Appell ippreżentat fit-30 ta’ Lulju 2020 minn Liviu Dragnea mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fit-12 ta’ Mejju 2020 fil-Kawża T-738/18, Dragnea vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-351/20 P)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellant: Liviu Dragnea (rappreżentanti: C. Toby, O. Riffaud, B. Entringer, avocats)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
tannulla d-digriet appellat tal-Qorti Ġenerali kollu kemm hu;
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni (OCM(2018)20575) mibgħuta lir-rappreżentant legali tal-appellant permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Ottubru 2018;
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn ta’ din l-azzjoni, l-appellant jinvoka tliet aggravji.
L-ewwel aggravju bbażat fuq ksur tal-Artikoli 9(1), 9(2) u 9(4) tar-Regolament OLAF 1 u ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-appellant fl-investigazzjonijiet, inkluż id-dritt għal smigħ u l-osservanza tal-preżunzjoni ta’ innoċenza.
It-tieni aggravju bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba fir-rigward tal-investigazzjonijiet kif ukoll ir-rifjut li tinbeda investigazzjoni dwar it-tmexxija tal-investigazzjoni tal-OLAF.
It-tielet aggravju bbażat fuq ksur tad-dritt għal aċċess għal dokumenti li jikkonċernaw l-investigazzjonijiet tal-OLAF.
____________
1 Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU 2013, L 248, p. 1).