Language of document : ECLI:EU:F:2010:138

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tielet Awla)

28 ta’ Ottubru 2010

Kawża F-23/09

Maria Concetta Cerafogli

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

“Servizz Pubbliku — Persunal tal-BĊE — Ħatra ad interim ta’ membru tal-persunal — Avviż ta’ pożizzjoni vakanti — Att li jakkawża preġudizzju — Konstatazzjoni ta’ invalidità — Interess ġuridiku”

Suġġett: Rikors, ippreżentat taħt l-Artikolu 36.2 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, anness mat-Trattat KE, li permezz tiegħu M. C. Cerafogli titlob l-annullament, l-ewwel nett, tad-deċiżjoni tal-BĊE, tas-17 ta’ Lulju 2008, li tqiegħed membru tal-persunal fil-pożizzjoni ad interim ta’ konsulent, it-tieni nett, tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ECB/074/08, ippubblikat sabiex timtela din il-pożizzjoni, u t-tielet nett, tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Novembru 2008, li taħtar lil M. L. għal din il-pożizzjoni; barra minn hekk, hija titlob li l-BĊE jiġi kkundannat iħallasha d-danni.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Rikors — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Deċiżjoni ta’ ħatra ad interim li ma taffettwax direttament u immedjatament l-interessi tal-persuna kkonċernata — Esklużjoni

(Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 36.2; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Rikors — Interess ġuridiku

3.      Uffiċjali — Rikors — Att li jikkawża preġudizzju — Avviż ta’ pożizzjoni vakanti — Kundizzjonijiet li jeskludu lill-uffiċjali eliġibbli għal trasferiment jew għal promozzjoni — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 29, 90 u 91)

4.      Proċedura — Spejjeż — Tassazzjoni — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Kunċett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      Għandha, b’analoġija, tiġi applikata, għar-rikorsi ppreżentati mill-membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew bis-saħħa tal-Artikolu 36.2 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-ġurisprudenza dwar ir-Regolamenti tal-Persunal li tgħid li jikkostitwixxu atti li jikkawżaw preġudizzju, u li jistgħu jiġu kkontestati b’rikors għal annullament, dawk il-miżuri li jipproduċu effetti ġuridiċi mandatorji tali li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tal-persuna kkonċernata, billi jibdlu b’mod ikkaratterizzat is-sitwazzjoni ġuridika tagħha.

Din il-kwalità ma għandhiex tiġi rrikonoxxuta lil deċiżjoni ta’ ħatra ad interim meta l-persuna kkonċernata ma tkunx kollega immedjata, fl-istess livell ġerarkiku, tal-membru tal-persunal li jkun ibbenefika mill-imsemmija deċiżjoni.

(ara l-punti 34, 36 u 37)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 16 ta’ Marzu 1971, Bernardi vs Il‑Parlament, 48/70, Ġabra p. 175, punt 27; 14 ta’ Frar 1989, Bossi vs Il‑Kummissjoni, 346/87, Ġabra p. 303, punt 23; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 18 ta’ Mejju 2006, Corvoisier et vs BĊE, F‑13/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑19 u II‑A‑1‑65, punt 40; 13 ta’ Jannar 2010, A u G vs Il‑Kummissjoni, F‑124/05 u F‑96/06, punt 229

2.      Kull rikorrent għandu jkollu, fil-mument tal-preżentata ta’ rikors, interess, reali u attwali, ikkaratterizzat suffiċjentement sabiex ikun jista’ jannulla d-deċiżjoni kkontestata, billi dan l-interess jippresupponi li r-rikors ikun jista’, bl-eżitu tiegħu, jagħtih benefiċċju.

F’dan ir-rigward, il-fatt li l-persuna kkonċernata kienet bil-leave tal-mard fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ħatra ad interim ta’ wieħed mill-kollegi tagħha ma huwiex bħala prinċipju ta’ natura li jipprekludiha milli jkollha interess li titlob l-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

Madankollu, tkun sitwazzjoni differenti jekk ir-ritorn lura x-xogħol tal-persuna kkonċernata jkun inċert. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u anki jekk ma jkunx jista’ jiġi eskluż li l-persuna kkonċernata tirritorna lura x-xogħol f’xi żmien, l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni ma tagħti l-ebda benefiċċju kkaratterizzat suffiċjentement lill-persuna kkonċernata.

(ara l-punti 39 sa 41)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 31 ta’ Mejju 1988, Rousseau vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, 167/86, Ġabra p. 2705, punt 7; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 28 ta’ Settembru 2004, MCI vs Il‑Kummissjoni, T‑310/00, Ġabra p. II‑3253, punt 44

3.      Meta uffiċjal ikun eliġibbli jimla’, permezz ta’ trasferiment jew promozzjoni, impjieg imsemmi f’avviż ta’ pożizzjoni vakanti, dan l-avviż jikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju lil dan l-uffiċjal sa fejn il-kundizzjonijiet li jiddefinixxi effettivament jeskludu l-kandidatura tiegħu.

(ara l-punt 47)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 19 ta’ Ġunju 1975, Küster vs Il‑Parlament, 79/74, Ġabra p. 725, punt 6; 11 ta’ Mejju 1978, De Roubaix vs Il‑Kummissjoni, 25/77, Ġabra p. 1081, punt 8; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Corvoisier et vs BĊE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42; 9 ta’ Lulju 2009, Torijano Montero vs Il‑Kunsill, F‑91/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑253 u II‑A‑1‑1367, punt 27

4.      Il-loġika tas-sistema ta’ proċedura prekontenzjuża prevista fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal trid li uffiċjal ma jkunx irrappreżentat f’dan l-istadju, peress li għal dan ipatti l-fatt li l-amministrazzjoni ma għandhiex tinterpreta l-ilmenti b’mod restrittiv, imma għandha, bil-kontra, teżaminahom fi spirtu miftuħ. Konsegwentement, fil-kuntest tal-kwistjoni dwar it-tassazzjoni tal-ispejjeż, ħlief għal ċirkustanzi eċċezzjonali, l-onorarji dovuti għas-servizzi mogħtija minn avukat fil-fażi prekontenzjuża ma jikkostitwixxux spejjeż li jistgħu jinġabru.

(ara l-punt 63)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 6 ta’ Mejju 2004, Hecq vs Il‑Kummissjoni, T‑34/03, ĠabraSP p. I‑A‑143 u II‑639, punt 21, u l-ġurisprudenza ċċitata