Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja) fil-15 ta’ Ġunju 2018 – Gennaro Cafaro vs DQ

(Kawża C-396/18)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Corte suprema di cassazione

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Gennaro Cafaro

Konvenuta: DQ

Domandi preliminari

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali prevista mid-Digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri tad-9 ta’ Settembru 2008 li, b’applikazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 748 tal-Kodiċi Taljan dwar in-Navigazzjoni, jirregola l-limiti tal-impjieg tal-ekwipaġġ tal-ajru ta’ DQ u li jipprevedi b’mod partikolari t-tmiem awtomatiku tar-relazzjoni ta’ xogħol meta l-ħaddiem jagħlaq is-60 sena, tmur kontra r-Regolament Nru 1178/2011 1 , sa fejn huwa jiffissa l-limitu għal 65 sena għall-impjieg tal-piloti fit-trasport kummerċjali bl-ajru, u l-imsemmi regolament japplika f’dan il-każ, ladarba l-leġiżlazzjoni nazzjonali speċjali ma tiġix applikata?

Sussidjarjament, jekk ir-regolament jitqies li ma huwiex applikabbli ratione materiae għaċ-ċirkustanzi tal-każ, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tmur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, previst mid-Direttiva 2000/78 2 u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (Artikolu 21(1)) li d-Direttiva 2000/78 tagħtiha espressjoni konkreta?

____________

1     Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 tat-3 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 311, p. 1).

2     Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).