Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Tribunalul Bucureşti (ir-Rumanija) fit-3 ta’ Jannar 2019 – SC Mitliv Exim SRL vs Agenţia Naţională de Administrare Fiscală and Direcţia Generală de Administrare a Marilor Contribuabili

(Kawża C-9/19)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Tribunalul Bucureşti

Partijiet fil-kawża prinċipali

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 2 u 273 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE ta’ 28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 , tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 325 TFUE, applikati għal ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali, li tippermetti l-azzjonijiet kontestwali li ġejjin:

–il-ħlas ta’ danni f’kuntest kriminali, impost matul il-fażi tal-investigazzjoni ta’ qabel il-prosekuzzjoni fuq bażi li ma hijiex dik ta’ titolu ta’ dejn fiskali;

–it-twettiq sussegwenti ta’ ispezzjoni tat-taxxa, b’mod parallel ma’ proċedura kriminali li matulha l-persuna taxxabbli tkun ġiet mixlija bir-reat ta’ evażjoni tat-taxxa u li timponi fuq il-persuna taxxabbli obbligi fiskali anċillari kemm minħabba l-perijodu kif ukoll l-ammont diġà ipprovdut għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet statali matul il-fażi tal-investigazzjoni ta’ qabel il-prosekuzzjoni, filwaqt li l-ipproċessar tal-ilment amministrattiv imressaq kontra l-miżuri amministrattivi tat-taxxa stabbiliti waqt li l-ispezzjoni ġie sospiż sal-għoti ta’ deċiżjoni finali fil-proċeduri kriminali;

–il-konklużjoni tal-kawża kriminali fl-ewwel istanza, bil-kundanna tal-mixli, fost oħrajn, għall-ħlas in solidum tal-ammont sħiħ impost fuq is-suspettati kollha fl-istadju tal-investigazzjoni kriminali, minkejja li ċerta parti biss minn dan l-ammont kienet imposta fuq il-persuna taxxabbli inkwistjoni, liema parti, barra minn hekk, ġiet imħallsa, u sa liema punt dawn l-azzjonijiet kollha, ikkunsidrati flimkien, huma ta’ natura eċċessiva fil-konfront tal-istess persuna taxxabbli?

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-attitudni tal-awtoritajiet tal-Istat li tikkonsisti fin-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, mill-perspettiva fiskali, ta’ ħlas imwettaq qabel ma jkunu saru definittivi s-sanzjonijiet amministrattivi u kriminali, meta dan il-ħlas ikopri parti mill-obbligu fiskali impost fuq [il-persuna taxxabbli], hija kompatibbli mal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni b’mod ġenerali u mal-prinċipju ne bis in idem b’mod partikolari, anki jekk l-għan previst huea l-ġbir tad-djun fiskali favur l-Istat u l-ġlieda kontra l-frodi?

Fid-dawl tar-risposti għall-[ewwel] u [t-tieni] domandi suesposti, id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali li ma tqisx bħala ġbir tat-taxxa li jmur kontra d-ritt tal-Unjoni […] is-sitwazzjoni li fiha, minkejja li l-persuna taxxabbli tkun ħallset id-danni kriminali fl-istadju tal-investigazzjoni kriminali, bil-għan li tnaqqas il-piena tagħha bin-nofs, fl-assenza ta’ titolu ta’ dejn fiskali maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti sabiex joħorġu tali titolu jew fl-assenza ta’ deċiżjoni definittiva mogħtija minn qorti kriminali, l-awtoritajiet fiskali jimponu, waqt kontrolli fiskali, obbligi fiskali aċċessorji, kemm minħabba l-perijodu kif ukoll l-ammont diġà ipprovdut għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet statali, fejn it-taxxa tinġabar mingħajr ebda bażi mill-mument tal-ħlas ta’ din tal-aħħar sal-mument li fih jiġu imposti l-obbligi fiskali permezz ta’ titolu ta’ dejn fiskali jew permezz ta’ deċiżjoni kriminali definittiva?

____________

1 ĠU 2006, L 347, p. 1.