Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Schwerin (il-Ġermanja) fit-8 ta’ Mejju 2019 – FD vs Staatliches Amt für Landwirtschaft und Umwelt Mittleres Mecklenburg

(Kawża C-365/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Schwerin

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: FD

Konvenut: Staatliches Amt für Landwirtschaft und Umwelt Mittleres Mecklenburg

Domanda preliminari

L-Artikolu 30(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 1 – fejn applikabbli moqri flimkien mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 639/2014 2 – jistabbilixxi dritt għal bidwi żagħugħ sabiex jingħata drittijiet għall-pagament għas-sena ta’ pretensjoni 2016, anki jekk dan ikun diġà bbenefika mingħajr ħlas minn drittijiet għall-pagament skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 mil-limitu massimu nazzjonali għas-sena 2015 skont id-daqs taż-żona allokata lilu dak iż-żmien?

____________

1     Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608 u rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 7).

2     Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lil bdiewa skont skemi ta’ appoġġ fi ħdan il-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l-Anness X ta’ dak ir-Regolament (ĠU 2014, L 181, p. 1).