Language of document : ECLI:EU:F:2012:29

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

8 ta’ Marzu 2012

Kawża F‑12/10

Petrus Kerstens

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Proċeduri dixxiplinari — Każ imressaq quddiem il-Bord tad-Dixxiplina minn awtorità bla ġurisdizzjoni — Twissija bil-miktub — Tul tal-proċedura — Drittijiet tad-difiża u preżunzjoni tal-innoċenza — Terminu raġonevoli”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu qiegħed jintalab l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ April 2009 li timponi fuqu s-sanzjoni dixxiplinari ta’ twissija bil-miktub.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. P. Kerstens għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Proċedura — Rikors promotur — Replika — Rekwiżiti proċedurali — Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 35(1)(e) u 41)

2.      Proċedura — Awtorità ta’ res judicata — Portata — Tieni rikors li jirrigwarda deċiżjoni distinta, individwali u li tiġi wara dik ikkontestata fl-ewwel rikors — Ammissibbiltà

3.      Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Investigazzjoni qabel il-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari — Mandat ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju ta’ Investigazzjoni u ta’ Dixxiplina tal-Kummissjoni — Portata — Rakkomandazzjoni indirizzata lill-Awtorità tal-Ħatra li timponi miżura amministrattiva lill-uffiċjal ikkonċernat — Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikolu 3)

4.      Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari — Terminu — Obbligu tal-amministrazzjoni li taġixxi f’terminu raġonevoli — Nuqqas ta’ osservanza — Konsegwenzi

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikolu 5)

5.      Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Proċeduri dixxiplinari — Termini — Obbligu tal-amministrazzjoni li taġixxi f’terminu raġonevoli — Evalwazzjoni — Inosservanza — Ċirkustanzi partikolari — Oneru tal-prova

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX)

1.      Skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 35(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ir-rikors għandu jinkludi l-motivi u l-argumenti ta’ fatt u ta’ liġi invokati. Dawn il-motivi u argumenti għandhom jiġu ppreżentati b’mod suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra. Sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess. Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 35(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura tirrigwarda wkoll il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-replika li, skont l-Artikolu 41 tal-istess regoli, hija intiża, flimkien mal-kontroreplika, biex tikkompleta l-proċess.

(ara l-punt 68)

Referenza:

Qorti tal-Prim’Istanza: 20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, punti 39 u 40

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Settembru 2011, Michail vs Il-Kummissjoni, F‑100/09, punt 22

2.      L-awtorità ta’ res judicata marbuta ma’ sentenza tista’ tostakola l-ammissibbiltà ta’ rikors jekk ir-rikors li jwassal għas-sentenza inkwistjoni kien bejn l-istess partijiet, kien dwar l-istess suġġett u kien ibbażat fuq l-istess kwistjoni. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom ta’ bilfors natura kumulattiva.

Dan ma huwiex il-każ meta t-tieni rikors jirrigwarda deċiżjoni distinta, individwali u li tiġi wara d-deċiżjoni li kienet is-suġġett tal-ewwel rikors. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li ż-żewġ rikorsi għandhom l-istess suġġett.

(ara l-punti 85 u 87)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 19 ta’ Settembru 1985, Hoogovens Groep vs Il-Kummissjoni, 172/83 u 226/83, punt 9; 22 ta’ Settembru 1988, Franza vs Il-Parlament, 358/85 u 51/86, punt 12

Il-Qorti tal-Prim’ Istanza: 8 ta’ Marzu 1990, Maindiaux et vs CES, T‑28/89, punt 23; 5 ta’ Ġunju 1996, NMB Franza et vs Il-Kummissjoni, T‑162/94, punti 37 u 38

3.      Fil-kuntest tar-rapport ta’ investigazzjoni tagħha qabel id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tiftaħ jew li ma tiftaħx proċedura dixxiplinarja, l-Uffiċċju ta’ Investigazzjoni u ta’ Dixxiplina tal-Kummissjoni (IDOC) ma jeċċedix il-mandat ta’ investigazzjoni tiegħu billi jifformula, għall-imsemmija awtorità, rakkomandazzjoni li tiġi adottata miżura amministrattiva kontra uffiċjal.

Fil-fatt, sa fejn l-IDOC u l-Awtorità tal-Ħatra huma żewġ organi separati u awtonomi, l-IDOC jista’ jifformula rakkomandazzjonijiet sekondarji jew addizzjonali. Għalhekk, huwa jista’, pereżempju, jippreċiża t-tip ta’ proċedura dixxiplinarja li huwa jaħseb li għanda tinfetaħ fil-konfront tal-persuna kkonċernata. Peress li l-Artikolu 3 tal-Anness IX tal-Istatut jipprovdi għas-smigħ tal-parti kkonċernata mill-Awtorità tal-Ħatra fuq il-bażi tar-rapport ta’ investigazzjoni stabbilit mill-IDOC, ir-rakkomandazzjonijiet li l-IDOC tqis opportun li jiġu fformulati għandhom ta’ bilfors jiġu inklużi fl-imsemmi rapport qabel mal-persuna kkonċernata tinstema’ mill-Awtorità tal-Ħatra skont l-imsemmi Artikolu 3.

(ara l-punti 94 u 95)

4.      Għalkemm l-Istatut ma jistabbilixxix terminu ta’ preskrizzjoni għall-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinarja, huwa madankollu jistabbilixxi, fl-Anness IX tiegħu, preċiżament fl-Artikolu 5 ta’ dan l-anness, termini stretti għall-iżvolġiment tal-proċedura dixxiplinarja quddiem il-Bord tad-Dixxiplina. Għalkemm huwa minnu li dawn it-termini ma humiex perentorji, huma madankollu jistabbilixxu regola ta’ amministrazzjoni tajba bl-intenzjoni li, fl-interess kemm tal-amministrazzjoni kif ukoll tal-uffiċjali, jiġi evitat dewmien inġustifikat fl-adozzjoni tad-deċiżjoni li ttemm il-proċedura dixxiplinarja.

Għalhekk, l-awtoritajiet dixxiplinari għandhom l-obbligu li jwettqu l-proċeduri dixxiplinari b’diliġenza u li jaġixxu b’mod li kwalunkwe proċeduri jseħħu f’terminu raġonevoli fir-rigward tal-att preċedenti. L-inosservanza ta’ dan it-terminu, li tista’ biss tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, tista’ twassal għall-annullament tal-att.

Dan id-dmir ta’ diliġenza u ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli japplika wkoll għall-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari, b’mod partikolari fil-każ u mill-mument meta l-amministrazzjoni ssir taf dwar fatti u mġiba li jistgħu jammontaw għal ksur tal-obbligi statutorji ta’ uffiċjal. Fil-fatt, anki fl-assenza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni, l-awtoritajiet dixxiplinari għandhom l-obbligu li jaġixxu b’mod li l-ftuħ tal-proċedura li għandha twassal għal sanzjoni sseħħ f’terminu raġonevoli.

Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jitqiegħed inkwistjoni li kieku l-amministrazzjoni kellha ddewwem b’mod eċċessiv il-ftuħ tal-proċedura dixxiplinarja. Fil-fatt, kemm l-evalwazzjoni mill-amministrazzjoni tal-fatti u tal-imġiba li jistgħu jammontaw għal nuqqas dixxiplinarju kif ukoll l-eżerċizzju mill-uffiċjal tad-drittijiet tiegħu tad-difiża jistgħu jsiru partikolarment diffiċli jekk jgħaddi perijodu twil ta’ żmien bejn meta jseħħu dawn il-fatti u mġiba u l-bidu tal-inkjesta dixxiplinarja. Fil-fatt, minn naħa, xhieda u dokumenti importanti – provi inkriminanti jew le — jistgħu jisparixxu, u, min-naħa l-oħra, isir diffiċli għall-persuni kollha kkonċernati u għax-xhieda li jiftakkru b’eżattezza l-fatti tal-każ u ċ-ċirkustanzi li fihom dawn seħħew.

(ara l-punti 124 sa 126)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 17 ta’ Ottubru 1991, de Compte vs Il-Parlament, T‑26/89, punt 88; 26 ta’ Jannar 1995, D vs Il-Kummissjoni, T‑549/93, punt 25; 10 ta’ Ġunju 2004, François vs Il-Kummissjoni, T‑307/01, punt 47

5.      Il-perijodu li jrid jittieħed inkunsiderazzjoni biex tiġi evalwata n-natura raġonevoli tad-dewmien tal-proċedura dixxiplinari ma huwiex biss dak li jibda jiddekorri mid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura msemmija. Il-kwistjoni dwar jekk il-proċedura dixxiplinari, ladarba tinfetaħ, titmexxhiex bid-diliġenza meħtieġa, hija affettwata mill-fatt li jkun għadda perijodu xi ftit jew wisq twil bejn meta jkun seħħ l-allegat ksur dixxiplinarju u d-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari.

F’dan ir-rigward, in-natura raġonevoli tat-tul tal-fażi li tippreċedi l-proċedura dixxiplinarja u dak tal-proċedura dixxiplinarja għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull kawża u, b’mod partikolari, skont x’hemm inkwistjoni fil-kawża għall-persuna kkonċernata, il-kumplessità tal-kawża kif ukoll l-aġir tar-rikorrenti u l-aġir tal-awtoritajiet kompetenti. Ma hemm ebda fattur partikolari li huwa deċiżiv. Kull wieħed minnhom irid jiġi eżaminat b’mod separat, biex imbagħad jiġi evalwat l-effett kumulattiv tagħhom. Ċerti eżempji ta’ dewmien imputabbli lill-Awtorità tal-Ħatra, jekk meqjusa waħedhom, jistgħu ma jidhrux irraġonevoli, iżda jekk jittieħdu flimkien jistgħu jitqiesu bħala irraġonevoli. Ir-rekwiżiti fil-qasam tad-diliġenza proċedurali ma jmorrux lil hinn, madankollu, minn dak li huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Għalhekk, għalkemm ma jistax jiġi eskluż li ċerti stadji tal-fażi li tippreċedi l-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinarja setgħu żvolġew b’iktar ħeffa, it-terminu jkun raġonevoli jekk l-akkumulazzjoni ta’ dewmien, mhux irraġonevoli, ta’ kull wieħed minn dawn l-istadji jwassal għal terminu li, analizzat globalment, ma jistax jitqies bħala irraġonevoli sal-punt li jwassal għall-preskrizzjoni tar-responsabbiltà dixxiplinarja tal-persuna kkonċernata.

Meta, minħabba deċiżjonijiet meħuda mill-Awtorità tal-Ħatra, proċedura teċċedi dak li normalment jitqies bħala terminu raġonevoli, din l-Awtorità għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ fatti partikolari ta’ natura li jiġġustifikaw dan l-eċċess.

(ara l-punti 127 sa 130 u 143)

Referenza:

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Jannar 2010, A u G vs Il-Kummissjoni, F‑124/05 u F‑96/06, punti 392 sa 395