-każijiet ta’ nuqqas ta konsenja. F’dan il-kuntest, l-Avukat Ġenerali Jacobs ġustament enfasizza, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Joustra (sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, C‑5/05, Ġabra p. I‑11075, punti 65 sa 68), li l-Artikoli 7 u 9 tad-Direttiva 92/12 jidħlu fuq xulxin inkwantu jikkonċernaw it-tnejn li huma l-prodotti miżmuma għal għanijiet kummerċjali, li fuqhom id-dazju tas-sisa għandu jinġabar fl-Istat Membru fejn jinżammu. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 9 huwa biss direttament rilevanti għall-prodotti li xort’oħra jaqgħu taħt l-Artikolu 8 – jiġifieri l-prodotti akkwistati minn individwi u ttrasportati minnhom.


27 –      C-292/02, Ġabra p. I‑7905, punt 35.


28 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 29.


29 – Din id-dispożizzjoni hija konformi mal-għan doppju tad-dazji tas-sisa li jikkonsisti, minn naħa, li jipprovdi dħul lit-Teżor pubbliku u, min-naħa l-oħra, li jiskoraġġixxi l-konsum ta’ ċerti prodotti (ara l-punt 130 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/12, kull operazzjoni kummerċjali intra-Komunitarja li tirrigwarda prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa li huma intiżi għall-kummerċ timplika konsegwentement il-ħlas ta’ dazji tas-sisa fl-Istat Membru tad-destinazzjoni; ara Birk, D. (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16), p. 722, punt 14.


30 – Fl-istess sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Société Pipeline Méditerranée et Rhône (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 48) li jesponi ġustament li, sabiex id-dazju tas-sisa jsir dovut, mhux meħtieġ li l-prodotti li huma suġġetti għalih ikunu ġew effettivament ikkonsmati kif previst.


31 – Schmidt, G., Vertrag über die Europäische Union und Vertrag zur Gründung der Europäischen Gemeinschaft – Kommentar (taħt id-direzzjoni ta’ H. von der Groeben u J. Schwarze), Volum 4, Edizzjoni 6, Artikolu 249, punt 24, p. 778.


32 – Punt 28 tal-konklużjonijiet.


33 – Ibid, punt 35.


34 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.


35 – Ara l-punti 129 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


36 – F’dak li jikkonċerna t-tqassim tal-funzjonijiet bejn il-qorti nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura preliminari tal-Artikolu 234 KE, ara l-punt 128 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata.


37 – Ara, fuq dan is-suġġett, Voß, R., “J – Steuerrecht”, Handbuch des EU-Wirtschaftsrechts (taħt id-direzzjoni ta’ Dauses), Vol. II, punt 202 (aġġornament 23).


38 – 294/82, Ġabra p. 1177. Fl-istess sens, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 1990, Witzemann (C‑343/89, Ġabra p. I‑4477, punt 18).


39 – Sentenza Einberger (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punt 13).


40 – Ibid, punti 17 et seq.


41 – Ara l-punt 171 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


42 – Ara, fuq dan is-suġġett, il-punti 153 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


43 – Ara l-punti 166 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


44 – Id-diċitura tal-Artikolu 215(3) tal-Kodiċi Doganali ġiet emendata bir-Regolament (KE) Nru 955/1999. Jirriżulta mill-premessa tmienja ta’ dan ir-regolament li d-diċitura l-ġdida kellha, bħala għan, li tippreċiża li l-post fejn jitnissel id-dejn doganali kien jistabbilixxi liema tkun l-awtorità kompetenti biex tikkalkola dan id-dejn. Fis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Diċembru 2007, Road Air Logistics Customs (C‑526/06, Ġabra p. I‑11337, punt 26), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat f’dan il-kuntest li l-Artikolu 215 tal-Kodiċi Doganali ma jipprevedix rekwiżiti għall-ħolqien tad-dejn doganali, imma jistabbilixxi l-kompetenza territorjali fil-qasam tal-irkuprar tal-ammont tad-dejn doganali.


45 – Ara l-punti 141 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


46 –      C‑262/99, Ġabra p. I‑5547.


47 –      C‑494/04, Ġabra p. I‑5381.


48 – Kif l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer espona fil-qosor, korrettament, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża van de Water (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punti 48 et seq), id-Direttiva 92/12 tindika l-prodotti li, fil-kuntest tad-dritt Komunitarju, huma suġġetti għad-dazju tas-sisa, tippreċiża f’liema mument iseħħ il-fatt taxxabbli u meta jsir dovut id-dazju tas-sisa. Hija tistabbilixxi wkoll liema Stat għandu jimponi d-dazju u l-persuna li għandha tħallas dak id-dazju. Il-leġiżlatur Komunitarju ried li l-kundizzjonijiet l-oħra għall-eżiġibbiltà, ir-rata tat-taxxa u l-proċedura għal-likwidazzjoni u l-ħlas tad-dazju tas-sisa jkunu dawk li jkunu fis-seħħ fid-data tal-eżiġibbiltà fl-Istat Membru kkonċernat. L-iffissar ta’ dawn il-kundizzjonijiet, rati u proċeduri jappartjenu konsegwentement lil kull Stat Membru, sakemm jiġu rrispettati l-kriterji stabbiliti fid-direttivi dwar l-approssimazzjoni tar-rati u tas-sistemi fiskali.


49 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46.


50 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47.


51 – Sentenza Cipriani (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 46); digriet tat-22 ta’ Novembru 2001, Michel (C‑80/01, Ġabra p. I‑9141, punt 21), u sentenza van de Water (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 41).


52 – Ara l-punti 167 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.