Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Valenciana (Spanja) fil-11 ta’ Marzu 2019 – Promociones Oliva Park S.L. vs Tribunal Económico Administrativo Regional (TEAR) de la Comunidad Valenciana

(Kawża C-220/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Valenciana

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Promociones Oliva Park S.L.

Konvenuta: Tribunal Económico Administrativo Regional (TEAR) de la Comunidad Valenciana

Domandi preliminari

L-Artikolu 1.2 tad-Direttiva 2008/118/KE 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi taxxa formalment diretta bħalma hija l-IVPEE [Taxxa fuq il-Valur tal-Produzzjoni tal-Enerġija Elettrika] li, fid-dawl tan-natura vera tagħha, jirriżulta li hija taxxa indiretta mingħajr skop speċifiku, intiża esklużivament sabiex jiġi ġġenerat dħul, mingħajr ma l-kwalifika mogħtija lilha mid-dritt nazzjonali ma tkun tista’ tieħu l-preċedenza fuq l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, li hija rregolata mill-għanijiet rispettivi ta’ dan l-ordinament ġuridiku u skont il-karatteristiċi oġġettivi tat-taxxa?

Minkejja l-kwalifikazzjoni tal-IVPEE bħala taxxa ambjentali, l-għan essenzjali ta’ din it-taxxa huwa li jiġi ġġenerat dħul, billi tintaxxa bl-istess mod attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ inkorporazzjoni ta’ enerġija elettrika fis-sistema ta’ enerġija elettrika irrispettivament mill-intensità u mill-effett tagħhom fuq l-ambjent, bi ksur tal-Artikoli 1, 3(1), (2) u (3)(a), dan tal-aħħar moqri fid-dawl tal-Artikolu 2(k) tad-Direttiva 2009/28/KE 2 ?

Għandu jitqies li l-prinċipju ta’ kompetizzjoni libera u l-promozzjoni tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli jipprekludu l-IVPEE, sa fejn din tal-aħħar tipprevedi l-istess trattament fiskali kemm għall enerġija ġġenerata minn sorsi mhux rinnovabbli kif ukoll għal dik iġġenerata minn sorsi rinnovabbli, b’diskriminazzjoni ta’ dawn tal-aħħar u bi ksur tal-iskema ta’ għajnuna prevista fl-Artikolu 2(k) u fid-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva 2009/28/KE?

Fl-aħħar nett, l-imsemmi prinċipju ta’ kompetizzjoni libera u l-Artikoli 32, 33 u 34 (KAPITOLU VIII ORGANIZZAZZJONI TA’ AĊĊESS GĦAS-SISTEMA) tad-Direttiva 2009/72/KE 3 jipprekludu l-IVPEE, sa fejn din tippermetti diskriminazzjoni pożittiva għall-produtturi mhux nazzjonali tal-enerġija elettrika, bi preġudizzju għall-produtturi Spanjoli, b’distorsjoni tas-suq intern tal-enerġija elettrika u ta’ aċċess għan-netwerk?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009, L 9, p. 12)

2 Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU 2009, L 140, p. 16).

3 Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55).