Language of document : ECLI:EU:C:2019:73

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fid‑29 ta’ Jannar 2019 (1)

Kawża C243/18 P

Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni (Impriża Konġunta Fusion for Energy)

vs

Yosu Galocha

“Appell — Servizz pubbliku — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Proċedura ta’ selezzjoni tal-Impriża Konġunta Fusion for Energy — Irregolarità fil-proċedura ta’ selezzjoni — Assenza ta’ eżami bil-miktub – Annullament tal-atti sussegwenti intiżi u favorevoli għal terzi – Annullament ta’ lista ta’ riżerva u l-effett fuq ir-reklutaġġ ta’ persuni minn din il-lista ta’ riżerva – Proporzjonalità – Ibbilanċjar tal-interessi – Aspettattivi leġittimi”






I.      Introduzzjoni

1.        L‑Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni (iktar ’il quddiem “F4E” jew l-“appellanti”) organizzat proċedura ta’ selezzjoni għar-reklutaġġ ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt. Il-Gwida għall-Kandidati annessa mal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kienet tipprevedi li kellhom iseħħu kemm l-eżami orali kif ukoll dak bil-miktub. Wara li seħħ l-eżami orali, hija għażlet il-kandidati li ġew inklużi fil-listi ta’ riżerva, u sussegwentement irreklutat żewġ kandidati minn dawn il-listi.

2.        Yosu Galocha pparteċipa f’din il-proċedura ta’ selezzjoni. Madankollu ismu ma tniżżilx fil-listi ta’ riżerva. Huwa beda proċedura legali quddiem il-Qorti Ġenerali kontra F4E, intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Selezzjoni li ma tinkludix ismu fil-listi ta’ riżerva. Il-Qorti Ġenerali ma annullatx biss din id-deċiżjoni iżda wkoll il-listi ta’ riżerva fl-intier tagħhom u d-deċiżjonijiet li jiġu rreklutati l-kandidati li għaddew li jidhru f’dawn il-listi.

3.        F4E tappella minn din is-sentenza, u targumenta li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi annullat miżuri li kienu favorevoli għal terzi, jiġifieri l-listi ta’ riżerva u d-deċiżjonijiet ta’ reklutaġġ.

4.        Permezz tal-appell preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba teżamina jekk il-bilanċ milħuq fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali kienx iġġustifikat fuq il-fatti tal-każ preżenti. B’mod iktar wiesa’, taħt liema ċirkustanzi tista’ l-irregolarità mwettqa fil-proċedura ta’ selezzjoni twassal għall-annullament tal-atti sussegwenti kollha li jirriżultaw minn din il-proċedura ta’ selezzjoni, inkluż dawk favorevoli għal terzi, bħal pereżempju l-listi ta’ riżerva, id-deċiżjonijiet ta’ reklutaġġ individwali, jew il-kuntratti ta’ xogħol?

II.    Il-fatti u l-proċedura

A.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

5.        Il-fatti, kif esposti fis-sentenza appellata (2), jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

6.        F4E hija impriża konġunta fis-sens tal-Artikolu 45 tat-Trattat Euratom. Hija kienet ġiet stabbilita permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom tas‑27 ta’ Marzu 2007 (3). Y. Galocha ħadem fl-uffiċċji ta’ F4E f’Barcelona (Spanja) mit‑23 ta’ April 2014 bħala aġent interim. Mill-5 ta’ Mejju 2015 huwa baqa’ jaħdem f’dawn il-postijiet bħala subappaltatur estern skont il-kuntratt ta’ F4E ma’ impriża oħra. Fi Frar 2016, dan il-kuntratt tal-aħħar ġie fi tmiemu wkoll.

7.        Fil‑5 ta’ Frar 2015, F4E ppubblikat l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti F4E/CA/ST/FGIV/2015/001 fis-sit tal-internet tagħha intiż sabiex joħloq żewġ listi ta’ riżerva. L-għan kien li jiġu rreklutati uffiċjali ta’ sostenn tal-kontroll tal-ispejjeż, lista b’erba’ ismijiet għas-sit tagħha f’Barcelona, u l-oħra, ukoll b’erba’ ismijiet, għas-sit tagħha f’Cadarache (Franza). Il-kandidati li għaddew kellhom jiġu rreklutati bħala membri tal-persunal bil-kuntratt abbażi tal-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”) għal tul ta’ żmien li ma jiġġeddidx, ta’ massimu ta’ tliet snin.

8.        Fil-punt 3 tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti inkwistjoni, fir-rigward tal-informazzjoni supplimentari dwar il-proċedura ta’ selezzjoni tal-persunal bil-kuntratt, kien sar riferiment għal “Gwida għall-Kandidati”. Din il-gwida tqiegħdet online fis-sit tal-Internet ta’ F4E, flimkien mal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

9.        Il-punt 5 tal-Gwida għall-Kandidati kien intitolat “Ħarsa ġenerali lejn il-Proċedura ta’ Selezzjoni”. Dan kien jipprevedi l-istituzzjoni ta’ Kumitat ta’ Selezzjoni. It-tielet paragrafu tas-sezzjoni 1 tal-punt 5 intitolata “Evalwazzjoni tal-kandidaturi” kien jipprevedi li l-kandidati eliġibbli li kellhom l-aħjar profili kellhom jiġu mistiedna jagħmlu eżamijiet orali u bil-miktub. Il-ħames paragrafu kien jipprevedi li l-informazzjoni iktar dettaljata li tirrigwarda d-data, il-ħinijiet u l-indirizz li fihom iseħħu l-eżamijiet orali u bil-miktub kellhom jiġu indikati fil-konvokazzjonijiet mibgħuta lill-kandidati eliġibbli. Fl-aħħar nett, mis-sitt paragrafu kien jirriżulta li, skont in-numru ta’ kandidati, dawn tal-aħħar setgħu jiġu mistiedna jagħmlu eżamijiet orali u bil-miktub fl-istess jum jew f’diversi jiem wara xulxin.

10.      Fis-sezzjoni 2 tal-punt 5 intitolata “Għażla” tal-Gwida għall-Kandidati, kienu jidhru suċċessivament it-titolu “Eżami Orali”, it-titolu “Eżami bil-miktub” u t-titolu “Aspetti proċedurali tal-eżamijiet”.

11.      Fir-rigward tal-“eżami orali”, kien indikat li l-imsemmi eżami kien maħsub bil-għan li jgħin lill-membri tal-Kumitat ta’ Selezzjoni li jevalwaw il-preżentazzjoni ġenerali u l-motivazzjoni tal-kandidat, il-kapaċità tiegħu għall-eżerċizzju tal-kompiti deskritti taħt it-titolu “Responsabbiltajiet” tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, il-konjizzjonijiet speċjalizzati tiegħu fil-qasam inkwistjoni, il-kapaċità tiegħu li jesprimi ruħu fil-lingwi tax-xogħol ta’ F4E u l-kapaċità tiegħu ta’ adattament f’ambjent multikulturali.

12.      Fir-rigward tal-“eżami bil-miktub”, kien previst li, matul dan l-eżami, kienu ser jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kompetenzi speċifiċi proprji għall-pożizzjoni vakanti li għaliha l-proċedura ta’ selezzjoni kienet relatata, il-kwalità tal-espressjoni bil-miktub tal-kandidat u l-preżentazzjoni tiegħu kif ukoll il-kapaċitajiet ġenerali u lingwistiċi tiegħu sa fejn kienu neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kompiti tiegħu.

13.      Fir-rigward tal-“Aspetti proċedurali tal-eżamijiet”, fit-tieni paragrafu kien indikat li l-evalwazzjoni tal-kandidati tkun kompleta biss meta kull wieħed minnhom ikun ipparteċipa f’żewġ eżamijiet, orali u bil-miktub, u li din l-evalwazzjoni kienet ser tkun ibbażata fuq ir-riżultat milħuq fil-kuntest taż-żewġ eżamijiet.

14.      Fis-26 ta’ Frar 2015, Y. Galocha ppreżenta l-kandidatura tiegħu għall-pożizzjoni vakanti. Permezz ta’ posta elettronika tas-17 ta’ April 2015, id-Diviżjoni tar-Riżorsi Umani ta’ F4E stednitu għal intervista. F’ittra annessa ma’ dik il-posta elettronika, ġie infurmat li l-intervista kellha tul ta’ madwar 45 minuta u li kienet ser tiżvolġi prinċipalment bl-Ingliż. L-għan tal-intervista kien li jiġu evalwati l-preżentazzjoni ġenerali u l-motivazzjoni tiegħu, il-kapaċità tiegħu għall-eżerċizzju tal-kompiti deskritti taħt it-titolu “Responsabbiltajiet” tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti inkwistjoni, il-konjizzjonijiet speċjalizzati tiegħu fil-qasam inkwistjoni, il-kapaċità tiegħu li jesprimi ruħu fil-lingwi tax-xogħol ta’ F4E u l-kapaċità tiegħu ta’ adattament f’ambjent multikulturali. Ma kien jinsab ebda riferiment għal eżami bil-miktub f’din l-ittra.

15.      Fil-11 ta’ Mejju 2015, Y. Galocha pparteċipa għall-eżami orali. Ma ntbagħtet ebda stedina għal eżami bil-miktub lil Y. Galocha u lanqas lill-kandidati l-oħra.

16.      Permezz ta’ posta elettronika tal-4 ta’ Ġunju 2015, il-Kap tad-Diviżjoni tar-Riżorsi Umani ta’ F4E informah, f’isem il-Kumitat ta’ Selezzjoni, li, fid-dawl tal-eżamijiet orali u bil-miktub li għalihom kien ipparteċipa, il-Kumitat ta’ Selezzjoni kien iddeċieda li ismu ma jiġix inkluż fil-listi ta’ riżerva.

17.      Fl-istess jum, Y. Galocha ressaq talba għal eżami mill-ġdid ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Kumitat ta’ Selezzjoni. F’din it-talba, huwa argumenta li ma kien ġie organizzat ebda eżami bil-miktub. Huwa talab li r-riżultati tal-għażla bbażati biss fuq l-eżami orali jiġu annullati u li jiġi organizzat eżami bil-miktub qabel ma l-Kumitat ta’ Selezzjoni jieħu deċiżjoni finali. Fl-istess jum, Y. Galocha ressaq ukoll ilment ifformulat b’mod simili abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), quddiem l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ, jiġifieri d-Direttur ta’ F4E.

18.      Permezz ta’ posta elettronika tat‑3 ta’ Lulju 2015, il-Kumitat ta’ Selezzjoni ċaħad it-talba għal eżami mill-ġdid.

19.      Kull waħda mil-listi ta’ riżerva stabbiliti fuq il-bażi tar-riżultati tal-proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni kienet tinkludi l-ismijiet tal-erba’ kandidati li għaddew. L-isem ta’ Y. Galocha ma kienx fosthom. Fil‑25 ta’ Ġunju 2015, wieħed mill-kandidati li għaddew li jidher f’dawn il-listi rċieva offerta ta’ impjieg minn F4E u beda l-funzjonijiet tiegħu fl‑1 ta’ Awwissu 2015 f’Cadarache. Fl‑10 ta’ Lulju 2015, kandidat li għadda ieħor irċieva offerta ta’ impjieg minn F4E u beda l-funzjonijiet tiegħu fl‑1 ta’ Novembru 2015 f’Cadarache.

20.      Fit‑18 ta’ Awwissu 2015, Y. Galocha ppreżenta rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, li ttrasferixxa l-kawża lill-Qorti Ġenerali fil‑31 ta’ Awwissu 2016. F’dan ir-rikors, Y. Galocha sostna li l-proċedura ta’ selezzjoni kienet irregolari. Y. Galocha talab l-annullament tal-proċedura ta’ selezzjoni, l-annullament tal-listi ta’ riżerva u l-annullament tad-deċiżjonijiet li jiġu rreklutati kandidati li għaddew li jidhru f’dawn il-listi. Huwa talab ukoll l-organizzazzjoni ta’ proċedura ta’ selezzjoni ġdida, inkluż ta’ eżami bil-miktub.

21.      F4E rreplikat li r-riferiment għal eżami bil-miktub kien żball amministrattiv involontarju. Hija ma kellhiex l-intenzjoni li torganizza dan l-eżami fir-rigward ta’ pożizzjonijiet għal żmien determinat li għandhom jimtlew f’terminu qasir. Barra minn hekk, ebda kandidat ma wettaq eżami bil-miktub u għalhekk ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

B.      Is-sentenza appellata u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22.      Fis-sentenza tagħha tal‑25 ta’ Jannar 2018 (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) (4), il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li Y. Galocha ġustament argumenta li l-proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni kienet ivvizzjata b’irregolarità. Jirriżulta b’mod ċar li kellu jiġi organizzat eżami bil-miktub fid-dawl tan-natura vinkolanti tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti. Minħabba din l-irregolarità, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Selezzjoni li ma jniżżilx l-isem ta’ Y. Galocha fil-lista ta’ riżerva (5).

23.      Il-Qorti Ġenerali laqgħet ukoll il-kapijiet tat-talbiet li jirrigwardaw l-allegata illegalità tal-listi ta’ riżerva u tad-deċiżjonijiet li jiġu rreklutati l-kandidati li għaddew minn dawn il-listi (6). F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali fakkret il-ġurisprudenza tagħha stess (7), li l-annullament ta’ dawk l-atti sussegwenti relatati ma’ terzi, li jkunu favorevoli għal dawk it-terzi, jiġi ordnat biss jekk ma jidhirx li huwa eċċessiv, b’mod partikolari fid-dawl tal-att illegali mwettaq, tal-interessi ta’ terzi u tal-interessi tas-servizz. B’mod partikolari, fl-evalwazzjoni tal-interessi ta’ terzi, il-Qorti Ġenerali fakkret li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aspettattivi leġittimi inkwistjoni, li jistgħu jirrigwardaw l-inklużjoni ta’ isem il-kandidat fil-lista ta’ riżerva u għall-ħatra fil-pożizzjoni li għandha timtela.

24.      Fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-kandidati li għaddew li l-ismijiet tagħhom kienu jidhru fil-listi ta’ riżerva, inklużi dawk li rċevew offerti ta’ impjieg minn F4E, ma setgħux jinvokaw aspettattivi leġittimi. Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura tal-irregolarità, l-annullament tal-listi ta’ riżerva u tad-deċiżjonijiet li jiġu rreklutati kandidati li għaddew minn dawk il-listi ma kienx eċċessiv fid-dawl tal-interessi tas-servizz (8).

25.      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-kumplament tar-rikors u kkundannat lil F4E, bħala l-parti li tilfet, għall-ispejjeż (9).

26.      F’dan l-appell, F4E, bħala l-appellanti, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-parti tas-sentenza li tannulla l-listi ta’ riżerva inkwistjoni u d-deċiżjonijiet li jiġu rreklutati l-kandidati li għaddew. L-appellanti titlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lil Y. Galocha għall-ispejjeż.

27.      Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem aggravju wieħed, maqsum fi tliet partijiet.

28.      L-ewwel nett, l-appellanti targumenta li l-annullament tar-riżultati tal-proċedura ta’ selezzjoni sa fejn huma kkonċernati terzi huwa eċċessiv fid-dawl tal-illegalità inkwistjoni.

29.      It-tieni nett, l-appellanti targumenta li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-natura tal-illegalità mwettqa mill-appellanti meta evalwat il-konsegwenzi ta’ dik l-illegalità. L-iżball imwettaq mill-amministrazzjoni ma eskluda lil ħadd mill-proċedura ta’ selezzjoni u affettwa lill-kandidati kollha bl-istess mod. Il-fatt li ma ġiex organizzat eżami bil-miktub ma kellux impatt fuq ir-rekwiżiti sostantivi iżda biss fuq il-mod kif ġew evalwati dawn ir-rekwiżiti (permezz ta’ eżami orali biss). Għalhekk, l-amministrazzjoni wettqet biss żball proċedurali li ma jistax jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjonijiet sussegwenti li jaffettwaw terzi.

30.      It-tielet nett, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ma bbilanċjatx b’mod korrett l-interessi ta’ Y. Galocha, l-interessi ta’ terzi u dawk tas-servizz. Skont l-appellanti, is-sentenza appellata ma għandhiex effett fuq l-interessi u fuq is-sitwazzjoni legali ta’ Y. Galocha peress li dan tal-aħħar ma talabx kumpens għad-danni, u peress li F4E ma ġietx ordnata mill-Qorti Ġenerali tibda mill-ġdid il-proċedura ta’ selezzjoni u torganizza l-eżamijiet bil-miktub. Min-naħa l-oħra, is-sentenza appellata taffettwa l-kandidati li għaddew b’mod negattiv: b’riżultat ta’ din is-sentenza, l-ismijiet ta’ dawn il-kandidati jitneħħew mil-listi ta’ riżerva u/jew ikollhom il-kuntratti ta’ xogħol tagħhom itterminati.

31.      Y. Galocha ma ppreżentax risposta.

III. Evalwazzjoni

32.      Dawn il-konklużjonijiet huma strutturati kif ġej. L-ewwel nett, ser nistabbilixxi l-kwistjonijiet usa’, li fuqhom huwa bbażat dan l-appell, li huma inerenti fl-inkarigu li tingħata deċiżjoni dwar rikors għal annullament tar-riżultati tal-proċedura ta’ selezzjoni li fiha seħħet irregolarità: sa fejn, fil-prinċipju, għandha testendi din l-irregolarità? (A). It-tieni nett, ser nistabbilixxi kunsiderazzjonijiet li jiggwidaw il-proċess deċiżjonali dwar jekk deċiżjonijiet favorevoli għal terzi, bħal deċiżjonijiet li jiġu inklużi l-kandidati li għaddew fil-listi ta’ riżerva jew sabiex jiġu rreklutati, għandhomx jiġu annullati (minħabba l-irregolarità preċedenti) jew jinżammu (minkejja dik l-irregolarità) (B). It-tielet nett, ser napplika dawn il-kunsiderazzjonijiet għal dan appell u nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li d-deċiżjonijiet li jiġu rreklutati żewġ kandidati li għaddew ma kellhomx jiġu annullati (C).

A.      L-approċċ ġenerali: il-“frott ta’ siġra velenuża” jew l-“ibbilanċjar ta’ kull fergħa”?

33.      Il-proċeduri ta’ selezzjoni għal istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni għandhom tendenza li jkunu eżerċizzji amministrattivi kumplessi bil-għan li tinħoloq riżerva adegwata ta’ persuni li jkollhom il-kwalifiki meħtieġa. Dawn il-proċeduri jinvolvu diversi stadji differenti, li kull wieħed minnhom iwassal għal varjetà ta’ atti (amministrattivi) li jistgħu jkunu ta’ natura ġenerali (li jirrigwardaw l-organizzazzjoni usa’ tal-proċedura, bħal, pereżempju, avviżi ta’ pożizzjonijiet vakanti, regoli għall-kandidati jew l-atti li jistabbilixxu l-kriterji ta’ selezzjoni), jew ta’ natura individwali (bħal deċiżjonijiet li jistabbilixxu lista ta’ riżerva, atti li jiċħdu kandidatura, jew id-deċiżjonijiet li jiġu maħtura l-kandidati li għaddew għall-pożizzjonijiet vakanti).

34.      Dawn l-atti differenti huma relatati mill-qrib. Dan għandu impatt fuq il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju skont l-Artikolu 270 TFUE. Hija ġurisprudenza stabbilita li l-atti li jistgħu jiġu kkontestati b’mod dirett huma biss dawk li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent billi jibdlu b’mod serju s-sitwazzjoni legali tiegħu. Min-naħa l-oħra, l-atti preparatorji li jagħmlu parti mill-proċedura ta’ selezzjoni fl-intier tagħha jistgħu jiġu kkontestati biss b’mod indirett, fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni li ttieħdet fit-tmiem ta’ dik il-proċedura (10).

35.      Huwa inevitabbli, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ selezzjoni, fejn numru sostanzjali ta’ atti u deċiżjonijiet li jiġu adottati matul dawn il-proċeduri jitqiesu bħala preparatorji għad-deċiżjonijiet ta’ selezzjoni finali, li r-riżultati ta’ tali proċeduri jiġu kkontestati fuq il-bażi ta’ irregolaritajiet li seħħew qabel. Ħlief fil-każ ta’ irregolarità li tista’ tiġi rrimedjata malajr jew li sempliċement ma tistax ikollha effett deċiżiv fuq l-istadji ulterjuri (11), tqum il-kwistjoni dwar l-impatt li l-irregolarità fil-proċedura ta’ selezzjoni għandu jkollha (“id-dnub inizjali”) fuq id-deċiżjonijiet sussegwenti li jittieħdu matul u wara proċedura ta’ selezzjoni partikolari, bħal deċiżjonijiet inidividwali li jiġu rreklutati l-kandidati li għaddew, jew anki l-promozzjoni sussegwenti tagħhom.

36.      B’mod ġenerali, huma prevedibbli żewġ approċċi.

37.      L-ewwel nett, hemm il-loġika tal-“frott tas-siġra velenuża” (12). Iz-zokk prinċipali tas-siġra, jiġifieri l-proċedura ta’ selezzjoni prinċipali, ġie infettat. Dan ifisser li l-friegħi u l-frott ukoll ġew infettati. Għalhekk, il-friegħi kollha ta’ din is-siġra għandhom jinqatgħu: mhux biss id-deċiżjonijiet (negattivi) li ma jitniżżlux kandidati fil-listi ta’ riżerva jew li ma jiġux irreklutati, iżda wkoll il-kontroparti (pożittivi) tagħhom, jiġifieri d-deċiżjonijiet li tinħoloq lista ta’ riżerva li fiha jitniżżlu l-ismijiet ta’ ċerti individwi, jew deċiżjonijiet li jiġu rreklutati persuni minn dik il-lista.

38.      It-tieni nett, hemm l-approċċ tal-“evalwazzjoni ta’ kull fergħa individwali”. Skont dan l-approċċ, l-infezzjoni taz-zokk prinċipali ma tfissirx neċessarjament li għandu jinqata’ kollox. Minflok, għandu jiġi eżegwit eżerċizzju delikat ta’ bbilanċjar: x’tip ta’ infezzjoni hemm fuq iz-zokk prinċipali u kemm hi serja (kemm hi serja l-irregolarità)? Min jinsab bilqiegħda fuq kull fergħa tas-siġra (min jista’ eventwalment jiġi affettwat bl-annullament u kif)? Impliċitament jew espliċitament, iz-zkuk prinċipali b’infezzjoni żgħira xorta jistgħu jkabbru friegħi b’saħħithom. Barra minn hekk, is-siġra tista’ tfiq mal-mogħdija taż-żmien.

39.      Għandu jiġi enfasizzat mill-bidu nett li minkejja r-retorika okkażjonali tar-restituzzjoni u tal-ħtieġa li jiġu stabbiliti mill-ġdid id-drittijiet tal-kandidati leżi, kif ukoll il-fatt li dak li ġeneralment jintalab minn dawn l-allegati kandidati leżi bħala rimedju huwa l-annullament tad-deċiżjonijiet (kollha) tal-Awtorità tal-Ħatra, l-approċċ ġenerali tal-qrati tal-Unjoni (13) kien minn dejjem dan tal-aħħar. Hija ġurisprudenza stabbilita li meta tkun seħħet irregolarità matul kompetizzjoni, id-drittijiet tar-rikorrent huma adegwatament protetti jekk il-bord u l-Awtorità tal-Ħatra jikkunsidraw mill-ġdid id-deċiżjonijiet tagħhom u jistabbilixxu soluzzjoni ġusta għall-każ tiegħu, mingħajr il-ħtieġa li jiġu kkontestati r-riżultati kollha tal-kompetizzjoni jew li jiġu annullati l-ħatriet magħmula b’riżultat tagħha (14). L-annullament tar-riżultati kollha ta’ kompetizzjoni jikkostitwixxi, fil-prinċipju, sanzjoni eċċessiva għall-irregolarità mwettqa (15). F’kull każ, il-qrati tal-Unjoni rrikonoxxew li fejn l-att li għandu jiġi annullat jibbenefika lil terzi (kif inhu l-każ fejn hemm deċiżjoni li jiġi promoss individwu, li isem jiġi inkluż fil-lista ta’ riżerva jew deċiżjoni li jiġi rreklutat kandidat), l-ewwel għandu jiġi stabbilit jekk l-annullament ikunx sanzjoni eċċessiva għall-irregolarità inkwistjoni (16).

B.      Kunsiderazzjonijiet

40.      Għalhekk, żgur ma hemmx l-“annullament awtomatiku” li jkun jeħtieġ li l-konsegwenzi kollha ta’ proċedura ta’ selezzjoni vvizzjata jitneħħew b’mod mekkaniku. Minflok, id-diversi interessi involuti (1) għandhom jiġu bbilanċjati ma’ xulxin fil-kuntest u fatturi speċifiċi ta’ kull każ (2), sabiex tiġi stabbilita soluzzjoni ekwa rigward ir-rimedju speċifiku/rimedji speċifiċi mitluba f’kull każ individwali (3).

1.      Interessi

41.      Ma huwiex diffiċli li jiġu kkonstatati l-interessi individwali involuti. Dawn ġeneralment jinvolvu l-interessi tal-kandidati affettwati b’mod negattiv (prinċipalment il-kandidati li ma jkunux għaddew); l-interessi ta’ terzi (prinċipalment il-kandidati li għaddew); l-interessi tas-servizz; u l-“interess” superjuri tal-legalità (17).

42.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, f’diversi kuntesti, l-interessi ta’ kull parti “individwali”. Hija enfasizzat il-“ħtieġa li jiġu rrikonċiljati l-interessi tal-kandidati li jinsabu fi żvantaġġ minħabba irregolarità mwettqa matul il-kompetizzjoni u l-interessi tal-kandidati l-oħra. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja hija meħtieġa li tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss in-neċessità li jiġu stabbiliti mill-ġdid il-kandidati leżi fid-drittijiet tagħhom iżda wkoll l-aspettattivi leġittimi tal-kandidati diġà magħżula” (18).

43.      Il-kontenut preċiż ta’ kull wieħed minn dawn l-interessi individwali huwa pjuttost ovvju. Is-sitwazzjoni hija madankollu ftit iktar kumplessa meta wieħed jipprova jiddefinixxi l-interessi tas-servizz u l-interess tal-legalità.

44.      Il-qrati tal-Unjoni f’ċerti każijiet qiesu li l-osservanza tal-legalità hija inkluża fi ħdan l-interess tas-servizz (19). Madankollu, huwa rrikonoxxut ukoll li l-interessi tas-servizz ma jinkludux biss l-osservanza tal-legalità, iżda wkoll “il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ annullament ta’ deċiżjonijiet illegali fil-baġit […], il-possibbiltà ta’ diffikultajiet fl-eżekuzzjoni ta’ res judicata, il-possibbiltà ta’ theddid għat-tkomplija tas-servizz u r-riskji ta’ deterjorament fil-klima soċjali fi ħdan l-istituzzjoni” (20).

45.      Għalhekk, minkejja li wieħed ikun jixtieq li jadotta viżjoni ta’ interess tal-legalità istituzzjonali mingħajr interess ulterjuri, il-leħen persistenti appartenenti għar-realtà jgħid xorta oħra. Ma huwiex inkonċepibbli li xi drabi istituzzjoni jew aġenzija komposta mill-bnedmin tista’ tiddeċiedi li hu “fl-interess tas-servizz” li tipproċedi minkejja l-illegalità, pereżempju għal finijiet ta’ kontinwità u l-funzjonament tajjeb tal-amministrazzjoni, jew għal kwalunkwe raġuni oħra. Fi kliem ieħor, l-interess oġġettiv tas-servizz jista’ jkun fil-fatt li jiġi żgurat li l-azzjoni amministrattiva ġeneralment tikkonforma mal-liġi, iżda l-interess suġġettiv tiegħu fil-każ individwali jista’ madankollu jikkonsisti fil-validazzjoni tar-riżultat ta’ proċedura ta’ selezzjoni u ż-żamma tal-ħatriet magħmula minkejja l-illegalità mwettqa.

46.      Min-naħa l-oħra, l-interess li l-istituzzjoni taġixxi legalment u għalhekk li tosserva r-regoli (tal-proċedura ta’ selezzjoni) jista’ jkun kondiviż mill-kandidati wkoll (21). Minħabba din ir-raġuni, kif ukoll minħabba li n-natura tal-illegalità hija mistennija li tirriżulta fis-severità tas-“sanzjoni” kontra r-riżultati tal-kompetizzjoni, ikun forsi aħjar li kieku jiġi rrikonoxxut li hemm differenza bejn l-“interessi tas-servizz” u l-“interess ġenerali tal-legalità”. L-aħjar huwa li dawn iż-żewġ kunċetti jinżammu separati.

2.      Il-fatturi

a)      It-tip taproċedura ta’ selezzjoni

47.      Hemm każijiet li fihom issir distinzjoni bejn, minn naħa, kompetizzjonijiet ġenerali u, min-naħa l-oħra, kompetizzjonijiet interni u promozzjonijiet. Meta f’kompetizzjoni ġenerali jiġi annullat stadju fil-proċedura ta’ selezzjoni, id-drittijiet tal-kandidati li ma jkunux għaddew huma meqjusa adegwatament protetti jekk il-Bord tal-Ġħażla u l-Awtorità tal-Ħatra jikkunsidraw mill-ġdid id-deċiżjonijiet tagħhom u jfittxu soluzzjoni ġusta fil-każijiet tagħhom, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu kkontestati r-riżultati kollha tal-kompetizzjoni jew li jiġu annullati l-ħatriet magħmula b’riżultat tagħha, indipendentement min-natura tal-irregolarità u sa liema punt taffettwa r-riżultati tal-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kompetizzjonijiet interni u l-promozzjonijiet, il-qrati tal-Unjoni jwettqu eżami każ b’każ, li jieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-irregolarità (22).

48.      Ma naħsibx li bħala approċċ tali distinzjoni okkażjonali tista’ titqies li tistabbilixxi regoli formali. Pjuttost nifhem din id-distinzjoni okkażjonali fl-approċċ bħala indikatur għal varjabbli differenti: il-qies u t-tip tal-proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni jistgħu probabbilment ikollhom impatt fuq l-għarfien li huwa mistenni minn kandidat raġonevolment infurmat. Għandhom jiġu enfasizzati żewġ elementi: l-ewwel nett, l-għarfien tar-regoli kollha u l-proċedura applikabbli għall-proċedura ta’ selezzjoni; u t-tieni nett, l-għarfien tal-fatt li nkisret regola waħda jew diversi regoli matul din il-proċedura.

49.      F’każijiet ta’ kompetizzjonijiet ġenerali, fejn hemm mijiet jew saħansitra eluf ta’ kandidati “anonimi”, huwa mistenni li dawn il-kandidati jkollhom għarfien bażiku tal-proċedura ta’ selezzjoni. Madankollu, huwa improbabbli (u l-aspettattiva hija pjuttost mhux realistika) li dawn il-kandidati jkollhom għarfien tajjeb dwar il-kumplessità tad-dritt tal-Unjoni dwar is-servizz pubbliku. Barra minn hekk, fid-dawl tan-numru ta’ kandidati, l-anonimità tagħhom, u n-nuqqas ta’ simmetrija ta’ informazzjoni kunsiderevoli li jeżisti bejn dawn il-kandidati u l-amministrazzjoni, huwa pjuttost mhux probabbli li tali kandidati jkunu kapaċi jidentifikaw it-twettiq ta’ irregolarità potenzjali.

50.      Min-naħa l-oħra, iktar kemm tkun żgħira u ristretta l-kompetizzjoni, iktar huwa raġonevoli li wieħed jistenna iktar f’termini ta’ informazzjoni u ta’ għarfien mill-kandidati. Jista’ jkun preżunt li l-“kandidati interni”, bħal, pereżempju, ħames kandidati għal kompetizzjoni interna, ikollhom għarfien iktar iddettaljat tar-regoli applikabbli u/jew ikunu kisbu l-għarfien dwar irregolarità potenzjali fil-proċess.

b)      In-natura tal-irregolarità

51.      In-natura u l-gravità tal-illegalità mwettqa huma importanti. Fl-evalwazzjoni tal-proċeduri ta’ promozzjoni, il-qrati tal-Unjoni jieħdu inkunsiderazzjoni n-natura tal-irregolarità. Jekk l-irregolarità misjuba hija biss difett proċedurali li jaffettwa s-sitwazzjoni ta’ uffiċjal wieħed biss, il-qrati tal-Unjoni jikkunsidraw a priori li tali irregolarità ma tiġġustifikax l-invalidità tad-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni, peress li tali annullament jikkostitwixxi sanzjoni eċċessiva. Min-naħa l-oħra, fejn ikun hemm difett sostantiv, bħal żball ta’ liġi li jivvizzja l-eżami komparattiv kollu tal-merti, il-qrati tal-Unjoni ġeneralment jibbilanċjaw l-interessi involuti (23).

52.      Fil-fehma tiegħi, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma għandhomx ikunu limitati unikament għall-każijiet ta’ promozzjonijiet, iżda għandhom ikunu rilevanti b’mod ġenerali, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tal-irregolaritajiet preċedenti fuq miżuri favorevoli għal terzi f’kull tip ta’ proċedura ta’ selezzjoni.

53.      Jista’ ovvjament ma jkunx hemm tassonomija jew kategorizzazzjoni eżawrjenti f’dan ir-rigward. Il-ħajja hija wisq varjata għal dan. Madankollu, nissuġġerixxi bħala regola stabbilita li jkun hemm il-kontinwità tas-severità.

54.      Minn naħa hemm irregolaritajiet minuri. Dawn la għandhom ikollhom, fihom innifishom, impatt fuq ir-riżultat tal-proċedura ta’ selezzjoni, u lanqas fi kwalunkwe każ fuq id-deċiżjonijiet favorevoli għall-kandidati li jkunu għaddew. Eżempji taħt din l-intestatura jinkludu żbalji ta’ pinna fil-proċedura ta’ selezzjoni, bħal żball fil-forma jew żbalji proċedurali oħra li ma jaffettwawx b’mod sostantiv il-kontenut tad-deċiżjoni.

55.      Min-naħa l-oħra hemm irregolaritajiet serji li ċertament ser iġorru piż ikbar fl-ibbilanċjar tal-interessi, jiġifieri fl-“interess” tal-legalità, meta mqabbla b’mod partikolari mal-interessi ta’ terzi. Huma previsti minn tal-inqas tliet tipi ta’ irregolaritajiet serji: il-frodi u l-korruzzjoni; il-ksur tal-valuri tal-Unjoni bażiċi; jew il-ksur konsistenti tar-regoli tal-proċedura ta’ selezzjoni.

56.      L-ewwel nett, il-każijiet li fihom jiġu ppruvati l-frodi jew il-korruzzjoni fil-proċeduri ta’ selezzjoni huma serji biżżejjed li jiġġustifikaw l-annullament tal-proċedura ta’ selezzjoni kollha. Għalhekk, id-deċiżjonijiet favorevoli għal terzi wkoll jeħtieġ li jiġu annullati. F’din is-sitwazzjoni estrema, l-eżistenza tal-aspettattivi leġittimi ta’ terzi, jekk ikun hemm, ma għandhiex daqshekk rwol b’saħħtu sabiex tkun tista’ tiġi salvata miżura li hija vvizzjata b’irregolarità serja ta’ dan it-tip. Skont il-metafora inizjali esposta iktar qabel, dan iz-zokk prinċipali tas-siġra ma jistax ifiq.

57.      It-tieni nett, il-ksur tal-valuri bażiċi tal-Unjoni mill-amministrazzjoni wkoll jista’ jiġi kklassifikat bħala irregolarità serja. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, li kieku l-proċedura ta’ selezzjoni kellha tiddiskrimina bejn kandidati abbażi tal-motivi stabbiliti fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-istess bħall-frodi, tali inugwaljanza fit-trattament serja tista’ tivvizzja l-proċedura ta’ selezzjoni kollha, inkluż ir-riżultati tagħha kollha (24).

58.      It-tielet nett, hemm il-kategorija speċjali tar-“reċidivi”. Fil-każijiet li fihom istituzzjoni jew korp tal-Unjoni jonqsu li jorganizzaw proċedura ta’ selezzjoni legali minkejja s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja preċedenti rigward l-istess tip ta’ selezzjoni, jistgħu jkunu meħtieġa miżuri iktar serji (25). Barra minn hekk, il-ksur konsistenti tar-regoli applikabbli jista’ jwassal għal sitwazzjoni fejn ir-repetizzjoni tal-irregolaritajiet minuri ssir irregolarità serja li tista’, f’ċerti ċirkustanzi, u wara li jiġu bbilanċjati l-interessi b’mod xieraq, tivvizzja wkoll il-proċedura kollha u r-riżultati sussegwenti.

c)      Aspettattivi leġittimi tal-kandidati li għaddew

59.      Hija ġurisprudenza stabbilita li d-dritt li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jappartjeni lil kull individwu f’sitwazzjoni li fiha istituzzjoni tal-Unjoni ħolqot aspettattivi ġġustifikati billi tatu assigurazzjonijiet preċiżi. Tali assigurazzjonijiet, indipendentement mill-forma li jingħataw fiha, għandhom jikkostitwixxu informazzjoni preċiża, mingħajr kundizzjonijiet u konsistenti (26).

60.      Il-kuntest fattwali tal-proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni, b’mod partikolari t-tip, il-qies, u n-natura tal-illegalità mwettqa fiha, jiddetermina jekk terzi għandhomx aspettattivi leġittimi dwar ir-riżultat tagħha. Għalhekk, ikun hemm relazzjoni ta’ proporzjonijiet b’mod invers meta wieħed ikollu għarfien tal-irregolarità potenzjali u l-aspettattivi leġittimi: iktar ma jkun kbir l-għarfien, l-aspettattivi leġittimi jkunu inqas, jew ineżistenti. Dan l-għarfien għandu jiġi evalwat abbażi tal-istandard tal-kandidat raġonevolment infurmat (27): il-kandidat kien jaf, jew kellu raġonevolment ikun jaf, li din id-deċiżjoni kienet ivvizzjata?

61.      L-ewwel nett, huwa inqas probabbli li l-kandidat estern, meta mqabbel ma’ wieħed “intern”, ikun jaf ir-regoli applikabbli kollha għall-proċedura ta’ selezzjoni u, għalhekk, dwar l-eżistenza potenzjali ta’ irregolarità (28). Għalhekk, tali kandidat jista’ jkollu aspettattivi leġittimi iktar b’saħħithom vis-à-vis iż-żamma ta’ deċiżjoni li, għalkemm illegali, ħolqot drittijiet għalih.

62.      It-tieni nett, iktar ma tkun serja l-irregolarità, iktar ikun probabbli li kandidat raġonevolment infurmat kien jaf jew kellu jkun jaf dwarha (29). Ċertament, is-serjetà tal-illegalità ma tfissirx fiha nnifisha li l-kandidati kienu obbligati li jkunu jafu dwar dik l-illegalità. Madankollu, jekk il-kandidat ma setax raġonevolment ma jintebaħx bl-irregolarità inkwistjoni (30), l-aspettattivi tal-kandidat li għadda għalhekk ser jidhru inqas leġittimi jew anki ineżistenti. A fortiori, jekk il-kandidat għadda wera mala fide jew huwa stess ikkontribwixxa għall-irregolarità, huwa ovvjament ma seta’ jkollu ebda aspettittiva leġittima rigward iż-żamma tad-deċiżjoni (illegali) favorevoli għalih (31).

63.      It-tielet nett, skont il-qrati tal-Unjoni, l-għarfien li l-kandidati li għaddew jista’ jkollhom dwar kawża pendenti kontra ċerti atti tal-proċedura ta’ selezzjoni, inkluż kontra dawk favorevoli għal dawn il-kandidati, huwa wkoll rilevanti fil-kuntest preżenti. Dan it-tip ta’ għarfien jista’ jipprevjeni lill-kandidati milli jibbażaw fuq l-aspettattiva leġittima li l-istatus favorevoli tagħhom ma jkunx ser jiġi affettwat, minħabba li dawn l-atti ġew ikkontestati fit-termini previsti. B’mod partikolari, il-kandidati li għaddew li jkunu ġew maħtura għal pożizzjoni ma setgħux ma jkunux jafu li l-istatus ta’ impjieg tagħhom kien ser ikun biss definit wara li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tiċħad ir-rikors għal annullament ippreżentat mill-kandidati l-oħra (32).

64.      Ċertament, jekk jiġi ppruvat fuq il-fatti tal-każ individwali li tassew kien hemm tali għarfien, dan kellu jittieħed inkunsiderazzjoni. Madankollu, nikkawtela kontra tali preżunzjoni ta’ dan l-għarfien. Fil-prattika, jista’ ma jkunx immedjatament ċar kif il-kandidat li għadda, ukoll b’mod partikolari f’kompetizzjonijiet ikbar u ġenerali, fil-fatt ikun jaf dwar l-eżistenza ta’ rikors pendenti, jekk ma jkunx parti fil-proċedura u jekk l-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjoni inkwistjoni ma għandhiex l-obbligu li tinformah dwar dan ir-rikors. Hija ħaġa waħda li wieħed sempliċement jisma’ għajdut li għaddejja kawża għal annullament. Hija ħaġa oħra li wieħed ikun ġie nnotifikat li tali kawża kienet pendenti u li barra minn hekk jista’ jkollha riperkussjonijiet fuq il-kandidati li għaddew.

65.      Il-kandidati li għaddew ċertament ma għandhomx, mingħajr tama ta’ għajnuna – mingħajr possibbiltà li jieħdu passi – jeħlu l-konsegwenzi (deċiżivi) tal-annullament potenzjali tad-deċiżjonijiet li jikkonċernawhom, b’mod partikolari meta l-annullament kien fil-fatt ordnat snin wara li ġie ppreżentat ir-rikors (33). Għalhekk, anki jekk ir-rikors kien ġie ppreżentat fit-termini, l-aspettattivi leġittimi jistgħu jibqgħu intatti, ħlief u sakemm jiġi stabbilit li l-kandidati inkwistjoni kienu jafu bil-problemi li seħħew taħt il-proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni.

66.      Fil-qosor, dawn il-fatturi u l-kunsiderazzjonijiet kollha għandhom jiġu bbilanċjati fuq il-fatti ta’ każ individwali. F’din it-taqsima ġiet ikkawtelata ċerta applikazzjoni mekkanika ta’ dikjarazzjonijiet ta’ natura pjuttost kategorika bħal “ma tista’ qatt tqum aspettattiva leġittima minn illegalità mwettqa mill-istituzzjoni” u/jew “minħabba li d-deċiżjoni ġiet ikkontestata fit-termini, ħadd ma seta’ kellu xi aspettattivi leġittimi”. Tali dikjarazzjonijiet, li ħafna mid-drabi l-użu xieraq tagħhom huwa fl-oqsma ġuridiċi li huma attivi fihom il-professjonisti mid-dinja tan-negozju, diffiċilment jistgħu jiġu trasposti kompletament f’qasam ġuridiku li huwa sempliċement differenti. Minflok, jistgħu jkunu meħtieġa ftit empatija u realiżmu, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li dejjem ser jeżistu informazzjoni u setgħat kunsiderevoli asimmetriċi, b’mod partikolari fil-kompetizzjonijiet ġenerali, bejn l-istituzzjonijiet u l-membri tal-persunal potenzjali tagħhom. Dan bl-ebda mod ma jiskuża jew jaħfer l-illegalitajiet potenzjali mwettqa mill-istituzzjonijiet. Pjuttost huwa ssuġġerit li sakemm ma jkunx hemm ġabra ta’ fatti eċċezzjonali, il-kandidati li għaddew diffiċilment jistgħu jinżammu responsabbli, flimkien mal-amministrazzjoni, għall-irregolarità (34).

3.      Ir-rimedji

67.      L-Artikolu 270 TFUE għandu l-għan li jistabbilixxi mill-ġdid id-drittijiet tal-kandidati (il-kandidati li ma jkunux għaddew) meta tkun seħħet illegalità. Skont il-qrati tal-Unjoni, l-istabbiliment mill-ġdid tad-drittijiet tal-kandidati li ma jkunux għaddew ikun ifisser li l-amministrazzjoni għandha ssib “soluzzjoni ġusta” għall-każ (35). Tali soluzzjoni ġusta tvarja mill-annullament tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-kandidati li ma jkunux għaddew (36), għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura għall-kandidat leż (37). F’dan il-kuntest, ġie stabbilit ukoll b’mod konsistenti li danni, li jistgħu jiġu ordnati ex officio (38), huma l-aħjar forma ta’ kumpens li jissodisfaw l-interessi tar-rikorrent u r-rekwiżiti tas-servizz (39).

68.      Rigward il-miżuri favorevoli għal terzi b’mod speċifiku, bħal-lista ta’ riżerva jew ħatriet, l-annullament – li minnu nnifsu huwa retroattiv – ta’ dawn id-deċiżjonijiet jidher li huwa bir-raġun att ultima ratio li huwa adottat f’sitwazzjonijiet fejn ma jidhirx li jkun hemm rimedju xieraq ieħor sabiex jiġu stabbiliti mill-ġdid id-drittijiet tal-kandidati leżi (40).

69.      Kif spjegat b’mod konċiż mill-Avukat Ġenerali Van Gerven fil-kawża Albani, hemm il-ħtieġa, f’dawn il-każijiet, “li tinstab soluzzjoni li tibbilanċja l-interessi tal-kandidati żvantaġġati minn irregolarità mwettqa f’kompetizzjoni u l-interessi tal-kandidati l-oħra. Din il-ħtieġa li jiġu bbilanċjati b’reqqa d-diversi interessi involuti hija prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba, u f’dan il-każ prassi ġudizzjarja tajba, li hija stabbilita mid-dritt tal-Komunità. Dan il-prinċipju jeħtieġ li l-qorti ma tiżgurax biss, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, l-istabbiliment mill-ġdid ġust tad-drittijiet tal-kandidati leżi, iżda wkoll li tieħu inkunsiderazzjoni l-aspettattivi leġittimi tal-kandidati li ġew magħżula u/jew maħtura. Dan ifisser f’dan il-każ, li meta l-Qorti tal-Ġustizzja tkun qiegħda tipprova tistabbilixxi soluzzjoni rigward proċedura ta’ reklutaġġ irregolari, hija għandha tqis żewġ tipi ta’ dannu sofferti mill-kandidati leżi, li għandhom jiġu rrimedjati b’mod ġust, u d-dannu potenzjali li l-kandidati l-oħra jistgħu jsofru bħala riżultat tal-miżuri li għandhom l-għan li jiżguraw tali rimedju” (41).

70.      Wieħed jista’ jżid li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza sussegwenti tagħha li tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali li, billi annullat il-listi ta’ riżerva, ma llimitatx il-konsegwenzi tal-annullament ta’ atti sussegewenti fil-proċedura ta’ selezzjoni għall-istabbiliment mill-ġdid tad-drittijiet tal-erba’ rikorrenti oriġinali (42).

71.      Prima facie, huwa fil-fatt possibbli li jiġi kkunsidrat li l-istabbiliment mill-ġdid tad-drittijiet tar-rikorrenti – kandidati li ma għaddewx – dejjem jinvolvi l-annullament ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-kandidati li għaddew, sakemm ma titwettaqx mill-ġdid il-proċedura ta’ selezzjoni kollha, li huwa pjuttost rari u li fi kwalunkwe każ ma tistax tiġi ordnata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Bħala rimedji alternattivi, danni jew, fejn possibbli, it-twettiq mill-ġdid tal-proċedura ta’ selezzjoni unikament għall-kandidati leżi, jidhru li huma l-iktar soluzzjoni adattata sabiex tiġi ssanzjonata illegalità (preċedenti) f’din il-proċedura, mingħajr ma jiġu ppreġudikati l-aspettattivi leġittimi tal-kandidati li għaddew.

72.      Għal darba oħra, kif enfasizzat iktar ’il fuq (43), terzi ma għandhomx ibatu, fil-prinċipju, il-konsegwenzi ta’ irregolarità preċedenti li ma kinux jafu jew ma setgħux ikunu jafu biha. Dawn il-partijiet jistgħu ma jkollhomx għarfien dwar irregolaritajiet jew ir-rikorsi pendenti kontra l-proċedura ta’ selezzjoni u konsegwentement ma jkunux f’pożizzjoni li jiddefendu lilhom innifishom. Dan il-fatt, li ġie diskuss qabel fil-kuntest tal-għarfien u tal-aspettattivi leġittimi korrispondenti ta’ dawn il-partijiet, jikseb dimensjoni addizzjonali fil-kuntest tar-rimedji. Huwa probabbli li l-kandidati li għaddew ma jkunux parti f’din il-kawża, iżda jkunu xorta waħda affettwati b’mod kunsiderevoli mir-riżultati tagħha. Issa jew imbagħad, ser tqum il-kwistjoni dwar id-drittijiet tad-difiża.

C.      Applikazzjoni għall-kawża preżenti

73.      Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat tliet tipi differenti ta’ deċiżjonijiet rigward ir-riżultati tal-proċedura ta’ selezzjoni: (i) id-deċiżjoni li l-isem ta’ Y. Galocha ma jiġix inkluż fil-listi ta’ riżerva (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni negattiva”; (ii) id-deċiżjoni li jinħolqu l-listi ta’ riżerva (iktar ’il quddiem, il-“listi ta’ riżerva”); (iii) id-deċiżjonijiet ta’ impjieg li jiġu rreklutati l-kandidati li għaddew mil-listi ta’ riżerva (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjonijiet ta’ reklutaġġ”).

74.      Permezz ta’ dan l-appell, l-appellanti tikkontesta biss dik il-parti tas-sentenza appellata li tirrigwarda l-listi ta’ riżerva (ii), u d-deċiżjonijiet ta’ reklutaġġ (iii). Il-fatt li l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni negattiva speċifika li tirrigwarda lil Y. Galocha (jiġifieri, li ismu ma jiġix inkluż fil-listi ta’ riżerva) ma huwiex ikkontestat. L-appellanti lanqas ma tikkontesta l-eżistenza ta’ irregolarità preċedenti sottostanti kkawżata mill-fatt li ma kienx hemm eżami bil-miktub matul il-proċedura ta’ selezzjoni.

75.      Għalhekk, is-suġġett ta’ dan l-appell huwa esklużivament relatat mal-konklużjonijiet li l-Qorti Ġenerali siltet minn dik l-irregolarità sa fejn huma kkonċernati terzi, jiġifieri d-deċiżjonijiet (ii) u (iii). Il-Qorti Ġenerali ġġustifikat id-deċiżjoni tagħha rigward dawn iż-żewġ miżuri ta’ annullament billi kkonstatat:

“68. Issa, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-kandidati b’suċċess li l-ismijiet tagħhom kienu jidhru fuq il-listi ta’ riżerva, inkluż dawk li rċevew offerti ta’ xogħol min-naħa ta’ [F4E], ma jistgħux jinvokaw aspettattivi leġittimi. Fil-fatt, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti inkwistjoni kien jipprevedi li jseħħ eżami bil-miktub. Issa, il-listi ta’ riżerva ġew stabbiliti u l-offerti ta’ impjieg ntbagħtu mingħajr ma dawn il-kandidati kienu suġġetti għal tali eżami.

69. Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura tal-irregolarità, ma jistax iktar jiġi kkunsidrat li annullament tal-listi ta’ riżerva u tad-deċiżjonijiet li jiġi rreklutati kandidati b’suċċess li jidhru fuq dawn il-listi hija eċċessiva fid-dawl tal-interess tas-servizz. Fil-fatt, minn naħa, l-irregolarità affettwat l-evalwazzjoni tal-kandidati kollha u ma jistax għalhekk jinstab rimedju mill-miżuri li jikkonċernaw biss ir-rikorrent. Min-naħa l-oħra, din il-proċedura ta’ għażla għandha biss dimensjoni limitata ħafna” (44).

76.      Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali imponiet sanzjoni eċċessiva fuq terzi meta estendiet il-konsegwenzi tal-irregolarità inkwistjoni għall-kandidati li għaddew – sew jekk rigward il-listi ta’ riżerva, sew jekk rigward il-ħatriet.

77.      Meta napplika l-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq għal dan l-appell, nasal naqbel mal-appellanti rigward l-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ reklutaġġ (iii), iżda mhux neċessarjament rigward il-listi ta’ riżerva (ii).

78.      L-ewwel nett, meta wieħed iħares lejn it-tip ta’ proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni, jidher li din hi proċedura ġenerali. It-tieni nett, rigward in-natura tal-irregolarità mwettqa fil-proċedura ta’ selezzjoni, huwa pjuttost ċar li l-fatt li ma ġiex organizzat eżami bil-miktub, imsemmi fil-Gwida għall-Kandidati, jikkostitwixxi illegalità mwettqa mill-amministrazzjoni. Hija ġurisprudenza stabbilita li “[l-]avviż ta’ pożizzjoni vakanti jikkostitwixxi fil-fatt kuntest legali li l-Awtorità tal-Ħatra timponi fuqha nfisha stess u li hija għandha tosserva rigorożament” (45) Għalhekk, peress li l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti għamel riferiment għall-Gwida għall-Kandidati, l-appellanti kellha torganizza eżami bil-miktub.

79.      Madankollu, ikun pjuttost sorprendenti li kieku dan l-iżball jiġi kkategorizzat bħala wieħed serju u gravi. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-fatt li ma ġiex organizzat eżami bil-miktub affettwa lill-parteċipanti kollha fil-proċedura ta’ selezzjoni b’mod ugwali (46). Għalhekk, jeħtieġ li jkun hemm raġunijiet ulterjuri sabiex wieħed jasal għall-konklużjoni li dan kien jikkostitwixxi irregolarità serja u sostanzjali li tirriżulta f’inugwaljanza fit-trattament. Għalhekk, jidher li l-fatt li ma ġiex organizzat eżami bil-miktub kien pjuttost ir-riżultat tan-negliġenza tal-amministrazzjoni, li ma aġġornatx id-dokumenti rilevanti għall-proċedura ta’ selezzjoni, bħall-Gwida għall-Kandidati u l-mudell tal-ittri li ntbagħtu lill-kandidati (47).

80.      It-tielet nett, rigward l-għarfien attwali jew potenzjali tal-kandidati li għaddew dwar l-irregolarità mwettqa mill-appellanti, jista’ jiġi preżunt li l-kandidati kellhom ikunu jafu li l-proċedura ta’ selezzjoni kienet tikkonsisti kemm f’eżami orali kif ukoll bil-miktub, minħabba li dan kien imsemmi fil-Gwida għall-Kandidati. Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk l-assenza ta’ eżami bil-miktub kellhiex neċessarjament tkun ta’ sorpriża għall-kandidati li għaddew meta huma rċevew ir-riżultati tal-proċedura ta’ selezzjoni hija waħda miftuħa għad-diskussjoni. Din tiddependi fuq kif kandidat raġonevolment infurmat seta’ fehem is-sitt paragrafu tas-sezzjoni 1 tal-punt 5 tal-Gwida għall-Kandidati, li kien jipprovdi li, skont in-numru ta’ kandidati, il-kandidati eliġibbli setgħu jiġu mistiedna jgħaddu minn eżamijiet orali u bil-miktub fl-istess jum jew f’diversi jiem wara xulxin.

81.      In vista ta’ tali kuntest fattwali, u tal-fatt li l-ittra li stiednet lill-kandidati jipparteċipaw għall-eżami orali ma għamlitx riferiment għal eżami bil-miktub, kien ikun tassew mhux raġonevoli għall-kandidati li jkunu ħasbu li l-amministrazzjoni setgħet amalgamat l-eżami orali ma’ dak bil-miktub? Jew li kienet iddeċidiet li ma torganizzax l-eżami bil-miktub bħala parti mill-proċedura, preżumibbilment minħabba li l-eżami orali kien suffiċjenti għall-amministrazzjoni sabiex tevalwa l-adegwatezza tal-kandidati bħala membri tal-persunal bil-kuntratt għal żmien determinat, u wkoll forsi peress li ma kienx hemm ħafna kandidati?

82.      Għal dawn ir-raġunijiet, u b’kuntrast mal-Qorti Ġenerali, ma narax kif il-kandidati li għaddew ma setgħux jinvokaw aspettattivi leġittimi fir-rigward taż-żamma tal-effetti ta’ deċiżjonijiet favorevoli għalihom, minkejja l-assenza (illegali) ta’ organizzazzjoni ta’ eżami bil-miktub.

83.      Nixtieq inżid li fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet u tal-eżerċizzju ta’ bbilanċjar li għandhom isiru f’każijiet simili, ma iniex konvint li nista’ nsegwi t-tieni argument tal-Qorti Ġenerali: li l-proċedura ta’ selezzjoni “għandha biss dimensjoni limitata ħafna”. Naqbel li d-dimensjoni fis-sens tal-portata u tan-natura tal-kompetizzjoni hija rilevanti għall-evalwazzjoni potenzjali tal-għarfien u tal-aspettattivi leġittimi li jirriżultaw (48). Madankollu, ma naqbilx li dan l-argument kellu jintuża sabiex jiġi ssuġġerit li aspettattivi leġittimi għandhom ikunu ta’ “inqas valur” u maqbuża iktar faċilment fl-eżerċizzju ta’ bbilanċjar meta dan jibbenefika żewġ individwi biss pjuttost milli 200. L-ibbilanċjar tal-valur li suppost għandu jitwettaq huwa dwar il-kwalità tal-aspettattivi u tal-adegwatezza tal-protezzjoni tagħhom. Ma hijiex kwistjoni tal-għadd ta’ persunal.

84.      Għalhekk, peress li l-kandidati li għaddew ma humiex preklużi per se milli jkollhom aspettattivi leġittimi li r-riżultat tal-proċedura ta’ selezzjoni ma huwiex ser jinbidel sa fejn dan jikkonċerna lilhom, l-eżerċizzju tal-ibbilanċjar ulterjuri jseħħ meta jiġu bbilanċjati dawn l-aspettattivi ma’ interessi oħrajn – fid-dawl tat-tip preċiż ta’ rimedju mitlub. Ir-riżultat ta’ dan l-eżerċizzju ta’ bbilanċjar ivarja, fil-fehma tiegħi fir-rigward ta’ (ii) il-listi ta’ riżerva, u (iii) id-deċiżjonijiet ta’ reklutaġġ.

85.      Minn naħa, fir-rigward tal-listi ta’ riżerva (ii), ir-riżultat milħuq mill-Qorti Ġenerali huwa forsi mhux l-uniku wieħed possibbli, iżda jibqa’ fl-isfera tal-konċepibbli.

86.      L-ewwel nett, il-kandidati fil-listi ta’ riżerva għandhom aspettattivi leġittimi iktar dgħajfa meta pparagunati ma’ dawk li ġew magħżula għall-impjieg. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet dwar dan: “l-iskrizzjoni ta’ kandidati magħżula ta’ kompetizzjonijiet ġenerali fuq il-listi tal-kandidati xierqa mħejjija wara l-proċess ta’ selezzjoni tagħti biss, għall-benefiċċju tal-persuni kkonċernati, sempliċi possibbiltà li jiġu maħtura uffiċjali taħt prova” (49). Skont din is-sentenza, il-kandidati fil-listi ta’ riżerva ma għandhomx id-dritt għal ħatra, anki jekk fil-każ preżenti l-lista ta’ riżerva kienet għal kuntratti għal żmien determinat. Huma għandhom biss l-aspettattiva leġittima li jiġu debitament ikkunsidrati fil-każ li jkun hemm il-ħtieġa li timtela pożizzjoni vakanti.

87.      It-tieni nett, min-natura tiegħu, l-annullament ta’ lista ta’ riżerva, huwa essenzjalment prospettiv fl-effetti prattiċi tiegħu, għalkemm huwa retroattiv fl-effetti legali tiegħu. Minn naħa, l-amministrazzjoni għandha torganizza mill-ġdid il-proċedura ta’ selezzjoni u tistabbilixxi lista ta’ riżerva ġdida, jekk hija tkun għadha tixtieq timla pożizzjoni vakanti. Madankollu, hemm prezz li għandu jitħallas għall-irregolarità fil-proċedura ta’ kompetizzjoni li ma jistax jiġi rrimedjat mod ieħor. Għalhekk, l-interessi tas-servizz ma tantx jistgħu jkunu argument validu kontra l-annullament ta’ listi ta’ riżerva. Min-naħa l-oħra, dawk il-kandidati li għaddew li ġew magħżula mil-lista ta’ riżerva u maħtura qabel l-annullament potenzjali ta’ dik il-lista ser jiġu protetti individwalment, iżda fuq bażi differenti: huma jkunu diġà mhux biss ikollhom aspettattivi leġittimi, iżda wkoll drittijiet miksuba mill-fatt li jkunu ġew maħtura.

88.      It-tielet nett, f’dan id-dawl, l-interessi tar-rikorrent (il-kandidat li ma għaddiex) jilħqu livell simili ta’ dawk tal-kandidati li għaddew li għadhom inklużi fil-lista ta’ riżerva, iżda li ma ġewx magħżula minn din il-lista, għall-futur. Huma fil-fatt jistgħu jistennew li l-amministrazzjoni ser torganizza mill-ġdid il-proċedura b’osservanza sħiħa tal-liġi sabiex issa jkollhom l-opportunità li jiġu magħżula. Madankollu, l-istess opportunità hija disponibbli, għall-futur, għal dawk il-kandidati li kienu fil-lista – li llum hija annullata. Fi kliem sempliċi: għandhom jitqassmu mill-ġdid il-karti tal-logħob u tintlagħab logħba ġdida, li kulħadd jista’ jerġa’ jipparteċipa fiha.

89.      Għal dawn ir-raġunijiet addizzjonali, fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li jiġu annullati l-listi ta’ riżerva ma tidhirx li hija sanzjoni eċċessiva li tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

90.      Min-naħa l-oħra, fil-fehma tiegħi, is-sitwazzjoni hija different fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ reklutaġġ (iii). L-annullament ta’ dawk id-deċiżjonijiet hija sanzjoni eċċessiva tal-inqas minħabba tliet motivi.

91.      L-ewwel nett, huwa pjuttost ċar li l-persuni maħtura ma akkumulawx biss aspettattivi leġittimi, iżda ressqu iktar ’il quddiem fuq l-iskala taċ-ċertezza legali: huma kisbu drittijiet fil-forma ta’ kuntratti (għal żmien determinat) iffirmati u vinkolanti. Tali drittijiet legali, li l-ħolqien tagħhom naturalment kellu impatt kunsiderevoli fuq livell personali, għandhom min-natura tagħhom stess piż ikbar fl-eżerċizzju ta’ bbilanċjar.

92.      It-tieni nett, fil-konfront ta’ dawn id-drittijiet legali (tassew) b’saħħithom hemm il-fatt ovvju li, kif issuġġeriet tajjeb l-appellanti, ma huwiex għal kollox ċar kif eżattament l-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ reklutaġġ kien ser iservi l-interessi tar-rikorrent fil-proċedura ta’ selezzjoni. Peress li l-pożizzjonijiet inkwistjoni jikkonċernaw membri tal-persunal b’kuntratt għal żmien determinat, li għalihom il-perijodu ta’ xogħol miftiehem diġà kien ikkompletat, rikorrent ma setax jistenna li jimla dawn il-pożizzjonijiet. Tali annullament ma tantx jista’ jikkontribwixxi għall-istabbiliment mill-ġdid tad-drittijiet tal-kandidat leż. Fl-istess ħin, in-natura tal-illegalità mwettqa minn F4E ma kinitx daqshekk serja li l-ħtieġa li tiġi stabbilita mill-ġdid legalità oġġettiva (jew, il-ħtieġa li l-amministrazzjoni tiġi “ssanzjonata” għal din l-illegalità, skont kif wieħed iħares lejha) għandha tegħleb il-kunsiderazzjonijiet l-oħra kollha.

93.      It-tielet nett, u fuq nota pjuttost sussidjarja iżda xorta rilevanti, it-tneħħija ex tunc b’mod ġenerali ta’ kull bażi legali għar-reklutaġġ (u l-kuntratti għal żmien determinat) tista’ twassal għal konsegwenzi prattiċi dubjużi kemm għall-kandidati rreklutati kif ukoll għall-amministrazzjoni. Peress li annullament għandu effetti retroattivi, il-miżuri sussegwenti kollha li jirrigwardaw il-kandidati rreklutati għandhom jitqiesu invalidi. X’konsegwenzi jirriżultaw fir-rigward tas-salarji, il-benefiċċji soċjali, it-taxxi kif ukoll deċiżjonijiet/atti amministrattivi possibbli adottati mill-kandidati rreklutati fil-kapaċità tagħhom bħala membri tal-persunal bil-kuntratt għal F4E? Fir-rigward ta’, pereżempju, is-salarji tagħhom, jistgħu l-ħlasijiet kollha li jsirulhom mill-F4E jitqiesu arrikkiment indebitu (jiġifieri pagamenti rċevuti mingħajr bażi legali valida)? Sakemm ma jkunx hemm tpaċija bonarja ta’ dan kollu, kull parti privata tista’ tħarrek lill-oħra?

94.      Għalhekk jidher b’mod ċar li, sa fejn id-deċiżjonijiet ta’ reklutaġġ f’dan il-każ huma kkonċernati, l-“interess” tal-legalità u l-interessi tar-rikorrent f’din il-proċedura ta’ selezzjoni b’mod ċar ma jistgħux jegħlbu l-interessi tal-kandidati rreklutati. Isegwi li l-annullament mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjonijiet ta’ reklutaġġ kien sanzjoni eċċessiva. Għalhekk, il-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata għandu jiġi annullat.

95.      Għandhom isiru żewġ kummenti konklużivi.

96.      L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li tali bbilanċjar fuq il-bażi ta’ rimedji xierqa huwa dejjem dipendenti fuq il-każ inkwistjoni. Fil-każ preżenti, ma hemmx prova li n-nuqqas min-naħa tal-amministrazzjoni kien intenzjonali jew nuqqas ripetut. Barra minn hekk, jista’ ipotetikament ikun hemm riżultat differenti, ukoll fir-rigward tal-ibbilanċjar tal-interessi li jikkonċernaw id-deċiżjonijiet ta’ reklutaġġ, jekk tinstab mala fide min-naħa tal-amministrazzjoni. Dan jista’ jinkludi sitwazzjoni fejn, pereżempju, l-amministrazzjoni b’mod intenzjonali tgħaġġel fil-ħatra tal-kandidati mil-listi ta’ riżerva, qabel ma jkun jista’ jseħħ stħarriġ ġudizzjarju, filwaqt li taf li dawn il-ħatriet qatt ma jistgħu jiġu affettwati. Kull sitwazzjoni ipotetika bħal din tista’ ċertament ixxaqleb il-bilanċ tal-interess f’direzzjoni oħra. Madankollu, ma hemm xejn li jissuġġerixxi li dan huwa l-każ hawnhekk.

97.      It-tieni nett, f’dawn iċ-ċirkustanzi fejn il-kandidati għandhom aspettattivi leġittimi, huma intitolati li jitolbu kumpens jekk ikunu jixtiequ jagħmlu hekk. Huma jistgħu jagħmlu hekk anki jekk l-ibbilanċjar tal-interessi jwassal għall-annullament tal-listi ta’ riżerva, bħal fil-kawża preżenti (50).

D.      L-ispejjeż

98.      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 138(3), jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

99.      F’dan l-appell, l-appellanti kellha biss suċċess b’mod parzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Għalhekk skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-appellanti għandha tbati l-ispejjeż.

IV.    Konklużjoni

100. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

–        tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑25 ta’ Jannar 2018, Galocha vs Impriża Konġunta Fusion for Energy (T‑561/16, EU:T:2018:29) sa fejn tannulla d-deċiżjonijiet tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni li jiġu rreklutati kandidati li għaddew mil-listi ta’ riżerva tal-proċedura ta’ selezzjoni F4E/CA/ST/FGIV/2015/001;

–        tikkundanna lill-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għall-ispejjeż tagħha stess.



1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, Galocha vs Impriża Konġunta Fusion for Energy (T‑561/16, EU:T:2018:29, punti 1 sa 20).


3      Deċiżjoni 2007/198/Euratom li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferixxilha vantaġġi (ĠU 2007 L 90, p. 58).


4      Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, Galocha vs Impriża Konġunta Fusion for Energy (T‑561/16, EU:T:2018:29).


5      Ara l-punti 36 sa 58 tas-sentenza appellata.


6      Ara l-punti 59 sa 67 tas-sentenza appellata.


7      Jiġifieri s-sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2004, Girardot vs Il‑Kummissjoni (T-10/02, EU:T:2004:94, punti 85 sa 86).


8      Ara l-punti 68 sa 69 tas-sentenza appellata.


9      Ara l-punti 71 sa 80 tas-sentenza appellata.


10      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 1993 Camara Alloisio et vs Il‑Kummissjoni (T‑17/90, T-28/91 u T-17/92, EU:T:1993:69, punti 39 sa 42), u tas‑17 ta’ Diċembru 2003, McAuley vs Il‑Kunsill (T-324/02, EU:T:2003:346, punt 28). Ara wkoll is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2013, Brune vs Il‑Kummissjoni (F‑94/11, EU:F:2013:41, punti 34 u 39).


11      Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 1980, Gratreau vs Il‑Kummissjoni (156/79 u 51/80, EU:C:1980:304, punt 24).


12      Nirrikonoxxi bi gratitudni l-ispirazzjoni (metaforika) mill-Imħallef Frankfurter fil-kawża Nardone v. United States, 308 U.S. 338 (1939), filwaqt li ovvjament il-kuntest ġuridiku tal-metafora fl-Istati Uniti u r-regola li ssegwi (ir-regola tal-esklużjoni fir-rigward ta’ provi illegalment miksuba) huma pjuttost differenti.


13      Bil-kliem “qrati tal-Unjoni”, qed nagħmel riferiment għad-deċiżjonijiet ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali u (sas-sena 2016) dawk tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.


14      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 1983, Detti vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja (144/82, EU:C:1983:211, punt 33); tas‑6 ta’ Lulju 1993, Il‑Kummissjoni vs Albani et (C‑242/90 P, EU:C:1993:284, punt 13), u tat‑22 ta’ Ġunju 1990, Marcopoulos vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja (T‑32/89 u T-39/89, EU:T:1990:39, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).


15      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 1980, Oberthür vs Il‑Kummissjoni (24/79, EU:C:1980:145, punt 13), u tal‑5 ta’ Mejju 2010, Bouillez et vs Il‑Kunsill (F‑53/08, EU:F:2010:37, punt 83).


16      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑5 ta’ Diċembru 2017, Spadafora vs Il‑Kummissjoni (T‑250/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:866, punt 110), u tal‑5 ta’ Mejju 2010, Bouillez et vs Il‑Kunsill (F‑53/08, EU:F:2010:37, punt 82).


17      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Diċembru 2017, Spadafora vs Il‑Kummissjoni (T‑250/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:866, punt 110), u tal‑5 ta’ Mejju 2010, Bouillez et vs Il‑Kunsill (F-53/08, EU:F:2010:37, punti 87 sa 89).


18      Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 1993, Il‑Kummissjoni vs Albani et (C‑242/90 P, EU:C:1993:284, punt 14). Enfasi miżjuda.


19      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑5 ta’ Mejju 2010, Bouillez et vs Il‑Kunsill (F‑53/08, EU:F:2010:37, punt 89), u tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Strack vs Il‑Kummissjoni (F‑44/05 RENV, EU:F:2012:144, punt 125).


20      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2010, Bouillez et vs Il‑Kunsill (F‑53/08, EU:F:2010:37, punt 89).


21      Fil-“pożizzjoni inizjali” u wara l-“velu tal-injoranza” dwar ir-riżultat tas-selezzjoni, kull kandidat razzjonali jagħżel il-legalità bħala wieħed mill-prinċipji li miegħu għandha titmexxa l-proċedura (għalkemm wieħed jista’ jassumi li John Rawls ma kellux f’moħħu membri tal-persunal tal-Unjoni bil-kuntratt għal żmien determinat meta fassal din it-teorija – ara Rawls, J., A Theory of Justice. Edizzjoni rriveduta. Belknap Press, Harvard, 1999, p. 118 sa 130).


22      Ara, pereżempju, is‑sentenzi tas‑6 ta’ Lulju 1993, Il‑Kummissjoni vs Albani et (C‑242/90 P, EU:C:1993:284, punt 13); tal‑5 ta’ Mejju 2010, Bouillez et vs Il‑Kunsill (F‑53/08, EU:F:2010:37, punti 83 sa 90), u tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Strack vs Il‑Kummissjoni (F‑44/05 RENV, EU:F:2012:144, punt 117).


23      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑5 ta’ Mejju 2010, Bouillez et vs Il‑Kunsill  (F‑53/08, EU:F:2010:37, punti 83 sa 85 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Strack vs Il‑Kummissjoni (F‑44/05 RENV, EU:F:2012:144, punti 117 sa 118).


24      Dan naturalment ma jipprevjenix lill-każijiet oħra ta’ inugwaljanzi fit-trattament li jseħħu fil-proċedura ta’ selezzjoni milli jkunu wkoll rilevanti u jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod xieraq. Hawnhekk is-suġġeriment huwa iktar modest: hemm sempliċement differenza kunsiderevoli bejn it-twettiq ta’ proċedura ta’ selezzjoni vvizzjata minn inugwaljanza teknika bejn il-kandidati u proċeduri ta’ selezzjoni li huma (in)direttament razzisti jew sessisti, pereżempju. Bħala eżempju, ara s-sentenza tat‑13 ta’ Frar 1979, Martin vs Il‑Kummissjoni (24/78, EU:C:1979:37, punt 21), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja annullat deċiżjoni li jiġi maħtur kandidat li tpoġġa f’vantaġġ rigward is-suġġett tal-eżami.


25      Ara, iktar reċenti, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Spanja vs Il‑Parlament (C‑377/16, EU:C:2018:610, punti 156 sa 164), u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-621/16 P, EU:C:2018:611, punti 153 sa 157).


26      Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Kahla Thüringen Porzellan vs Il‑Kummissjoni (C‑537/08 P, EU:C:2010:769, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata); tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14,,EU:C:2016:570, punt 62), u tat‑13 ta’ Settembru 2017, Pappalardo et vs Il‑Kummissjoni  (C‑350/16 P, EU:C:2017:672, punt 39). Ara wkoll is-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 1983, Mavridis  vs Il‑Parlament (C‑289/81, EU:C:1983:142, punt 21).


27      Ovvjament, il-formulazzjoni tal-istandard tvarja fl-oqsma ġuridiċi rispettivi (u l-kwistjoni dwar jekk l-operaturi inkwistjoni humiex professjonisti) – ara, pereżempju, rigward l-aspettattivi leġittimi fil-kuntest tal-VAT, l-istandard tal-“operatur ekonomiku prudenti u avżat” (operatur ekonomiku normalment avżat) fis-sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2006, Elmeka  (C‑181/04 sa C‑183/04, EU:C:2006:563, punt 32), u tad‑9 ta’ Lulju 2015, Cabinet Medical Veterinar Tomoiagă Andrei  (C‑144/14, EU:C:2015:452, punt 44). Fil-kuntest tal-għajnuna mill-Istat, l-istandard huwa pjuttost tan-negozjant diliġenti: pereżempju, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 1990, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C-5/89, EU:C:1990:320, punt 14), u tal-11 ta’ Novembru 2004, Demesa and Territorio Histórico de Álava vs Il‑Kummissjoni (C‑183/02 P u C-187/02 P, EU:C:2004:701, punt 44).


28      Iktar ’il fuq, punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


29      Iktar ’il fuq, punti 53 sa 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


30      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 1997, Alcan Deutschland (C‑24/95, EU:C:1997:163, punt 25), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-benefiċjarju tal-għajnuna mill-Istat ma setax ikollu aspettattivi leġittimi li l-għajnuna kienet legali jekk din tal-aħħar ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni, u għalhekk l-assenza ta’ notifika kienet paragunabbli ma’ irregolarità serja fi kwistjonijiet ta’ għajnuna mill-Istat.


31      Ara, b’analoġija, fil-kuntest tal-għajnuna mill-Istat, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 1985, Sideradria vs Il-Kummissjoni (67/84, EU:C:1985:506, punt 21), rigward il-ksur manifest tar-regoli mwettaq minn impriża, u tas‑16 ta’ Lulju 1998, Oelmühle and Schmidt Söhne (C‑298/96, EU:C:1998:372, punt 29), rigward ir-rekwiżit tal-bona fide min-naħa tal-impriża li tikkontesta l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat illegali li kienet ingħatat.


32      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, Spadafora vs Il‑Kummissjoni (T‑250/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:866, punt 112). Ara wkoll is-sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Strack vs Il-Kummissjoni (F‑44/05 RENV, EU:F:2012:144, punt 123); u tal‑5 ta’ Mejju 2010, Bouillez et vs Il‑Kunsill (F‑53/08, EU:F:2010:37, punt 88).


33      Fis-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Strack vs Il-Kummissjoni (F‑44/05 RENV, EU:F:2012:144, punt 123), kienu għaddew mhux inqas minn tmien snin minn meta ġew adottati d-deċiżjonijiet ikkontestati. Madankollu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li l-kandidati li għaddew ma setgħux jinvokaw l-aspettattivi leġittimi tagħhom, minħabba li dawn id-deċiżjonijiet kienu ġew ikkontestati fit-termini.


34      Sakemm l-“uffiċjali tal-Unjoni ideali” mixtieqa, li tali approċċ ikun effettivament ifisser li jiġu preselezzjonati, huma esklużivament kandidati li jkunu qraw, ġibdu linji taħt it-test u ħadu nota tar-Regolamenti tal-Persunal u l-avviżi ta’ pożizzjonijiet vakanti/kompetizzjonijiet kollha, kull gwida għall-kandidati, u l-manwali disponibbli kollha. Huma jagħmlu hekk f’dettall kbir, iżommuhom fuq il-mejda ta’ ħdejn is-sodda tagħhom, u jaqrawhom kull filgħaxija qabel jorqdu. Matul il-proċedura ta’ selezzjoni sħiħa huma jaġixxu bħala “viġilanti proċedurali” veri, fejn jikkontestaw b’mod kostanti kull pass li l-istituzzjoni tieħu, anki l-inqas devjazzjoni mir-regoli applikabbli.


35      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2004, Girardot vs Il-Kummissjoni (T‑10/02, EU:T:2004:94, punt 89).


36      Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 1979, Anselme u Constant vs Il-Kummissjoni (255/78, EU:C:1979:175, punt 15).


37      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 1990, Marcopoulos vs Il-Qorti tal-Ġustizzja (T‑32/89 u T‑39/89, EU:T:1990:39, punt 44), u tal‑21 ta’ Marzu 2013, Brune vs Il-Kummissjoni (F‑94/11, EU:F:2013:41, punt 65).


38      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2004, Girardot vs Il-Kummissjoni (T‑10/02, EU:T:2004:94, punt 89).


39      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 1980, Oberthür vs Il-Kummissjoni (24/79, EU:C:1980:145, punt 14), u tal‑1 ta’ Ġunju 1995, Coussios vs Il-Kummissjoni (C-119/94 P, EU:C:1995:164, punt 24).


40      Ara, għall-eżempji fil-fatt pjuttost rari ta’ annullament ta’ deċiżjonijiet li jiġu maħtura l-kandidati, is-sentenzi tat-13 ta’ Frar 1979, Martin vs Il‑Kummissjoni (24/78, EU:C:1979:37, punt 21), u tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Strack vs Il-Kummissjoni (F‑44/05 RENV, EU:F:2012:144, punti 123 sa 126).


41      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Van Gerven fil-kawża Il-Kummissjoni vs Albani et (C-242/90 P, mhux ippubblikata, EU:C:1993:108, punt 10).


42      Sentenza tas‑6 ta’ Lulju 1993, Il-Kummissjoni vs Albani (C‑242/90 P, EU:C:1993:284, punt 17).


43      Iktar ’il fuq, punti 59 sa 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


44      Punti 68 u 69 tas-sentenza appellata.


45      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 1993, Il-Parlament vs  Frederiksen (C‑35/92 P, EU:C:1993:104, punt 16); tad‑9 ta’ Novembru 2004, Montalto vs Il-Kunsill (T‑116/03, EU:T:2004:325, punt 54); u tal‑25 ta’ Settembru 2008, Strack vs Il-Kummissjoni (F‑44/05, EU:F:2008:123, punt 155).


46      Is-sentenza appellata fil-punt 56.


47      Isegwi mill-fatti tal-każ, kif esposti mill-Qorti Ġenerali, li l-ittra li titlob lill-kandidati jipparteċipaw għall-eżami orali ma kinitx tagħmel riferiment għall-eżistenza ta’ eżami bil-miktub, filwaqt li l-ittra li tinforma lill-kandidati (għall-inqas lil Y. Galocha) bir-riżultat tal-proċedura ta’ selezzjoni kienet issemmi kemm l-eżami orali kif ukoll l-eżami bil-miktub li allegatament kien ipparteċipa għalihom (ara s-sentenza appellata, punti 12 u 15).


48      Iktar ’il fuq, punti 48 sa 50 u 61.


49      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2007, Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni (T‑58/05, EU:T:2007:218, punt 52). Ara wkoll is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat‑13 ta’ Settembru 2011, AA vs Il-Kummissjoni (F‑101/09, EU:F:2011:133, punt 44).


50      Ara, pereżempju, rigward opportunità ta’ reklutaġġ mitlufa, is-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Girardot (C-348/06 P, EU:C:2008:107, punt 55).