Language of document : ECLI:EU:F:2010:11

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tielet Awla)

24 ta’ Frar 2010

Kawża F-89/08

P

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku — Membri tal-persunal temporanju — Parlament Ewropew — Tkeċċija — Telf ta’ fiduċja”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu r-rikorrenti titlob, fl-ewwel lok, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament, tal-15 ta’ April 2008, li jirrexxindi l-kuntratt tagħha ta’ membru tal-persunal temporanju, fit-tieni lok, l-integrazzjoni mill-ġdid tagħha b’effett retroattiv, fit-tielet lok, il-ħlas tar-remunerazzjoni mill-15 ta’ Lulju 2008, fir-raba’ lok, il-ħlas ta’ kumpens għad-danni morali u ta’ karriera li hija tqis li ġarrbet minħabba d-deċiżjoni ta’ tkeċċija u, fil-ħames lok, il-kundanna tal-Parlament għall-ispejjeż.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Membri tal-persunal temporanju taħt l-Artikolu 2(c) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra — Membru tal-persunal temporanju assenjat fi ħdan grupp politiku tal-Parlament

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 2(c))

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Membri tal-persunal temporanju taħt l-Artikolu 2(c) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra — Membru tal-persunal temporanju assenjat fi ħdan grupp politiku tal-Parlament

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 2(c))

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Deċiżjoni ta’ tkeċċija — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 25(2) u 90(2); Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 2(c))

4.      Rikors għal annullament — Motivi — Abbuż ta’ poter — Kunċett

5.      Uffiċjali — Dmir ta’ premura li għandha l-amministrazzjoni — Portata — Limiti

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 2(c))

6.      Uffiċjali — Rikorsi — Skop — Ordni indirizzata lill-amministrazzjoni — Inammissibbiltà

(Artikolu 233 KE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

1.      Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, f’kull proċedura miftuħa kontra persuna u li tista’ tagħti lok għal att li jikkawża preġudizzju lil din il-persuna, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju u għandu jiġi żgurat anki fin-nuqqas ta’ kull leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura inkwistjoni. Skont dan il-prinċipju, il-parti kkonċernata għandha tkun tqiegħdet f’pożizzjoni, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni indirizzata lilha, li tesponi b’mod effettiv il-fehma tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u ċ-ċirkustanzi li abbażi tagħhom tkun ġiet adottata din id-deċiżjoni.

Madankollu, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża ma jistax jiġi invokat b’mod effettiv fir-rigward ta’ deċiżjoni li ttemm kollokament ta’ uffiċjal fi ħdan grupp politiku tal-Parlament. Fil-fatt, fid-dawl tan-natura speċifika tal-funzjonijiet eżerċitati fi ħdan grupp politiku u l-ħtieġa li jinżammu, f’tali ambjent politiku, relazzjonijiet ta’ fiduċja reċiproka bejn dan il-grupp u l-uffiċjali assenjati fi ħdanu, l-obbligu li l-persuna kkonċernata tinstema’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li ttemm dawn il-funzjonijiet ma huwiex impost f’tali każ.

Din l-eċċezzjoni tapplika kull darba li tqum il-ħtieġa li tinżamm l-eżistenza ta’ “relazzjonijiet ta’ fiduċja”, jiġifieri għall-membri tal-persunal temporanju rreklutati skont l-Artikolu 2(c) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra — fejn il-fiduċja reċiproka hija element essenzjali tal-kuntratti tal-membri tal-persunal temporanju msemmija f’din id-dispożizzjoni — meta jintemm il-kuntratt tagħhom minħabba ksur tar-rabta ta’ fiduċja. B’hekk, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li ttemm, minħabba ksur tar-rabta ta’ fiduċja, kuntratt konkluż abbażi tal-Artikolu 2(c) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra ma hijiex intiża sabiex qabel din l-adozzjoni tisma’ lill-persuna kkonċernata.

(ara l-punti 29 sa 33)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 15 ta’ Lulju 1970, Buchler vs Il‑Kummissjoni, 44/69, Ġabra p. 733, punt 9; 10 ta’ Lulju 1986, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, 234/84, Ġabra p. 2263, punt 27; 3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, C‑458/98 P, Ġabra p. I‑8147, punt 99; 5 ta’ Ottubru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑288/96, Ġabra p. I‑8237, punt 99; 29 ta’ April 2004, Il‑Parlament vs Reynolds, C‑111/02 P, Ġabra p. I‑5475, punti 50 sa 60; 9 ta’ Novembru 2006, Il‑Kummissjoni vs De Bry, C‑344/05 P, Ġabra p. I‑10915, punt 37; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 28 ta’ Jannar 1992, Speybrouck vs Il‑Parlament, T‑45/90, Ġabra p. II‑33, punt 94; 17 ta’ Ottubru 2006, Bonnet vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑406/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑213 u II‑A‑2‑1097, punt 79

2.      Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew, tat-3 ta’ Mejju 2004, dwar id-devoluzzjoni tas-setgħat tal-Awtorità tal-ħatra u tal-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ, kif emendata bid-deċiżjoni tal-imsemmi bureau tas-26 ta’ Ottubru 2004, fir-rigward tal-membri mhux affiljati, huwa s-Segretarju Ġenerali tal-Parlament li jeżerċita l-funzjonijiet ta’ awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti għall-membri tal-persunal temporanju msemmija fl-Artikolu 2(c) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, li jiġu rreklutati bil-għan li jeżerċitaw funzjonijiet mal-imsemmija membri. Barra minn hekk, huwa s-Segretarju Ġenerali tal-Parlament li huwa kompetenti biex jadotta deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ membru tal-persunal temporanju li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu mal-membri mhux affiljati. Madankollu, il-gruppi politiċi għandhom setgħa diskrezzjonali sabiex jagħżlu l-kollaboraturi li jixtiequ jimpjegaw biex jeżerċitaw funzjonijiet temporanji magħhom, kif ukoll biex itemmu l-impjieg tagħhom.

Fir-rigward tal-membri mhux affiljati, li huma membri parlamentari li ma kinux f’pożizzjoni li jifformaw grupp politiku, huwa membru tal-persunal amministrattiv, il-“koordinatur tal-membri mhux affiljati”, li għandu l-funzjoni li jżomm ir-rabta fost il-membri mhux affiljati, kif ukoll bejn il-membri mhux affiljati u l-gruppi politiċi l-oħra jew id-dipartimenti amministrattivi tal-Parlament. Dan il-koordinatur jamministra wkoll ir-riżorsi komuni mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-membri mhux affiljati u għandu jiżgura, b’hekk, l-applikazzjoni tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra fir-rigward tal-membri tal-persunal temporanju assenjati mal-imsemmija membri.

Il-membri tal-persunal temporanju inkwistjoni jeżerċitaw prinċipalment il-funzjonijiet tagħhom ma’ membru parlamentari wieħed biss, li huwa r-responsabbli amministrattiv dirett tagħhom. B’mod partikolari, huwa jiffirma l-ordni għal vjaġġ tax-xogħol. Sussegwentement, jekk, effettivament, sabiex tiġi żgurata l-ħidma amministrattiva tal-“grupp” tal-membri mhux affiljati, membru tal-persunal jeżegwixxi neċessarjament kompiti li jikkonċernaw membri oħra mhux affiljati minbarra r-responsabbli amministrattiv dirett tiegħu, dan tal-aħħar xorta jibqa’ l-persuna li fir-rigward tagħha għandha teżisti rabta ta’ fiduċja. B’hekk, meta jkun hemm ksur tar-rabta ta’ fiduċja bejn ir-responsabbli amministrattiv dirett ta’ membru tal-persunal u dan il-membru tal-persunal, il-koordinatur tal-membri mhux affiljati għandu jittrażmetti talba ta’ tkeċċija lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament u, abbażi ta’ din it-talba, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament jadotta deċiżjoni ta’ tkeċċija. Sa fejn tkun ibbażata fuq telf ta’ fiduċja tar-responsabbli amministrattiv dirett tal-membru tal-persunal, din id-deċiżjoni ma tistax tiġi annullata għas-sempliċi raġuni li t-telf ta’ fiduċja tikkonċerna biss wieħed mill-membri mhux affiljati.

(ara l-punti 39 sa 43, 45 u 46)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Il‑Parlament vs Reynolds, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50

3.      Ebda raġuni imperattiva ma tista’ teskludi lill-membri tal-persunal temporanju minn protezzjoni kontra t-tkeċċijiet mhux iġġustifikati, b’mod partikolari meta dawn ikunu marbuta b’kuntratt għal żmien indeterminat jew meta, billi jkunu marbuta b’kuntratt għal żmien determinat, jitkeċċew qabel l-iskadenza ta’ dan il-kuntratt. Issa, sabiex tiġi ggarantita protezzjoni suffiċjenti f’dan is-sens, minn naħa, il-persuni kkonċernati għandhom ikunu jistgħu jikkonstataw jekk l-interessi leġittimi tagħhom ġewx irrispettati jew leżi kif ukoll li jevalwaw l-opportunità li jressqu kawża quddiem il-qorti u, min-naħa l-oħra, din tal-aħħar għandha tkun f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha, liema ċirkustanza tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ obbligu ta’ motivazzjoni min-naħa tal-awtorità.

Meta deċiżjoni ta’ tkeċċija tirriżulta minħabba telf ta’ fiduċja, il-parti kkonċernata ma jkollhiex garanziji proċedurali, bħad-dritt għal smigħ matul il-proċedura amministrattiva. Għalhekk, l-obbligu ta’ motivazzjoni u l-osservanza tiegħu mill-amministrazzjoni jikkostitwixxu l-unika garanzija li tippermettilha, mill-inqas wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju, li tagħmel użu b’mod effettiv mir-rimedji legali għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tikkontesta l-legalità tal-imsemmija deċiżjoni.

Madankollu, ksur tar-rabta ta’ fiduċja, jiġifieri ta’ relazzjoni ta’ natura personali, ma jibbażax ruħu neċessarjament fuq elementi oġġettivi. B’hekk, is-sempliċi konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur tar-rabta ta’ fiduċja jista’ jkun suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija. Għalhekk, jekk deċiżjoni ta’ tkeċċija tibbaża ruħha biss fuq tali konstatazzjoni, ir-rekwiżit ta’ preċiżjoni fir-rigward tal-preżentazzjoni, fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni, taċ-ċirkustanzi fattwali li jiżvelaw jew jiġġustifikaw dan il-ksur tar-rabta ta’ fiduċja, jista’ jkun biss ristrett.

Xorta jibqa’ l-fatt, b’mod partikolari fir-rigward tal-membri tal-persunal temporanju assenjati ma’ membri mhux affiljati tal-Parlament, li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija bbażata fuq telf ta’ fiduċja għandha neċessarjament tipprovdi informazzjoni suffiċjenti fir-rigward tal-persuna li magħha nkisret ir-rabta ta’ fiduċja. Fil-fatt, il-membru tal-persunal inkwistjoni jista’ għalhekk jiżgura ruħu li d-deċiżjoni tikkonċerna r-responsabbli amministrattiv dirett tiegħu, jiġifieri l-membru mhux affiljat li miegħu għandha teżisti rabta ta’ fiduċja.

Membru tal-persunal temporanju ma għandux, fid-dawl ta’ deċiżjoni li ma tkunx motivata suffiċjentement, jinforma ruħu huwa stess dwar il-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni. B’hekk, meta deċiżjoni ma tkunx motivata suffiċjentement, l-amministrazzjoni ma tistax tagħmel użu miċ-ċirkustanza li l-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni kienet aċċessibbli fil-fajl personali tal-membru tal-persunal inkwistjoni biex tkun tista’ tikseb mill-qorti ċ-ċaħda, fl-istadju tal-proċedura kontenzjuża, tal-motiv ibbażat fuq din il-motivazzjoni insuffiċjenti. Madankollu, meta jirriżulta mill-kliem innifishom tal-ilment ippreżentat mill-membru tal-persunal skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li huwa sar jaf bil-motivazzjonijiet ta’ deċiżjoni billi kkonsulta l-fajl personali tiegħu, ikun eċċessiv li tiġi annullata din id-deċiżjoni minħabba l-fatt, ċertament kritikabbli, li l-istituzzjoni ma esponietx espliċitament dawn il-motivazzjonijiet fiċ-ċaħda ta’ dan l-ilment.

(ara l-punti 69 sa 74, 77 u 81 sa 83)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ Diċembru 2005, Reynolds vs Il‑Parlament, T‑237/00, ĠabraSP p. I‑A‑385 u II‑1731, punt 95; 8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren, T‑404/06 P, Ġabra p. II‑2841; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 26 ta’ Ottubru 2006, Landgren vs ETF, F‑1/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑123 u II‑A‑1‑459, punti 73 u 74

4.      Att huwa vvizzjat b’abbuż ta’ poter biss jekk jidher, abbażi ta’ indikazzjonijiet oġġettivi, rilevanti u li jaqblu bejniethom, li ġie adottat esklużivament, jew mill-inqas b’mod determinanti, għal finijiet li ma humiex dawk li ġew eċċepiti jew bil-għan li tiġi evitata proċedura speċifikament prevista mit-Trattat.

(ara l-punt 87)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 21 ta’ Ġunju 1958, Groupement des hauts fourneaux et aciéries belges vs L-Awtorità Għolja, 8/57, Ġabra p. 223, 256; 10 ta’ Marzu 2005, Spanja vs Il-Kunsill, C‑342/03, Ġabra p. I‑1975, punt 64; 7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill, C‑310/04, Ġabra p. I‑7285, punt 69

5.      Il-kunċett tad-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni jirrifletti l-ekwilibriju tad-drittijiet u tal-obbligi reċiproki li r-Regolamenti tal-Persunal ħolqu fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku. Dan l-ekwilibriju jimplika b’mod partikolari li, meta tieħu deċiżjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ uffiċjal, l-awtorità tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u li, b’hekk, hija tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tad-dipartiment, iżda wkoll dak tal-uffiċjal ikkonċernat. Madankollu, il-fiduċja reċiproka hija element essenzjali tal-kuntratti tal-membri tal-persunal temporanji msemmija fl-Artikolu 2(c) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra. Għalhekk, ħlief fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, limiti eventwali għall-azzjoni tal-amministrazzjoni, li jirriżultaw mid-dmir ta’ premura, ma jistgħux jipprekludu, meta jeżisti ksur tar-rabta ta’ fiduċja, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija bbażata fuq din ir-raġuni.

(ara l-punti 112 u 113)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 28 ta’ Mejju 1980, Kuhner vs Il‑Kummissjoni, 33/79 u 75/79, Ġabra p. 1677, punt 22; 29 ta’ Ġunju 1994, Klinke vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, C‑298/93 P, Ġabra p. I‑3009, punt 38; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Speybrouck vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 94; Bonnet vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47

6.      Fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-qorti Komunitarja ma għandhiex l-obbligu li tindirizza ordnijiet lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Fil-fatt, minn naħa, hija manifestament inkompetenti biex tindirizza ordnijiet lill-imsemmija istituzzjonijiet u, min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ annullament ta’ att, l-istituzzjoni kkonċernata għandha l-obbligu li tadotta l-miżuri li jirrigwardaw l-eżekuzzjoni tas-sentenza.

(ara l-punt 120)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 27 ta’ Ġunju 2002, Tralli vs BĊE, T‑373/00, T‑27/01, T‑56/01 u T‑69/01, ĠabraSP p. I‑A‑97 u II‑453, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata