Language of document : ECLI:EU:C:2019:141

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fis‑26 ta’ Frar 2019 (1)

Kawża C33/18

V

vs

Institut national d’assurances sociales pour travailleurs indépendants,

Securex Integrity ASBL

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-cour du travail de Liège (il-Qorti Industrijali ta’ Liège, il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Dispożizzjonijiet tranżitorji – Artikolu 87(8) – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikolu 14ċ(b) – Derogi għall-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli – Affiljazzjoni doppja – Tressiq ta’ talba bil‑għan tal-issuġġettar għal-leġiżlazzjoni applikabbli bis-saħħa tar-Regolament Nru 883/2004”






1.        Din il-kawża tittratta talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-cour du travail de Liège (il-Qorti Industrijali ta’ Liège, il-Belġju) dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 87(8) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (2).

2.        Din hija dispożizzjoni tranżitorja li hija intiża sabiex tirregola sitwazzjonijiet li fihom, bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 883/2004 fl‑1 ta’ Mejju 2010, persuna hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor li ma huwiex dak li hija kienet suġġetta għal-leġiżlazzjoni tiegħu bis-saħħa tal-ex Regolament (KEE) Nru 1408/71 (3) imħassar u ssostitwit bir-Regolament Nru 883/2004.

3.        It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004 huwiex applikabbli f’każ bħal dak pendenti quddiemha li jikkonċerna persuna, V, li, fil-mument tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 883/2004, kienet teżerċita attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru u attività bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru ieħor, u għaldaqstant kienet suġġetta għal affiljazzjoni doppja. Din hija l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tinterpreta din id-dispożizzjoni tranżitorja tar-Regolament Nru 883/2004.

I.      Il-kuntest ġuridiku

4.        L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71 ikkodfika l-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli u kien jipprevedi li “[b]la ħsara għall-[Artikolu 14ċ], persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss”.

5.        Madankollu, bħala deroga għal dan il-prinċipju, l-Artikolu 14ċ(b) tar-Regolament Nru 1408/71, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Anness VII tal-istess Regolament, kien jipprevedi li l-ħaddiem li jeżerċita attività bħala persuna li taħdem għal rasha fil-Belġju u attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru ieħor kellu jkun suġġett simultanjament għal żewġ leġiżlazzjonijiet differenti, jiġifieri dik tal-post tal-attività tiegħu bħala persuna impjegata u dik tal-post tal-attività tiegħu bħala persuna li taħdem għal rasha.

6.        Fl-Artikolu 11(1) tiegħu, ir-Regolament Nru 883/2004 kkonferma l-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli u ħassar l-eċċezzjonijiet kollha għal dan il-prinċipju previsti fir-Regolament Nru 1408/71.

7.        Skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 883/2004, il-“[p]ersuna li normalment twettaq attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stati Membri differenti għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn hija twettaq attività bħala persuna impjegata”.

8.        L-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Disposizzjonijiet transitorji ” jipprevedi:

“Jekk, bħala riżultat ta’ dan ir-Regolament, persuna hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru barra minn dak determinat skont it-Titolu II tar-Regolament [Nru 1408/71], dik il-leġiżlazzjoni għandha tkompli tapplika sakemm is-sitwazzjoni relevanti tibqa’ ma nbidlitx u fi kwalunkwe każ għal perijodu mhux anqas minn 10 snin mid-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament sakemm il-persuna kkonċernata ma titlobx li hija ssir suġġetta għal-leġiżlazzjoni applikabbli taħt dan ir-Regolament. It-talba għandha tiġi preżentata fi żmien tliet xhur wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament lill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu hi applikabbli taħt dan ir-Regolament jekk il-persuna kkonċernata għandha tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru sa mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jekk it-talba ssir wara l-limitu taż-żmien indikat, il-bidla tal-leġiżlazzjoni applikabbli għandha ssir fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara.”

II.    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9.        V ħadem fil-Belġju bħala avukat sat‑30 ta’ Settembru 2007. Minħabba f’hekk, huwa kien iskritt mal-Institut national d’assurances sociales pour travailleurs indépendants (l-Istitut Nazzjonali ta’ Assigurazzjoni Soċjali għal Ħaddiema li Jaħdmu għal Rashom, iktar ’il quddiem l-“INASTI”) u kien affiljat mal-fond ta’ sigurtà soċjali Securex Integrity ASBL (iktar ’il quddiem “Securex”).

10.      Fil-mument tat-tqegħid fi stralċ tal-uffiċċju tal-avukati li huwa kien jaħdem miegħu, fit‑30 ta’ Settembru 2007, V ġie nnominat bħala wieħed mill-istralċatarji ta’ dan l-uffiċċju u, fl-istess waqt, ma baqax affiljat ma’ Securex. L-għada, fl‑1 ta’ Ottubru 2007, huwa beda jaħdem ma’ kumpannija stabbilita fil-Lussemburgu u, għaldaqstant, minn din id-data, huwa suġġett għas-sigurtà soċjali Lussemburgiża bħala persuna impjegata.

11.      Fl‑2010, l-INASTI talab preċiżazzjonijiet mingħand V dwar il-mandat tiegħu ta’ stralċatarju. V wieġeb li l-emolumenti li kienu tħallsulu fil-kwalità tiegħu ta’ stralċatarju la kienu jwasslu għall-klassifikazzjoni tiegħu bħala ħaddiem li jaħdem għal rasu u lanqas għall-issuġġettar tiegħu għall-istatus soċjali ta’ dawn il-ħaddiema.

12.      Fl-2013, l-INASTI nnotifika lil Securex deċiżjoni ta’ regolarizzazzjoni relatata mad-dħul irċevut minn V bħala stralċatarju għas-snin 2008, 2009 u 2010. Abbażi ta’ dan, Securex ikkomunika lil V li huwa kellu jiġi riklassifikat bħala persuna suġġetta għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet fuq bażi supplimentari b’effett mill‑1 ta’ Ottubru 2007 u li, konsegwentement, huwa kellu jħallas iktar minn EUR 35 000 bħala kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali u żidiet għall-perijodu 2007‑2013.

13.      V ikkontesta din l-ittra quddiem it-tribunal du travail d’Arlon (il-Qorti Industrijali ta’ Arlon, il-Belġju). Parallelament, huwa talab lil Securex ma jibqax iktar suġġett għall-iskema ta’ sigurtà soċjali addizzjonali b’effett mill-2014 u pproduċa l-prova li l-mandat tiegħu ta’ ko-stralċatarju kien ġie eżerċitat bla ħlas mill-1 ta’ Jannar 2010.

14.      Peress illi t-tribunal du travail d’Arlon (il-Qorti Industrijali ta’ Arlon) ċaħdet ir-rikors tiegħu, V ippreżenta appell quddiem il-qorti tar-rinviju mis-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza, li fih huwa argumenta, b’mod partikolari, li fid-dawl tar-Regolament Nru 883/2004, l-INASTI u Securex ma setgħux jitolbu l-kontribuzzjonijiet kontenzjużi.

15.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk f’sitwazzjoni bħal dik ta’ V – li fiha, barra minn hekk, id-deċiżjoni dwar l-issuġġettar tiegħu għall-iskema Belġjana ta’ sigurtà soċjali addizzjonali ttieħdet retroattivament f’Diċembru 2013 – huwa kienx meħtieġ, sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, iressaq talba espressa f’terminu ta’ tliet xhur skont l-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004.

16.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 87(8) tar-[Regolament Nru 883/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuna li, qabel l‑1 ta’ Mejju 2010, bdiet teżerċita attività bħala persuna impjegata fil-[Lussemburgu] u attività bħala persuna li taħdem għal rasha fil-Belġju, għandha, sabiex tiġi suġġetta għal-leġiżlazzjoni applikabbli skont ir-[Regolament Nru 883/2004], tippreżenta talba espressa f’dan is-sens, anki jekk hija ma kienet suġġetta għall-ebda ssuġġettar […] fil-Belġju qabel l‑1 ta’ Mejju 2010 u kienet suġġetta għal-leġiżlazzjoni Belġjana dwar l-istatus soċjali tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom b’mod retroattiv biss, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur li beda jiddekorri fl‑1 ta’ Mejju 2010?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, it-talba msemmija fl-Artikolu 87(8) tar-[Regolament Nru 883/2004], imressqa fiċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq, twassal għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat kompetenti skont ir-[Regolament Nru 883/2004] b’effett retroattiv mill‑1 ta’ Mejju 2010?”

III. Analiżi ġuridika

17.      Preliminarjament, għandu jiġi nnotat li, wara talba għal kjarifika indirizzata lill-qorti tar-rinviju mill-Qorti tal-Ġustizzja bis-saħħa tal-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura, dik il-qorti ppreċiżat li, fil-mument tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 883/2004, V seta’ jiġi kkunsidrat bħala li kien suġġett għal-leġiżlazzjoni Belġjana bħala persuna li taħdem għal rasha, minħabba l-attività tiegħu ta’ stralċatarju għall-uffiċċju tal-avukati mqiegħed fi stralċ.

18.      Għaldaqstant id-domandi preliminari li saru mill-qorti tar-rinviju għandhom jiġu analizzati billi tittieħed inkunsiderazzjoni din il-premessa (4).

19.      Issa li ġie ppreċiżat dan il-punt, id-domandi preliminari jqajmu, essenzjalment, il-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004 f’każ bħal dak ta’ V.

20.      L-ewwel domanda hija intiża li tiddetermina jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li persuna li, fil-mument tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 883/2004, jiġifieri fl‑1 ta’ Mejju 2010, kienet teżerċità, minn naħa, attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru (f’dan il-każ il-Lussemburgu) u kienet għaldaqstant suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru u, min-naħa l-oħra, attività bħala persuna li taħdem għal rasha fil-Belġju u kienet għaldaqstant suġġetta għal-leġiżlazzjoni Belġjana bħala persuna li taħdem għal rasha kellhiex, sabiex tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni applikabbli bis-saħħa tar-Regolament Nru 883/2004, tressaq talba espressa f’dan is-sens taħt l-Artikolu 87(8) ta’ dan ir-Regolament.

21.      Fil-każ ta’ risposta affermattiva, it-tieni domanda hija intiża li tiddetermina jekk talba bħal din imressqa f’ċirkustanzi partikolari bħal dawk inkwistjoni twassalx għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli bis-saħħa tar-Regolament Nru 883/2004 b’effett retroattiv għall‑1 ta’ Mejju 2010.

22.      Qabelxejn, għandha tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Renju tal-Belġju. Dan isostni li ż-żewġ domandi preliminari ma jirriflettux ir-realtà u l-għan tat-tilwima u minħabba f’hekk iqajmu problema ta’ natura ipotetika biss.

23.      Issa, huwa opportun li jitfakkar, f’dan il-kuntest, li skont il-ġurisprudenza, meta d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola ġenerali, marbuta li tagħti deċiżjoni, sakemm ma jidhirx manifestament li d‑domanda għal deċiżjoni preliminari tkun tali li, fil‑verità, twassalha sabiex tagħti deċiżjoni permezz ta’ kawża fittizja jew li tagħti opinjonijiet konsultattivi fuq kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha l-ebda relazzjoni mal‑fatti jew mas-suġġett tal-kawża, jew inkella li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi ta’ fatt jew ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod effettiv għad-domandi li jkunu tressqu quddiemha (5).

24.      F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-argument tal-Gvern Belġjan li ż-żewġ domandi preliminari huma bbażati fuq il-premessa fattwali żbaljata li V ma kien suġġett għal ebda ssuġġettar fil-Belġju qabel l‑1 ta’ Mejju 2010, dan ma baqax rilevanti wara t-tweġiba tal-qorti tar-rinviju għat-talba għal kjarifika msemmija fil-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

25.      Fit-tieni lok, u f’kull każ, jirriżulta b’mod evidenti mill-fajl quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-kwistjoni dwar jekk, sabiex ikun jista’ jiġi suġġett esklużivament għal-leġiżlazzjoni ddeterminata skont ir-Regolament Nru 883/2004, jiġifieri l-leġiżlazzjoni Lussemburgiża, wara l‑1 ta’ Mejju 2010, V kienx jew le meħtieġ iressaq talba skont l-Artikolu 87(8) ta’ dan ir-regolament u, fil-każ ta’ risposta affermattiva, dik dwar liema huma l-konsegwenzi tat-tressiq ta’ talba bħal din diversi snin wara din id-data, għandhom effett ċert fuq is-soluzzjoni tal-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, ir-risposta għal dawn id-domandi għandha effett dirett fuq in-numru ta’ snin li fir-rigward tagħhom l-awtoritajiet Belġjani jkollhom id-dritt jitolbu lil V il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet eventwalment dovuti.

26.      Minn dan isegwi li d-domandi li saru mill-qorti tar-rinviju xejn ma huma ipotetiċi u għaldaqstant huma ammissibbli.

27.      Fir-rigward tal-mertu, jirriżulta mill-fajl li, fil-mument tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 883/2004, V kien suġġett, bis-saħħa tad-deroga għall-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli prevista fl-Artikolu 14ċ(b) tar-Regolament Nru 1408/71, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Anness VII tal-istess regolament, għal żewġ leġiżlazzjonijiet: bħala persuna impjegata, għal-leġiżlazzjoni Lussemburgiża u, bħala persuna li taħdem għal rasha, għal-liġi Belġjana.

28.      L-ewwel domanda preliminari hija intiża li tiddetermina, fid-dawl tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004, x’konsegwenzi kellu fuq din is-sitwazzjoni d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament.

29.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata sabiex tiġi vverifikata l-applikabbiltà tagħha għal sitwazzjoni bħal dik ta’ V. Fil-fatt, jekk din id-dispożizzjoni tranżitorja kienet applikabbli, sabiex V ikun suġġett esklużivament għal-liġi ddeterminata bis-saħħa tar-Regolament Nru 883/2004, huwa kien imissu ressaq it-talba prevista fih. Għall-kuntrarju, jekk din id-dispożizzjoni ma kinitx applikabbli, allura, fid-dawl tat-tħassir tad-deroga prevista għall-Belġju fir-Regolament Nru 1408/71 u bis-saħħa tal-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli, li sar assolut taħt ir-reġim tar-Regolament Nru 883/2004, V kien ikun suġġett esklużivament għal-leġiżlazzjoni ddeterminata abbażi ta’ dan l-aħħar regolament, jiġifieri l-leġiżlazzjoni Lussemburgiża.

30.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jiġi kkunsidrat mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (6).

31.      Fir-rigward, qabelxejn, tal-kliem tal-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004, jirriżulta li din id-dispożizzjoni tranżitorja hija applikabbli meta, bis-saħħa tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 883/2004, persuna kienet suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor barra dak li hija kienet suġġetta għal-leġiżlazzjoni tiegħu bis-saħħa tar-Regolament Nru 1408/71.

32.      Il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni juri għalhekk li hija applikabbli għall-każ fejn persuna tgħaddi minn sitwazzjoni li fiha hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru għal sitwazzjoni li fiha hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor.

33.      Kif innotat korrettament il-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni ma tkoprix espressament, għall-kuntrarju, sitwazzjonijiet, bħal dawk ibbażati fuq l-Artikolu 14ċ(b) tar-Regolament Nru 1408/71, li fihom il-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali ta’ żewġ Stati Membri kienet applikabbli simultanjament u, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 883/2004, waħda biss minn dawn iż-żewġ leġiżlazzjonijiet baqgħet applikabbli.

34.      In-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004 għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju hija, fil-fehma tiegħi, barra minn hekk ikkonfermata mill-kuntest li minnu din id-dispożizzjoni tagħmel parti u mill-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

35.      Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 883/2004 neħħa l-eċċezzjonijiet kollha għall-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli li kienu jeżistu fir-Regolament Nru 1408/71. Issa, interpretazzjoni tal-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004, li, billi tmur lil hinn mill-kliem tiegħu, testendi s-sistema derogatorja billi tipprevedi affiljazzjoni doppja, tkun, fil-fehma tiegħi, inkonsistenti mas-sistema stabbilita bir-Regolament Nru 883/2004, ibbażata fuq il-prinċipju, li sar assolut, ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

36.      Bl-istess mod, fir-rigward tal-għan tal-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004, dan ġie identifikat bħala dak li jevita ħafna bidliet tal-leġiżlazzjoni applikabbli mal-bidla għar-regolament il-ġdid u li jippermetti tranżizzjoni faċli għall-persuna kkonċernata fir-rigward tal-leġiżlazzjoni applikabbli jekk ikun hemm diskrepanza bejn il-leġiżlazzjoni applikabbli skont ir-Regolament Nru 1408/71 u l-leġiżlazzjoni applikabbli skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 883/2004 (7).

37.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni, it-tneħħija fir-Regolament Nru 883/2004 tal-possibbiltà li kienet teżisti fir-Regolament Nru 1408/71 ta’ affiljazzjoni doppja timmilita kontra l-idea li l-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004 seta’ kellu l-għan li jżomm din il-possibbiltà li, barra minn hekk, hija mħassra f’dan ir-regolament.

38.      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li l-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004 ma huwiex applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik ta’ V li, fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, kien suġġett, bis-saħħa tal-Artikolu 14ċ(b) tar-Regolament Nru 1408/71, simultanjament għal-leġiżlazzjoni ta’ żewġ Stati Membri differenti.

39.      Din il-konklużjoni tirrendi superfluwa, fl-opinjoni tiegħi, risposta għall-argumenti mressqa mill-Gvern Belġjan fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kundizzjoni, prevista fl-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004, li, sabiex il-leġiżlazzjoni ddeterminata bis-saħħa tar-Regolament Nru 1408/71 tibqa’ tapplika, “is-sitwazzjoni relevanti” għandha tibqa’ ma nbidlitx. Fil-fatt, l-interpretazzjoni ta’ din il-kundizzjoni ssir rilevanti biss jekk id-dispożizzjoni tal-Artikolu 87(8) hija applikabbli, fatt li, fil-fehma tiegħi, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma huwiex il-każ hawnhekk.

40.      Minn dan jirriżulta li sabiex ikun suġġett, mill‑1 ta’ Mejju 2010, esklużivament għal-liġi ddeterminata bir-Regolament Nru 883/2004, jiġifieri, bis-saħħa tal-Artikolu 13(3) ta’ dan ir-regolament, il-liġi Lussemburgiża, V ma kienx meħtieġ iressaq it-talba prevista fl-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004.

41.      Fid-dawl tas-soluzzjoni li nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju.

IV.    Konklużjoni

42.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-cour du travail de Liège (il-Qorti Industrijali ta’ Liège, il-Belġju):

Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 87(8) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali għandha tiġi interpretata fis-sens li ma hijiex applikabbli għal persuna li, fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, jiġifieri fl‑1 ta’ Mejju 2010, kienet suġġetta għal affiljazzjoni doppja bis-saħħa tal-Artikolu 14ċ(b) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità. Sabiex tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni applikabbli bis-saħħa tar-Regolament Nru 883/2004, tali persuna ma kinitx għaldaqstant meħtieġa tressaq talba espressa f’dan is-sens bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 (ĠU 2009, L 284, p. 43) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”).


3      Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament (KE) Nru 118/97, tat‑2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat, fl-aħħar lok, bir-Regolament (KE) Nru 592/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 (ĠU 2008, L 177, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”).


4      Għall-kuntrarju, il-fatt li d-deċiżjoni dwar l-issuġġettar tiegħu għall-iskema Belġjana ta’ sigurtà soċjali addizzjonali ttieħdet retroattivament ma huwiex, fil-fehma tiegħi, rilevanti fl-analiżi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 883/2004. Fil-fatt, dan ir-regolament ma għandux l-għan li jiddetermina r-rekwiżiti sostantivi tal-eżistenza tad-dritt għall-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali u bħala prinċipju għandha tkun il-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li tiddetermina dawn ir-rekwiżiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2013, Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑308/14, EU:C:2016:436, punt 65)).


5      Ara s-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2010, VEBIC (C‑439/08, EU:C:2010:739, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


6      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2018, Klein Schiphorst (C‑551/16, EU:C:2018:200, punt 34).


7      Ara l-Gwida Prattika dwar il-Leġiżlazzjoni Applikabbli fl-Unjoni Ewropea (UE), fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u fl-Iżvizzera redatta u approvata mill-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali (ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=11366&langId=mt, p. 46).