Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Gdańsku (il-Polonja) fil-11 ta’ Marzu 2019 – Proċeduri kriminali kontra AV

(Kawża C-221/19)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Okręgowy w Gdańsku

Parti fil-kawża prinċipali

AV

Domandi preliminari

L-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/675/ĠAI tal-24 ta’ Lulju 2008 dwar it-teħid in konsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda 1 , li jipprovdi li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kundanni preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor, previst fil-paragrafu 1, la għandu l-effett li jinfluwenza dawn il-kundanni preċedenti jew kwalunkwe deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni tagħhom fl-Istat Membru fejn iseħħu l-proċedimenti l-ġodda, la li jiġu rrevokati, u lanqas li jerġgħu jiġu eżaminati mill-ġdid, għandu jiġi interpretat fis-sens li jitqies bħala att li jinfluwenza [l-kundanni] fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni mhux biss il-fatt li sentenza globali tkopri piena prevista f’sentenza mogħtija fi Stat tal-Unjoni Ewropea, iżda wkoll il-fatt li din is-sentenza tkopri tali piena, li ttieħdet għal eżekuzzjoni fi Stat ieħor tal-Unjoni b’sentenza mogħtija f’dan l-Istat, fil-kuntest tas-sentenza globali?

Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea 2 , dwar il-prinċipji tal-proċedura ta’ exequatur, stipulati fl-Artikolu 8(2) sa (4) [tagħha], fl-Artikolu 19(1) u (2) tagħha, li jipprovdi li l-amnestija u l-maħfra jistgħu jingħataw kemm mill-Istat emittenti kif ukoll mill-Istat ta’ eżekuzzjoni (paragrafu 1); huwa biss l-Istat emittenti li jista’ jagħti deċiżjoni fuq rikors għal reviżjoni tas-sentenza li tagħti l-kundanna li għandha tiġi eżegwita skont din id-deċiżjoni qafas (paragrafu 2), kif ukoll l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17(1) tagħha, skont liema l-eżekuzzjoni ta’ kundanna hija rregolata bid-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, huwa possibbli li tingħata sentenza globali li tkopri l-pieni previsti f’sentenza mogħtija fi Stat tal-Unjoni Ewropea eżegwita fi Stat ieħor tal-Unjoni permezz ta’ sentenza mogħtija f’dan l-Istat fil-kuntest ta’ sentenza globali?

____________

1     ĠU 2008, L 220, p. 32.

2     ĠU 2008, L 327, p. 27.