Language of document : ECLI:EU:C:2010:231

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

29 ta’ April 2010 (*)

“Kodiċi Doganali tal-Komunità – Artikoli 202, 215(1) u (3), 217(1) u l-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 – Kunċett ta’ merkanzija li ‘tinqabad u fl-istess ħin jew sussegwentement tiġi kkonfiskata’ – Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali – Artikolu 867a – Direttiva 92/12/KEE – Artikoli 5(1) u (2), 6, 7(1), 8 u 9 – Sitt Direttiva tal-VAT – Artikoli 7, 10(3) u 16(1) – Importazzjoni irregolari ta’ merkanzija – Trasport ta’ merkanzija taħt il-carnet TIR – Qbid u qerda – Determinazzjoni tal-Istat Membru li fih jitnisslu d-dejn doganali u d-djun tad-dazju tas-sisa u tal-VAT – Estinzjoni tad-djun doganali u fiskali”

Fil-Kawża C‑230/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Østre Landsret (id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Mejju 2008, fil-proċedura

Dansk Transport og Logistik,

vs

Skatteministeriet,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tat-Tieni Awla, li qed jaġixxi bħala l-President tat-Tielet Awla, A. Rosas, U. Lõhmus (Relatur), A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Mejju 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Dansk Transport og Logistik, minn C. Alsøe, advokat,

–        għall-Gvern Daniż, minn R. Holdgaard, bħala aġent, assistit minn P. Biering, advokat,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. de Grave, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn S. Schønberg u L. Bouyon, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Settembru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307) hekk kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 955/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 1990 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 221, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), hekk kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1662/1999, tat-28 ta’ Lulju 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 282, iktar ’il quddiem ir-“Regolament għall-implementazzjoni”), tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179), hekk kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 96/99/KE, tat-30 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 307, iktar ’il quddiem id-“Direttiva fuq is-sisa”), u s-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23) hekk kif emendata bid-Direttva tal-Kunsill 1999/85/KE, tat-22 ta’ Ottubru 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 330, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Dansk Transport og Logistik (iktar ’il quddiem “DTL”) u Skatteministeriet (Ministeru tat-Taxxa u s-Sisa Daniża), dwar l-impożizzjoni tad-dazji doganali, tas-sisa u tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) mitluba mill-awtoritajiet doganali u fiskali fuq is-sigarretti fil-kuntest ta’ trasporti TIR, trasporti li DTL ħarġet carnets TIR u kienet garanti.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dispożizzjonijiet applikabbli għat-tranżitu TIR

3        Il-Konvenzjoni Doganali fuq it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti taħt il-carnets TIR (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni TIR”) iffirmata f’Genève fl-14 ta’ Novembru 1975 ġiet approvata f’isem il-Komunità mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2112/78, tal-25 ta’ Lulju 1978 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 1, p. 208). Din il-konvenzjoni daħlet fis-seħħ għall-Komunità fl-20 ta’ Ġunju 1983 (ĠU L 31, p. 13).

4        L-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni TIR jipprevedi li l-“[m]erkanzija ttrasportata taħt il-proċedura tat-TIR m’għandhiex tiġi suġġetta għall-ħlas jew depożitu ta’ dazji u taxxi fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni u taxxi lill-uffiċċji doganali ta’ matul ir-rotta”.

5        L-Artikolu 5 ta’ din il-konvenzjoni huwa fformulat kif ġej:

“1.      Merkanzija li tinġarr skond il-proċedura tat-TIR f’vetturi tat-triq, tagħqid ta’ vetturi jew containers siġillati m’għandhomx bħala regola ġenerali jiġu suġġetti għal eżami f’uffiċċju doganali li qiegħed matul ir-rotta.

2.      Madanakollu, biex jiġu prevenuti abbużi, awtoritàjiet doganali jistgħu f’każijiet eċċezzjonali, u partikolarment meta tkun suspettata irregolarita, jwettqu eżami tal-merkanzija f’dawn l-uffiċċji.”

6        L-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni TIR tiddisponi li, “[b]la ħsara għal dawn il-kundizzjonijiet u garanziji kif għandha tistabbilixxi, kull parti kontraenti tista’ tawtorizza assoċjazzjonijiet biex joħorġu l-carnets TIR, jew direttament, jew permezz ta’ assoċjazzjonijiet korrespondenti, u biex jaġixxu bħala garanti”.

7        L-Artikolu 37 tal-Konvenzjoni TIR jistabbilixxi: “Meta ma jkunx possibbli li jiġi stabbilit f’liema territorju tkun ġiet kommessa irregolarita għandha titqies li tkun ġiet kommessa fit-territorju tal-Parti Kontraenti fejn tinkixef”.

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

 Il-leġiżlazzjoni doganali

8        Skont l-Artikolu 4(16)(c) tal-Kodiċi Doganali, il-proċedura doganali tinkludi fost oħrajn, il-magażinaġġ doganali.

9        L-Artikolu 84(1)(a) tal-istess kodiċi, li jinsab fil-punt A, intitolat “Dispożizzjonijiet komuni għal diversi proċeduri” tat-Taqsima 3 dwar arranġamenti sospensivi u proċeduri doganali b’impatt ekonomiku, jipprevedi b-mod partikolari li “meta jintuża t-terminu ‘proċedura’, jiġi miftiehem bħala li japplika, fil-każ ta’ merkanzija mhux tal-Komunità, għall-[…] magażinaġġ doganali”.

10      L-Artikolu 98 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“1.      Il-proċedura ta’ magażinaġġ doganali għandha tippermetti l-ħażna f’maħżen doganali ta’:

a)      merkanzija mhux tal-Komunità, mingħajr ma dik il-merkanzija tkun soġġetta għal dazji ta’ l-importazzjoni jew miżuri ta’ politika kummerċjali;

[…]

2.      Maħżen doganali ifisser kull post approvat minn u taħt is-sorveljanza ta’ l-awtoritajiet doganali fejn merkanzija tista’ tinħażen taħt il-kondizzjonijiet stipulati.

[…]”

11      Skont l-Artikolu 202 tal-imsemmi kodiċi:

“1.      Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz ta’:

a)      l-introduzzjoni kontra l-liġi [importazzjoni irregolari] fit-territorju doganali tal-Komunità ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni,

jew

[…]

Għall-iskop ta’ dan l-Artikolu, introduzzjoni kontra l-liġi tfisser kull introduzzjoni li tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 38 sa 41 u t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 177.

2.      Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji jiġu introdotti kontra l-liġi.

[…]”

12      Skont l-Artikolu 215 tal-Kodiċi Doganali:

“1.      Dejn doganali għandu jseħħ:

–        fil-post fejn il-ġrajjiet li minnhom joħroġ ikunu saru,

–        jekk ma jkunx possibbli li jiġi stabbilit dak il-post, fil-post fejn l-awtoritajiet doganali jikkonkludu illi l-prodotti huma f’sitwazzjoni li fiha iseħħ id-dejn doganali,

[…]

3.      L-awtoritajiet doganali msemmija fl-Artikolu 217(1) huma dawk ta’ l-Istat Membru fejn id-dejn doganali jkun sar jew meqjus li jkun sar skond dan l-Artikolu.

[…]”

13      L-Artikolu 217(1) ta’ dan il-kodiċi jiddisponi li kull “[…]ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni jew dazju fuq l-esportazzjoni li jirriżulta minn dejn doganali, minn hawn ’l isfel imsejjaħ ‘ammont ta’ dazju’, għandu jiġi kalkolat mill-awtoritajiet doganali malli jkollhom id-dettalji neċessarji, u għandu jiddaħħal minn dawk l-awtoritajiet fil-kotba tal-kontijiet jew f’kull mezz ieħor ekwivalenti (dħul fil-kontijiet)”.

14      Skont l-Artikolu 233 tal-istess kodiċi:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jirrigwardaw il-preskrizzjoni ta’ dazju doganali u nuqqas ta’ rkupru ta’ dak id-dejn fil-każ tal-falliment legalment stabbilit tad-debitur, dejn doganali għandu jingħalaq:

[…]

ċ)      fejn, fir-rigward ta’ merkanziji dikjarati għal proċedura doganali li tinvolvi l-obbligazzjoni għall-ħlas ta’ dazji:

         […]

–        il-merkanziji, qabel il-ħelsien tagħhom, jew jinqabdu u fl-istess ħin jew sussegwentement jiġu konfiskati, meqruda fuq l-istruzzjonijiet ta’ l-awtoritajiet doganali, meqruda jew abbandunati skond l-Artikolu 182, meqruda jew mitlufa għal kollox b’riżultat tan-natura reali tagħhom jew ta’ ċirkostanzi imprevedibbli jew forza maġġuri;

d)      fejn merkanziji li fir-rigward tagħhom ġie inkors dejn doganali skond l-Artikolu 202 jinqabdu ma’ l-introduzzjoni kontra l-ligi tagħhom u jiġu fl-istess waqt jew sussegwentement konfiskati.

Fil-każ ta’ qbid u konfiska, d-dejn doganali għandu xorta waħda għall-iskopijiet tal-liġi kriminali applikabbli għal offiżi doganali, jitqies li ma ġiex magħluq fejn, taħt il-liġi kriminali ta’ Stat Membru, dazji doganali jipprovdu l-bażi biex jiġu stabbiliti pieni jew l-eżistenza ta’ dejn ta’ dwana tkun raġuni sabiex jittieħdu proċeduri kriminali.”

15      L-Artikolu 454 tar-Regolament għall-implementazzjoni jinkludi, b’mod partikolari, ċerti dispożizzjonijiet speċifiċi għall-Konvenzjoni TIR u jipprevedi:

“1.      Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Konvenzjonijiet TIR […] li jikkonċernaw ir-responsabbiltà ta’ l-assoċjazzjonijiet garanti meta jintuża varnet [carnet] TIR […].

2.      Meta jinstab li, matul jew in konnessjoni ma’ operazzjoni tat-trasport imwettqa taħt kopertura ta’ carnet TIR […] ikun sar ksur jew irregolarità f’ xi Stat Membru partikolari, l-irkupru tad-dazjio u piżijiet oħrajn li jistgħu ikunu pagabbli għandu jsir minn dak l-Istat Membru skond id-disposizzjonijeit Komunitarji jew nazzjonali, mingħajr preġudizzjku għall-proċeduri kriminali.

3.      Meta ma jkunx possibli li jkun iddeterminat it-territorju li fih ikunu saru il-ksur jew l-irregolarità, dan il-ksur jew irregolarità għandhom jitqiesu bħala li saru fl-Istat Membru fejn inkixfu sakemm fit-terminu stabbilit fl-Artikolu 455(1), ma tiġix ippruvata li l-operazzjoni kienet regolari jew fejn il-ksur jew l-irregolarità ikunu ġew kommessi għas-sodisfazzjon ta’ l-awtoritajiet doganali.

[…]”

16      L-Artikolu 867a ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1. Prodotti mhux tal-Komunità li jkunu ġew abbandunati lit-Teżor jew maqbuda jew konfiskati għandhom ikunu kkunsidrati li jkunu ddaħħlu għall-proċedura tad-dwana ta’ depożitu.

2. Il-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jinbiegħu mill-awtoritajiet tad-dwana biss bil-kondizzjoni li x-xerrej jagħmel minnufih il-formalitajiet biex jassenjahom trattament jew użu approvat mid-dwana.

[…]”

 Id-Direttiva fuq is-sisa

17      L-Artikolu 4 tad-Direttiva fuq is-sisa jiddefinixxi l-kunċett ta’ “arranġament ta’ sospensjoni” bħala “arranġament ta’ taxxa applikat għall-produzzjoni, proċessar, żamma u ċaqliq ta’ prodotti, bid-dazju tas-sisa jkun sospiż”.

18      Skont l-Artikolu 5(1) u (2) ta’ din id-direttiva:

“1.      Il-prodotti riferiti fl-Artikolu 3(1) għandhom ikunu soġġetti għad-dazju tas-sisa fiż-żmien tal-produzzjoni tagħhom ġewwa t-territorju tal-Komunità kif definit fl-Artikolu 2 jew ta’ l-importazzjoni tagħhom f’dak it-territorju.

“Importazzjoni ta’ prodott soġġett għad-dazju tas-sisa” għandha tfisser id-dħul ta’ dak il-prodott fit-territorju tal-Komunità […]

Iżda, meta l-prodott jitqiegħed taħt proċedura tad-dwana tal-Komunità mad-dħul fit-territorju tal-Komunità, l-importazzjoni għandha titqies li seħħ meta jkun għadda mill-proċedura tad-dwana tal-Komunità.

2.      Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali jew tal-Komunità dwar kwistjonijiet tad-dwana, meta prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa:

–      ikunu ġejjin minn, jew sejrin lejn, pajjiżi mhux membri […] u jkunu jaqgħu taħt waħda mill-proċeduri sospensivi ta’ dwana elenkati fl-Artikolu 84(1)(a) [tal-Kodiċi Doganali] jew f’żona ħielsa jew f’warehouse ħielsa:

[…]

id-dazju tas-sisa fuqhom għandu jitqies li jkun sospis.

[…]”

19      L-Artikolu 6 tal-istess direttiva jipprovdi:

“1.      Id-dazju tas-sisa għandu jsir dovut fiż-żmien tar-rilaxx għall-konsum jew meta jiġu rekordjati nuqqasijiet li għandhom ikunu soġġetti għad-dazju tas-sisa skond l-Artikolu 14(3).

Rilaxx għall-konsum ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għandha tfisser:

a) kull tluq, inkluż tluq irregolari, minn arranġament ta’ sospensjoni;

[…]

ċ)       kull importazzjoni ta’ dawk il-prodotti, inkluża importazzjoni irregolari, meta dawk il-prodotti ma jkunux tqiegħedu taħt arranġament ta’ sospensjoni.

2.       Il-kondizzjonijiet ta’ meta għandu jitħallas u-rata ta’ dazju tas-sisa li għandhom jiġu addottati għandhom ikunu dawk fis-seħħ fid-data li fiha jkollu jitħallas id-dazju fl-Istat Membru fejn iseħħ ir-rilaxx għall-konsum jew jiġu rekordjati n-nuqqasijiet. Id-dazju tas-sisa għandu jiġi mpost u miġbur skond il-proċedura stabbilita mnn kull Stat membru, b’dan jiġi miftiehem li l-Istati Membri għandhom japplikaw l-istess proċeduri għall-imposizzjoni u ġbir għall-prodotti nazzjonali u għal dawk minn Stati Membri oħra.”

20      L-Artikolu 7 tad-Direttiva fuq is-sisa jipprovdi:

“1.      Fil-każ ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u ġa rilaxxati għall-konsum fi Stat Membru wieħed waqt li jkunu miżmuma għal għanijiet kummerċjali fi Stat Membru ieħor, id-dazju tas-sisa għandu jiġi mpost fl-Istat Membru li fih ikunu miżmuma dawk il-prodotti.

2.      Għal dak il-għan, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, meta prodotti ġa rilaxxati għall-konsum kif definit fl-Artikolu 6 fi Stat Membru wieħed jitwasslu, jkunu jew maħsuba għal trasport fi Stat Membru ieħor għall-għanijiet ta’ negozjant fit-twettiq ta’ attività ekonomika indipendentement jew għall-għanijiet ta’ korp regolat bil-liġi pubblika, id-dazju tas-sisa għandu jsir dovut f’dak l-Istat Membru l-ieħor.

3.      Skond iċ-ċirkostanzi kollha, id-dazju għandu jkun dovut mill-persuna li tagħmel it-tqassim jew li tkun iżżomm il-prodotti maħsuba għat-tqassim jew mill-persuna li tirċievi l-prodotti għall-użu fi Stat Membru li ma jkunx dak fejn il-prodotti jkunu ġa ġew rilaxxati għal-konsum, jew in-negozjant relevanti jew korp regolat bil-liġi pubblika.

[…]”

21      L-Artikolu 8 tad-Direttiva fuq is-sisa jipprevedi li, għall-“prodotti akkwistati minn individwi privati għall-użu proprju tagħhom u trasportati minnhom, il-prinċipju li jirregola s-suq intern jipprovdi li d-dazju tas-sisa għandu jkun dovut fl-Istat membru li fih ikunu ġew akkwistati.”

22      L-Artikolu 9(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 6, 7 u 8, id-dazju tas-sisa għandu jsir dovut fejn il-prodotti għall-konsum fi Stat Membru jkunu miżmuma għal għanijiet kummerċjali fi Stat Membru ieħor.

F’dan il-każ, id-dazju għandu jkun dovut fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun l-prodotti u għandu jkun dovut mid-detentur tal-prodotti.”

 Is-Sitt Direttiva

23      L-Artikolu 7 tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

1.      “Importazzjoni ta’ merkanzija” tfisser:

a)      id-dħul fil-Komunità ta’ merkanzija li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 9 u 10 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea jew, meta l-merkanzija tiġi taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, […]

[…]

2.                jew mill-Gżejjer tal-Kanal Ingliż [L-importazzjoni ta’ merkanzija sseħħ fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinstab l-istess merkanzija fil-mument li hija tidħol fil-Komunità.]

3.                Minkejja l-paragrafu 2, fejn merkanzija msemmija fil-paragrafu 1(a) malli tidħol fil-Komunità titqiegħed f’wieħed mill-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 16(1)(B), taħt arranġamenti għal importazzjoni temporanja b’eżenzjoni totali minn dazju ta’ importazzjoni jew taħt arranġamenti ta’ transitu, il-post ta’ importazzjoni ta’ merkanzija ta’ dan it-tip ikun it-territorju fl-Istat Membru fejn ma jibqgħux jgħoddu dawn l-arranġamenti.

[…]”

24      L-Artikolu 10(3) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-event li għandu jsir ħlas tiegħu isir u t-taxxa ssir dovuta malli l-merkanzija tkun impurtata. Meta l-merkanzija titqiegħed taħt wieħed mill-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 7(3) malli tidħol fil-Komunità, iseħħ l-event li għandu jsir ħlas fuqu u t-taxxa ssir dovuta biss meta l-merkanzija ma tibqax taħt dawk l-arranġamenti.l-paragrafu 2 jitħassar

Madankollu, meta l-merkanzija impurtata tkun suġġetta għal dazju mid-dwana, jew levi agrikulturali jew għal xi spejjeż li jkollhom effett simili li jkunu stabbiliti b’politika komuni, l-event li għandu jsir ħlas fuqu iseħħ u t-taxxa ssir dovuta malli jseħħ l-event li għandu jsir ħlas fuqu għal dawk id-dazji Komunitarji u dawk id-dazji isiru dovuti.

Meta merkanzija impurtata mhux suġġetta għall-ebda minn dawn id-dazji Komunitarji, Stati Membri japplikaw id-dispożizzjonijiet li jkun hemm fis-seħħ li jirregolaw id-dazji tad-dwana dwar is-saħħ ta’ event li jrid isir ħlas fuqu u l-mument meta t-taxxa ssir dovuta.”

25      L-Artikolu 16, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 28c (E)(1), tas-Sitt Direttiva hija fformulata kif ġej:

“1.      Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijet oħra tat-taxxa Komunitarja, l-Istati Membri jistgħu, soġġetti għall-konsultazzjonijiet li hemm ipprovduti fl-Artikolu 29, jieħdu miżuri speċjali mfassla biex jeżentaw it-transazzjonijiet kollha jew ftit milli ġejjin, sakemm m’humiex immirati għall-użu finali w/jew konsumazzjoni u illi l-ammont tat-taxxa fuq il-valur miżjud dovut fuq waqfien dawn l-arranġamenti fuq sitwazzjonijiet msemmija f’A sa E jikkorispondi għall-ammont ta’ taxxa li kellha tkun imħallsa kieku kull operazzjoni kienet intaxxata fi ħdan it-territorju tal-pajjiz:

[…]

B.      provvista ta’ oġġetti li huwa maħsuba li jridu jiġu:

[…]

c) poġġut taħt arranġamenti depożitarji fid-dwana jew ġewwa arranġamenti proċessati;

[…]

Il-postijiet imsemmija f’(a), (b), (ċ) u (d) jiġu definiti mid-dispożizzjonijiet Komunitarji fis-seħħ;

[…]”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

 Il-leġiżlazzjoni dwar id-dazji doganali

26      Il-liġi doganali (Toldloven), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-kodifikazzjoni Nru 113, tas-27 ta’ Frar 1996, hekk kif emendata (iktar ’il quddiem il-“liġi doganali”) tipprevedi, fl-Artikolu 83 tagħha, il-proċeduri li jirrigwardaw it-trattament tal-merkanzija f’każ ta’ kuntrabandu jew attentat ta’ kuntrabandu.

27      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 83(1), il-merkanzija li tinsab f’każ ta’ kuntrabandu jew attentat ta’ kuntrabandu u l-merkanzija li l-vjaġġaturi jaħbu jew jippruvaw jaħbu mit-taxxi fuq l-importazzjoni għandhom “jinqabdu” mill-awtoritajiet doganali u fiskali statali jew mill-pulizija. Skont it-tieni sentenza ta’ dan il-paragrafu, il-merkanzija importata b’kuntrabandu u l-merkanzija l-oħra li l-ħlas tad-dazji doganali jew tat-taxxi għaliha jkun ġie evitat jew li wieħed ikun ipprova jevita l-istess ħlas għandhom “jinqabdu jew jiġu kkonfiskati” mill-awtoritajiet inkwistjoni skont ir-regoli tal-Kapitolu 75b tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Daniża, dwar il-konfiska.

28      L-Artikolu 83(2) tal-imsemmija liġi jipprovdi dan li ġej:

“Meta l-ammont ta’ dazji doganali, taxxi u multi dovuti, kif ukoll l-ispejjeż tal-proċedura, ikunu tħallsu, il-merkanzija li tkun ġiet maqbuda jew ikkonfiskata tingħata lura, skont ir-regoli ordinarji fil-qasam tal-importazzjoni, lil dak li mingħandu din tkun ġiet maqbuda jew kkonfiskata jew lil kwalunkwe persuna li jipprova li għandu dritt għall-merkanzija. Jekk il-merkanzija ma tiġix irtirata fi żmien xahrejn mill-iskadenza tax-xahar li fih il-kawża tingħalaq definittivament, il-merkanzija għandha tinbiegħ mill-awtoritajiet doganali u fiskali statali permezz ta’ bejgħ bl-irkant pubbliku debitament irreklamat. Il-merkanzija li, skont l-awtoritajiet doganali u fiskali statali ma tistax tinbiegħ fis-suq faċilment jew ma hijiex tajba għall-beigħ, tista’ madankollu tiġi meqruda taħt il-kontroll tad-dwana wara l-iskadenza tat-terminu. Ir-rikavat mill-bejgħ bl-irkant għandu jkopri l-ewwel nett l-ispejjeż tal-awtoritajiet pubbliċi sabiex iżommu u jbiegħu l-merkanzija, imbagħad l-ammont ta’ dazji doganali, taxxi u multi dovuti, kif ukoll l-ispejjeż tal-proċedura. Il-bilanċ li jibqa’ għandu jitħallas lill-proprjetarju jekk dan jippreżenta ruħu fi żmien tliet snin wara l-bejgħ bl-irkant u jiġġustifika kif meħtieġ id-dritt tiegħu ta’ proprjetarju tal-merkanzija mibjugħa”.

 Il-leġiżlazzjoni dwar is-sisa fuq it-tabakk

29      Skont l-Artikolu 2(1) tal-liġi dwar is-sisa fuq it-tabakk (Tobaksafgiftsloven) fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-kodifikazzjoni Nru 635, tal-21 ta’ Awwissu 1998, hekk kif emendata, is-sisa dovuta fuq il-prodotti destinati li jintużaw fid-Danimarka kellha titħallas l-iktar tard meta wieħed jirċievi minn barra l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa.

30      L-Artikolu 12(1) ta’ din il-liġi jipprovdi li “is-sisa għandha titħallas fuq prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa li ġew importati minn postijiet barra mill-Unjoni Ewropea […]”

31      Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-imsemmija liġi ma tinkludix, madankollu, dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-trattament fiskali f’każ ta’ kuntrabandu jew attentat ta’ kuntrabandu ta’ prodotti tat-tabakk, u lanqas dispożizzjonijiet dwar il-qbid u l-konfiska jew il-qerda tal-imsemmija prodotti.

 Il-leġiżlazzjoni dwar il-VAT

32      Skont l-Artikolu 12(1) tal-liġi dwar il-VAT (Momsloven), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-kodifikazzjoni Nru 422, tat-2 ta’ Ġunju 1999, hekk kif emendata, il-VAT għandha titħallas fuq prodotti li jiġu importati fid-Danimarka minn postijiet barra mill-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 12(2) ta’ din il-liġi jipprovdi li jekk fil-mument tal-importazzjoni, il-merkanzija tiġi ddepożitata fil-freeport ta’ Kopenħagen, f’maħżen frank jew f’maħżen doganali, il-fatt li jwassal għall-obbligu tal-ħlas tat-taxxa jseħħ biss meta l-merkanzija ma tibqax koperta minn wieħed minn dawn l-arranġamenti.

33      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 26 ta’ din il-liġi tiddisponi li l-fatt li jwassal għall-obbligu tal-ħlas tat-taxxa jseħħ fil-mument tal-importazzjoni tal-merkanzija. It-tieni sentenza tal-istess artikolu jipprevedi li l-fatt li jwassal għall-obbligu tal-ħlas tat-taxxa, fir-rigward tal-merkanzija li taqa’ taħt wieħed mill-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 12(2) tal-imsemmija liġi, iseħħ biss, madankollu, meta l-merkanzija ma tibqax koperta mill-arranġament inkwistjoni.

34      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-imsemmija liġi la fiha dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-trattament fiskali f’każ ta’ kuntrabandu jew attentat ta’ kuntrabandu ta’ prodotti tat-tabakk, u lanqas dispożizzjonijiet dwar il-qbid, il-konfiska jew il-qerda ta’ dawn il-prodotti.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

35      DTL hija awtorizzata, skont l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet doganali u fiskali Danzi, mogħtija skont l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni TIR, li toħroġ carnets TIR u tintervjeni bħala assoċjazzjoni garanti fil-kuntest tal-operazzjonijiet TIR.

36      Il-qorti tar-rinviju għandha quddiemha tliet kawżi li jirrigwardaw id-dejn doganali u fiskali relatati mal-kuntrabandu ta’ sigarretti fil-kuntest ta’ trasport skont il-proċedura TIR li għalih DTL kienet ħarġet carnets TIR u kienet ipprovdiet garanzija. Il-merkanzija ġiet ittrasportata lejn id-Danimarka bil-baħar, fiż-żewġ kawżi prinċipali, u bl-art, fit-tielet.

37      L-importazzjoni, bil-baħar, ta’ merkanzija fit-territorju doganali tal-Komunità ġiet kkonstatata fit-2 ta’ Mejju 2000 mill-awtoritajiet fiskali u doganali lokali. Żewġ trakkijiet qasmu l-fruntiera Daniża, permezz ta’ lanċja li kienet ġejja minn Klaipeda, fil-Litwana, li fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali ma kinitx membru tal-Unjoni Ewropea. Meta l-lanċja ddaħħlet fil-baċir ta’ Åbenrå, dawn it-trakkijiet kienu suġġett għal kontroll mill-imsemmija awtoritajiet li warajh ġiet kkonstatata l-preżenza ta’ kwantità għolja ta’ sigarretti moħbija fi trejlers u mhux imsemmija fil-carnets TIR.

38      L-importazzjoni ta’ merkanzija bl-art ġiet, fir-rigward tagħha, ikkonstatata fil-11 ta’ Ottubru 2000 mill-awtoritajiet fiskali u doganali lokali. Trakk Litwaniż wasal f’Frøslev, belt Daniża li tinsab fil-frontiera bejn id-Danimarka u l-Ġermanja, fejn l-imsemmija awtoritajiet sabu, barra mill-merkanzija msemmija fil-carnet TIR, kwantità għolja ta’ sigarretti moħbija fit-trejler. Din il-merkanzija kienet ġiet irregolarment introdotta fit-territorju doganali tal-Komunità matul il-passaġġ tal-frontjiera bejn il-Polonja, li, f’dak iż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, ma kinitx membru tal-Unjoni Ewropea u l-Ġermanja. Din ġiet ittrasportata mill-Ġermanja sad-Danimarka mingħajr ma ndunaw biha l-awtoritajiet Ġermaniżi. Is-siġilli tat-trakk u tat-trailer kienu mimsusa biss waqt il-kontroll doganali mwettaq fid-Danimarka.

39      Fil-kawżi prinċipali kollha, l-awtoritajiet doganali qabdu immedjatament is-sigarretti, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 83(1) tal-liġi doganali. Is-sigarretti baqgħu fil-pussess ta’ dawn l-awtoritajiet mill-qbid tagħhom sad-distruzzjoni tagħhom bejn ix-xahar ta’ Novembru tas-sena 2004 u x-xahar ta’ Marzu tas-sena 2005.

40      Permezz tal-ittri mibgħuta matul ix-xahar ta’ Diċembru tas-sena 2001 sa’ Awwissu tas-sena 2002, l-imsemmija awtoritajiet talbu mit-trasportaturi, jiġifieri l-impriżi Litwani li kellhom carnets TIR, il-ħlas tad-dazji doganali, tas-sisa u tal-VAT relatati mas-sigarretti mdaħħla b’kuntrabandu.

41      Peress li dawn l-impriżi ma rrispondewx għall-imsemmija ittri, l-awtoritajiet doganali u fiskali ddeċidew, fl-4 ta’ Frar 2003, fiż-żewġ każijiet prinċipali, u, fis-16 ta’ April 2002, fit-tielet kawża, li DTL, bħala assoċjazzjoni garanti taħt il-konvenzjoni TIR, kienet obbligata tħallas is-somma korrispondenti għall-obbligu massimu tagħha taħt il-carnets TIR li hija ħarġet għal dawn it-trasporti. DTL ressqet rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Landsskatteret (Tribunal Fiskali), li kkonfermhom.

42      DTL ressqet imbagħad appell kontra din is-sentenza quddiem l-Østre Landsret u ħalset, bla preġudizzju, is-somma mitluba fiż-żewġ kawżi prinċipali, iżda ma ħallsitx is-somma relatata mat-tielet kawża.

43      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-Artikolu 83 tal-liġi doganali ma jindikax espressament jekk id-dejn doganali u fiskali relatat mal-merkanzija importata b’kuntrabandu jeżistitx u jistax jiġi rkuprat, anki jekk il-merkanzija hija miżmuma, maqbuda u meqruda skont din id-dispożizzjoni.

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Østre Landsret iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jressaq id-domandi preliminari li ġejjin quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.       [Il-kunċett ta’ merkanziji li] “jinqabdu [...] u jiġu fl-istess waqt jew sussegwentement konfiskati”, li [j]insab […] [fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233] tal-Kodiċi Doganali għand[u] [j]iġi interpretat[…] li [j]fisser li d-dispożizzjoni tkopri sitwazzjonijiet li fihom merkanziji miżmuma taħt […] [l-Artikolu] 83(1) tal-Liġi Doganali dwar importazzjoni illegali huma fl-istess waqt jew sussegwentement meqruda mill-awtoritajiet doganali meta jkunu għadhom fil-pussess ta’ l-awtoritajiet?

2)      Id-Direttiva [fuq is-sisa] għandha tiġi interpretata li tfisser li merkanzij[i] importati illegalment li jinqabdu meta jiġu importati jew jiġu fl-istess waqt jew sussegwentement meqruda għandhom jiġu meqjusa li tpoġġew taħt ‘arranġament ta’ sospensjoni’ bl-effett li d-dazju tas-sisa m’huwiex inkors jew jingħalaq (ara l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva [fuq is-sisa], moqrija flimkien ma’ l-Artikoli 84(1) u 98 tal-Kodiċi Doganali, u l-Artikolu 876a [tar-Regolament għall-implementazzjoni])?

Ir-risposta hija affettwata mill-fatt jekk dejn doganali inkors fuq tali importazzjoni illegali jingħalaqx jew le taħt [l-ewwel paragrafu ta’] l-Artikolu 233d tal-Kodiċi Doganali?

3)       Is-Sitt Direttiva għandha tiġi interpretata li tfisser li merkanziji importati illegalment li jinqabdu meta jiġu importati u li jiġu fl-istess waqt jew sussegwentement meqruda mill-awtoritajiet għandhom jiġu meqjusa li tpoġġew taħt ‘proċedura ta’ magazzinaġġ doganali’ bl-effett li d-dejn tal-VAT m’huwiex inkors jew jingħalaq (Ara l-Artikoli 7(3), 10(3) u 16(1)(B)(c) tas-Sitt Direttiva u l-Artikolu 876a [tar-Regolament għall-implementazzjoni])?

         Ir-risposta hija affettwata mill-fatt jekk id-dejn doganali inkors fuq tali importazzjoni illegali jingħalaqx jew le taħt [l-ewwel paragrafu ta’] l-Artikolu 233d tal-Kodiċi Doganali?

4)      Il-Kodiċi Doganali, [ir-Regolament għall-implementazzjoni] u s-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati li jfissru li l-awtoritajiet doganali fl-Stat Membru fejn importazzjoni illegali ta’ merkanziji matul operazzjoni TIR hija skoperta huma kompetenti li jimponu dazju doganali, dazju tas-sisa u VAT fuq l-operazzjoni meta l-awtoritajiet fi Stat Membru ieħor, fejn seħħet l-importazzjoni illegali lejn il-Komunità, ma skoprewx l-irregolarità u konsegwentement ma mponewx dazju doganali, dazju tas-sisa u VAT (ara l-Artikolu 215 tal-Kodiċi Doganali, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 217 tiegħu, l-Artikolu 454(2) u (3) [tar-Regolament għall-implementazzjoni] fis-seħħ dak iż-żmien, [tal-Artikolu 7(1) tad-direttiva fuq is-sisa] u l-Artikolu 7 tas-Sitt Direttiva […])?

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

45      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk iċ-ċirkustanzi li fihom il-merkanzija, li tinqabad mill-awtoritajiet doganali u fiskali lokali waqt l-importazzjoni irregolari tagħha fit-territorju doganali tal-Komunità u li hija simultanjament jew sussegwentement meqruda mill-imsemmija awtoritajiet, filwaqt li tibqa’ f’dan il-każ, fil-pussess tagħhom, jaqgħux taħt il-kunċett ta’ merkanzija “fl-istess waqt jew sussegwentement konfiskati” li jinsab fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali.

46      DTL, il-Gvern Olandiż u l-Gvern Taljan kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej iqisu li hemm lok li jiġi applikat dan il-kunċett għal merkanzija li tinsab f’dawn iċ-ċirkustanzi, b’mod li, skont il-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali, id-dejn doganali jispiċċa fir-rigward tagħha. Il-Gvern Daniż isostni t-teżi kuntrarja, minħabba, b’mod partikolari, li l-konfiska, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni tal-Kodiċi Doganali, ma tistax titqabbel mal-qirda ta’ merkanzija, fis-sens tal-Artikolu 83(1) tal-liġi doganali.

47      Għandu jiġi osservat, qabel kollox, li, skont il-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali, id-dejn doganali jispiċċa jekk il-merkanzija li għaliha dan id-dejn inħoloq, skont l-Artikolu 202 tal-istess kodiċi, hija maqbuda waqt l-importazzjoni irregolari tagħha fit-territorju doganali tal-Komunità u simultanjament jew sussegwentement konfiskati.

48      Fl-ewwel lok, għal dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-kunċett “introduzzjoni kontra l-ligi [importazzjoni irregolari]” ta’ merkanzija fit-territorju doganali tal-Komunità, li jinsab fl-Artikolu 202 u fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali, hemm lok li jiġi mfakkar, qabel kollox, li l-importazzjoni irregolari ta’ merkanzija titwettaq kompletament hekk kif hija tgħaddi l-ewwel uffiċċju doganali li jinsab ġewwa l-imsemmi territorju doganali mingħajr ma tkun ġiet ippreżentata hemmhekk (sentenza tat-2 ta’ April 2009, Elshani, C‑459/07, Ġabra p. I‑2759, punt 25).

49      Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li l-merkanzija li, wara li tkun qasmet il-fruntiera terrestri esterna tal-Komunità, tkun tinsab ġewwa l-imsemmi territorju lil hinn mill-ewwel uffiċċju doganali mingħajr ma tkun twasslet hemmhekk u mingħajr ma tkun ġiet ippreżentata lid-dwana, tkun saret is-suġġett ta’ “introduzzjoni kontra l-liġi [importazzjoni irregolari]” f’dan it-territorju fis-sens tal-Artikolu 202 ta’ dan l-istess kodiċi, bir-riżultat li l-awtoritajiet doganali ma rċevewx notifika tal-importazzjoni ta’ din il-merkanzija mingħand il-persuni responsabbli għat-twettiq ta’ dan l-obbligu (sentenza Elshani, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

50      Imbagħad, il-qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 202 u l-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex iġib miegħu l-estinzjoni tad-dejn doganali, il-qbid ta’ merkanzija introdotta kontra l-liġi fit-territorju doganali tal-Komunità għandu jseħħ qabel ma l-imsemmija merkanzija tgħaddi l-ewwel uffiċċju doganali li jinsab ġewwa dan it-territorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Elshani ċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

51      Tali evalwazzjoni hija ġġustifikata, minn naħa, mill-fatt li l-qbid, mal-konfiska, ta’ merkanzija waqt l-importazzjoni irregolari tagħha, previst fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali, jikkostitwixxi raġuni ta’ estinzjoni tad-dejn doganali li għandha tiġi interpretata b’mod strett (ara s-sentenza Elshani, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30). Fil-fatt, dan l-artikolu jwieġeb għall-bżonn li jiġu protetti r-riżorsi proprji tal-Komunità, għan li ma jistax jiġi ppreġudikat bil-ħolqien ta’ raġunijiet ġodda għall-estinzjoni tad-dejn doganali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2002, SPKR, C-112/01, Ġabra p. I‑10655, punt 31, u Elshani, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

52      Min-naħa l-oħra, il-preżenza fit-territorju doganali tal-Komunità ta’ merkanzija introdotta kontra l-liġi ġġib magħha, fiha nfisha, riskju għoli ferm li din il-merkanzija tispiċċa biex tiġi integrata fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Istati Membri u li, ladarba tkun għaddiet miż-żona li fiha jinsab l-ewwel uffiċċju doganali ġewwa l-imsemmi territorju, ikun hemm inqas probabbiltà li hija tiġi skoperta b’mod fortuwitu mill-awtoritajiet doganali fil-kuntest ta’ kontrolli għall-għarrieda (sentenza Elshani, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

53      Minn dan jirriżulta li l-qbid ta’ tali merkanzija, flimkien mal-konfiska tagħha simultanjament jew sussegwentement fis-sens tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali, tista’ tirriżulta fl-estenzjoni tad-dejn doganali biss jekk dan il-qbid seħħ qabel ma l-imsemmija merkanzija qabżet iż-żona li fiha jinsab l-ewwel uffiċċju doganali li jinsab ġewwa t-territorju doganali tal-Komunità.

54      Fl-aħħar nett, għal kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Gvern Daniż, din l-interpretazzjoni tista’ tiġi trasposta wkoll għat-trasporti ta’ merkanzija mwettqa bil-carnets TIR.

55      F’dan ir-rigward, għalkemm huwa ċertament minnu li jirriżulta, minn naħa, mill-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni TIR, li l-merkanzija ttrasportata taħt l-arranġamenti TIR ma humiex suġġetti għall-ħlas jew għall-kunsinna ta’ dazji u taxxa fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni għall-uffiċji doganali ta’ matul ir-rotta, xorta jibqa’ l-fatt li, waqt l-importazzjoni ta’ merkanzija fit-territorju doganali tal-Komunità, il-carnet TIR huwa bħala regola kkontrollat mill-uffiċċju doganali li jinsab mal-fruntiera esterna tal-Komunità. F’dan il-każ, dan wettaq ukoll kontroll tas-siġilli doganali.

56      Barra minn hekk, hekk kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 102 tal-konklużjonijiet tagħha, anki fil-kuntest ta’ trasporti mwettqa bil-carnets TIR, ladarba l-merkanzija, introdotta kontra l-liġi fit-territorju doganali tal-Komunità, qabżet iż-żona li fiha jinsab l-ewwel uffiċċju doganali li jinsab ġewwa l-imsemmi territorju, hemm inqas probabbiltà li hija tiġi skoperta b’mod fortuwitu mill-awtoritajiet doganali fil-kuntest ta’ kontrolli għall-għarrieda. Għaldaqstant, hemm riskju kbir li tali merkanzija jispiċċaw jifformaw parti miċ-cirkwit ekonomiku tal-Istati Membri.

57      Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, anki fil-kuntest ta’ trasporti ta’ merkanzija bil-carnet TIR, id-dejn doganali jiġi estint biss, taħt il-paragrafu 1 tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali jekk il-qbid tal-merkanzija tkun seħħet qabel mal-imsemmija merkanzija tkun qabżet iż-żona li fiha jinsab l-ewwel uffiċċju doganali li jinsab ġewwa t-territorju doganali tal-Komunità.

58      F’dan il-każ, fir-rigward taż-żewġ kawżi li fihom il-merkanzija ddaħħlet fit-territorju doganali tal-Komunità bil-baħar, jidher li din inżammet mill-awtoritajiet doganali u fiskali lokali waqt l-importazzjoni irregolari tagħha fl-imsemmi territorju, skont id-dispożizzjonijiet tal-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali. B’hekk, jidher li dawn il-kawżi jaqgħu taħt din l-ipoteżi.

59      Fir-rigward tal-kawża li fiha l-merkanzija ġiet ittrasportata lejn id-Danimarka bl-art, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-importazzjoni irregolari fit-territorju doganali tal-Komunità seħħet waqt il-qsim tal-fruntiera bejn il-Polonja u l-Ġermanja. Issa, iż-żamma u l-qirda ta’ din il-merkanzija seħħu waqt il-qsim tal-fruntiera bejn il-Ġermanja u d-Danimarka, jiġifieri wara din l-“introduzzjoni kontra l-liġi [importazzjoni irregolari]” u mhux waqtha. Għaldaqstant, il-fatti ta’ din il-kawża ma jidhrux li jaqgħu taħt l-ipoteżi stabbilit fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali.

60      Fit-tieni lok, għal dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tat-terminu “qbid” u “konfiska”, fis-sens tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali, DTL tqis li l-qbid u l-konfiska huma miżuri suċċessivi u li l-konfiska hija miżura iktar ristrettiva mill-qbid. Min-naħa l-oħra, skont il-Gvern Daniż, l-imsemmija dispożizzjoni tissuġġetta l-estinzjoni tad-dejn doganali kemm għall-qbil kif ukoll għall-konfiska tal-merkanzija introdotta kontra l-liġi.

61      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, anki jekk dawn huma żewġ miżuri distinti, dawn jistgħu jikkoinċidu flimkien fil-prattika. Fil-fatt, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 110 tal-Konklużjonijiet tagħha, it-terminu “qbid” tal-merkanzija fis-sens tal-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali għandu jinftiehem bħala l-intervent materjali tal-awtoritajiet kompetenti biex jieħdu l-pussess tal-merkanzija f’idejhom, sabiex jikkustoduha u jimpedixxu li hija tidħol fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Istati Membri.

62      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-qirda tal-merkanzija tistax tiġi kkunsidrata bħala “qbid” fis-sens tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali, DTL, il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni jsostnu li l-qbid jimplika t-telf tad-dritt ta’ proprjetà tal-merkanzija mill-proprjetarju u li l-akkwist eventwali mill-awtoritajiet tal-proprjetà ta’ din il-merkanzija ma hijiex rilevanti. DTL tqis, b’mod partikolari, li l-konfiska kellha sseħħ mill-mument li l-proprjetarju inizjali jitlef id-dritt ta’ proprjetà fuq il-merkanzija maqbuda. Il-Gvern Daniż iqis, min-naħa l-oħra, li l-konfiska tippresupponi trasferiment tal-assi favur l-Istat. Issa, fil-kawżi prinċipali, l-Istat Daniż fl-ebda mument ma sar proprjetarju tal-merkanizija maqbuda.

63      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali, minn naħa, ma jirreferix għal trasferiment eventwali ta’ proprjetà ta’ merkanzija u, min-naħa l-oħra, jipprevedi biss l-irtirar definittiv tas-setgħa ta’ dispożizzjoni tal-proprjetarju inizjali u l-fatt li jiġi evitat il-bejgħ ta’ din il-merkanzija mingħajr il-ħlas tat-taxxi fir-ċirkwit ekonomiku. Issa, peress li l-qirda ta’ tali merkanzija taħt il-kontroll tal-istat jipprevjeni b’mod definittiv id-dħul ta’ din il-merkanzija fiċ-ċirkwit ekonomiku, il-kwistjoni dwar jekk l-Istat akkwistax il-proprjetà tal-merkanzija maqbuda ma hijiex deċiżiva.

64      Fl-aħħar nett, għall-kuntrarju ta’ dak li jsosnti l-Gvern Daniż, il-fatt li l-qirda tal-merkanzija ġiet ippreżentata, fit-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233(c) tal-Kodiċi Doganali, separatament mill-qbid u l-konfiska tagħha, jew anki li l-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 isemmi biss il-konfiska, ma jipprekludix tali evalwazzjoni.

65      Fil-fatt, it-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233(c) tal-Kodiċi Doganali jkopri sitwazzjonijiet li fihom merkanzija ddikjarata għal proċedura doganali tibqa’ għad-dispożizzjoni tal-importatur, billi jipprevedi li raġunijiet ta’ estinzjoni tad-dejn doganali wkoll għall-merkanzija ddikjarata li ma hijiex għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet doganali u li hija meqruda fuq l-ordni tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-paragrafu 1 tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali jipprevedi biss merkanzija li ma hijiex għad-dispożizzjoni tal-importatur.

66      Minn dan li jippreċedi jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li ċ-ċirkustanzi li fihom merkanzija, li hija maqbuda, waqt l-importazzjoni tagħha fit-territorju doganali tal-Komunità, mill-awtoritajiet doganali u fiskali lokali fiż-żona li fiha jinsab l-ewwel uffiċċju doganali li jinsab mal-fruntiera esterna tal-Komunità, u li hija simultanjament jew sussegwentement meqruda mill-imsemmija awtoritajiet, filwaqt li baqgħet fil-pussess tagħhom, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ merkanzija “maqbuda u fl-istess waqt jew sussegwentement konfiskata” li jinsab fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali, b’mod li d-dejn doganali jiġi estint bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq it-tieni domanda

67      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk il-merkanzija maqbuda waqt l-importazzjoni tagħha fit-territorju Komunitarju u simultanjament jew sussegwentement meqruda mill-awtoritajiet kompetenti, hijiex meqjusa li “id-dazju tas-sisa […] jkun sospis” fuqha, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2), tal-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva fuq is-sisa meħuda flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 84(1)(a) u 98 tal-Kodiċi Doganali u l-Artikolu 867a tar-Regolament għall-implementazzjoni, b’mod li l-obbligu li jitħallas id-dazju tas-sisa fir-rigward tagħha ma jitnissilx jew jiġi estint.

68      Din il-qorti ssaqsi ukoll fuq il-kwistjoni dwar jekk din l-estinzjoni tad-dejn doganali maħluq waqt tali importazzjoni, fis-sens tal-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali, taffettwax ir-risposta għal din id-domanda.

69      Sabiex jiġi evalwat l-effett taż-żamma u l-qirda tal-merkanzija fuq il-ħolqien tad-dejn tas-sisa, għandu jiġi ddeterminat, qabel kollox, jekk il-fatt li joħloq is-sisa taħt l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tas-sisa seħħx. Insegwitu ta’ dan biss, jistgħu jiġu ttrattati l-kwistjonijiet ta’ eżiġibbiltà u ta’ sospenzjoni eventwali tas-sisa taħt, rispettivament, l-Artikoli 6(1) u 5(2) ta’ din id-Direttiva.

70      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-fatt li joħloq is-sisa, jirriżulta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva fuq is-sisa li dan iseħħ waqt il-produzzjoni fit-territorju tal-Komunità ta’ prodotti suġġetti għas-sisa jew waqt l-importazzjoni f’dan it-territorju ta’ tali prodotti. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) jippreċiża li l-“importazzjoni” tfisser “id-dħul ta’ dak il-prodott fit-territorju tal-Komunità”.

71      Sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni koerenti tal-leġiżlazzjoni Komunitarja inkwistjoni, dan l-aħħar kunċett għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-kunċett ta’ “introduzzjoni [importazzjoni]” li jinsab fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali.

72      Isegwi li l-merkanzija suġġetta għas-sisa għandha tiġi kkunsidrata bħala li daħlet ġewwa l-Komunità fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva fuq is-sisa mill-mument li fih din taqbeż iż-żona li fiha jinsab l-ewwel ufffiċċju doganali li jinsab ġewwa t-territorju doganali tal-Komunità (ara, b’analoġija, is-sentenza Elshani, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

73      F’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fiż-żewġ kawżi prinċipali, li fihom il-merkanzija, li twasslet bil-baħar, inqabdet imbagħad inqerdet mill-awtoritajiet doganali u fiskali lokali qabel ma tneħħiet mill-ewwel uffiċċju doganali li jinsab ġewwa t-territorju tal-Komunità, jidher li din il-merkanzija ma ġietx importata fit-territorju tal-Komunità, b’mod li l-fatt li joħloq is-sisa, previst fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva fuq is-sisa, ma seħħx. Konsegwentement, l-imsemmmija merkanzija ma setgħetx tkun suġġetta għas-sisa.

74      Min-naħa l-oħra, meta tali merkanzija tinqabad u tinqered mill-awtoritajiet wara li tkun ħarġet minn dan l-ewwel uffiċċju doganali fil-fruntiera li jinsab ġewwa t-territorju tal-Komunità, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din ġiet importata fil-Komunità, b’mod li l-fatt li joħloq is-sisa seħħ fir-rigward tagħha, skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva fuq is-sisa. Dan jidher li huwa l-każ tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali li fiha l-importazzjoni irregolari fit-territorju tal-Komunità seħħet fil-Ġermanja, filwaqt li l-qbid u l-qirda sussegwententi tal-imsemmija merkanzija seħħew fid-Danimarka.

75      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk u f’liema mument is-sisa, imposta minħabba l-fatt li jiġu importati prodotti fit-territorju tal-Komunità, issir dovuta, li jirriżulta mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva fuq is-sisa li din it-taxxa ssir dovuta, b-mod partikolari, meta l-imsemmija prodotti jiġu rilaxxati għall-konsum. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1)(c), ir-rilaxx għall-konsum jinkludi “kull importazzjoni ta’ dawk il-prodotti, inkluża importazzjoni irregolari, meta dawk il-prodotti ma jkunux tqiegħedu taħt arranġament ta’ sospensjoni”.

76      Issa, hekk kif ġie kkonstatat fil-punti 71 u 72 ta’ din is-sentenza, il-kunċett ta’ “importazzjoni” ta’ merkanzija fis-sens tad-Direttiva fuq is-sisa jippresupponi li l-merkanzija telqet miż-żona li fiha jinsab l-ewwel uffiċċju doganali li jinsab ġewwa t-territorju doganali tal-Komunità.

77      Fit-tielet lok, għal dak li jikkonċerna l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża li fiha din twasslet bl-art, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-eżiġibbiltà tas-sisa tista’ tiġi sospiża, taħt l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva fuq is-sisa, minħabba l-fatt li l-merkanzija maqbuda u kkonfiskata wara l-importazzjoni irregolari tagħha fit-territorju doganali tal-Komunità tqegħdet taħt proċedura ta’ magazzinaġġ doganali, skont l-Artikolu 867a tar-Regolament għall-implementazzjoni.

78      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-arrangament ta’ sospensjoni, iddefinit fl-Artikolu 4(c) tad-Direttiva fuq is-sisa, huwa arranġament fiskali applikabbli għall-produzzjoni, għat-trasformazzjoni, għaż-żamma u għaċ-ċirkulazzjoni ta’ prodotti li fuqhom id-dazju tas-sisa huwa sospiż. Tali arranġament huwa kkaraterizzat mill-fatt li d-dazji tas-sisa relatati mal-prodotti li jaqgħu taħt dan l-arranġament għadhom ma humiex dovuti, għalkemm il-fatt li joħloq it-tassazzjoni seħħ diġà (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Cipriani, C‑395/00, Ġabrap. I‑11877, punt 42). Għaldaqstant, għal dak li jikkonċerna l-prodotti suġġetti għas-sisa, dan l-arranġament jipposponi l-eżiġibbiltà tas-sisa sakemm tiġi sodisfatta kundizzjoni ta’ eżiġibbiltà.

79      Ċertament, jirriżulta mill-Artikolu 5(2) tad-Direttiva fuq is-sisa li s-sospensjoni tas-sisa tippresupponi li l-merkanzija introdotta kontra l-liġi taqa’ taħt waħda mill-proċeduri ta’ sospensjoni mniżżla fl-Artikolu 84(1)(a) tal-Kodiċi Doganali, li fosthom jinsab l-arranġament ta’ magazinaġġ doganali.

80      Madankollu, jirriżulta mill-punti 75 u 76 ta’ din is-sentenza li, fil-kawżi prinċipali, is-sisa ssir dovuta mill-mument li fih l-merkanzija telqet miż-żona li fiha jinsab l-ewwel uffiċċju doganali li jinsab ġewwa t-territorju doganali tal-Komunità.

81      Minn dan isegwi li peress li l-merkanzija b’kuntrabandu kienet importata kontra l-liġi, din hija kkunsidrata bħala rilaxxata għall-konsum, b’mod li t-tqegħid sussegwenti tagħha taħt proċedura ta’ magazinaġġ doganali taħt l-Artikolu 867a tar-Regolament għall-implementazzjoni, wara l-qbid tagħha u l-konfiska tagħha ma jaffetwax l-eżiġibbiltà tas-sisa.

82      Fil-fatt, l-Artikolu 867a tar-Regolament għall-implementazzjoni, moqri flimkien mal-Artikolu 84(1)(a) tal-Kodiċi Doganali u mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva fuq is-sisa, ma jistax iwaqqaf l-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1)(c) ta’ din id-direttiva.

83      Fl-aħħar lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-estinzjoni tad-dejn doganali, taħt l-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali, taffettwax l-estinzjoni tas-sisa relatata ma’ din il-merkanzija, id-Direttiva fuq is-sisa ma fiha ebda dispożizzjoni espressa dwar l-estinzjoni tas-sisa f’każ ta’ importazzjoni irregolari ta’ merkanzija.

84      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tas-similaritajiet bejn id-dazji doganali u s-sisa sa fejn dawn jitnisslu mill-importazzjoni ta’ merkanzija fil-Komunità u mill-importazzjoni sussegwenti tagħha fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Istati Membri, u sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni koerenti tal-leġiżlazzjoni Komunitarja inkwistjoni, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-estinzjoni tad-dazji tas-sisa sseħħ fl-istess ċirkustanzi bħal dik tad-dazji doganali.

85      Konsegwentement, hekk kif jirriżulta mill-punt 50 ta’ din is-sentenza, sabiex iwasslu għall-estinzjoni tas-sisa, il-qbid jew il-konfiska tal-merkanzija għandhom iseħħu qabel ma dawn jaqbżu ż-żona li fiha jinsab l-ewwel uffiċċju doganali li jinsab ġewwa t-territorju doganali tal-Komunità.

86      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għanda tkun li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva fuq is-sisa għandhom jiġu interpretati fis-sens li merkanzija maqbuda mill-awtoritajiet doganali u fiskali waqt l-importazzjoni tagħha fit-territorju tal-Komunità u simultanjament jew sussegwentement meqruda minn dawn l-awtoritajiet, mingħajr qatt ma waqfet milli tkun fil-pussess tagħhom, għandha tiġi kkunsidrata bħala li ma ġietx importata fil-Komunità, b’mod li l-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tas-sisa fir-rigward tagħha ma jseħħx. Il-merkanzija maqbuda wara l-importazzjoni irregolari tagħha f’dan it-territorju, jiġifieri mill-mument li fih hija telqet miż-żona li fiha jinsab l-ewwel uffiċċju doganali li jinsab ġewwa l-imsemmi territorju, u simultanjament jew sussegwentement meqruda mill-imsemmija awtoritajiet mingħajr qatt ma waqfet milli tkun fil-pussess tagħhom ma hijiex meqjusa li “id-dazju tas-sisa […] jkun sospis” fuqha, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2), tal-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva fuq is-sisa meħuda flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 84(1)(a) u 98 tal-Kodiċi Doganali u l-Artikolu 867a tar-Regolament għall-implementazzjoni, b’mod li l-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tas-sisa fuq din il-merkanzija seħħ u għaldaqstant, is-sisa fir-rigward tagħha ssir eżiġibbli.

 Fuq it-tielet domanda

87      Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 7(3), 10(3) u 16(1)(B)(c) tas-Sitt Direttiva moqrija flimkien mal-Artikolu 867a tar-Regolament għall-implementazzjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li merkanzija maqbuda mill-awtoritajiet doganali u fiskali lokali kemm waqt l-importazzjoni tagħha fil-Komunità, kemm warajha, u simultanjament jew sussegwentement meqruda mill-awtoritajiet, mingħajr ma waqfet milli tkun fil-pussess tagħhom għandha tiġi meqjusa li tpoġġiet taħt proċedura ta’ magazzinaġġ doganali, għalkemm il-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tal-VAT ma seħħx u din it-taxxa ma ssirx eżiġibbli.

88      Din il-qorti ssaqsi wkoll fuq il-kwistjoni dwar jekk l-estinzjoni tad-dejn doganali maħluq waqt tali importazzjoni irregolari, skont il-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali, taffettwax ir-risposta għal din id-domanda.

89      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tat-taxxa u l-eżiġibblità tal-VAT relatati mal-merkanzija introdotta irregolarment fil-Komunità, għandu jiġi ppreċiżat, qabel kollox, li, skont l-Artikolu 2(2) tas-Sitt Direttiva, l-“importazzjoni” hija suġġetta għall-VAT. Skont l-Artikolu 7(1)(a) ta’ din id-direttiva, l-importazzjoni sseħħ fis-sens tas-Sitt Direttiva bid-“dħul fil-Komunità” tal-merkanzija inkwistjoni.

90      Hemm lok li jiġi osservat, insegwitu, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(3) tas-Sitt Direttiva jiddisponi li, meta l-oġġetti importati jkunu suġġetti, fost oħrajn, għad-dazji doganali, “l-event li għandu jsir ħlas fuqu iseħħ u t-taxxa ssir dovuta malli jseħħ l-event li għandu jsir ħlas fuqu għal dawk id-dazji […] u dawk id-dazji isiru dovuti.”

91      Barra minn dan, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-applikabbiltà tas-Sitt Direttiva għall-importazzjoni illegali ta’ drogi narkotiċi li l-fatti li jwasslu għall-impożizzjoni u l-eżiġibbiltà tad-dazju doganali u tal-VAT huma essenzjalment l-istess f’dawn il-każijiet. Fil-fatt, iż-żewġ sistemi ta’ taxxa kellhom elementi essenzjali inkwantu huma jitnisslu minħabba l-importazzjoni fil-Komunità u l-importazzjoni sussegwenti fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Frar 1984, Einberger, 294/82, Ġabra p. 1177, punt 18, kif ukoll tas-6 ta’ Diċembru 1990, Witzemann, C‑343/89, p. I‑4477, punt 18).

92      F’dan ir-rigward u fid-dawl ta’ dak li ġie rrilevat fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 10(3) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tal-VAT u l-eżiġibbiltà tagħha relatata mal-merkanzija b’kuntrabandu maqbuda u f-istess waqt jew sussegwentement ikkonfiskata, jista’ jseħħ biss mill-mument li fih il-merkanzija tkun għaddiet miż-żona li fiha jkun jinsab l-ewwel uffiċċju doganali li jkun jinsab ġewwa t-territorju tal-Komunità.

93      Konsegwentement, meta l-merkanzija importata hija maqbuda u simultanjament jew sussegwentement meqruda mill-awtoritajiet kompetenti qabel ma tgħaddi mill-ewwel uffiċċju doganali li jkun jinsab ġewwa t-territorju tal-Komunità, hemm lok li jiġi kkunsidrat li la fatt li jagħti lok għall-impożizzjoni tal-VAT u lanqas l-eżiġibbiltà tagħha ma seħħew, fis-sens ta’ dan l-artikolu. Dan jidher li huwa l-każ fiż-żewġ kawżi prinċipali fejn il-merkanzija ġiet importata bl-art.

94      Min-naħa l-oħra, meta l-merkanzija nqabdet u simultanjament jew sussegwentement ġiet ikkonfiskata wara li għaddiet mill-ewwel uffiċċju doganali li jkun jinsab ġewwa t-territorju tal-Komunità, mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor, il-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tal-VAT ikun diġà seħħ u għalhekk saret eżiġibbli, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(3) tas-Sitt Direttiva. Dan jidher li huwa l-każ fit-tielet kawża prinċipali fejn il-merkanzija ġiet importata bl-art.

95      Fit-tieni lok, jirriżulta mid-domanda magħmula lill-Qoti tal-Ġustizzja li l-qorti tar-rinviju qed tfittex li tkun taf jekk l-Artikolu 867a tar-Regolament għall-implementazzjoni jaffettwax l-eżiġibbiltà tal-VAT, b’mod li hemm lok li l-merkanzija maqbuda tiġi kkunsidrata bħala li hija suġġetta għal “proċedura tad-dwana ta’ depożitu”, sistema li tinsab fl-Artikolu 16(1)(B)(c) tas-Sitt Direttiva, għalkemm il-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tal-VAT ma seħħx u li, għaldaqstant, din it-taxxa ma saritx eżiġibbli. Din il-qorti tfittex ukoll li tkun taf jekk l-effett sospensiv tal-intervent kemm tal-fatt li jwassal għall-impożizzjoni kif ukoll tal-eżiġibbiltà tat-taxxa, previst fit-tieni sentenza l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(3) ta’ din id-direttiva, jistax jopera għal tali merkanzija.

96      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fir-rigward tas-sitwazzjoni fejn “l-merkanzija titqiegħed taħt wieħed mill-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 7(3) malli tidħol fil-Komunità”, liema sitwazzjoni tissemma fit-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(3) tas-Sitt Direttiva, li t-termini “tidħol fil-Komunità” għandhom jinftiethmu li l-merkazija ma għadditx mill-ewwel uffiċċju doganali u ma ġietx, għaldaqstant, importata fit-territorju tal-Komunità. Konsegwentement, meta l-merkanzija tinqabad u tiġi kkonfiskata matul l-importazzjoni irregolari tagħha fi frontiera esterna tal-Komunità, il-fatt li jwassal għall-impożizzjoni u l-eżiġibbiltà tat-taxxa ma jseħħux u ma hemmx lok li wieħed jistaqsi fuq l-effett possibbli tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(3) u tal-Artikolu 16(1)(B) tal-imsemmija direttiva u lanqas fuq dak tal-Artikolu 867a tar-Regolament għall-implementazzjoni, bħal dak tal-każ ta’ merkanzija importata bil-baħar f’żewġ kawżi prinċipali.

97      Min-naħa l-oħra, kif ġie kkonstatat fil-punti 81 u 82 ta’ din is-sentenza dwar l-eżiġibbiltà tas-sisa, meta l-merkanzija introdotta irregolarment fil-Komunità tinqabad u tiġi kkonfiskata mill-awtoritajiet kompetenti wara li tkun għaddiet mill-ewwel uffiċċju doganali, l-Artikolu 867a tar-Regolament għall-implementazzjoni kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(3) tas-Sitt Direttiva ma jipprekludux l-eżiġibbiltà tal-VAT relatata mal-imsemmija merkanzija, anki jekk din tal-aħħar hija mqiegħda sussegwentement taħt proċedura ta’ magazinaġġ doganali. Dan jidher li huwa l-każ għall-merkanzija mwassla bl-art fit-tielet kawża prinċipali.

98      Fit-tielet lok, għal dak li jikkonċerna l-effett tal-estinzjoni tad-dejn doganali taħt il-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali fuq il-fatt li jwassal għall-impożizzjoni u l-eżiġibbiltà tal-VAT, fid-dawl tal-paralelliżmu, taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(3) tas-Sitt Direttiva, bejn il-fatt li jwassal għall-impożizzjoni u l-eżiġibbiltà tad-dazju doganali u tal-VAT fuq l-importazzjoni tal-merkanzija, kif ġie espost fil-punt 91 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-istess kundizzjonijiet ta’ estinzjoni japplikaw kemm għad-dazju doganali fuq l-importazzjoni kif ukoll għall-VAT.

99      Minn dak li jippreċedi jirriżulta li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikoli 2(2), 7 u 10(3) tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-merkanzija maqbuda mill-awtoritajiet doganali u fiskali lokali waqt l-importazzjoni irregolari tagħha fit-territorju tal-Komunità, u simultanjament jew sussegwentement meqruda minnhom mingħajr qatt ma waqfet li tkun fil-pussess tagħhom, għandha tiġi kkunsidrata li ma ġietx importata fil-Komunità, b’mod li l-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tal-VAT ma seħħx fir-rigward tagħha u li, għaldaqstant, din it-taxxa ma ssirx eżiġibbli. Mandankollu, id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(3) u tal-Artikolu 16(1)(B)(c) tas-Sitt Direttiva moqrija flimkien mal-Artikolu 867a tar-Regolament għall-implementazzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li għall-merkanzija maqbuda minn dawn l-awtoritajiet wara l-importazzjoni irregolari f’dan it-territorju, jiġifieri mill-mument li fih hija għaddiet miż-żona li fiha jinsab l-ewwel uffiċċju doganali li jinsab ġewwa l-imsemmi territorju u simultanjament jew sussegwentement meqruda mill-imsemmija awtoritajiet, mingħajr ma waqfet milli tkun fil-pussess tagħhom, il-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tal-VAT seħħ u din it-taxxa hija eżiġibbli, anki jekk din il-merkanzija titqiegħed sussegwentement taħt proċedura doganali.

 Fuq ir-raba’ domanda

100    Bir-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru li fih ġiet ikkonstatata importazzjoni irregolari ta’ merkanzija fil-kuntest ta’ trasport imwettaq bil-carnets TIR, humiex, taħt id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikoli 215 u 217 tal-Kodiċi Doganali, tal-Artikolu 454(2) u (3) tar-Regolament għall-implementazzjoni, tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva fuq is-sisa u tal-Artikolu 7 tas-Sitt Direttiva, kompetenti li jirkupraw id-dazju doganali, tas-sisa u l-VAT relatati mal-merkanzija b’kuntrabandu, meta l-awtoritajiet tal-Istat Membru li fih seħħet l-importazzjoni irregolari fil-Komunità, ma kkonstatawx din l-illegalità u ma rkuprawx dawn id-dazju u dawn it-taxxi.

101    Għandu jiġi osservat qabel kollox li, fid-dawl tar-risposti mogħtija għad-domandi preċedenti, din id-domanda tikkonċerna biss il-kawża prinċipali li fiha s-sigarretti ġew introdotti fil-Komunità, bl-art, fil-fruntiera bejn il-Polonja u l-Ġermanja qabel ma ġew skoperti u sussegwentement maqbuda mill-awtoritajiet Daniżi fil-fruntiera bejn il-Ġermanja u d-Danimarka.

102    Barra minn hekk, hekk kif isostnu l-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni, għandha tiġi analizzata separatament il-kompetenza bejn l-irkupru ta’ dazji doganali, is-sisa u l-VAT.

103    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kompetenza sabiex id-dejn doganali jiġi rkuprat, jirriżulta, qabel kollox, mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 215(1) tal-Kodiċi Doganali, li d-dejn doganali jitnissel “fil-post fejn il-ġrajjiet li minnhom joħroġ ikunu saru”.

104    F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-determinazzjoni tal-post fejn ġie inkors id-dejn doganali tippermetti li jiġi stabbilit l-Istat Membru kompetenti sabiex jirkupra d-dazji doganali. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tiddetermina l-kompetenza territorjali fir-rigward tal-irkupru tal-ammont tad-dejn doganali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, Road Air Logistics Customs, C‑526/06, Ġabra p. I‑11337, punt 26).

105    Insegwitu, skont l-Artikolu 215(3) tal-Kodiċi Doganali, l-awtoritajiet doganali msemmija fl-Artikolu 217(1) tal-imsemmi kodiċi, li huma kompetenti għall-ġbir tal-ammont tad-dejn doganali “huma dawk ta’ l-Istat Membru fejn id-dejn doganali jkun sar jew meqjus li jkun sar”.

106    Fl-aħħar nett, hekk kif diġà ġie ppreċiżat fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, id-dejn doganali jitnissel, skont l-Artikolu 202 tal-Kodiċi Doganali, fil-post fejn il-merkanzija suġġetta għad-dazju doganali tgħaddi l-ewwel uffiċċju doganali li jinsab ġewwa t-territorju doganali tal-Komunità mingħajr ma tiġi ppreżentata.

107    B’hekk, jirriżulta mill-qari flimkien tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali kkonċernata, huma l-awtoritajiet tal-Istat Membru li jinsab mal-fruntiera esterna tal-Komunità li fih ġiet introdotta kontra l-liġi l-merkanzija fit-territorju doganali tal-Komunità, jiġifieri, fil-kawża prinċipali inkwistjoni, huma l-awtoritajiet Ġermaniżi li huma kompetenti sabiex jirkupraw id-dejn doganali, u dan anki jekk din l-importazzjoni irregolari tal-merkanzija ġiet ikkonstatata sussegwentement fi Stat Membru ieħor.

108    Barra minn hekk, hekk kif tosserva DTL, jirriżulta mill-Artikolu 454 tar-Regolament għall-implementazzjoni li l-qsim tal-kompetenzi msemmija iktar ’il fuq japplika wkoll fil-kuntest tat-trasporti imwettqa bil-carnets TIR.

109    Huwa importanti li jiġi osservat, fit-tieni lok, li l-kompetenza għall-irkupru tat-TVA tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(2) flimkien ma’ tal-Artikolu 10(3) tas-Sitt Direttiva.

110    Fil-fatt, minn naħa, l-imsemmi Artikolu 7(2) jiddisponi “jew mill-Gżejjer tal-Kanal Ingliż [l-importazzjoni ta’ merkanzija sseħħ fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinstab l-istess merkanzija fil-mument li hija tidħol fil-Komunità.]”. Minn naħa, l-imsemmi Artikolu 10(3) jipprevedi, hekk kif diġà ppreċiżat fil-punt 90 ta’ din is-sentenza, li l-“event li għandu jsir ħlas tiegħu isir u t-taxxa ssir dovuta malli l-merkanzija tkun impurtata”.

111    Konsegwentement, bħad-dazju doganali, il-VAT issir dovuta fl-Istat Membru li fih il-merkanzija tkun ġiet introdotta kontra l-liġi fil-Komunità u għaldaqstant, l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru, jiġifieri, fil-kawża prinċipali inkwistjoni, l-awtoritajiet Ġermaniżi huma kompetenti biex jirkupraw din it-taxxa.

112    Għal dak li jikkonċerna, fl-aħħar lok, il-kompetenza għall-irkupru tad-dazu tas-sisa, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva fuq is-sisa jipprevedi, b’mod partikolari, il-ġbir ta’ dan id-dazju, fil-każ fejn il-prodotti suġġetti għas-sisa li diġà ġew rilaxxati għall-konsum fi Stat Membru jinżammu għal finijiet kummerċjali fi Stat Membru, għal dan l-Istat Membru ieħor.

113    F’dan il-każ huwa probabbli li l-merkanzija skoperta u maqbuda hija maqbuda għal finijiet kummerċjali. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha konoxxenza diretta tal-kawża li tressqet quddiemha, li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ.

114    Jekk dan huwa l-każ, jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) flimkien mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva fuq is-sisa, li l-awtoritajiet tal-Istati Membru li fih il-merkanzija, introdotta kontra l-liġi fil-Komunità, ġiet skoperta u maqbuda huma kompetenti sabiex jirkupraw is-sisa. Fil-kawża prinċipali inkwistjoni, dawn huma l-awtoritajiet Daniżi.

115    Jekk dan mhuwiex il-każ, l-ewwel Stat Membru ta’ importazzjoni, jiġifieri r-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl-imsemmi kawża, tibqa’ kompetenti, skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva fuq is-sisa, sabiex tirkupra s-sisa u dan anki jekk il-prodotti introdotti kontra l-liġi huma skoperti sussegwentement biss mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor.

116    Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikoli 202, 215(1) u 217 tal-Kodiċi Doganali kif ukoll l-Artikoli 7(2) u 10(3) tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma l-awtoritajiet tal-Istat Membru li jinsab mal-fruntiera esterna tal-Komunità, li minnu ġiet introdotta irregolarment il-merkanzija fit-territorju doganali tal-Komunità, li huma kompetenti sabiex jirkupraw id-dejn doganali l-VAT, u dan anki jekk din il-merkanzija twasslet sussegwentement fi Stat Membru ieħor li fih din ġiet skoperta u mbagħad maqbuda. L-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva fuq is-sisa għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet ta’ dan l-aħħar Stat Membru huma kompetenti biex jirkupraw id-dazju tas-sisa, sakemm din il-merkanzija tinżamm għal finijiet kummerċjali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk din il-kundizzjoni ġietx sodisfatta fil-kawża mressqa quddiemha.

 Fuq l-ispejjeż

117    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Iċ-ċirkustanzi li fihom merkanzija, li hija maqbuda, waqt l-importazzjoni tagħha fit-territorju doganali tal-Komunità, mill-awtoritajiet doganali u fiskali lokali fiż-żona li fiha jinsab l-ewwel uffiċċju doganali li jinsab mal-fruntiera esterna tal-Komunità, u li hija simultanjament jew sussegwentement meqruda mill-imsemmija awtoritajiet, filwaqt li baqgħet fil-pussess tagħhom, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ merkanzija “maqbuda u fl-istess waqt jew sussegwentement konfiskata” li jinsab fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità hekk kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 955/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ April 1990, b’mod li d-dejn doganali jiġi estint taħt din id-dispożizzjoni.

2)      It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti, hekk kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 96/99/KE, tat-30 ta’ Diċembru 1996, għandhom jiġu interpretati fis-sens li merkanzija maqbuda mill-awtoritajiet doganali u fiskali waqt l-importazzjoni tagħha fit-territorju tal-Komunità u simultanjament jew sussegwentement meqruda minn dawn l-awtoritajiet, mingħajr qatt ma waqfet milli tkun fil-pussess tagħhom, għandha tiġi kkunsidrata bħala li ma ġietx importata fil-Komunità, b’mod li l-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tas-sisa fir-rigward tagħha ma jseħħx. Il-merkanzija maqbuda wara l-importazzjoni irregolari tagħha f’dan it-territorju, jiġifieri mill-mument li fih hija telqet miż-żona li fiha jinsab l-ewwel uffiċċju doganali li jinsab ġewwa l-imsemmi territorju, u simultanjament jew sussegwentement meqruda mill-imsemmija awtoritajiet mingħajr qatt ma waqfet milli tkun fil-pussess tagħhom mhijiex meqjusa li “id-dazju tas-sisa […] jkun sospis” fuqha, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2), tal-Artikolu 6(1)(c) tal-imsemmija direttiva meħuda flimien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 84(1)(a) u 98 tar-Regolament 2913/92, hekk kif emendat bir-Regolament Nru 955/99, u tal-Artikolu 867a tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92, hekk kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1662/1999, tat-28 ta’ Lulju 1999, b’mod li l-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tas-sisa fuq din il-merkanzija seħħ u għaldaqstant, is-sisa fir-rigward tagħha ssir eżiġibbli.

3)      L-Artikoli 2(2),7 u 10(3) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima hekk kif emendata bid-Direttva tal-Kunsill 1999/85/KE, tat-22 ta’ Ottubru 1999, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-merkanzija maqbuda mill-awtoritajiet doganali u fiskali lokali waqt l-importazzjoni fit-territorju doganali tal-Komunità, u simultanjament jew sussegwentement meqruda minnhom mingħajr qatt ma waqfet li tkun fil-pussess tagħhom, għandha tiġi kkunsidrata li ma ġietx importata fil-Komunità, b’mod li l-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tal-VAT ma seħħx fir-rigward tagħha u li, għaldaqstant, din it-taxxa ma ssirx eżiġibbli. Mandankollu, id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(3) u tal-Artikolu 16(1)(B)(c) tal-imsemmija direttiva moqrija flimkien mal-Artikolu 867a tar-Regolament Nru 2454/93, hekk kif emendat bir-Regolament Nru 1662/1999 għandhom jiġu interpretati fis-sens li għall-merkanzija maqbuda minn dawn l-awtoritajiet wara l-importazzjoni irregolari f’dan it-territorju, jiġifieri mill-mument li fih hija għaddiet miż-żona li fiha jinsab l-ewwel uffiċċju doganali li jinsab ġewwa l-imsemmi territorju u simultanjament jew sussegwentement meqruda mill-imsemmija awtoritajiet, mingħajr ma waqfet milli tkun fil-pussess tagħhom, il-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tal-VAT seħħ u din it-taxxa hija eżiġibbli, anki jekk din il-merkanzija titqiegħed sussegwentement taħt proċedura doganali.

4)      L-Artikoli 202, 215(1) u 217 tar-Regolament Nru 2913/92 hekk kif emendat bir-Regolament Nru 955/1999 kif ukoll l-Artikoli 7(2) u 10(3) tas-Sitt Direttiva 77/388, hekk kif emendata bid-Direttiva 1999/85, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma l-awtoritajiet tal-Istat Membru li jinsab mal-fruntiera esterna tal-Komunità, li minnu ġiet introdotta irregolarment il-merkanzija fit-territorju doganali tal-Komunità, li huma kompetenti sabiex jirkupraw id-dejn doganali u l-VAT, u dan anki jekk din il-merkanzija twasslet sussegwentement fi Stat Membru ieħor li fih din ġiet skoperta u mbagħad maqbuda. L-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 92/12, hekk kif emendata bid-Direttiva 96/99, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet ta’ dan l-aħħar Stat Membru huma kompetenti biex jirkupraw id-dazju tas-sisa, sakemm din il-merkanzija tinżamm għal finijiet kummerċjali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk din il-kundizzjoni ġietx sodisfatta fil-kawża mressqa quddiemha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: id-Daniż.