Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Wiener Neustadt (l-Awstrija) fit-13 ta’ Marzu 2019 – YS vs NK

(Kawża C-223/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landesgericht Wiener Neustadt

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: YS

Konvenut: NK

Domandi preliminari

Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 79/7/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali 1 u/jew id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol 2 , jinkludi leġżlazzjoni ta’ Stat Membru meta din għandha bħala effett li numru kunsiderevolment ogħla ta’ rġiel benefiċjarji ta’ pensjoni tax-xogħol milli nisa benefiċjarji ta’ pensjoni tax-xogħol jitneħħewlhom ammonti mill-ex persuna li timpjegahom waqt il-ħlas ta’ dawn il-pensjoniijet tax-xogħol u li dawn l-ammonti jistgħu jintużaw liberament mill-ex persuna li timpjega, u tali leġiżlazzjoni hija diskriminatorja fis-sens ta’ dawn id-direttivi?

Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol 3 , jinkludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tiddiskrimina fuq il-bażi tal-età minħabba li taffettwa fuq il-livell finanzjarju esklużivament persuni anzjani li huma benefiċjarji, skont id-dritt privat, ta’ pensjoni tax-xogħol konkluża taħt il-forma ta’ benefiċċju definit dirett, filwaqt li l-persuni żgħar jew iżgħar li kkonkludew kuntratti ta’ pensjoni tax-xogħol ma humiex affettwati finanzjarjament?

Id-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-projbizzjonijiet ta’ diskriminazzjoni previsti fl-Artikoli 20 u 21, għandhom jiġu applikati għall-pensjonijiet tax-xogħol ukoll meta l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ma tinkludix diskriminazzjoni pprojbita mid-Direttivi 79/7/KEE, 2000/78/KE u 2006/54/KE?

L-Artikoli 20 et seq. tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timplimenta d-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta u li tiddiskrimina fuq il-bażi tas-sess, tal-età, tal-proprjetà jew fuq bażijiet oħra, bħas-sitwazzjoni finanzjarja li fiha tinsab attwalment l-ex persuna li timpjegahom, kontra l-persuni benefiċjarji ta’ pensjoni tax-xogħol skont id-dritt privat fir-rigward ta’ persuni oħra benefiċjarji ta’ pensjoni tax-xogħol, u l-Karta tipprojbixxi tali diskriminazzjonijiet?

Leġiżlazzjoni interna li tobbliga biss grupp żgħir ta’ persuni benefiċjarji, skont kuntratt, ta’ pensjoni tax-xogħol fil-forma ta’ benefiċċju definit dirett, li jitneħħewlhom ammonti mill-ex persuna li timpjegahom tiddiskrimina wkoll fuq il-bażi tal-proprjetà fis-sens tal-Artikolu 21 tal-Karta meta huma kkonċernati biss persuni li jirċievu pensjonijiet tax-xogħol għolja?

L-Artikolu 17 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi, direttament b’saħħa ta’ liġi u mingħajr kumpens, intervent esproprjatorju f’kuntratt konkluż bejn żewġ individwi li jikkonċerna pensjoni tax-xogħol fil-forma ta’ benefiċċju definit dirett, intervent li jippenalizza ex imgjegat ta’ impriża, li tkun antiċipat il-ħlas tal-pensjoni tax-xogħol u li ma għaddietx minn diffikultajiet ekonomiċi?

Obbligu legali fuq l-ex persuna li timpjega ta’ persuna benefiċjarja ta’ pensjoni tax-xogħol li ma titħallasx parti mill-ammont miftiehem (tal-pensjoni tax-xogħol miftehma) jikkostitwixxi, inkwantu ksur tal-libertà kuntrattwali, ksur tad-dritt għall-proprjetà tal-persuna li timpjega?

L-Artikolu 47 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tesproprja direttament b’saħħa ta’ liġi u ma tipprevedi ebda possibbiltà oħra li tiġi kkontestata l-esproprjazzjoni ħlief bl-introduzzjoni kontra l-benefiċjarju tal-esproprjazzjoni (l-ex persuna li timpjega u debitur tal-kuntratt ta’ pensjoni) ta’ talba għad-danni u rimbors tal-ammont esproprjat ikkonċernat?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215.

2     ĠU 2006, L 204, p. 23.

3     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.