Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Jannar 2020 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika

(Kawża C-11/20)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentant: Α. Bouchagiar u Th. Ramopoulos)

Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li r-Repubblika Ellenika, billi ma adottatx fit-termini previsti l-miżuri kollha neċessarji għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2011 fil-Każ SA.28864, dwar il-ħlasijiet ta’ kumpens magħmula mill-Organu Grieg tal-Assigurazzjoni Agrikola (ELGA) fl-2008 u fl-2009 jew, fi kwalunkwe każ, billi ma informatx suffiċjentement skont il-liġi lill-Kummissjoni bil-miżuri adottati skont l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2, 3 u 4 tad-deċiżjoni inkwistjoni kif ukoll taħt it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas-7 ta’ Diċembru 2011 fil-Każ SA.28864, ir-Repubblika Ellenika kellha tirkupra fi żmien erba’ xhur l-għajnuna inkompatibbli mogħtija permezz tal-Organu Grieg tal-Assigurazzjoni Agrikola (ELGA) fis-snin 2008 u 2009, kif ukoll tinforma suffiċjentement skont il-liġi lill-Kummissjoni Ewropea rigward il-miżuri neċessarji għal dan il-għan.

Madankollu, ir-Repubblika Ellenika ma rkupratx l-għajnuna inkwistjoni, kif kienet obbligata tagħmel. Bl-istess mod, ir-Repubblika Ellenika għadha ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex timplimenta d-deċiżjoni. Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika Ellenika ma informatx suffiċjentement skont il-liġi lill-Kummissjoni Ewropea rigward il-miżuri relatati mal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni.

____________