Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fit-22 ta’ Frar 2019 – Federazione Italiana Giuoco Calcio (FIGC), Consorzio Ge.Se.Av. S. c. arl vs De Vellis Servizi Globali Srl

(Kawża C-156/19)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato.

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellanti: Federazione Italiana Giuoco Calcio (FIGC), Consorzio Ge.Se.Av. S. c. arl

Appellata: De Vellis Servizi Globali Srl.

Domandi preliminari

L-ewwel domanda

fuq il-bażi tal-karatteristiċi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tad-dritt sporttiv, il-Federazzjoni Taljana tal-Futbol tista’ tiġi kklassifikata bħala organu rregolat mid-dritt pubbliku, inkwantu hija maħluqa sabiex tissodisfa speċifikament ħtiġijiet ta’ interess ġenerali ta’ natura mhux industrijali jew kummerċjali?

b’mod partikolari, ir-rekwiżit teleoloġiku tal-organu huwa ssodisfatt fir-rigward tal-Federazzjoni minkejja l-assenza ta’ att formali li jistabbilixxi awtorità pubblika u minkejja li l-Federazzjoni hija stabbilita fil-forma ta’ assoċjazzjoni , minħabba li din taqa’ taħt dritt settorjali (id-dritt sportiv) organizzat skont mudelli ta’ tip pubbliku u minħabba li hija meħtieġa tosserva l-prinċipji u r-regoli redatti mill-Kumitat Olimpiku Nazzjonali Taljan u mill-organi sportivi internazzjonali, permezz tar-rikonoxximent għal finijiet sportivi tal-entità pubblika nazzjonali?

barra minn hekk, dan ir-rekwiżit jista’ jiġi ssodisfatt fir-rigward ta’ Federazzjoni sportiva bħall-Federazzjoni Taljana tal-Futbol, li tgawdi minn kapaċità ta’ awtofinanzjament, fir-rigward ta’ attività mhux ta’ natura pubblika, bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, jew għall-kuntrarju, ir-rekwiżit li f’kull każ tiġi żgurata l-applikazzjoni tar-regoli relatati mal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fl-għoti lil terzi ta’ kull tip ta’ kuntratt minn din l-entità, għandu jitqies bħala prevalenti?

It-tieni domanda

fuq il-bażi tar-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-C.O.N.I. u l-F.I.G.C – il-Federazzjoni Taljana tal-Futbol, dak tal-ewwel għandu, fir-rigward tat-tieni, influwenza dominanti fid-dawl tas-setgħat legali ta’ rikonoxximent tal-kumpannija għal finijiet sportivi, ta’ approvazzjoni tal-bilanċi annwali u ta’ sorveljanza fir-rigward tat-tmexxija u tal-funzjonament tajjeb tal-korpi kif ukoll ta’ tqegħid taħt tutela tal-entità?

għall-kuntrarju dawn is-setgħat għandhom jitqiesu bħala li ma humiex biżżejjed sabiex ir-rekwiżit tal-influwenza pubblika dominanti li tikkaratterizza l-organu rregolat mid-dritt pubbliku jkun issodisfatt, minħabba l-parteċipazzjoni sinjifikattiva tal-presidenti u tar-rappreżentanti tal-Federazzjonijiet sportivi fil-korpi fundamentali tal-Kumitat Olimpiku?

____________