Language of document : ECLI:EU:F:2011:134

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tielet Awla)

13 ta’ Settembru 2011

Kawża F-4/10

Christiana Nastvogel

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Opinjoni tal-Kumitat tar-Rapporti — Deterjorament tal-evalwazzjonijiet analitiċi — Djalogu bejn il-persuna evalwata u l-evalwatur — Konsultazzjoni ta’ diversi superjuri ġerarkiċi — Għarfien tax-xogħol tal-persuna evalwata mit-tieni evalwatur — Motivazzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni tal-leave tal-mard”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEFA skont l-Artikolu 106 a tiegħu, li bih C. Nastvogel titlob l-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha redatt għall-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2006 u l-31 ta’ Diċembru 2007.

Deċiżjoni:      Ir-rapport ta’ evalwazzjoni redatt għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2006 sal-31 ta’ Diċembru 2007 huwa annullat. Il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

2.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Redazzjoni — Opinjoni tal-Kumitat tar-Rapporti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

3.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Evalwazzjoni inqas favorevoli meta mqabbla mal-evalwazzjoni preċedenti — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

4.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Nuqqasijiet iġġustifikati

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

5.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Redazzjoni — Konsultazzjoni obligatorja tas-superjuri ġerarkiċi immedjati

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

6.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Redazzjoni — Tieni evalwatur

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

7.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Redazzjoni — Djalogu bejn l-evalwatur u l-persuna evalwata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

1.      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax jissostitwixxi l-evalwazzjoni tiegħu għal dik tal-persuni responsabbli li jevalwaw ix-xogħol tal-persuna evalwata, peress li l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jevalwaw ix-xogħol tal-uffiċjali tagħhom. B’hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax, ħlief fil-każ ta’ żball ta’ fatt, jistħarreġ il-fondatezza tal-evalwazzjoni magħmula mill-amministrazzjoni fir-rigward tal-kompetenzi professjonali ta’ uffiċjal, billi tinvolvi deċiżjonijiet kumplessi bbażati fuq opinjonijiet personali li, min-natura tagħhom stess, ma jistgħux jiġu vverifikati b’mod oġġettiv.

(ara l-punt 32)

Referenza

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 25 ta’ Ottubru 2005, Cwik vs Il-Kummissjoni, T‑96/04, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 23 ta’ Frar 2010, Faria vs UASI, F‑7/09, punt 44

2.      It-tieni evalwatur ma huwiex marbut bl-opinjoni tal-Kumitat tar-Rapporti. Konsegwentement huwa biss fil-każ fejn l-opinjoni tal-Kumitat tar-Rapporti tistabbilixxi ċirkustanzi speċjali, tali li jitfgħu dubju fuq il-validità jew il-fondatezza ta’ evalwazzjoni li tinsab fir-rapport ta’ evalwazzjoni, li diskrepanza bejn l-imsemmija opinjoni u l-kontenut tar-rapport ta’ evalwazzjoni tista’ twassal għall-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni kkontestat. Barra minn hekk, meta r-rapport ikkontestat għandu motivazzjoni suffiċjenti u l-opinjoni tal-Kumitat ma tistabbilixxix ċirkustanzi speċjali tali li jitfgħu dubju fuq il-validità jew il-fondatezza tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-ewwel evalwatur, ma għandux ikun rikjest mingħand it-tieni evalwatur li jipprovdi iktar spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet li jwassluh sabiex ma jsegwix ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tar-Rapporti.

(ara l-punti 33 u 63)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Ġunju 2002, Mellone vs Il‑Kummissjoni, T‑187/01, punt 33; 5 ta’ Novembru 2003, Lebedef-Caponi vs Il‑Kummissjoni, T‑98/02, punt 61

It-Tribunal ghas-Servizz Pubbliku: 10 ta’ Settembru 2009, Behmer vs Il-Parlament, F‑124/07, punt 60

3.      L-amministrazzjoni għandha l-obbligu li timmotiva kull rapport ta’ evalwazzjoni b’mod suffiċjenti u ddettaljat, sabiex tqiegħed lill-persuna kkonċernata f’pożizzjoni li tippreżenta osservazzjonijiet fuq din il-motivazzjoni, peress li l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti hija iktar u iktar importanti meta l-evalwazzjoni tkun inqas favorevoli meta mqabbla mal-evalwazzjoni preċedenti. F’dan ir-rigward, dan l-obbligu jkun issodisfatt meta l-evalwatur jikkonstata li l-persuna kkonċernata ma wrietx, matul il-perijodu kopert mir-rapport ta’ evalwazzjoni kkontestat, kwalitajiet eċċezzjonalment għolja fit-twettiq ta’ xi wħud mill-kompiti tagħha. Sabiex jiġi ddeterminat jekk rapport ta’ evalwazzjoni huwiex immotivat b’mod suffiċjenti, għandha tiġi kkunsidrata l-informazzjoni kollha li tkun inġiebet għall-attenzjoni tal-uffiċjal ikkonċernat u mhux biss l-informazzjoni li tinsab fl-imsemmi rapport.

(ara l-punti 58 u 61)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 16 ta’ Lulju 1992, Della Pietra vs Il‑Kummissjoni, T‑1/91, punt 32; 28 ta’ Mejju 1998, W vs Il-Kummissjoni, T‑78/96 u T‑170/96, punt 141; Mellone vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ʼ il fuq, punt 27; 25 ta’ Ottubru 2005, Micha vs Il-Kummissjoni, T‑50/04, punt 36

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 10 ta’ Novembru 2009, N vs Il-Parlament, F‑93/08, punt 86

4.      Għalkemm l-evalwazzjonijiet attribwiti lil uffiċjal bħala prestazzjoni jistgħu jiżdiedu sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet li fihom wettaq id-dmirijiet tiegħu minkejja l-fatt li huwa kellu inqas żmien effettiv ta’ xogħol minħabba mard, din il-kunsiderazzjoni ma hijiex awtomatika. Din hija fakultà għar-redatturi tar-rapport ta’ evalwazzjoni, li ssir obbligu biss meta ċ-ċirkustanzi jiġġustifikawha.

Ma huwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ dritt, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ rapport ta’ evalwazzjoni ssodisfax id-dispożizzjonijiet speċjali li hemm fl-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll fil-kuntest tagħha, kif ukoll skont ir-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. Għaldaqstant, f’ċirkustanzi fejn l-evalwatur ma għandu ebda raġuni sabiex jikkunsidraw li n-nuqqasijiet iġġustifikati tal-persuna evalwata setgħu kellhom impatt għoli sinjifikattiv fuq il-prestazzjoni tagħha, huwa ma jistax jiġi kkritikat li ma semmiex, lanqas ikkunsidra, tali ċirkustanza fir-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu.

(ara l-punti 65 u 66)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ Marzu 2005, Vlachaki vs Il‑Kummissjoni, T‑277/03, punt 83, u l-ġurisprudenza ċċitata; 6 ta’ Ottubru 2009, Sundholm vs Il-Kummissjoni, T‑102/08 P, punti 39 u 40

5.      Kull evalwatur għandu, sabiex jevalwa bis-sħiħ il-merti ta’ uffiċjal fuq il-perijodu kollu ta’ evalwazzjoni, jistaqsi lis-superjuri ġerarkiċi li taħt l-awtorità tagħhom dan l-uffiċjal ħadem għal perijodu sinjifikattiv ta’ żmien. Issa, it-trażmissjoni bil-miktub tal-opinjoni ta’ persuna hija ekwivalenti għal konsultazzjoni.

(ara l-punti 85 u 86)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 21 ta’ Marzu 1985, Turner vs Il-Kummissjoni, 263/83, punti 18 u 20

6.      Fil-każ ta’ talba għal reviżjoni tar-rapport redatt mill-ewwel evalwatur, mill-Artikolu 2(2) u mill-Artikolu 8(4) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta' implimentazzjoni tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal, adottati mill-Kunsill jirriżulta li, minn naħa, it-tieni evalwatur għandu jkun oġġettiv b’mod suffiċjenti sabiex jiġġudika l-każ kollu u mhux, kuntrarjament għall-ewwel evalwatur, ikunu qrib l-uffiċjal b’mod suffiċjenti sabiex ikun jista’ jevalwa billi jkun jaf dwar il-każ il-merti tal-persuna evalwata, u, min-naħa l-oħra, li huwa għandu jirreferi espressament għall-imsemmi rapport sabiex jirrediġi r-rapport ta’ evalwazzjoni definittiv. Il-missjoni tat-tieni evalwatur hija b’hekk li indipendentement jivverifika l-evalwazzjonijiet magħmula mill-ewwel evalwatur, b’tali mod li huwa jista’, jekk iqis li huwa xieraq, jillimita ruħu li jikkonferma l-evalwazzjoni tal-ewwel evalwatur.

(ara l-punt 89)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 1 ta’ Ġunju 1983, Seton vs Il-Kummissjoni, 36/81, 37/81 u 218/81, punt 20

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 29 ta’ Settembru 2009, Wenning vs Europol, F‑114/07, punt 100

7.      Iż-żamma ta’ djalogu bejn il-persuna evalwata u l-evalwatur tagħha hija bbażata fuq id-drittijiet tad-difiża tal-uffiċjal fil-proċedura ta’ evalwazzjoni li tikkonċernah, u, konsegwentement, rapport ta’ evalwazzjoni ma jistax jiġi adottat mingħajr ma l-uffiċjal ikkonċernat ma jingħata l-opportunità li jinstema’ b’mod utli.

Fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni, in-natura stess tad-djalogu u l-għan tiegħu jippreżumu kuntatt dirett bejn il-persuna evalwata u l-evalwatur matul l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni. Mingħajr skambju dirett bejn l-evalwatur u l-persuna evalwata, l-evalwazzjoni ma tistax tissodisfa l-funzjoni tagħha ta’ għodda għall-ġestjoni ta’ riżorsi umani u ta’ strument li jakkumpanja l-iżvilupp professjonali tal-persuna kkonċernata. Barra minn hekk, dan il-kuntatt dirett biss huwa tali li jiffavorixxi djalogu sinċier u fil-fond bejn l-evalwatur u l-persuna evalwata, li jippermettilhom, min-naħa waħda, li jkejlu b’mod eżatt in-natura, ir-raġunijiet u l-portata tad-diverġenzi potenzjali tagħhom u, min-naħa l-oħra, li jaslu għal fehim reċiproku aħjar.

(ara l-punti 90 u 93)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 13 ta’ Diċembru 2005, Cwik vs Il‑Kummissjoni, T‑155/03, T‑157/03 u T‑331/03, punt 156; 25 ta’ Ottubru 2006, Carius vs Il-Kummissjoni, T‑173/04, punt 71; 25 ta’ Ottubru 2007, Lo Giudice vs Il-Kummissjoni, T‑27/05, punt 49