Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja) fl-10 ta’ Jannar 2019 – A.m.a. - Azienda Municipale Ambiente SpA vs Consorzio Laziale Rifiuti – Co.La.Ri.

(Kawża C-15/19)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Corte suprema di cassazione

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: A.m.a. - Azienda Municipale Ambiente SpA

Konvenut: Consorzio Laziale Rifiuti – Co.La.Ri.

Domandi preliminari

L-interpretazzjoni tal-qorti tal-appell, fis-sens li l-Artikoli 15 u 17 tad-Digriet Leġiżlattiv 36/2003, li jittrasponu fid-dritt nazzjonali l-Artikoli 10 u 14 tad-Direttiva 1999/31, japplikaw b’mod retroattiv, li għandu l-effett li jissuġġetta inkundizzjonalment il-landfills eżistenti li għandhom diġà awtorizzazzjoni ta’ operat għall-obbligi li jipprevedu dawn id-dispożizzjonijiet, u b’mod partikolari għall-estensjoni minn għaxra għal tletin sena tal-perijodu ta’ manutenzjoni tas-sit wara li ma jibqax operattiv, hija konformi mal-Artikoli 10 u 14 tad-Direttiva 1999/31 1 ?

B’mod partikolari, fid-dawl tal-kontenut tal-Artikoli 10 u 14 tad-Direttiva 1999/31, li, rispettivament, jistiednu lill-Istati Membri jieħdu, “mżuri biex jiżguraw l-ispejjeż kollha involuti fil-bidu u l-operazzjoni tas-sit ta’ terraferma, inkluża kemm jista’ jkun possibbli l-ispiża tas-sigurtá finanzjarja jew l-ekwivalenti tagħha riferuta fl-Artikolu 8(a)(iv), u l-ispejjeż stmati ta’ l-għeluq u l-kura ta’ wara tas-sit għal perijodu ta’ għall-inqas 30 sena jridu jkunu koperti mill-prezz li jrid jintalab biex jitħallas mill-operatur għar-rimi ta’ kull tip ta’ skart f’dak is-sit” u “miżuri sabiex terraferma li ġew mogħtija permess, jew li huma diġa qed jitħaddmu fil-ħin ta’ trasposizzjoni ta’ din id-Direttiva, [...] [ikunu jistgħu] ikomplu jaħdmu” -, l-interpretazzjoni magħmula mill-qorti tal-appell, fis-sens li l-Artikoli 15 u 17 tad-Digriet Leġiżlattiv 36/2003 japplikaw għal-landfills eżistenti li għandhom diġà awtorizzazzjoni ta’ operat, hija konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-direttiva, meta, fit-traspożizzjoni tiegħu tal-obbligi li huma imposti wkoll fuq il-landfills eżistenti, l-Artikolu 17 sempliċement jipprevedi perijodu tranżitorju u ma jinkludi ebda miżura intiża sabiex jiġu llimitati l-effetti finanzjarji tal-estensjoni fuq id-“detentur”?

L-interpretazzjoni mogħtija mill-qorti tal-appell, li l-Artikoli 15 u 17 tad-Digriet Leġiżlattiv 36/2003 japplikaw għal-landfills eżistenti li għandhom diġà awtorizzazzjoni ta’ operat, anki f’dak li jikkonċerna l-oneri finanzjarji li jirriżultaw mill-obbligi li huma hekk imposti fuqhom u, b’mod partikolari, l-estensjoni minn għaxra sa tletin sena tal-perijodu ta’ manutenzjoni tas-sit wara li ma jibqax operattiv, billi dawn l-oneri jkollu jbatihom id-“detentur” u billi tiġi vvalidata b’dan il-mod iż-żieda għal dan tal-aħħar tat-tariffi previsti fil-kuntratti li jirregolaw l-attività ta’ eliminazzjoni tal-iskart, hija konformi mal-Artikoli 10 u 14 tad-Direttiva 1999/31?

Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni fis-sens li l-Artikoli 15 u 17 tad-Digriet Leġiżlattiv 36/3003 japplikaw għal-landfills eżistenti li għandhom diġà awtorizzazzjoni ta’ operat, anki f’dak li jikkonċerna l-oneri finanzjarji li jirriżultaw mill-obbligi li huma hekk imposti fuqhom u, b’mod partikolari, l-estensjoni minn għaxra sa tletin sena tal-perijodu ta’ manutenzjoni tas-sit wara li ma jibqax operattiv, interpretazzjoni li l-qorti tal-appell tat meta qieset li l-oneri għandhom jiġu ddeterminati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss l-iskart li għandhom jirċievu mid-dħul fis-seħħ tal-miżuri ta’ traspożizzjoni, iżda wkoll skart li jkun diġà ġie rċevut, hija konformi mal-Artikoli 10 u 14 tad-Direttiva 1999/31?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 93/31/EHS tal-14 ta’ Ġunju 1993 dwar stands ta’ vetturi bil-mutur b’żewġ roti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 7, Vol. 2, p. 67).