Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Okresný súd Bratislava III (Is-Slovakkja) fil-11 ta’ Mejju 2020 – proċeduri kriminali kontra AB et, il-partijiet l-oħra HI u Krajská prokuratúra v Bratislave

(Kawża C-203/20)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Qorti tar-rinviju

Okresný súd Bratislava III

Partijiet fil-kawża prinċipali

Akkużati: AB, CD, EF, GH, IJ, LM, NO, PR, ST, UV, WZ, BC, DE, FG u JL

Partijiet oħra fil-proċedura: HI u Krajská prokuratúra v Bratislave

Domandi preliminari

Il-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprekludi l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fis-sens tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI 1 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, meta l-kawża kriminali tkun ġiet definittivament konkluża permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li twaqqaf jew tinterrompi l-proċedura, jekk dawn id-deċiżjonijiet ikunu ġew adottati fuq il-bażi ta’ amnestija li tkun ġiet irrevokata mil-leġiżlatur wara li dawn id-deċiżjonijiet ikunu saru definittivi u l-ordinament ġuridiku intern jipprevedi li r-revoka ta’ tali amnestija tagħti lok għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi sa fejn dawn ikunu ġew adottati u mmotivati fuq il-bażi ta’ amnestiji u ta’ maħfriet u ma jibqgħux preżenti l-ostakoli legali tal-proċeduri kriminali li kienu bbażati fuq amnestija li tkun ġiet irrevokata, u dan mingħajr deċiżjoni ġudizzjarja jew proċedura ġudizzjarja speċifika?

Dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali li tannulla direttament, mingħajr deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali, id-deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali li tinterrompi l-proċedura kriminali, li, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali, għandha n-natura ta’ deċiżjoni definittiva li tagħti lok għall-waqfien u li fuq il-bażi tagħha l-proċedura kriminali tkun ġiet definittivament interrotta wara l-amnestija mogħtija konformement ma’ liġi nazzjonali, hija konformi mad-dritt għal qorti imparzjali, iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mad-dritt għal ne bis in idem għal reat kriminali ggarantit fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 82 TFUE?

Dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tillimita l-istħarriġ mill-Qorti Kostituzzjonali tar-riżoluzzjoni tan-Národná rada Slovenskej republiky (il-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka) li tirrevoka amnestija jew maħfriet individwali u adottata b’applikazzjoni tal-Artikolu 86(i) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Slovakka għal sempliċi evalwazzjoni tal-kostituzzjonalità tagħha, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-atti vinkolanti adottati mill-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kif ukoll it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, hija konformi mal-prinċipju ta’ lealtà fis-sens tal-Artikolu 4(3) TUE, tal-Artikolu 267 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 82 TFUE, mad-dritt għal qorti imparzjali, iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mad-dritt għal ne bis in idem għal reat kriminali, iggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika ĠU 2009, L 17, p. 45