Language of document :

Appell ippreżentat fil-21 ta’ Frar 2019 minn Deutsche Telekom AG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) fit-13 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-827/14, Deutsche Telekom AG vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-152/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Deutsche Telekom AG (rappreżentanti: D. Schroeder u K. Apel, Rechtsanwälte)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Slovanet, a.s.

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-827/14 sa fejn tiċħad ir-rikors;

tannulla kollha kemm hija jew parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 7465 final tal-15 ta’ Ottubru 2014 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 102 TFUE u l-Artikolu 54 ŻEE (Każ AT.39523 – Slovak Telekom), kif emendata bid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C(2014) 10119 final u C(2015) 2484 final, tas-16 ta’ Diċembru 2014 u tas-17 ta’ April 2015, rispettivament, sa fejn tikkonċerna l-appellanti jew, sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas iktar il-multi imposti fuqha;

sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni mill-ġdid;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-proċedura u mill-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tat-talba tagħha l-appellanti tinvoka erba’ aggravji.

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat u, konsegwentement, ma applikatx u għaldaqstant applikat b’mod żbaljat ir-regola li tgħid li sabiex l-aċċess għal suq downstream jiġi rrifjutat l-aċċess mitlub għandu jkun indispensabbli għall-attività.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat ir-regola li kumpannija omm tista’ biss titqies responsabbli għall-aġir tas-sussidjarja tagħha jekk din il-kumpannija omm tkun fil-fatt eżerċitat influwenza determinanti.

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat ir-regola li kumpannija omm tista’ titqies biss responsabbli għall-aġir tas-sussidjarja tagħha jekk din tkun essenzjalment segwiet l-istruzzjonijiet mogħtija mill-kumpannija omm.

Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-prinċipju ta’ dritt għal smigħ matul il-proċedura amministrattiva.

____________